Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2270(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0213/2011

Testi mressqa :

A7-0213/2011

Dibattiti :

PV 26/09/2011 - 22
CRE 26/09/2011 - 22

Votazzjonijiet :

PV 27/09/2011 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0409

Testi adottati
PDF 134kDOC 89k
It-Tlieta, 27 ta' Settembru 2011 - Strasburg Verżjoni finali
L-infrastruttura tad-digi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
P7_TA(2011)0409A7-0213/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Settembru 2011 dwar il-finanzjament u l-infurzar tal-infrastruttura tad-digi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2010/2270(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-istrateġija enerġetika tal-Bank Dinji għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(1) ,

–  wara li kkunsidra “ir-Rapport dwar l-Iżvilipp Dinji 2010: l-Iżvilupp u t-Tibdil fil-Klima”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2011 tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO), bit-titolu “Valutazzjoni Integrata tal-Karbonju Iswed u l-Ożonu Troposferiku. Sommarju għal Dawk li jieħdu d-Deċiżjonijiet”,

–  wara li kkunsidra t-tielet Rapport tan-NU dwar l-Iżvilupp Dinji, 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport 2008 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), bit-titolu “Is-Sitwazzjoni tal-Aċċess għall-Enerġija fil-Pajjiżi li qegħdin Jiżviluppaw”,

–  wara li kkunsidra r-rapport għall-2007 dwar il-Proġett UNEP dwar id-Digi u l-Iżvilupp bit-titolu “id-Digi u l-Iżvilupp: Prassi rilevanti għal titjib fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Kompendju ta' prassi rilevanti għat-teħid aħjar ta' deċiżjonijiet dwar id-digi u l-alternattivi tagħhom.

–  wara li kkunsidra ir-Rapport Finali min-naħa tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi, bit-titolu “Id-Digi u l-Iżvilupp: qafas ġdid għat-teħid ta' deċiżjonijiet”, tas-16 ta' Novembru 2000,

–  wara li kkunsidra r-rapport UNEP tat-8 ta' Novembru 2010 bit-titolu, il-“Glaċjali Muntanjużi Għoljin u t-Tibdil fil-Klima”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNEP 2008 bit-titolu “L-ilma ħelu jinsab mhedded. L-Asja tan-Nofsinhar. Valutazzjoni tal-Vulnerabbiltà tar-Riżorsi tal-Ilma Ħelu għal Tibdil Ambjentali”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp (A7-0213/2011),

A.  billi skont stimi attwali hemm aktar minn 50 000 diga ta' daqs kbir, 100 000 diga iżgħar u miljun diga ta' daqs żgħir fid-dinja kollha,

B.   billi l-istandards internazzjonali jiddefinixxu diga kbira bħala waħda li tkun ogħla minn 15-il metru, u diga żgħira, ġeneralment, bħala waħda li tkun iktar baxxa minn 15-il metru,

C.  billi madwar 589 diga ta' daqs kbir inbnew fl-Asja mill-1999 sal-2001 u mill-2006, 270 diga ta' 60 metru jew ogħla ġew ippjanati jew kienu qegħdin jinbnew,

D.  billi l-liċenzja biex tinbena t-tielet l-ikbar diga fid-dinja, id-diga Belo Monte fil-Brażil, inħarġet minkejja tħassib ambjentali serju, peress li d-diga se tgħarraq 500 kilometru kwadru u b'hekk se tikkawża danni serji għall-ekosistema u l-bijodiversità imprezzabbli fl-Amażonja, u se twassal biex 50 000 persuna, prinċipalment persuni indiġeni, se jkollhom jitilqu minn din iż-żona,

E.  billi l-Bank Ewropew tal-Investiment kien involut f'numru ta' proġetti kbar tad-digi, inkluż fl-Asja (bħal pereżempju f'Laos u l-Pakistan),

F.  billi l-ilma hija vitali għall-agrikoltura, 5 % biss tal-art ikkultivata fl-Afrika tissaqqa, inqas minn 10 % tal-potenzjal tal-enerġija ġġenerata mill-ilma qiegħed jintuża, u 58 % biss tal-Afrikani għandhom aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb,

G.  billi ġestjoni ħażina tal-ilma miġbura fl-Afrika wasslet għal erożjoni eċċessiva tal-ħamrija, żieda fl-ispejjeż għat-trattament tal-ilma, depożitu rapidu ta' sediment fil-ġibjuni tal-ilma, tnaqqis fl-attività ekonomika, u tfixkil fil-provvisti tal-ilma,

