Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2089(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0012/2012

Testi mressqa :

A7-0012/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2012 - 12.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0021

Testi adottati
PDF 154kWORD 89k
Il-Ħamis, 2 ta' Frar 2012 - Brussell Verżjoni finali
Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv
P7_TA(2012)0021A7-0012/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv” (2011/2089(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2011 jismu “Konsultazzjoni Pubblika: Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għal Rimedju Kollettiv” (SEC(2011)0173),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Dokument ta' Gwida jismu “Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara f'azzjonijiet għad-danni bbażati fuq infrazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102”, ippubblikat mill-Kummissjoni f'Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi(1) ,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Konsultazzjoni tal-Kummissjoni għad-diskussjoni dwar is-segwitu għall-Green Paper dwar “Ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi” fl-2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-White Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust(2) ,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tas-27 ta' Novembru 2008 dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturi (COM(2008)0794),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009(3) ,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2008 dwar Azzjonijiet għall-irkupru tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (COM(2008)0165),

–  wara li kkunsidra r-rapport Monti tad-9 ta' Mejju 2010 dwar “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku”,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2007 jisimha “L-istrateġija tal-UE fil-politika tagħha dwar il-konsumatur għall-perijodu 2007-2013: Tisħiħ tal-possibbiltajiet ta' azzjoni tal-konsumaturi, titjib tal-benessri tagħhom, u l-protezzjoni effettiva tagħhom” (COM(2007)0099),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fi kwistjonijiet ċivili, kummerċjali u familjari(4) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-Istati Membri, l-impatt tagħha fuq il-medjazzjoni u l-adozzjoni tagħha mill-qrati(5) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, kif ukoll l-Opinjonijiet tal-Kumitat għaas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0012/2012),

A.  billi fiz-zona Ewropea ta' ġustizzja, iċ-ċittadini u l-kumpaniji m'għandhomx biss igawdu d-drittijiet tagħhom iżda għandhom ukoll ikunu jistgħu jsaħħu dawn id-drittijiet b'mod effikaċi u effiċjenti;

B.  billi l-liġi tal-UE adottata reċentement intgħażlet biex il-partijiet, f'sitwazzjoni transkonfinali, ikunu jistgħu jew isaħħu d-drittijiet tagħhom b'mod effikaċi(6) jew ifittxu soluzzjoni barra l-qrati permezz ta' medjazzjoni(7) ,

C.  billi l-benefiċċji tal-metodu għar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim hemm qbil dwarhom u l-aċċess ġust għall-ġustizzja għandu jibqa' disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

D.  billi, skont l-Ewrobarometru Flash dwar “L-attitudnijiet tal-konsumatur lejn kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur” ta' Marzu 2011, 79 % tal-konsumaturi Ewropej jaqblu li jkunu aktar disposti jiddefendu jeddijiethom il-qorti jekk ikunu jistgħu jingħaqdu ma' konsumaturi oħrajn li jilmentaw dwar l-istess kwestjoni;

E.  billi l-konsumaturi milquta minn ksur tal-liġi, li jixtiequ jiftħu kawża l-qorti biex jiksbu rimedju fuq bażi individwali kemm-il darba jaffrontaw ostakoli sinifikanti rigward l-aċċessibilità, l-effikaċja u l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet minħabba l-ispejjeż tal-litigazzjoni li xi drabi jkunu għoljin, l-ispejjeż psikoloġiċi potenzjali, il-proċeduri kumplessi u twal, u n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-mezzi ta' rimedju disponibbli,

F.  billi, meta grupp ta' ċittadini jkun vittma tal-istess ksur, kawżi individwali jistgħu ma jikkostitwixxux mezz effikaċi biex jitwaqqfu prattiki illegali jew biex jinkiseb kumpens, partikolarment jekk it-telfa individwali tkun żgħira meta mqabbla mal-ispejjeż ta' litigazzjoni;

