Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar is-Samit UE-Russja li se jsir fil-15 ta' Diċembru 2011 u l-eżitu tal-elezzjonijiet tad-Duma tal-4 ta' Diċembru 2011
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-Samit UE-Russja fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011(1)
u tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar is-Samit UE-Russja(2)
,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet UE-Russja fosthom ir-riżoluzzjoni tas-7 ta' Lulju 2011 dwar it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat Russu f'Diċembru 2011, flimkien mar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010(3)
dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-UE dwar dan is-suġġett(4)
,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa(5)
, u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-“Sħubija għall-Modernizzazzjoni” li nbdiet fl-2010,
– wara li kkunsidra l-objettiv kondiviż mill-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-11-il Samit UE-Russja li sar f'San Pietruburgu fil-31 ta' Mejju 2003, dwar il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali (“l-erba” spazji komuni“),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali u r-Rakkomandazzjonijiet konġunti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u r-Russja tad-19 u l-20 ta' Settembru 2011 f'Varsavja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill Permanenti ta' Sħubija UE-Russja dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja maħruġa fil-11 ta' Ottubru 2011 f'Varsavja,
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet tal-VP/RGħ, Catherine Ashton, fit-tmien laqgħa tal-Kunsill Permanenti ta' Sħubija UE-Russja fis-17 ta' Novembru 2011 f'Moska,
– wara li kkunsidra l-aktar Djalogu reċenti bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-29 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-VP/RGħ, Catherine Ashton, dwar l-elezzjonijiet tad-Duma fil-Federazzjoni Russa tas-6 u s-7 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-5 ta' Diċembru ppreżentati mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE/ODIHR), l-Assemblea Parlamentari tal-OSCE (OSCE PA) u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) wara l-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat fl-4 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-aġenda tas-Samit UE-Russja fi Brussell fil-15 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE u r-Russja huma reċiprokament interdipendenti, kemm ekonomikament kif ukoll politikament; billi għalhekk kooperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet ta' ġirien tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza kbira għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa u lil hinn minnha; billi l-Unjoni Ewropea tibqa' kommessa li tapprofondixxi u tiżviluppa ulterjorment ir-relazzjonijiet bejnha u r-Russja, abbażi ta' impenn profond favur prinċipji demokratiċi; billi l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tibqa' tal-akbar importanza għall-bini ta' sħubija strateġika ġenwina;
B. billi s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija waħda mill-akbar sfidi għall-UE u waħda mill-oqsma ewlenin ta' kooperazzjoni mar-Russja; billi huwa tal-akbar importanza li l-UE titkellem b'vuċi waħda u turi solidarjetà interna qawwija;
C. billi r-Russja, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha responsabbiltà konġunta mal-membri l-oħra biex iżżomm l-istabbiltà globali; billi ħafna sfidi fuq il-livell internazzjonali – partikolarment dawk fil-viċinat komuni (in-Nofsinhar tal-Kawkasu u r-Repubblika tal-Moldova), l-Afrika ta' Fuq, is-Sirja, il-Lvant Nofsani, l-Iran, it-terroriżmu, is-sigurtà tal-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-kriżijiet finanzjarji – jistgħu jingħelbu biss permezz ta' approċċ koordinat li jinkludi lir-Russja;
D. billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u għalhekk impenjat ruħha favur il-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet fundamentali; billi għad hemm tħassib rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-miżuri ripressivi meħuda kontra ġurnalisti u l-oppożizzjoni;
