Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (COM(2010)0525 – C7-0299/2010 – 2010/0279(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0525),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u 121(6) u l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0299/2010),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(1)
,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2)
,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomici u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0182/2011),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(3)
;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-23 ta' Ġunju 2011 (Testi adottati P7_TA(2011)0292).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-28 ta' Settembru 2011 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1174/2011.)