Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2149(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0369/2011

Testi mressqa :

A7-0369/2011

Dibattiti :

PV 14/11/2011 - 19
CRE 14/11/2011 - 19

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2011 - 7.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0491

Testi adottati
PDF 163kWORD 113k
It-Tlieta, 15 ta' Novembru 2011 - Strasburgu Verżjoni finali
Strateġija ġdida għall-Politika tal-Konsumatur
P7_TA(2011)0491A7-0369/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur (2011/2149(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif inhi inkorporata fit-Trattati bl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistipula li “is-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) TUE, li jorbot l-Unjoni biex taħdem għal “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta' impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità tal-ambjent”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 TFUE, li jistipula li “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 TFUE, li jistipula li “l-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tat-TFUE, li jistipula li “fid-definizzjoni u l-impliementazzjoni ta' politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll 26 tiegħu dwar servizzi ta' interess (ekonomiku) ġenerali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar Ewropa 2020, strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-għan tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 and tħassar id-Direttivi 87/250/KEE, 90/496/KEE, 1999/10/KE, 2000/13/KE, 2002/67/KE, 2008/5/KE u r-Regolament (KE) Nru 608/2004(1) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-konsumatur(2) ,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2010 tan-Netwerk Ewropew taċ-Ċentri tal-Konsumatur, Uffiċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2011 intitolat “L-Għoti ta' Kapaċità lill-Konsumaturi fl-UE” (SEC(2011)0469),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2011 intitolata “Konsumaturi li jħossuhom komdi fis-suq uniku”, il-5 Edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur (SEC(2011)0299),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2010 intitolata “Swieq li Jaħdmu Tajjeb għall-Konsumaturi”, ir-4 Edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (SEC(2010)1257),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali:Rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta' nof il-perjodu)(3) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar it-tlestija tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(4) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust(5) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Professur Mario Monti tad-9 ta' Mejju 2010 lill-Kummissjoni dwar l-għoti tal-ħajja mill-ġdid lis-suq uniku, bl-isem “Strateġija Ġdida Għas-Suq Uniku”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini(6) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi(7) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (COM(2009)0336),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar in-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE (COM(2009)0557),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2009 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domanda tal-konsumaturi (COM(2009)0346) u l-abbozz ta' Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (SEC(2009)0949) ippubblikat magħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar “l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-Suq Uniku(8) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-direttivi li jaffettwaw is-suq intern(9) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli)(10) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) No 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, li jimmira biex joħloq qafas ġenerali ta' regoli u prinċipji b'relazzjoni mal-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq(11) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu “L-istrateġija Ewropea tal-Politika tal-konsumatur 2007-2013 – Responsabbilitajiet akbar għall-konsumaturi, titjib tal-benesseri tagħhom, u l-ħarsien effettiv tagħhom” (COM(2007)0099) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja tal-politika tal-konsumatur 2007-2013(12)

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Sezzjoni għas-Suq Waħdieni, Produzzjoni u Konsum, dwar “Tfixkil għas-Suq Waħdieni Ewropew 2008”(13) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur (ir-“Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”)(14) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill bil-ħsieb li tiġi adottata Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013)(15) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE dwar reklamar qarrieqi, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti fin-Negozju”)(16) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(17) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0369/2011),

A.  billi ċ-ċittadini tal-UE għandhom rwol importanti bħala konsumaturi fil-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, inklussiv u sostenibbli, peress li n-nefqa tal-konsumatur tiġġenera aktar minn nofs il-PDG tal-UE;

B.  billi, skont l-Indiċi tar-Rata ta' Privazzjoni Materjali, 16,3 % tal-popolazzjoni tal-UE tinsab f'riskju ta' faqar u billi dan il-perċentwal jiżdied għal 17,1 % għan-nisa;

C.  billi, kif muri fl-Ewrobarometru Speċjali 342 ta' April 2011 dwar l-għoti ta' kapaċità lill-konsumaturi, maġġoranza sostanzjali ta' konsumaturi jħossuhom fiduċjużi u mgħarrfa iżda, fl-istess ħin, proporzjon sinifikanti minnhom għandhom nuqqas ta' għarfien dwar leġiżlazzjoni bażika tal-konsumaturi;

D.  billi l-konsumaturi ma jiffurmawx grupp omoġeneu uniku, peress li hemm differenzi konsiderevoli fost il-konsumaturi f'termini ta' ħiliet tal-konsumaturi, għarfien tal-leġiżlazzjoni, il-mod kif wieħed jasserixxi ruħu u r-rieda li jfittxu rimedju;