H.  billi l-proġetti kbar tal-enerġija mill-ilma jammontaw għal 25 % tal-krediti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Mekkaniżmu tal-Iżvilupp Nadif (CDM),

I.  billi l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ilma huwa prerekwiżit għas-sigurtà tal-ilma fl-Afrika u biex jintlaħqu l-miri tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; billi hemm il-ħtieġa ta' ħażna artifiċjali tal-ilma, ta' kapaċità adegwata, li tiżgura provvista affidabbli ta' ilma matul perjodi ta' nixfa u biex jinħażen ilma eċċessiv f'perjodi ta' għargħar; billi l-medja tal-kapaċità ta' ħżin per capita fl-Afrika hija ta' madwar 200 metru kubiku fis-sena, jiġifieri ferm inqas minn dik ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw f'reġjuni oħra,

J.  billi mill-2007sal-2008, is-sostenn għall-infrastruttura relatata mal-kummerċ (IRT) żdied sew (sa 75 %), u minkejja li l-impenji varjaw estensivament f'dan il-qasam, iċ-ċifra totali għall-2008 ta' madwar EUR 5 biljun, tlaħħaq livell rekord,

K.  billi l-Bank Dinji huwa l-akbar finanzjatur estern fis-settur tal-ilma, b'portafoll ta' USD 20 biljun f'proġetti relatati mal-ilma li qegħdin jiġu implimentati f'aktar minn 100 pajjiż.

L.  billi d-digi, li jikkawżaw tibdil kbir fix-xmajjar u fl-użu tar-riżorsi naturali, għandhom impatt sinifikanti fuq il-komunitajiet tan-nies, u fuq l-ekosistemi u l-bijodiversità tax-xmajjar u tal-artijiet mistagħdra,

M.  billi r-rapport tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi tas-16 ta' Novembru 2000 jikkonkludi li, filwaqt li digi kbar ma rnexxielhomx jipproduċu l-elettriku, l-ilma, jew jikkontrollaw id-danni kkawżati mill-għargħar daqskemm kien previst, huma kellhom impatti soċjali u ambjentali enormi, u l-isforzi biex jittaffew dawn l-impatti fil-biċċa l-kbira tagħhom fallew,

N.  billi mill-ġibjuni tad-digi joħorġu gassijiet b'effett ta' serra, inkluż il-metanu minħabba t-taħsir tal-veġetazzjoni,

O.  billi n-NU tikkalkula li sal-2050 żewġ biljun persuna se tkun qed tgħix fil-preżenza tat-theddida ta' dannu serju kkaġunat minn għargħar,

P.  billi l-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi tikkalkula li, fid-dinja kollha, madwar 40-80 miljun persuna kellhom fiżikament jiċċaqilqu minn dawn iż-żoni kawża tad-digi,

Q.  billi l-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi tikkonkludi li digi kbar wasslu, f'ħafna każijiet, għal telf sinifikanti u irriversibbli ta' speċijiet u ekosistemi; u billi huwa essenzjali li nifhmu, nipproteġu u nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-ekosistemi fil-livell tal-baċin tax-xmara biex inrawmu l-ugwaljanza fl-iżvilupp tal-bniedem u benessri għall-ispeċijiet kollha,

1.  Jikkunsidra li globalment, matul dawn l-aħħar għaxar snin, ma hemm l-ebda perikolu naturali ieħor mill-għargħar li għamel aktar ħsara lill-propjetà jew li kkaġuna l-akbar telf ta' ħajja umana, minkejja l-biljuni ta' dollari li ntefqu fuq il-ġestjoni tal-għargħar;

2.  Jenfasizza li l-ilma huwa riżors naturali skars, u dan iqajjem il-kwistjoni tal-kunsiderazzjoni ta' kif għandha ssir l-allokazzjoni tiegħu biex tkun ġusta għal kulħadd; għalhekk jenfasizza li r-ristrutturazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma ħelu, fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, hija mingħajr dubju ta' xejn sfida ewlenija li d-dinja qed taffronta;

3.  Jenfasizza li kien hemm żieda dokumentata fil-frekwenza ta' għargħar serju matul it-tieni parti tas-seklu għoxrin u li l-għargħar se jirrappreżenta kwestjoni kritika fl-għexieren ta' snin li ġejjin;

