Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2913(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0588/2011

Dibattiti :

PV 16/11/2011 - 14
CRE 16/11/2011 - 14

Votazzjonijiet :

OJ 17/11/2011 - 143
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0512

Testi adottati
PDF 85kDOC 47k
Il-Ħamis, 17 ta' Novembru 2011 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-projbizzjoni tal-munizzjon tat-tip cluster
P7_TA(2011)0512B7-0588, 0589, 0590, 0592 u 0593/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010 u li fit-8 ta' Novembru 2011 kienet ġiet approvata minn 111-il stat (108 firmatarji, fosthom 3 Stati Membri tal-UE, 63 ratifikazzjoni, fosthom 19-il Stat Membru tal-UE, u 3 adeżjonijiet),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Protokoll VI dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix, bid-data tas-26 ta' Awwissu 2011, għall-Konvenzjoni dwar Projbizzjonijiet u Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta' Ċerti Armi Konvenzjonali li jistgħu jitqiesu li huma ta' Ħsara Eċċessiva jew li għandhom Effetti Indiskriminati (CCW),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-2 ta' Diċembru 2008 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix,

–  wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lit-Tieni Laqgħa tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix, imwassal mis-Sur Sergio Duarte, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet tad-Diżarm, f'Beirut fit-13 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, b'mod partikolari dik tal-1 ta' Awwissu 2010 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix u dik tad-29 ta' April 2011l dwar l-użu rapportat ta' munizzjonijiet tat-tferrix fil-Libja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster(1) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-8 ta' Lulju 2010 dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) u r-rwol tal-UE(2) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar progress rigward il-ġlieda kontra l-mini(3) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-munizzjonijiet tat-tferrix jippreżentaw riskji serji għaċ-ċivili, minħabba li tipikament jinfirxu letalment fuq medda kbira, u billi fil-kuntesti ta' wara l-kunflitti l-użu ta' dawn il-munizzjonijiet ikkawża bosta korrimenti u mwiet traġiċi fost iċ-ċivili, ladarba s-sottomunizzjonijiet mhux sploduti spiss isibuhom it-tfal u nies innoċenti oħra li ma jkunux konxji mill-periklu;

B.  billi l-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, l-inizjattivi parlamentari u x-xogħol ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu deċiżivi biex ġie konkluż b'suċċess il-“Proċess ta' Oslo” li wassal għad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (CCM); billi 22 Stat Membru tal-UE huma Stati Partijiet tas-CCM, u ħames Stati Membri tal-UE la ffirmaw u lanqas irratifikaw is-CCM;

C.  billi s-CCM tipprojbixxi lill-Istati Partijiet milli jużuw, jiżviluppaw, jipproduċu, jakkwistaw b'xi mod, jaħżnu, iżommu jew jitrasferixxu lil xi persuna, direttament jew indirettament, u li jassistu, jinkoraġġixxu jew jipprovokaw lil xi persuna biex twettaq xi attività pprojbita lil Stat Parti taħt il-Konvenzjoni;

D.  billi s-CCM tistabbilixxi standard umanitarju ġdid għall-assistenza tal-vittmi, fosthom dawk il-persuni affettwati direttament mill-munizzjonijiet tat-tferrix u l-familji u l-komunitajiet tagħhom;

E.  billi l-abbozz ta' test tal-Protokoll VI tas-CCW li se jiġi diskuss fir-Raba' Konferenza ta' Rieżami tas-CCW la hu kumpatibbli mas-CCM u lanqas ma jikkumplimentaha; billi filwaqt li l-Istati partijiet għas-CCM għandhom obbligu legali li jeqirdu l-munizzjonijiet kollha, dan l-abbozz ta' protokoll ser jipprojbixxi biss il-munizzjonijiet tat-tferrix ta' qabel l-1980, u jipprevedi perjodu ta' tranżizzjoni twil li jippermetti differiment tal-konformità għal mill-anqas 12-il sena, jippermetti l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix b'mekkaniżmu awtodistruttiv wieħed biss, u jippermetti lill-Istati jużaw munizzjonijiet tat-tferrix bl-hekk imsejħa rata ta' falliment ta' 1% jew anqas;