E.  billi, skont l-Ewrobarometru Speċjali 342 ta' April 2011 dwar l-għoti ta' kapaċità lill-konsumaturi, in-nisa jqattgħu aktar ħin jixtru (3,7 sigħat f'ġimgħa tipika) mill-irġiel (2,8 siegħa);

F.  billi, skont il-ħames edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumaturi ta' Marzu 2011, il-konsumaturi għadhom jiffaċċjaw kundizzjonijet differenti ħafna fl-UE;

G.  billi n-nuqqas ta' sodisfazzjon tal-konsumaturi bil-funzjonament tas-servizzi finanzjarji joriġina parzjalment mill-konsultazzjoni ħażina li jirċievu u l-fatt li, skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumaturi, il-maġġoranza tal-konsumaturi ma jafux id-drittijiet tagħhom rigward is-servizzi finanzjarji u 98 % jonqsu milli jagħżlu l-opzjoni ta' investiment l-aktar adegwata, bil-kost stmat li jkun 0,4 % tal-PDG tal-UE;

H.  billi l-iżvelar tal-informazzjoni huwa neċessarju u importanti fis-setturi kollha tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi;billi l-istrateġija għandha tagħraf li mhuwiex biżżejjed li jkunu provduti biss swieq kompetittivi fejn il-konsumaturi jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interessi tagħhom;billi jekk dan l-iżvelar għandu jkun aktar effikaċi, huwa importanti li l-informazzjoni tkun provduta bil-lingwi uffiċjali tal-UE u dawk reġjonali;

I.  billi gruppi ta' nies li huma partikolarment vulnerabbli minħabba xi diżabilità mentali, fiżika jew psikoloġika, l-età tagħhom jew il-fatt li jkunu jemmnu kollox - pereżempju t-tfal, l-adolexxenti u l-anzjani - jew isiru vulnerabbli minħabba s-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja tagħhom (pereżempju dawk li għandhom dejn eċċessiv), għandhom bżonn ta' protezzjoni speċjali;

J.  billi l-UE stabbiliet objettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 , fejn appellat għal xejriet ta' konsum aktar sostenibbli;

K.  billi suq intern li jaħdem sew għandu joffri lill-konsumaturi għażla usa' ta' prodotti u servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi u, fl-istess ħin, livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u tal-ambjent;

L.  billi s-suq intern għandu jikber bla ma jdgħajjef il-protezzjoni tal-konsumaturi u għandu jiggarantixxi l-moviment ħieles tas-servizzi u jiżgura li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-protezzjoni tal-ħaddiema;

M.  billi konsumaturi responsabilizzati jistgħu jidentifikaw aħjar l-aħjar prezzijiet, il-kundizzjonijiet ta' bejgħ u kwalità, biex b'hekk jixprunaw il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni,

N.  billi suq intern integrat b'mod sħiħ joħloq benefiċċji multipli għall-konsumaturi Ewropej, bħal prezzijiet aktar baxxi u għażla aktar wiesgħa ta' prodotti u servizzi;

O.  billi, kif jidher fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumaturi ta' Marzu 2011, il-bejjiegħa juru nuqqas ta' għarfien tad-drittijiet bażiċi tal-konsumaturi tal-UE, u dan jista' jkun ta' detriment għall-konsumaturi u jista' jaffettwa wkoll ir-rieda tal-bejjiegħa li jwettqu kummerċ transkonfinali;

P.  billi l-parteċipanti kollha (inklużi l-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta' infurzar, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u s-settur privat) għandhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettiv ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi u ta' għoti tal-kapaċità lill-konsumaturi, peress li l-effikaċja tas-sorveljanza u tal-infurzar pubbliċi tas-suq huma vitali biex jiżguraw li prodotti illegali u mhux sikuri ma jaslux fis-suq Ewropew jew jitneħħew minnu;

Q.  billi, minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali, infurzar b'saħħtu u konsistenti hu aktar u aktar importanti peress li l-kriżi qed taffettwa l-għażliet tal-konsumaturi;

R.  billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom jikkontribwixxu għat-traspożizzjoni u għall-infurzar aktar effikaċi tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur billi jkomplu jaħdmu mill-qrib ma' xulxin;

S.  billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom jipproteġu s-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini tal-UE;