4.  Jieħu nota li huma l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) li huma l-aktar vulnerabbli għall-effetti tal-għargħar; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-UNEP biex jiġi affrontat l-għargħar, liema rakkomandazzjonijiet jistipulaw li l-ġestjoni mtejba tal-art għandha tiġi kkombinata ma' metodi mtejba ta' ħżin li jiddependu fuq l-għarfien tradizzjonali u fuq għarfien xjentifiku iktar attwali; jirrakkomanda r-riabilitazzjoni u l-irkupru ta' ekosistemi kritiċi, li jvarjaw minn foresti sa artijiet mistagħdra, li jistgħu jtejbu l-provvisti tal-ilma u jaġixxu ta' lqugħ kontra avvenimenti klimatiċi estremi bħalma hu l-għargħar;

5.  Jenfasizza li t-tisħin globali se jaffettwa kemm u meta tinżel ix-xita, se jkollu impatti fuq il-glaċjali u s-silġ, u b'hekk se jirrappreżenta sfida dejjem tikber f'termini ta' sikurezza tal-ikel;

6.  Jieħu nota wkoll li minħabba li huwa fatt li s-silġ glaċjali qiegħed idub b'rata mgħaġġla aktar, speċjalment fil-Ħimalajas u fl-Andes, reġjuni fil-muntanji huma aktar fil-periklu li jintlaqtu minn għargħar jew avalangi; madankollu jindika li l-fatt li qed idubu l-glaċjali mhuwiex l-uniku fattur li qed jaffettwa l-flussi tal-ilma fil-Ħimalajas, iżda li ż-żmien u l-intensità tal-monsun, xita oħra u b'mod speċjali l-prattiki tal-użu tal-art bħal pereżempju d-deforestazzjoni, il-mergħa eċċessiva, is-sistemi agrikoli u l-mod li bih jinbnew l-insedjamenti huma kollha fatturi determinanti; b'mod partikolari, jenfasizza li ta' spiss id-deforestazzjoni żżid ir-rata u l-veloċità tal-fluss tal-ilma f'kanali ewlenin, filwaqt li l-għargħar ikkawżat minn “għargħar imnissla mill-fawra ta' għadajjar glaċjali” (GLOFs) ta' spiss jiggrava minħabba prattiki mhux sostenibbli tal-użu tal-art;

7.  Iħoss li huwa essenzjali li tiġi adottata strateġija tal-għargħar li tkopri ħafna oqsma f'reġjuni fejn hemm riskju kritiku ta' għargħar minħabba għadajjar glaċjali, li qed jiżdied minħabba l-effetti tat-tisħin globali fuq kemm u meta tinżel ix-xita u minħabba d-depożiti ta' karbonju iswed, li t-tnejn huma ppruvati li jaċċeleraw id-dewbien glaċjali; għalhekk, juri dispjaċir għan-nuqqas totali ta' miżuri kontra l-għargħar f'ħafna LDCs; iżda jwissi li m'għandniex niddependu fuq digi kbar biex nevitaw id-danni tal-għargħar, b'mod speċjali fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, ladarba avvenimenti ta' xita estrema x'aktarx iżidu l-intensità u l-frekwenza tal-għargħar ta' ħeffa kbira, u b'hekk jiżdied it-tħassib dwar is-sikurezza tad-digi;

8.  Jenfasizza li l-kostruzzjoni tad-digi għandha tiġi valutata f'termini tal-impatt tagħha fuq il-flussi tal-ixmajjar, id-drittijiet għall-aċċess għall-ilma u r-riżorsi tal-ixmajjar, u jekk id-diga se tispostja stabbilimenti eżistenti, tfixkel il-kultura u s-sorsi tal-għajxien tal-komunitajiet lokali, jew tnaqqas jew tiddegrada r-riżorsi ambjentali;

9.  Jenfasizza li l-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi jikkonkludi, fir-rapport bit-titolu “id-Digi u l-Iżvilupp: Qafas ġdid għat-Teħid tad-Deċiżjonijiet tas-16 ta' Novembru 2000, li l-profittabbiltà ekonomika ta' proġetti tad-digi kbar tibqa” elużiva, peress li l-ispejjeż ambjentali u soċjali ta' digi kbar ma ġewx ikkunsidrati sew f'termini ekonomiċi;