G.  billi f'xi Stati Membri l-prestazzjoni globali tal-applikazzjoni tal-għodod eżistenti ta' rimedju tal-konsumatur u tal-infurzar imfassla f'livell tal-UE mhijiex meqjusa sodisfaċenti, jew tali mekkaniżmi mhumiex magħrufa biżżejjed, li jirriżulta fl-użu limitat tagħhom;

H.  billi l-integrazzjoni tas-swieq Ewropej u ż-żieda konsegwenti fl-attivitajiet transkonfinali jenfasizzaw il-ħtieġa ta' approċċ koerenti mifrux mal-UE biex jiġu indirizzati każijiet fejn il-konsumaturi jibqgħu b'xejn minħabba li l-proċeduri għat-talba kollettiva ta' rimedju permezz ta' rikors għal kumpens li ġew introdotti f'għadd ta' Stati Membri ma jipprovdux soluzzjonijiet transkonfinali;

I.  billi l-awtoritajiet nazzjonali u dawk Ewropej għandhom rwol kruċjali fl-infurzar tal-liġi tal-UE, u l-infurzar privat għandu biss jissupplementa, iżda mhux jissostitwixxi, l-infurzar pubbliku;

J.  billi l-eżekuzzjoni pubblika għall-waqfien tal-ksur u l-impożizzjoni tal-multi fiha nnifisha ma tippermettix li l-konsumaturi jkunu kkumpensati għad-danni li jkunu soffrew;

K.  billi r-raggruppar tat-talbiet fi proċedura unika ta' rimedju kollettiv, jew il-fatt li talba bħal din tkun tista' titressaq minn entità jew korp rappreżentattiv li jaġixxi fl-interess pubbliku, jista' jissemplifika l-proċess u jnaqqas l-ispejjeż għall-partijiet involuti;

L.  billi sistema bbażata fuq azzjonijiet legali kollettivi tista' tissupplementa b'mod utli, iżda ma tissostitwixxix, protezzjoni legali individwali;

M.  billi l-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fir-rigward ta' kull proposta li ma taqax fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni;

1.  Jilqa' l-konsultazzjoni orizzontali msemmija hawn fuq u jenfasizza li l-vittmi ta' prattiki illegali – ċittadini u kumpaniji milquta bl-istess mod – għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens għat-telf jew id-dannu individwali li jġarrbu, b'mod partikolari fil-każ ta' danni diffużi u mifruxa, fejn jista' jkun li r-riskju tal-ispiża jkun sproporzjonat għad-danni mġarrba;

2.  Jinnota l-isforzi li saru mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex tiġi limitata l-litigazzjoni frivola u l-abbuż mis-sistema ta' azzjoni rappreżentattiva tal-Istati Uniti(8) , u jenfasizza li l-Ewropa għandha tevita li tintroduċi sistema ta' azzjoni rappreżentattiva bħal tal-Istati Uniti jew kwalunkwe sistema li ma tosservax it-tradizzjonijiet ġuridiċi Ewropej;

3.  Jilqa' l-isforzi tal-Istati Membri li jsaħħu jeddijiet il-vittmi tal-imġiba illeċita billi ddaħħlet leġiżlazzjoni, jew ġie ppjanat li tiddaħħal leġiżlazzjoni, li għandha t-tir li tiffaċilita r-rimedju waqt li tkun evitata kultura ta' litigazzjoni abużiva, imma wkoll jirrikonoxxi li l-mekkaniżmi nazzjonali ta' rimedju kollettiv huma diverġenti bil-wisq, l-aktar f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni u karatteristiċi proċedurali, li għandu mnejn jimminaw il-godiment tal-jeddijiet miċ-ċittadini;