Objettivi primarji

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi l-Aġenda tal-Konsumaturi, u jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi politika proattiva sabiex tiddefinixxi regolamentazzjoni intelliġenti, bl-objettiv li jinkiseb qafas legali koerenti; ukoll li l-miżuri politiċi futuri kollha tal-konsumaturi jiġu bbażati fuq approċċ olistiku li jpoġġi l-konsumaturi fiċ-ċentru tas-Suq Uniku;

2.  Jenfasizza li l-prijoritajiet politiċi għandhom jiġu konnessi u appoġġjati permezz ta' statistika mit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-20 preokkupazzjoni ewlenija ppubblikati reċentament taċ-ċittadini u tan-negozji fis-Suq Uniku fl-istrateġija tagħha għall-politika tal-konsumatur;

3.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni fil-Programm ta' Ħidma tagħha tal-2012 biex teżamina mill-ġdid il-politika tal-konsumatur u l-istrateġija leġiżlattiva tagħha, filwaqt li tintegra l-inizjattivi fis-servizzi responsabbli kollha tagħha;jinnota, b'mod partikolari, l-ħtieġa li l-konsumaturi madwar l-UE jirċievu l-protezzjoni sħiħa offruta mill-istrumenti prinċipali tal-leġiżlazzjoni, bħad-Direttivi dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti u dwar il-Kreditu tal-Konsumaturi;

4.  Jilqa' l-approċċ strateġiku għall-protezzjoni tal-konsumatur, li jislet tagħlimiet mill-esperjenza miksuba fl-istrateġija 2007-2013 jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn il-politika tal-konsumatur u l-għanijiet soċjali u ambjentali, bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-implimentazzjoni kif suppost u għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni attwali (partikolarment l-aktar direttiva riċenti tad-drittijiet tal-konsumatur) flimkien mat-tixrid tal-informazzjoni adegwata rigward id-drittijiet u l-obbligi ta' kull partijenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi eżaminat l-acquis attwali wara l-adozzjoni tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur u fid-dawl tal-inizjattivi l-ġodda ppjanati;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza fil-mod kif jiġu implimentati l-politiki dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u, f'dan ir-rigward, jipproponi li jerġgħu jinfetħu d-diskussjonijiet dwar kif jinqasam dan il-portafoll fi ħdan il-Kummissjoni;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki tagħha li jaffettwaw il-konsumaturi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali u l-iskambju ta' informazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE;

9.  Jenfasizza l-isfidi numerużi li tiffaċċja l-Aġenda tal-Konsumaturi, inkluż l-għoti tal-kapaċità lill-konsumaturi u t-tnaqqis tal-livelli tal-inugwaljanza, l-inkoraġġiment tal-konsum sostenibbli, it-tnaqqis tal-espożizzjoni tal-konsumaturi għal prodotti mhux sikuri u l-protezzjoni tal-konsumaturi, speċjalment tat-tfal, kontra r-reklamar qarrieqi;jitlob li jsir rieżami dettaljat fost dawk li jfasslu l-politiki tal-modi tad-disinn ta' politiki aktar intelliġenti, li jipprovdu l-konsumaturi bl-informazzjoni li jeħtieġu u jistgħu fil-fatt jużaw, bla ma joħolqu piżijiet addizzjonali għall-kumpaniji;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi protezzjoni speċjali għal gruppi ta' konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli minħabba d-diżabbiltà mentali, fiżika jew psikoloġika tagħhom, l-età jew il-kredulità tagħhom, jew li jsiru vulnerabbli minħabba s-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja tagħhom;jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-ekonomiji ta' mġiba, peress li din hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-miżuri għall-protezzjoni tal-konsumatur ikunu effettivi fil-prattika;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kriterji u l-arranġamenti għat-twettiq ta' aktar valutazzjonijiet tal-impatt, u teżamina mill-ġdid, fejn ikun il-każ, il-leġiżlazzjoni tal-UE li taffettwa l-politika tal-konsumatur u tistabbilixxi l-aħjar prattiki li permezz tagħhom l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw il-leġiżlazzjoni attwali b'mod korrett;

L-għoti tal-kapaċità lill-konsumatur

12.  Jinnota ż-żieda sinifikanti fil-kummerċ elettroniku, li issa saret importanti ħafna għall-konsumaturi, b'40 % taċ-ċittadini tal-UE jixtru onlajn; jinnota li għandha tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi u tal-bejjiegħa, partikolarment rigward ix-xiri u l-kummerċ transkonfinali onlajn, billi jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom fuq l-internet;