10.  Jenfasizza li l-irtirar glaċjali iwassal biex għadajjar glaċjali li nħolqu b'mod naturali jespandew rapidament sal-punt fejn ikunu fir-riskju li jfuru bħala għargħar ikkaġunat mill-fawra ta' għadajjar glaċjali (GLOFs); jilqa' l-prijorità mogħtija mill-programm tan-Nofsinhar tal-Asja tal-Faċilità Globali għat-Tnaqqis tad-Diżastri u l-Irkupru, bi sħubija mal-Istrateġija Internazzjonali għat-Tnaqqis tad-Diżastri tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-kwistjoni tal-GLOFs;

11.  Ifakkar id-diżastru traġiku tal-1941, meta l-belt ta' Huaraz, fil-Peru, iġġarrfet minħabba li faret diga glaċjali, u mietu 4 500 persuna;

12.  Ifakkar li għargħar f'LDCs huma ta' theddida mhux biss għall-ħajja tan-nies iżda għall-iżvilupp taż-żona wkoll; ifakkar li GLOF, li seħħ fl-1985 u li oriġina minn għadira glaċjali fi Kumbu Ħimal, fin-Nepal, qered il-proġett Namche Small Hydel li kien kważi tlesta;

13.  Jenfasizza li l-ICIMOD (Iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp Integrat fil-Muntanji) identifika aktar minn 8 000 għadira glaċjali biss biss fil-Hindu Kush-Ħimalajas, li 203 minnhom, minħabba n-natura tal-lokalità fejn jinsabu u l-instabbiltà ta' art naturali li sservi ta' diga (moreni), jitqiesu bħala potenzjalment perikolużi;

14.  Jenfasizza li fin-Nofsinhar tal-Asja huwa stmat li 1,3 biljun persuna jiddependu fuq l-għaxar sistemi perinnjali identifikati tax-xmajjar, mitmugħa minn ilma tax-xita u minn ilma li jiskula fihom meta jdub is-silġ u minn glaċjali fil-Ħimalajas; iħeġġeġ lill-UE biex tipprijoritizza r-reġjun sabiex ikunu evitati diżastri umanitarji futuri kkaġunati minħabba żieda fil-frekwenza tal-perikli mnissla minn spustjar tal-ilma.

15.  Jenfasizza wkoll li ż-żoni, tal-LDCs, minn fejn jgħaddi l-fluss tal-ilma, jgħixu minn fuq riżorsi naturali li jinsabu f' baċini tal-ixmajjar u huma fost l-aktar żoni agrikoli rikki fid-dinja. ifakkar li kemm it-tkabbir ekonomiku rapidu taċ-Ċina kif ukoll dak tal-Indja huwa dovut parzjalment għall-istatus konġunt tagħhom bħala l-akbar produtturi tar-ross, u l-biċċa l-kbira tal-eżitu tagħhom jiġi mill-baċini tal-ixmajjar tal-Ganges, il-Yangtze u x-Xmara Safra, li lkoll jinsabu fil-periklu li jintlaqtu minn GLOFs;

16.  Jinnota li jinħtieġ investiment bilanċjat fil-miżuri ta' ġestjoni min-naħa tad-domanda, fil-ġestjoni tal-artijiet, fil-metodi mtejba għall-akkwist u l-ħżin tal-ilma u fl-istituzzjonijiet biex jiżdied l-użu sostenibbli u effikaċi tal-ilma, jittaffa l-effett tal-għargħar u l-perjodi ta' nixfa rikorrenti, u biex tinkiseb sigurtà bażika tal-ilma bħala pjattaforma għat-tkabbir ekonomiku fl-Afrika; jitlob biex tingħata prijorità lill-investimenti li jiffukaw fuq it-tkabbir, lit-tnaqqis tal-faqar rurali, lill-adattament għall-klima u lit-trawwim ta' kooperazzjoni fil-baċini tax-xmara internazzjonali;

17.  Jinnota li m'hemm l-ebda metodu magħruf ta' kif nistgħu nsaħħu l-għadajjar glaċjali naturali, iżda jinnota li r-rapport tal-UNEP dwar “Glaċjali Muntanjużi Għoljin u t-Tibdil fil-Klima” (2010) isemmi metodi oħra biex jittaffew l-effetti ta' għargħar imnissla mill-fawra billi jintużaw sifuni u jinbnew kanali u mini miftuħin biex jitbaxxa l-livell tal-ilma fl-għadajjar glaċjali u billi jiġi kkontrollat il-fluss tal-ilma fis-sistema tax-xmara lokali biex b'hekk il-ġibjun tal-ilma jintuża bħala riżorsa;