4.  Jilqa' ħidmet il-Kummissjoni favur approċċ Ewropew koerenti għar-rimedju kollettiv u jitlob lill-Kummissjoni tiddimostra fil-valutazzjoni tagħha tal-impatt li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, hija meħtieġa azzjoni f'livell ta' UE ħalli jitjieb il-qafas regolatorju kurrenti tal-UE ħalli jkun permess lill-vittmi ta' ksur tad-Dritt tal-UE li jkunu kkumpensati għad-dannu soffert u b'hekk ikun hemm kontribut għall-fiduċja tal-konsumatur u għall-funzjonament aktar lixx tas-suq intern;

5.  Jisħaq dwar il-benefiċċji possibbli tal-azzjonijiet ġudizzjarji kollettivi f'termini ta' kostijiet aktar baxxi u ċertezza ġuridika għall-atturi, il-konvenuti u s-sistema ġudizzjarja billi tkun evitata litigazzjoni parallela ta' pretiżi li jkunu simili;

6.  Jemmen, fir-rigward tas-settur tal-kompetizzjoni, li infurzar pubbliku huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, sabiex jinkisbu bis-sħiħ l-objettivi tal-UE u jkun żgurat l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali;

7.  Ifakkar li, attwalment, l-Istati Membri biss jilleġiżlaw dwar ir-regoli nazzjonali biex jiġi kkwantifikat l-ammont ta' kumpens li jista' jingħata; barra minn hekk jinnota li l-infurzar tal-liġi nazzjonali m'għandux iwaqqaf l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Ewropea;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tifli bir-reqqa il-bażi ġuridika xierqa għall-miżuri kollha fil-qasam tar-rimedju kollettiv;

9.  Jinnota li l-informazzjoni disponibbli sa issa, l-aktar studju magħmul fl-2008 għad-DĠ SANCO jismu “Evalwazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza ta' mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fl-UE”, jindika li ebda mekkaniżmu mill-mekkaniżmi ta' rimedju eżistenti fl-UE ma ġġenera konsegwenzi ekonomiċi sproporzjonati;

Il-liġi tal-UE eżistenti u r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni

10.  Jinnota li ċerti mekkaniżmi ta' eżekuzzjoni għal każijiet individwali, bħalma hi d-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali u r-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati, li ġa jeżistu f'livell ta' UE u jemmen li, b'mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jipprovdi aċċess effiċjenti u effikaċi għall-ġustizzja billi jissemplifika l-litigazzjoni transkonfinali li tinvolvi talbiet li jammontaw għal inqas minn EUR 2 000, imma jinnota li din il-leġiżlazzjoni mhijiex intiża għall-għoti ta' aċċess effikaċi għall-ġustizzja f'każijiet fejn għadd kbri ta' vittmi jsoffru dannu simili;

11.  Huwa tal-fehma li r-rimedju b'inġunzjoni jista' wkoll ikollu rwol importanti fil-ħarsien tal-jeddijiet li ċ-ċittadini u l-kumpaniji jgawdu skont il-liġi tal-UE u jemmen li l-mekkaniżmi introdotti skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-Koperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi(9) , kif ukoll id-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, jistgħu jittejbu b'mod sinifikanti sabiex jiġu promossi l-koperazzjoni u r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali;

12.  Huwa tal-fehma li n-neċessità għal titjib fir-rimedji għal kumpens skont l-inġunzjoni hija partikolarment kbira fil-qasam tal-ambjent; jitlob lill-Kummissjoni tesplora mezzi kif jingħata rimedju lil dak is-settur;

13.  Iqis li r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni għandu jkun ikkonċentrat fuq il-ħarsien kemm tal-interessi tal-individwu kemm dawk pubbliċi, u jitlob għal kawtela meta jiżdied l-aċċess għall-ġustizzja tal-organizzazzjonijiet, billi l-organizzazzjonijiet m'għandhomx igawdu minn aċċess aktar faċli għall-ġustizzja milli jgawdu l-individwi;

14.  Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ u żżid l-effikaċja ta' strumenti eżistenti bħad-Direttiva 98/27/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex jiġi żgurat l-infurzar pubbliku xieraq tad-drittijiet tal-konsumaturi fl-UE; jisħaq, minkejja dan, li la d-Direttiva 98/27/KE u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 ma jippermettu li l-konsumaturi jiġu kkumpensati għad-dannu mġarrab;