13.  Jiddeplora d-differenza kbira bejn il-livelli tax-xiri domestiku u ta' dak transkonfinali onlajn;jinnota li skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Konsumaturi, 44 % tal-konsumaturi jgħidu li l-inċertezza dwar id-drittijiet tagħhom tiskoraġġihom milli jixtru prodotti minn Stati Membri oħra u li l-kunsinna tard jew in-nuqqas ta' kunsinna u l-frodi huma l-fatturi prinċipali li jipprevjenu l-iżvilupp tax-xiri transkonfinali; jitlob, għalhekk, li l-istrateġija politika tal-konsumaturi tal-UE tappoġġja t-tkabbir u l-innovazzjoni fis-settur tal-bejgħ u partikolarment it-tlestija tas-suq diġitali uniku, sabiex tgħin lill-konsumaturi tal-UE jixtru transkonfinalment;

14.  Jirrimarka li l-kunfidenza fil-konsumaturi hija forza li tmexxi l-ekonomija kemm fir-rigward tal-kummerċ domestiku kif ukoll transkonfinali, onlajn u offlajn;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-konsumaturi jkunu rispettati b'mod sħiħ f'dak li jirrigwarda l-użu tal-internet u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li fl-istess ħin tkun protetta d-data personali u l-privatezza;

16.  Jenfasizza li d-data personali tal-konsumaturi għandha valur ekonomiku sostanzjali, pereżempju bażijiet tad-data li jinkludu l-profili tal-konsumaturi li jintużaw b'rabta mar-reklamar immirat; jinnota li l-utenti ħafna drabi mhumiex konxji tal-valur tad-data li huma volontarjament ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-kumpaniji; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm grad suffiċjenti ta' kompetizzjoni fis-suq għar-reklamar onlajn u għas-search engines u tissorvelja l-mod li bih tintuża d-data mill-kumpaniji konċernati, skont il-qafas attwali tal-protezzjoni tad-data;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi u n-negozjanti jiġu provduti b'informazzjoni aktar trasparenti u komparabbli, pereżempju permezz tal-użu tal-indikazzjonijiet tal-prezz tal-unità u ta' websajts eżatti u trasparenti li jqabblu l-prezzijiet tal-internet, kif ukoll tikettar tal-prodotti li jagħmel sens u li jkun effettiv;

18.  Jenfasizza l-importanza tat-tikettar u f'dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni tqis it-talbiet dejjem jikbru tal-konsumaturi rigward, pereżempju, il-kummerċ ġust, l-impatti tal-karbonju, l-ambitu u t-tipi tar-riċiklaġġ u tal-immarkar tal-oriġini;

19.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm aċċess universali għal netwerks ta' broadband b'veloċità għolja u tat-telekomunikazzjonijiet u l-aċċess wiesa' għal prodotti u servizzi onlajn, li jinkludi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet tad-distribuzzjoni, l-ittrattar tas-segmentazzjoni ġeografika u l-iżvilupp tas-servizzi ta' ħlas elettroniku;

20.  Jenfasizza li l-Aġenda tal-Konsumatur għandha tenfasizza s-suq tal-kontenut għal prodotti diġitali, e.ż. kotba elettroniċi;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jingħataw is-setgħa billi jiġu pprovduti b'informazzjoni utli, immirata u li tiftiehem b'mod ċar; jinsisti li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-kumpaniji, għandhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-edukazzjoni tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku “favur il-konsumatur”, sabiex tiżgura li jitqiesu għalkollox l-interessi tal-konsumatur fil-funzjonament tas-Suq Uniku;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu appoġġ adegwat u l-iżvilupp tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi f'kull Stat Membru, bl-għan li jissaħħu r-rwol u r-riżorsi tagħhom, biex b'hekk jitjieb l-għoti tal-kapaċità lill-konsumatur;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-edukazzjoni tal-konsumaturi, minn età żgħira kemm jista' jkun, sabiex huma jifhmu u jużaw l-informazzjoni li tidher fuq il-prodotti;jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-logos Ewropej b'rata ta' rikonoxximent mhux sodisfaċenti (partikolarment il-logo tal-marka tal-konformità tas-CE, it-tikketta ekoloġika (Ecolabel) Ewropea, il-“Möbius strip” għar-riċiklaġġ jew għall-immarkar tar-riskji) aktar identifikabbli u intuwittivi;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanji ta' informazzjoni fl-Istati Membri kollha rigward il-marka Ewropea “CE” u s-sinifikanza tagħha, filwaqt li tagħmilha ċara lill-konsumaturi x'tirrappreżenta (jew x'ma tirrappreżentax) u tipprovdilhom informazzjoni aktar komprensiva, filwaqt li tipprova żżid il-kuxjenza tas-sikurezza tal-prodott fl-ambjenti professjonali;