18.  Huwa tal-fehma li sakemm iż-żoni agrikoli li jipproduċu ħafna ma jiġux protetti mill-effetti tal-għargħar, ekonomiji emerġenti jistgħu jesperjenzaw waqfien f'salt fl-iżvilupp tagħhom u problema fis-sikurezza tal-ikel, li kull ma tmur tibqa' tikber; Ifakkar li filwaqt li t-tidwib tal-glaċjali fil-Ħimalajas huwa mistenni li jżid l-ewwel u qabel kollox il-flussi tax-xmara għall-20-30 sena, il-flussi se jonqsu b'mod sostanzjali iktar “il quddiem; għalhekk iqis li huwa essenzjali li jiġu żviluppati strateġiji ta' mitigazzjoni u adattament biex jiġu indirizzati l-problemi tal-perjodi tan-nixfa fil-futur,

19.  Huwa tal-opinjoni li l-investiment fil-bini ta' kapaċitajiet huwa meħtieġ biex b'hekk l-istituzzjonijiet responsabbli mill-ġestjoni tajba tal-ilma jkunu jistgħu jiżguraw redditu kostanti mill-investimenti għall-infrastruttura u jottimizzaw l-allokazzjoni u l-użu tal-ilma minn setturi ekonomiċi multipli u fil-fruntieri amministrattivi u politiċi;

20.  Jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tad-WCD li skonthom il-prijorità għandha tingħata lil miżuri ta' ġestjoni tad-domanda u lit-titjib tal-prestazzjoni tal-infrastruttura eżistenti qabel ma jinbeda kwalunkwe proġett ġdid ta' kostruzzjoni; analiżijiet parteċipatorji perjodiċi għad-digi eżistenti biex jiġu vvalutati kwistjonijiet inklużi s-sikurezza tad-digi u l-possibilità ta' żmantellament tad-digi;

21.  Jenfasizza li mingħajr informazzjoni attwali ddettaljata dwar iż-żoni fir-riskju minn perikli kkaġunati minn spustjar tal-ilma, l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' allarm bikri, il-monitoraġġ ta' għadajjar glaċjali u l-provvista ta' miżuri prattiċi għar-reġjuni muntanjużi fir-rigward tal-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ilkoll se jirrappreżentaw kompitu li diffiċli jitwettaq; jappoġġja l-inizjattiva magħrufa bħala l-Konsorzju tal-Università fil-Ħimalajas meħuda mill-universitajiet lokali biex ikun hemm koperazzjoni permezz ta' iktar studji xjentifiċi dwar il-kwestjoni;

22.  Jinnota li l-maġġoranza tad-digi huma ddisinjati abbażi ta' dejta storika dwar il-flussi tax-xmajjar, bis-suppożizzjoni li l-flussi se jibqgħu l-istess bħalma kienu fil-passat; jindika li t-tibdil fil-klima introduċa inċertezzi enormi fil-parametri bażiċi li jaffettwaw il-proġetti tad-digi (ladarba t-tibdil fil-klima ma jirrigwardax sempliċement il-medji, iżda wkoll l-estremitajiet); jindika wkoll li t-tibdil fil-klima x'aktarx ikompli jiggrava l-problemi ta' sedimentazzjoni, billi l-akkumulazzjoni tal-imsemmi sediment wara dawn id-digi ċċaħħad ukoll lill-pjanuri, li jinsabu fil-passaġġ minn fejn jgħaddi l-fluss tal-ilma, min-nutrijenti li huma essenzjali biex l-art tkun għammiela;

23.  Jenfasizza li faċilitajiet ta' infrastruttura maġġuri, importanti għall-promozzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar żvilupp sostenibbli u t-tisħiħ fis-sikurezza tal-ikel b'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, jinsabu f'riskju akbar li jintlaqtu ħażin mill-effetti tal-għargħar, u għandhom jiġu salvagwardjati; Jirrakkomanda li l-aġenziji tal-iffinanzjar (l-aġenziji ta' għajnuniet bilaterali, il-banek multilaterali tal-iżvilupp, l-aġenziji tal-kreditu għall-esportazzjoni, il-BEI) għandhom jiżguraw li kwalunkwe għażla ta' diga li għaliha jkun ġie approvat finanzjament tirriżulta minn proċess miftiehem li jikklassifika l-alternattivi li jirrigwardaw l-irrigazzjoni, il-ħżin tal-ilma u l-enerġija ġġenerata mill-ilma u għandhom jirrispettaw il-linji gwida tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi; barra minn hekk jenfasizza li l-impjanti li jiġġeneraw l-enerġija mill-ilma, liema impjanti, ukoll jinsabu partikolarment f'riskju ta' għargħar ta' ħeffa kbira u ta' avalangi;