Qafas orizzontali u salvagwardji vinkolanti

15.  Huwa tal-fehma li l-aċċess għall-ġustizzja permezz tar-rimedju kollettiv jidħol fl-isfera tad-Dritt Proċedurali u huwa mħasseb li l-inizjattivi mhux koordinati tal-UE fil-qasam tar-rimedju kollettiv se jwasslu għal frammentazzjoni tad-Drittijiet proċedurali u tad-danni nazzjonali, li mbagħad idgħajfu flok ma jsaħħu l-aċċess għall-ġustizzja fl-UE; jitlob li, fil-każ li tittieħed deċiżjoni wara kunsiderazzjoni dettaljata li l-iskema tal-Unjoni ta' rimedju kollettiv hija meħtieġa u mixtieqa, kull proposta fil-qasam tar-rimedju kollettiv tieħu s-sura ta' qafas orizzontali li jkun jinkludi ġabra ta' prinċipji komuni li jipprovdu aċċess uniformi għall-ġustizzja permezz tar-rimedju kollettiv fl-UE u jkun jittratta b'mod speċifiku għad li mhux esklużiv l-infrazzjonijiet ta' jeddijiet il-konsumatur;

16.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li ttieħed debita kunsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri individwali u li jittejjeb il-koordinament tal-prattiki tajbin bejn l-Istati Membri, u jemmen li x-xogħol fuq skema tal-UE li tkun trawwem ir-rimedju effettiv kemm għall-konsumaturi kemm għall-SMEs ma għandhiex tikkawża dewmien fl-adozzjoni tal-qafas orizzontali;

17.  Jenfasizza li kull qafas orizzontali vinkolanti għandu jkopri l-aspetti essenzjali tal-otteniment kollettiv tad-danni; jisħaq, barra minn hekk, li b'mod partikolari kwestjoniet ta' Dritt Proċedurali u ta' dak Internazzjonali Privat għandhom japplikaw għall-azzjonijiet kollettivi b'mod ġenerali irrispettivament mis-settur li jkun, filwaqt li għadd limitat ta' regoli rilevanti għall-ħarsien tal-konsumatur jew għad-Dritt tal-Kompetizzjoni, li jittrattaw materji bħalma huwa l-potenzjali effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, kif preskritt, ngħidu aħna, f'artikoli jew kapitoli separati tal-istrument orizzontali nnifsu jew fi strumenti ġuridiċi separati b'mod parallel jew sussegwenti għall-adozzjoni tal-istrument orizzontali;

18.  Jemmen li d-dannu jew it-telf li jġarrab individwu għandu rwol kruċjali biex jiġi deċiż jekk jinbdewx proċeduri quddiem qorti f'dan ir-rigward billi dawn b'mod inevitabbli jitqabblu mal-kostijiet potenzjali inkorsi meta wieħed jipproċedi b'azzjoni; ifakkar lill-Kummissjoni, għalhekk, dwar il-ħtieġa ta' qafas orizzontali dwar ir-rimedju kollettiv bħala għodda effiċjenti u effikaċi skont il-kost għall-partijiet kollha u huwa tal-fehma li r-regoli proċedurali nazzjonali fl-Istati Membri jistgħu jużaw ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar bħala riferiment għall-finijiet tar-rimedju kollettiv f'każijiet fejn il-valur tal-pretiża ma joħroġx mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-regolament;

19.  Iqis li l-azzjoni kollettiva skont strument orizzontali twassal l-akbar benefiċċju f'każijiet fejn il-konvenut u l-vittmi rrappreżentati ma jkunux iddomiċiljati fl-istess Stat Membru (dimensjoni transkonfinali) u fejn ikun hemm allegat ksur tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-UE (ksur tad-Dritt tal-UE); jitlob li jkun hemm analiżi ulterjuri dwar kif jitjieb ir-rimedju f'każijiet ta' vjolazzjonijiet tad-Dritt nazzjonali li jista' jkollhom implikazzjonijiet wisgħin u transfruntieri;