E. billi l-2011 tirrappreżenta l-għoxrin anniversarju mid-dissoluzzjoni tal-USSR, avveniment mill-akbar fl-istorja Ewropea; billi għandu jiġi rikonoxxut il-kontribut li għamlu f'dawk l-avvenimenti l-persuni li attivament opponew it-totalitarjaniżmu u taw sehemhom biex isseħħ il-liberazzjoni minnu;
F. billi fit-12 ta' April 2011, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem esprimiet il-kritika tagħha dwar il-proċeduri kkumplikati ta' reġistrazzjoni għall-partiti politiċi fir-Russja, li mhumiex konformi mal-istandards elettorali stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OSCE; billi għad hemm preokkupazzjonijiet serji rigward id-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-partiti politiċi biex jieħdu sehem fl-elezzjonijiet, fatt li effettivament ixekkel il-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu fir-Russja u jnawwar il-leġittimità tal-elezzjonijiet;
G. billi kienu rrappurati ħafna irregolaritajiet tul il-ġurnata tal-elezzjoni, inkluż każijiet fejn persuni vvutaw f'iktar minn post wieħed (l-hekk-imsejħa “karużelli bix-xarabank”), it-tixkil tal-osservaturi tal-partiti u t-tfigħ ta' voti żejda fil-kaxxi tal-voti; billi l-pulizija arrestat mijiet ta' attivisti tal-oppożizzjoni li ppruvaw jorganizzaw manifestazzjonijiet fl-4 ta' Diċembru 2011 u fil-jiem ta' wara f'Moska, f'San Pietruburgu u fi bliet Russi oħra biex jipprotestaw kontra kif saru l-elezzjonijiet;
H. billi fl-10 ta' Diċembru 2011 tal-inqas 50 000 persuna ddimostraw fil-pjazza Bolotnaya f'Moska u talbu t-tħassir tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-4 ta' Diċembru 2011, elezzjonijiet ġodda, ir-riżenja tal-kap tal-Kummissjoni Elettorali, investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta' tbagħbis tal-votazzjoni u l-ħelsien immedjat ta' dimostranti li sfaw arrestati; billi seħħew manifestazzjonijiet simili fi bliet oħra Russi;
I. billi għaddiet sena minn meta l-Parlament Ewropew stieden lill-Kunsill, “fl-assenza ta' mossi pożittivi mill-awtoritajiet Russi li jibdew jikkoperaw u jinvestigaw il-każ ta' Sergey Magnitsky, biex jinsisti li l-awtoritajiet Russi jipproċedu kontra min hu responsabbli u jqis l-impożizzjoni ta' projbizzjoni tad-dħul fl-UE”, u wkoll ħeġġeġ “lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE jikkooperaw fl-iffriżar tal-kontijiet tal-bank u l-assi l-oħra tal-uffiċjali Russi fl-Istati Membri kollha tal-UE”(6)
;
1. Jerġa' jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mis-sħab l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta' kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jikkooperaw flimkien mill-qrib fil-livell dinji;
2. Jistieden lill-UE u lir-Russja jieħdu l-opportunità tas-samit li se jsir biex iħaffu n-negozjati dwar Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni; itenni l-appoġġ tiegħu għal ftehim komprensiv u legalment vinkolanti li jkopri kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali u li jkun jinkludi l-oqsma kollha relatati mad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-fehma tiegħu li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ li jkunu parti integrali ta' dan il-ftehim, b'mod partikolari,fir-rigward tad-definizzjoni u l-inklużjoni ta' klawsola effikaċi u operattiva tad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jitlob li jsir sforz akbar biex tinġieb “il quddiem is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza l-fiduċja tiegħu li s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni se tippromwovi r-riforma u tagħti spinta mġedda għar-relazzjoni bejn l-UE u r-Russja u tiżviluppa l-kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku fil-kummerċ, l-ekonomija u s-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li tagħti kontribut għall-irkupru ekonomiku; huwa tal-fehma li s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni jeħtiġilha timxi id f'id ma' proċess ambizzjuż ta' riformi domestiċi li jinkludu l-konsolidament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u ta' sistema legali affidabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu, f'dan ir-rigward, jiddefinixxu l-passi meħtieġa li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;