24.  Jindika li l-faċilitajiet ż-żgħar għall-ħżin tal-ilma jistgħu jżidu l-adattament għall-klima billi jipprovdu soluzzjonijiet li ma jkunux jiswew ħafna flus għall-provvista tal-ilma u għall-mitigazzjoni tan-nixfa u jistgħu jtejbu s-sikurezza tal-ikel billi jżidu l-produttività agrikola; possibilitajiet ta' ħażniet żgħar jinkludu ġibjuni off-stream, netwerks ta' ġibjuni żgħar li jaqdu diversi skopijiet u ħażniet ta' ilma tal-pjan;

25.  Jenfasizza li hemm ftit evidenza biex jiġi stabbilit li digi kbar huma l-unika jew l-aħjar soluzzjoni għall-kwistjoni tal-elettriku ladarba dawn mhux bilfors itejbu l-aċċess għall-enerġija għall-fqar u għas-sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà;

26.  Ifakkar l-obbligi tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp; jenfasizza wkoll li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-impatt tad-digi fuq il-popolazzjonijiet li jgħixu minn fejn jgħaddi l-fluss tal-ilma, li għalihom il-bini ta' digi jista' jwassal għal tibdiliet fundamentali, bħal pereżempju t-telf tas-sikurezza tal-ikel;

27.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-iffinanzjar u lill-UE biex jiffinanzjaw il-bini ta' kapaċitajiet u t-taħriġ għat-titjib fil-ġestjoni tal-art u t-titjib tal-metodi tal-ħżin tal-ilma, liema metodi jikkunsidraw l-għarfien xjentifiku, teknoloġiku u l-użu mill-ġdid tal-għarfien tal-antik, bħal pereżempju s-sistemi ta' irrigazzjoni tradizzjonali antiki, kif deskritt fir-rapport tal-UNEP “Glaċjali Muntanjużi Għoljin u t-Tibdil fil-Klima”; iqis li l-iffinanzjar kollu mill-UE għandu jwieġeb għall-promozzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli u s-sikurezza tal-ikel f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

28.  Iħeġġeġ li l-kostruzzjoni u t-tisħiħ tad-digi f'LDCs mhuwiex biżżejjed biex jiġu salvagwardjati żoni vulnerabbli u jitlob għal sforz konġunt biex il-problema tiġi indirizzata mill-għeruq tagħha, u mhux sempliċiment mis-sintomi, biex b'hekk il-flus mit-taxxi li jħallsu ċ-ċittadini tal-UE ma jintefqux fix-xejn.

29.  Biex jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali taż-żieda fil-frekwenza u l-intensità tal-għargħar, jistieden lill-UE biex timpenja ruħha iktar għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra biex b'hekk tilħaq l-objettiv tagħha li tillimita t-tibdil fil-klima għal 2°C ogħla mil-livell preindustrijali;

30.  Iħeġġeġ lill-UE biex timplimenta u tippromwovi b'mod mifrux il-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jiffukaw fuq il-karbonju iswed, bħal pereżempju l-irkupru tal-metanu mill-estrazzjoni u t-trasport tal-faħam, taż-żejt u tal-gass, il-qbid tal-metanu fil-ġestjoni tal-iskart u l-użu ta' fran li ma jdaħħnux għat-tisjir fid-djar - dan kollu għandu jikkontribwixxi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u biex jitnaqqas id-dewbien glaċjali;

31.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li digi żgħar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-ilma huma iktar sostenibbli u ekonomikament vijabbli minn digi kbar użati għall-istess skop; b'mod partikolari, jenfasizza li għażliet deċentralizzati u fuq skala żgħira (sistemi mikroidriċi, sistemi elettriċi solari għad-djar, sistemi ta' riħ u bijomassa) ibbażati fuq riżorsi rinnovabbli lokali huma iktar adegwati f'żoni rurali “l bogħod min-netwerks tal-provvista ċentralizzati;