25.  Jemmen li s-soċjetà ċivili, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u n-negozji, għandhom ikomplu jiggwidaw soluzzjonijiet innovattivi għat-tixrid tal-informazzjoni dwar is-suq uniku, sabiex jiffaċilitaw lin-nies jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet eżistenti;jenfasizza r-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili biex tgħin lill-SMEs u l-konsumaturi, partikolarment dawk fl-aktar pożizzjonijiet vulnerabbli, bħaż-żgħażagħ jew persuni li m'għandhomx aċċess għall-internet, sabiex jegħlbu l-barrieri u r-restrizzjonijiet lingwistiċi, teknoloġiċi u amministrattivi eżistenti tal-Istati Membri;

26.  Jiddeplora l-fatt li t-tibdil tal-fornitur jew tat-tariffa għadu diffiċli f'ċerti setturi, b'mod li jxekkel il-libertà tal-għażla tal-konsumaturi u jservi ta' dannu għall-kompetizzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tħares aktar mill-qrib lejn din il-kwistjoni biex tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenifikaw b'mod sħiħ mis-Suq Uniku;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-ostakli li fadal sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibdlu l-bank tagħhom u biex tikkunsidra l-modi kif dawn l-ostakoli jistgħu jiġu eliminati, bħall-istabbiliment ta' sistema ta' portabilità tan-numru tal-kont tal-bank għall-UE kollha;

28.  Jinnota l-importanza ta' ħlasijiet trasparenti tal-bank, ħinijiet ta' tranżazzjoni aktar veloċi u proċeduri eħfef għaċ-ċaqliq tal-kontijiet tal-banek għall-konsumaturi b'aċċess għall-kontijiet tal-banek;

29.  Jinnota li madwar 30 miljun ċittadin tal-UE m'għandhomx aċċess għal servizzi bankarji bażiċi u jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta, kif ħabbret li se tagħmel fl-Att dwar is-Suq Uniku u fil-programm ta' ħidma tagħha tal-2011;

Il-protezzjoni tal-konsumaturi u s-sikurezza tal-prodotti

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu politiki tal-konsumatur li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' gruppi vulnerabbli ta' konsumaturi;

31.  Jitlob li jkun hemm rabtiet speċifiċi bejn l-istrateġija u l-programm għall-politika tal-kompetizzjoni u għal azzjoni konġunta biex jinkiseb dan, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi li jkunu iktar adatti għall-bżonnijiet tagħhom u provduti b'termini aħjar;

32.  Jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jiżdied il-livell ġenerali tas-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur fl-UE, speċjalment fil-qafas tar-reviżjoni li se ssir tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti;jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-aġenziji responsabbli tal-UE, tħares aktar mill-qrib lejn il-kwistjonijiet tal-impatt tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa tal-konsumaturi, fuq ir-reżistenza għall-antibijotiċi u fuq in-nanoteknoloġiji, abbażi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE f'dawk l-oqsma;

33.  Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiżdiedu l-istandards tas-sikurezza għall-ġugarelli, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex mingħajr dewmien jittrasponu u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva l-ġdida dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema komuni ta' valutazzjoni u tikettar, kif indikat fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-suq uniku għall-intrapriżi u għat-tkabbir, abbażi taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodott, partikolarment sabiex jiġu simplifikati u armonizzati s-sistemi, jingħelbu l-ispejjeż tal-frammentazzjoni għan-negozji u għall-konsumaturi u jiġi evitat li jkun hemm reklamar qarrieqi;

35.  Jappella għal garanziji aħjar tas-sikurezza tal-prodott, partikolarment fil-kummerċ elettroniku fis-suq intern;

36.  Jitlob li s-sistema ta' notifika RAPEX tissaħħaħ u ssir aktar effettiva u trasparenti għall-konsumaturi, sabiex jitjieb l-għarfien ġenerali tar-riskji imposti minn prodotti speċifiċi tal-konsumaturi u sabiex il-kumpaniji u l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jieħdu azzjoni adegwata u ta' malajr;