4. Jilqa' favorevolment l-ikkompletar tan-negozjati dwar l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, li se tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għall-komunitajiet kummerċjali fuq iż-żewġ naħat u se tiffaċilita u tilliberalizza l-kummerċ fl-ekonomija dinjija; jenfasizza li, bl-adeżjoni, ir-Russja għandha l-obbligu legali li tissodisfa r-regoli kollha tad-WTO, fosthom ir-rinunzja ta' miżuri protezzjonisti; jesprimi, f'dan il-kuntest, il-preokkupazzjoni tiegħu rigward l-unjoni doganali bejn ir-Russja, il-Kazakistan u l-Bjelorussja, li wasslet għal tariffi konsolidati ogħla; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li s-sħubija tar-Russja fid-WTO se tkun pass importanti għall-approfondiment tal-integrazzjoni ekonomika bilaterali, anke permezz tal-konklużjoni tan-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim il-ġdid;
5. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi intensifikata s-sħubija mar-Russja fl-enerġija; itenni li l-provvista tar-riżorsi naturali m'għandhiex tintuża bħala għodda politika; jissottolinja l-importanza reċiproka ta' kollaborazzjoni fil-qasam tal-enerġija, li tirrappreżenta opportunità għal kummerċ u kollaborazzjoni ekonomika ulterjuri f'suq miftuħ u trasparenti, fejn tkun mifhuma għalkollox il-ħtieġa tal-UE li tiddiversifika l-kanali tat-trasport u l-fornituri tal-enerġija; jenfasizza li l-prinċipji tal-interdipendenza u t-trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-kooperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment u qafas vinkolanti tal-enerġija li jiggarantixxi provvista affidabbli u sigura tal-enerġija msejsa fuq standards indaqs għall-Istati Membri kollha;
6. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu anness miegħu jiġu inklużi fi Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-UE u r-Russja; jilqa' l-iffirmar fi Frar 2011 ta' Mekkaniżmu aġġornat ta' Twissija Bikrija biex jitjieb aktar il-koordinament f'każ ta' emerġenzi tal-provvista jew tad-domanda;
7. Jenfasizza li l-UE għandha twessa' l-kooperazzjoni tagħha mar-Russja fil-qasam tal-enerġija għal oqsma oħrajn, bħalma huma l-effiċjenza enerġetika u r-riċerka f'teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli; itenni li l-ftehimiet intergovernattivi u kummerċjali fil-qasam tal-enerġija bejn lir-Russja u entitajiet Ewropej għandhom ikunu konformi mal-obbligi legali taż-żewġ naħat;
8. Iħeġġeġ lil-Federazzjoni Russa tintensifika l-kontribut tagħha biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, permezz ta' tnaqqis domestiku fil-gassijiet serra u l-parteċipazzjoni tagħha f'negozjati internazzjonali għal qafas komprensiv tal-politika tal-klima għal wara l-2012 skont il-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kjoto; f'dan il-kuntest, jenfasizza li, biex jilħqu t-tnaqqis meħtieġ sal-2020 meta mqabbel mal-emissjonijiet tal-1990 għall-pajjiżi tal-Anness I, il-pajjiżi industrijalizzati kollha jeħtieġ li jimpenjaw ruħhom fir-rigward ta' miri li jirrappreżentaw tnaqqis sinifikanti mil-livelli attwali ta' emissjonijiet u jżidu l-qbid tal-karbonju fil-foresti;
9. Jistieden lir-Russja, f'dan ir-rigward, tirratifika immedjatament il-konvenzjoni UNECE (Espoo) u tottempera ruħha magħha, u jfakkar fl-impenn tar-Russja li tiżviluppa standards unifikati għal valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fi proġetti transkonfinali;
10. Jirrikonoxxi l-konklużjonijiet konġunti tal-11 ta' Ottubru 2011 li jħabbru l-finalizzazzjoni tal-lista ta' Passi Komuni lejn sistemi bla ħtieġa ta' viża u jappoġġja l-approvazzjoni uffiċjali u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħha; ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata koerenza reġjonali fl-approċċ adottat fil-konfront tal-liberalizzazzjoni tal-viża mar-Russja u mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jilqa' favorevolment il-finalizzazjzoni tan-negozjati dwar emendi għall-Ftehim eżistenti UE-Russja tal-2006 dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża u l-istabbiliment ta' Djalogu UE-Russja dwar il-Migrazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni effikaċi tal-ftehim UE-Russja dwar ir-riammissjoni; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, kontrolli mtejba fil-punti ta' kontroll fuq il-fruntiera u skambju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;