32.  Jenfasizza li l-karbonju iswed jibqa' kawża prevalenti fid-dewbien glaċjali, daqs id-diossidu tal-karbonju; ifakkar, b'mod partikolari, li l-karbonju iswed u l-ożonu fin-naħa t'isfel tal-atmosfera huma inkwinanti li huma ta' ħsara għas-saħħa, inaqqsu l-għomor u jaggravaw it-tidwib tas-silg u tal-borra madwar id-dinja, inklużi l-Artiku, il-Himalayas, u reġjuni oħra glaċjali u li huma koperti mill-borra; jenfasizza li l-ożonu huwa wkoll l-iktar inkwinant tal-arja li wassal għat-tnaqqis fl-uċuħ tar-raba“, u b'hekk jaffettwa s-sikurezza tal-ikel; jinnota li l-metanu huwa prekursur importanti tal-formazzjoni tal-ożonu u li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metanu inaqqas wkoll il-formazzjoni tal-ożonu;

33.  Iħeġġeġ azzjoni immedjata biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju iswed, l-iktar permezz tal-promozzjoni tar-riċerka u l-investimenti fit-teknoloġija bl-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet inkwinanti, bħala metodu ta' azzjoni fil-pront biex jitwaqqaf id-dewbien glaċjali; jirrakkomanda li, minħabba l-ħajja atmosferika qasira tal-karbonju iswed u tal-metanu, mitigazzjoni maqgħuda permezz ta' strateġiji ta' azzjoni fil-pront, jistgħu jtaffu drammatikament u rapidament it-theddida tal-GLOFs;

34.  Jistieden lill-UE biex tippromwovi t-teknoloġija eżistenti li tnaqqas drastikament l-emissjonijiet tal-karbonju iswed; ikompli jħeġġeġ li regolamenti li jipprojbixxu tattiċi aqta' u aħraq fil-foresti, li jinfurzaw testijiet regolari u stretti dwar l-emissjonijiet tal-vetturi, li jillimitaw il-ħruq tal-bijomassa u li jissorveljaw l-emissjonijiet annwali ta' impjanti għall-produzzjoni tal-elettriku, għandhom jiġu appoġġjati u mħeġġa; Jistieden lill-UE biex tippromwovi s-16-il miżura differenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju iswed u tal-metanu li huma ppreżentati fir-rapport tal-UNEP “Valutazzjoni Integrata tal-Karbonju Iswed u l-Ożonu Troposferiku”, biex b'hekk tikseb kemm titjib fil-kwalità tal-arja kif ukoll benefiċċji klimatiċi fil-futur qarib fid-djalogu tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex taħdem sabiex twessa' l-ftehimiet differenti ta' prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja reġjonali eżistenti abbażi tax-xogħol fi ħdan il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali f'Distanza Kbira (CLRTAP);

35.  Jistieden lill-UE tippromwovi l-istabbiliment ta' sistema ta' allarm bikri globali għall-għargħar, il-landslides u t-tsunamis (possibilment skont l-awspiċji tan-NU) u biex tiżgura li din l-informazzjoni tasal fiż-żoni remoti u għand il-partijiet l-iktar vulnerabbli tal-popolazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

36.  Jiġbed l-attenzjoni biex in-negozjati li għaddejjin jinkludu l-karbonju iswed fir-reviżjoni tal-protokoll ta' Gothenburg tal-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali f'Distanza Kbira (CLRTAP) bħala mudell, u jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm segwitu tar-rapport tal-UNEP dwar il-“Valutazzjoni Integrata tal-Karbonju Iswed u l-Ożonu Troposferiku” billi jiġi żviluppat Pjan ta' Azzjoni Globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' forzaturi klimatiċi ta' durata qasira;

37.  Jistieden lill-UE, fid-dawl tan-natura transkonfinali tal-GLOFs, biex trawwem djalogi bejn il-pajjiżi bl-għan li jiġu żviluppati politiki li jindirizzaw id-diżastri naturali u jħeġġeġ l-investimenti xierqa għall-protezzjoni mill-għargħar tal-pajjiżi fir-reġjun Hindu Kush-Ħimalajas; iħeġġeġ li jiġi rikonoxxut il-fatt li din mhijiex kwistjoni li qed jaffronta pajjiż wieħed iżda qed jaffrontawha ħafna pajjiżi u għalhekk jitlob li jkun hemm approċċ multilaterali għas-soluzzjoni tagħha;