37.  Jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza tas-swieq trasparenti u affidabbli, tat-titjib tal-istandards professjonali u li jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fil-provvista tas-servizzi finanzjarji lill-konsumaturi, u r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni finanzjarja;

38.  Jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-edukazzjoni finanzjarja u l-konsulenza finanzjarja, u jitlob regolazzjoni aħjar tas-servizzi ta' konsulenza finanzjarja;

39.  Jirrimarka li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) il-ġodda għandhom setgħat u responsabbilitajiet espliċiti li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u jistenna li l-istrateġija tirriflettihom u ttejjeb il-kapaċitajiet tal-ESAs għall-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li wieħed jislet mill-aħjar prattiki attwali tal-awtoritajiet nazzjonali u filwaqt li tiġi żgurata parteċipazzjoni adegwata minn partijiet interessati, notevolment ir-rappreżentanti tal-konsumaturi;

40.  Jitlob li jiġi stabbilit livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi fl-UE kollha, sabiex ikun jista' jissaħħaħ is-suq intern fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u jiġu miġġielda prattiki protezzjonisti;

41.  Jitlob l-allokazzjoni ta' fondi b'għan speċifiku għal proġetti ta' riċerka dwar il-konsumaturi, speċjalment fil-qasam tal-imġiba tal-konsumaturi u l-ġbir tad-data, biex tingħata għajnuna għat-tfassil ta' politiki li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi;

42.  Jipproponi l-estensjoni tal-appoġġ Ewropew għar-riċerka f'setturi ġodda li qed jitfaċċaw, bħall-konsum ekoloġiku u etiku, u għall-użu komuni ta' prodotti tal-konsumaturi ta' kuljum (karozzi, roti, tagħmir domestiku, eċċ.);

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha dwar il-bejgħ ta' prodotti u t-termini inġusti ta' kuntratti, reviżjoni tar-regoli dwar prattiki kummerċjali żleali (PKŻ), id-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieqi u l-kwistjoni usa' jekk ir-regoli dwar il-PKŻ hemmx bżonn li japplikaw għar-relazzjonijiet bejn in-negozji;iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u korrett ir-regoli u l-leġiżlazzjoni tas-suq intern, partikolarment id-direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur, id-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku u r-regolament dwar il-provvista ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-istandardizzazzjoni fl-Aġenda tal-Konsumatur, bil-għan li tissimplifika l-proċessi kumplessi u l-informazzjoni kumplessa għall-konsumaturi dwar is-servizzi, pereżempju, u biex jiġi żgurat li kemm l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali jkunu involuti f'dan il-kompitu importanti;

Lejn politika dwar konsumaturi aktar soċjali u sostenibbli fl-Ewropa

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi element ta' aċċessibilità għall-konsumatur fl-Aġenda tal-Konsumaturi sabiex jiġi żgurat li gruppi vulnerabbli jkollhom aċċess għal prodotti u għas-servizzi essenzjali li jeħtieġu; jirrimarka li dan li juri biċ-ċar id-dimensjoni soċjali tal-politiki tal-konsumatur;

46.  Jirrimarka li l-anzjani u l-persuni b'diżabilità għadhom jiffaċċjaw problemi ta' sikurezza u ta' aċċessibilità marbuta ma' prodotti u servizzi konvenzjonali;jinnota li, f'dan ir-rigward, jistgħu jintużaw b'suċċess standards biex il-prodotti u s-servizzi jsiru aċċessibbli għall-akbar numru ta' konsumaturi possibbli, irrispettivament mill-età jew mill-abilitajiet fiżiċi tagħhom;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-perspettiva tal-ġeneru fl-Aġenda tal-Konsumatur, f'konformità mal-impenn tagħha għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ġeneru bħala parti integrali tat-tfassil tagħha tal-politiki; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Aġenda tal-Konsumatur teskludi d-diskriminazzjoni kollha minħabba s-sess fir-rigward tal-aċċess għall-prodotti u s-servizzi u l-forniment tagħhom;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni ta' kif il-konsum privat jista' jsir aktar sostenibbli għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020;huwa tal-opinjoni li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil sistemi intelliġenti tal-enerġija: l-użu ta' teknoloġiji ġodda għandu jippermetti lill-utenti kollha tan-netwerk jipparteċipaw fis-suq intern tal-enerġija biex jiffrankaw l-enerġija u jnaqqsu jew jimmitigaw l-ispejjeż tal-enerġija, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-provvista tal-enerġija għal konsumaturi vulnerabbli;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jinfurmaw aħjar lill-konsumaturi dwar modi aktar effiċjenti ta' xiri u ta' konsum tal-ikel, biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-ħela tal-ikel;