11. Jilqa' favorevolment il-proposta biex jiġi ssimplifikat it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera fir-Reġjun tal-Kaliningrad Oblast u jissottolinja li dan jikkontribwixxi għall-promozzjoni ulterjuri tas-sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja, skont il-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali tal-Ispazju Komuni ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja;
12. Jieħu nota tar-riżultat tal-elezzjonijiet tad-DUMA tal-4 ta' Diċembru 2011; jenfasizza li l-mod li bih tmexxew l-elezzjonijiet juri li r-Russja ma tissodisfax l-istandards elettorali kif definiti mill-OSCE; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward ta' rapporti ta' frodi u tas-sejbiet preliminari tar-rapport tal-OSCE/ODIHR dwar il-vjolazzjonijiet proċedurali, in-nuqqas ta' imparzjalità tal-midja, il-fastidju fil-konfront ta' osservaturi indipendenti u n-nuqqas ta' separazzjoni bejn il-partit u l-istat;
13. Itenni mill-ġdid li l-proċess ikkumplikat ta' reġistrazzjoni wassal għall-esklużjoni ta' bosta partiti tal-oppożizzjoni u mill-bidu nett immina serjament il-libertà tal-assoċjazzjoni, il-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu;
14. Jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Russi kontra “Golos”, grupp Russu ta' monitoraġġ, wara li dan stabilixxa sit speċjali tal-internet għar-reġistrazzjoni tal-frodi u l-irregolaritajiet elettorali;
15. Jilqa' favorevolment id-dimostrazzjonijiet fir-Russja bħala espressjoni tar-rieda tal-poplu Russu għal aktar demokrazija; ikkundanna r-ripressjoni mill-pulizija ta' dimostranti paċifiċi li pprotestaw kontra l-irregolaritajiet u l-frodi elettorali rrappurtati minn osservaturi internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw il-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni, ma jattakkawx lid-dimostranti paċifiċi u jeħilsu minnufih u bla kundizzjonijiet lil dawk li sfaw arrestati fil-kuntest tal-elezzjonijiet; jitlob li ssir investigazzjoni immedjata u sħiħa tar-rapporti kollha ta' frodi u intimidazzjoni, li l-persuni responsabbli jiġu ssanzjonati, u jittama li l-ordni tal-President Medvedev li jsiru investigazzjonijiet dwar dan tirriżulta sostanzjali u trasparenti;
16. Jieħu nota tas-sejħiet ta' dan l-aħħar biex l-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat tal-4 ta' Diċembru 2011 jiġu annullati; jistieden lill-awtoritajiet Russi jindirizzaw komprensivament il-każijiet kollha ta' abbużi elettorali bil-ħsieb li l-uffiċċjali involuti jiġu ssanzjonati u li l-votazzjoni terġa' ssir fejn seħħew irregolaritajiet;
17. Jitlob li jsiru elezzjonijiet ġodda, ħielsa u ġusti wara r-reġistrazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni kollha;
18. Jistieden lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jqajmu l-kwistjoni tal-elezzjonijiet tal-4 ta' Diċembru 2011 waqt is-samit, filwaqt li jħeġġu lir-Russja tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha li ġejjin, b'mod partikolari, mis-sħubija tar-Russja fil-Kunsill tal-Ewropa u fl-OSCE; jistieden lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSCE jivvalutaw l-ottemperanza tar-Russja mal-obbligi li joħorġu mis-sħubija tagħha f'dawn l-organizzazzjonijiet;
19. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jindirizzaw ir-riżultati tar-rapport ta' osservazzjoni tal-OSCE/ODIHR, jirriformaw il-liġijiet elettorali skont l-istandards tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa u jissodisfaw dawk l-istandards fil-prattika, sabiex jiggarantixxu elezzjonijiet presidenzjali liberi u demokratiċi fl-2012, b'opportunitajiet indaqs għall-kandidati tal-oppożizzjoni; jistieden lir-Russja toħloq il-possibbiltà ta' osservazzjoni suffiċjenti u effiċjenti tal-elezzjonijiet, skont l-istandards tal-OSCE/ODIHR u tal-Kunsill tal-Ewropa;
20. Itenni l-preokkupazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u dwar in-nuqqas ta' stat tad-dritt u ta' ġudikatura indipendenti; jesprimi t-tħassib serju tiegħu, b'mod speċjali, fir-rigward tal-każ ta' Sergey Magnitsky, inkluż dwar in-nuqqas ta' sanzjoni għal dawk li nstabu ħatja ta' mewtu; jieħu nota tar-rapport maħruġ f'Lulju 2011 mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-President Medvedev, li pprovda evidenza li l-arrest ta' Sergey Magnitsky kien kontra l-liġi u li ż-żamma tiegħu kienet ikkaratterizzata minn swat u tortura bil-għan li jiġġiegħel jammetti li kien ħati; jinnota li l-iState Department tal-Istati Uniti u l-Foreign Office tar-Renju Unit fl-2011 iddeċidew li jimponu projbizzjonijiet ta' viża fuq xi 60 uffiċjal Russu li jitqiesu konnessi mal-mewt ta' Sergey Magnitsky, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Russi;