38.  Jirrakkomanda l-formazzjoni urġenti ta' aġenzija transkonfinali, stabbiltà skont l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, li jkollha r-rwol ċar li tqassam dejta disponibbli, tindirizza l-problemi u l-kawżi ta' perikli transkonfinali mnissla minn spustjar tal-ilma u tipproponi miżuri xierqa ta' adattament u mitigazzjoni; iħeġġeġ li mingħajr tali aġenzija aġġudikatriċi li tmexxi, in-negozjati kruċjali dwar il-prevenzjoni u t-taffija tal-għargħar jistgħu jirrappreżentaw kompitu li diffiċli jitwettaq bejn pajjiżi f'kunflitt bejniethom; jenfasizza li r-reġjuni glaċjali, li ta' spiss huma s-sors ta' avvenimenti ta' għargħar, huma meqjusa punti ta' importanza strateġika, billi jiffurmaw fruntieri bejn in-nazzjonijiet, u għaldaqstant jista' jagħti l-każ li l-partijiet affettwati ma jkunux jixtiequ jikkondividu informazzjoni vitali;

39.  Jindika li l-proġetti għall-bini tad-digi għandhom impatt fuq is-sikurezza internazzjonali; jenfasizza li dawn l-impatti jistgħu jkunu negattivi billi joħolqu kunflitti transkonfinali, inkwiet soċjali u ħsara ambjentali; iżda jfakkar li l-kwistjonijiet tal-enerġija u tal-provvista tal-ilma jista' jkollhom impatt pożittiv billi jrawmu djalogu bejn stati jew reġjuni konfinanti;

40.  Jenfasizza li kwalunkwe pjan għad-digi għandu jiġi vvalutat skont ħames valuri: l-ekwità, l-effiċjenza, il-parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, is-sostenibilità u r-responsabbiltà; iħeġġeġ, b'mod aktar ġenerali, li l-proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar id-digi iqisu bis-sħiħ li-kunċett tad-drittijiet tal-bniedem; b'mod partikolari, ifakkar li f'każ li proġetti jaffettwaw lill-popli indiġeni u tribali, tali proċessi għandhom isiru bil-kunsens liberu, minn qabel u informat tagħhom; jitlob li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati li jivvalutaw b'mod sħiħ l-ispejjeż ambjentali u soċjali tal-proġetti tad-digi li għandhom jitwettqu b'mod trasparenti, bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku, qabel ma tingħata approvazzjoni għal kwalunkwe proġett ta' kostruzzjoni tad-digi;

41.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Bank Dinji nefaq iktar minn 100 biljun dollaru fuq il-bini tad-digi, prinċipalment għal proġetti ta' ġenerazzjoni tal-enerġija mill-ilma fuq skala kbira u bi skop ta' esportazzjoni, li wasslu biex madwar 40-80 miljun persuna telqu minn fejn kienu joqogħdu, u wasslu wkoll biex intilfu mezzi tal-għajxien, saret ħsara lill-ekosistemi u nħolqu piżijiet ta' djun kbar fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

42.  Jenfasizza li n-nies li kellhom jitilqu minn fejn kienu jgħixu minħabba l-bini tad-digi mhux talli għandhom jirċievu kumpens finanzjarju iżda għandhom ukoll jingħataw iċ-ċertezza li jkunu jistgħu jiżguraw il-ħtiġijiet tal-għajxien tagħhom fuq perjodu twil ta' żmien;

43.  Jitlob li ssir valutazzjoni komprensiva, trasparenti u parteċipatorja tal-firxa sħiħa ta' għażliet disponibbli biex jitnaqqsu l-impatti tal-għargħar u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ilma u l-enerġija, fejn il-prijorità tingħata lil soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistemi u biex is-sistemi eżistenti jsiru iktar effettivi u sostenibbli;

44.  Iħeġġeġ lill-UE biex ssegwi politiki ta' ġestjoni “soft-path” (ta' fehim u adattament), biex bihom jiġu indirizzati l-għargħar; jirrikonoxxi li l-kundizzjonijiet għall-għargħar mhumiex statiċi u bħala tali jesiġu approċċ flessibbli; jitlob għal titjib fit-tbassir tal-għargħar, fil-protezzjoni li bini individwali jista' joffri kontra l-għargħar u għall-iżvilupp tal-ħżin tal-ilma minn għargħar u ta' sistemi li jidderieġu l-flussi tal-ilma.

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0067.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Jannar 2013Avviż legali