50.  Jenfasizza l-importanza tal-valutazzjoni tal-impatt tal-liberalizzazzjoni fuq is-sodifazzjon tal-konsumaturi u jitlob, f'dan ir-rigward, valutazzjoni tal-funzjonament tas-suq tal-enerġija;

L-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur u r-rimedju

51.  Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja u tenfasizza x-xogħol taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net), li għandu jkollhom rwol ċentrali fl-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom u fl-għoti ta' appoġġ lilhom jekk jagħmlu lment; jenfasizza r-rwol essenzjali li għandu n-Netwerk għall-Infurzar u l-Kooperazzjoni Transkonfinali (in-Netwerk CPC) sabiex jiżgura li l-liġijiet għall-ħarsien tal-konsumaturi jkunu infurzati korrettament u fit-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-poteri kollha tagħha skont it-Trattati biex ittejjeb it-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE relatata mal-konsumaturi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw din il-leġiżlazzjoni b'mod sħiħ u korrett;

53.  Jitlob mekkaniżmi ta' rimedju aktar aċċessibbli u aktar effettivi, bħal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, rimedju kollettiv jew soluzzjoni onlajn għat-tilwim, biex tingħata s-setgħa lill-konsumaturi fl-UE kollha; jinnota bi tħassib li n-nuqqas attwali ta' kumpens huwa lakuna kbira fis-sistema legali billi dan jippermetti li profitti illegali jinżammu min-negozjanti;

54.  Jappella għal mekkaniżmi aċċessibbli u effiċjenti għall-konsumaturi Ewropej, peress li dawn huma essenzjali għall-eliminazzjoni tal-barrieri fis-suq intern, partikolarment fir-rigward tal-kummerċ elettroniku, u jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta jew aktar minn waħda permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, biex b'hekk tkun żgurata l-parteċipazzjoni adegwata tal-Parlament;

55.  Jilqa' x-xogħol kontinwu għall-iżvilupp ta' sistema Ewropea ta' Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (ADR), bl-użu ta' sistemi nazzjonali u kummerċjali attwali biex jikkombinaw livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumaturi u kundizzjonijiet kummerċjali ġusti għall-intraprendituri;

56.  Jitlob lill-Kumissjoni tuża l-prattiki tal-Istati Membri, bħall-mudell ta' ombudsman Nordiku, u biex tikkunsidra li ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) jingħataw l-awtorità legali fil-qasam tas-soluzzjoni tat-tilwim li għandu x'jaqsam mal-konsumaturi;

57.  Jemmen li tali sistema se ttejjeb is-Suq Uniku u se tagħti sistema ġusta ta' rimedju għall-konsumaturi f'tilwim transkonfinali, biex b'hekk tibni l-fiduċja bejn il-konsumaturi u l-industrija, u tevita l-ispejjeż għolja tal-litiġju kemm għall-industrija kif ukoll għall-konsumaturi;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi dibattitu interistituzzjonali dwar mod xieraq kif wieħed jipproċedi għat-titjib tal-protezzjoni legali tal-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet tagħhom fis-suq, bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-approċċ stipulat fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi;

59.  Jisħaq fuq il-bżonn li l-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-perjodu ta' wara l-2013 jinkludi finanzjament adegwat għall-miżuri biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f'dan ir-rapport u fl-Aġenda tal-Konsumatur futurajirrimarka li sabiex l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jkunu jistgħu jirrappreżentaw lill-konsumaturi fl-Istati Membri kollha, jinħtieġ finanzjament adegwat u garantit mill-UE;

o
o   o

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0324.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0293.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0376.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0320.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0307.
(6) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 84.
(7) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 1.
(8) ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17
(9) ĠU L 98, 16.4.2005, p. 47
(10) ĠU L 170, 30.06.2009, p. 1.
(11) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30
(12) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 17.
(13) http://www.eesc.europa.eu/smo/news/Obstacles_December-2008.pdf.
(14) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
(15) ĠU C 317 E, 23.12.2006, p.61.
(16) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(17) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

Aġġornata l-aħħar: 10 t'April 2013Avviż legali