21. Jistieden lill-Kumitat Investigattiv imexxi investigazzjoni komprensiva u bir-reqqa bla restrizzjonijiet, jippreżenta fil-pront konklużjonijiet konkreti u jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex dawk responsabbli jittellgħu l-qorti; jitlob li l-Kunsill, fil-każ li l-awtoritajiet Russi jissuktaw bin-nuqqas ta' azzjoni, jikkunsidra azzjonijiet bħal projbizzjoni fl-UE kollha kemm hi u ffriżar tal-assi finanzjarji ta' dawk li nstabu ħatja tat-tortura u l-mewt ta' Sergey Magnitsky, kif ukoll tat-tentattiv ta' ħabi tar-reat;
22. Jisħaq fuq l-importanza ta' skambju kontinwu ta' fehmiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Russja fi ħdan il-Konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, bħala mezz biex jikkonsolida l-interoperabbiltà tal-partijiet fl-oqsma kollha ta' kooperazzjoni, u jitlob li l-format ta' dawn il-laqgħat jittejjeb sabiex isiru aktar effikaċi, b'attenzjoni speċjali għal azzjoni konġunta kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, u li dan il-proċess jinfetaħ għal kontribut effikaċi mill-Parlament Ewropew, mid-Duma tal-Istat u minn NGOs tad-drittijiet tal-bniedem, sew jekk id-djalogu jsir fir-Russja kif ukoll jekk isir fi Stat Membru tal-UE;
23. Jikkundanna l-proposti reċenti li l-informazzjoni pubblika dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tiġi kkriminalizzata f'diversi reġjuni Russi u fil-livell federali;
24. Jitlob lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jieħdu inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu bl-għan li jsaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà fil-viċinat komuni; jistieden lir-Russja tikkontribwixxi attivament biex tinstab soluzzjoni għall-“kunflitti ffriżati” fil-viċinat tagħha u tirrispetta is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati kollha involuti f'dawn il-“kunflitti ffriżati”;
25. Itenni l-obbligu tar-Russja li timplimenta għalkollox il-Ftehim b'Sitt Punti dwar il-Waqfien mill-Ġlied, inkluż ir-rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja; jilqa' favorevolment ir-rieda tar-Russja li timxi “l quddiem rigward ftehim ta' qafas fil-qasam tal-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet; jistieden lill-awtoritajiet Russi, f'dan ir-rigward, ikunu konsistenti u għaldaqstant jippermettu li l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fil-Ġeorġja jkollha aċċess għat-territorji okkupati tal-Abkażja u tan-Nofsinhar tal-Ossezja, bi qbil mal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tal-2008;
26. Jappoġġja lill-Grupp ta' Minsk tal-OSCE u lill-Kopresident tiegħu fl-isforzi tagħhom rigward riżoluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh;
27. Jilqa' favorevolment il-bidu mill-ġdid tan-negozjati fil-format 5+2 fir-rigward tal-kunflitt Transnistrijan u jieħu nota tal-ewwel laqgħa uffiċjali li saret fl-1 ta' Diċembru 2011, li, wieħed jittama, se tkun il-bidu ta' soluzzjoni għall-kunflitt;
28. Iqis li r-Russja, li għandha s-setgħa tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jeħtiġilha tassumi r-responsabbiltajiet tagħha fil-kriżijiet inrternazzjonali; jenfasizza li l-isfidi f'livell internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward tas-Sirja u l-Iran, ma jistgħux jiġu solvuti mingħajr approċċ koordinat li jinkludi lir-Russja; jistieden lir-Russja tadotta approċċ aktar kostruttiv, speċjalment fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden lir-Russja tissieħeb fl-isforzi dinjija biex jitfixklu t-tentattivi tal-Iran ħalli jarrikkixxi l-uranju u attivitajiet nukleari oħra ta' dan il-pajjiż maħsuba biex jibni armi nukleari; jistieden lill-awtoritajiet Russi jissieħbu fis-sanzjonijiet internazzjonali kontra entitajiet Iranjani b'rispons għall-attakk fuq l-Ambaxxata Britannika;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.