F.  billi wara l-iffirmar tas-CCM kien rappurtat li l-munizzjonijiet tat-tferrix intużaw riċentement kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Kambodja, fit-Tajlandja u fil-Libja u billi issa għandhom jittieħdu passi urġenti biex ikun żgurat li s-sottomunizzjonijiet tat-tferrix mhux sploduti jitneħħew biex ma jkunx hemm aktar imwiet jew korrimenti;

1.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex la jadottaw, la japprovaw u lanqas sussegwentement jirratifikaw kwalunkwe protokoll għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW) li jippermetti l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix, li huma pprojbiti mis-CCM, u jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jaġixxu skont dan fir-Raba' Konferenza ta' Rieżami tas-CCW, li għandha ssir mill-14 sal-25 ta' Novembru 2011 f'Ġinevra;

2.  Jiddispjaċih ħafna li l-abbozz ta' test tal-Protokoll VI li għandu jiġi diskuss f'dik il-konferenza jhedded li jdgħajjef l-istandard ċar u robust tad-dritt umanitarju internazzjonali stabbilit mis- CCM, li b'mod komprensiv tipprojbixxi l-munizzjonijiet tat-tferrix, u jdgħajjef ukoll il-protezzjoni taċ-ċivili;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati jirrikonoxxu l-konsegwenzi umanitarji u l-prezz politiku għoli li tal-appoġġ għal dan l-abbozz ta' protokoll propost, li hu mimli b'eċċezzjonijiet u lakuni li jippermettu l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix;

4.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istati kandidati li mhumiex Stati Partijiet tas-CCM biex jaderixxu magħha u lill-Istati Firmatarji tas-CCM biex jirratifikawha malajr kemm jista' jkun;

5.  Iqis li l-Protokoll VI tas-CCW mhux kompatibbli mas-CCM u li l-Istati Membri li ffirmawha għandhom obbligu legali li jopponu bil-qawwa u jirrifjutaw l-introduzzjoni tal-Protokoll VI;

6.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex tfakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi legali tagħhom taħt is-CCM; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tpoġġi enfasi speċifiku fuq l-għan tematiku li titnaqqas it-theddida tal-munizzjonijiet tat-tferrix u li twettaq l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mas-CCM, li issa hi possibbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

7.  Jilqa' l-fatt li ħmistax-il Stat Parti u firmatarju wettqu l-qerda tal-ħażniet u tnax-il Stat ieħor għandhom jagħmlu dan sat-terminu ta' żmien previst, u li qegħdin jitwettqu operazzjonijiet ta' tindif fi tmintax-il pajjiż u tliet żoni oħra;

8.  Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma aderixxewx mas-CCM iżda li jixtiequ jnaqqsu l-impatt umanitarju tal-munizzjonijiet tat-tferrix biex jieħdu miżuri nazzjonali b'saħħithom u trasparenti sakemm isseħħ l-adeżjoni, fosthom l-adozzjoni ta' moratorju fuq l-użu, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' munizzjonijiet tat-tferrix u biex b'urġenza jibdew jeqirdu l-ħażniet ta' munizzjonijiet tat-tferrix;

9.  Jistieden lill-Istati Membri li ffirmaw is-CCM biex jgħaddu leġiżlazzjoni li timplimentaha fil-livell nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu trasparenti dwar l-isforzi li jagħmlu b'reazzjoni għal din ir-riżoluzzjoni u biex jirrappurtaw regolarment, pereżempju lill-parlamenti tagħhom, dwar l-attivitajiet tagħhom taħt is-CCM;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu referenza għall-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix bħala klawsola standard fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, flimkien mal-klawsola standard dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi għall-qerda tal-massa, b'mod partikolari fil-kuntest tar-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex il-ġlieda kontra l-munizzjonijiet tat-tferrix jagħmluha parti integrali fil-programmi Komunitarji ta' għajnuna esterna biex jappoġġaw lil pajjiżi terzi fil-qerda tal-ħażniet u fl-għoti ta' assistenza umanitarja;

12.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi biex jiskoraġġixxu lill-istati milli jipprovdu munizzjonijiet tat-tferrix lil atturi mhux statali;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet tat-Tferrix.

(1) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 61.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0285.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0339.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Mejju 2013Avviż legali