20.  Itenni li għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji fl-istrument orizzontali ħalli jiġu evitati talbiet mhux meritevoli u l-użu ħażin tar-rimedju kollettiv, ħalli jiġu ggarantiti proċedimenti ġusti, u jenfasizza li tali salvagwardji jridu jkopru, inter alia, dawn il-punti li ġejjin:

Locus standi:


   sabiex azzjoni rappreżentattiva tkun ammissibbli jrid ikun hemm grupp identifikat b'mod ċar, u l-identifikazzjoni tal-membri tal-grupp trid issir qabel ma tiġi ppreżentata t-talba;
   l-approċċ Ewropew lejn ir-rimedju kollettiv jinbena fuq il-prinċipju opt-in, li bih il-vittmi jkunu identifikati b'mod ċar u jieħdu sehem fil-proċedura biss jekk ikunu wrew biċ-ċar ix-xewqa tagħhom li jagħmlu dan, ħalli jiġu evitati abbużi potenzjali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sistemi nazzjonali eżistenti skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra sistema li tipprovdi informazzjoni rilevanti lill-potenzjali vittmi involuti, iżżid il-kwalità rappreżentattiva tal-azzjonijiet kollettivi, tippermetti lill-akbar għadd ta' vittmi li jfittxu kumpens u tiżgura aċċess aċċess sempliċi, mhux għoli, u effikaċi għall-ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE, ħalli b'hekk jiġu evitati l-litigazzjoni eċċessiva u azzjonijiet sussegwenti individwali jew kollettivi mhux neċessarji dwar l-istess ksur; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmi effiċjenti li jiżguraw li jiġu informati kemm jsita' jkun vittmi u jkunu konxji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, partikolarment meta dawn ikunu ddomiċiljati f'diversi Stati Membri filwaqt li jiġi evitat li ssir ħsara bla bżonn lir-reputazzjoni tal-parti kkontestata, biex jiġi rispettat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;
   sistema ta' rimedju kollettiv fejn il-vittmi ma jkunux identifikati qabel ma tingħata s-sentenza għandha tkun riġettata abbażi li tmur kontra l-ordinament ġuridiku ta' ħafna Stati Membri u tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta' kwalunkwe vittma possiblment parteċipi fil-proċediment mingħajr ma tkun taf u xorta waħda tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-qorti;
   l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mħallef jew korp simili jibqa' jkollu setgħat diskrezzjonali li jieħdu l-forma ta' verifika preliminari tal-ammissibilità ta' kull azzjoni kollettiva potenzjali ħalli jikkonferma li l-kriterji ta' kwalifika jkunu ġew sodisfatti u li l-azzjoni timmerita li tipproċedi;
   l-Istati Membri għandhom jaħtru organizzazzjonijiet kwalifikati biex jintavolaw azzjonijiet rappreżentattivi, kriterji Ewropej jkunu utli għad-definizzjoni ċara ta' dawn l-entitajiet kwalifikati; dawn il-kriterji jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi iżda jeħtieġ li jiġu speċifikati aktar biex jiġi żgurat li tiġi evitata l-litigazzjoni abbużiva kif ukoll li l-aċċess għall-ġustizzja jingħata; tali kriterji għandhom ikopru, inter alia, ir-riżorsi finanzjarji u dawk umani tal-organizzazzjonijiet leġittimati;
   f'kull każ, il-vittmi għandhom ikunu liberi li jfittxu l-alternattiva ta' rimedju għal kumpens individwali quddiem qorti kompetenti;
Kumpens sħiħ għad-dannu proprju
   il-qafas orizzontali għandu jkopri l-kumpens biss għad-dannu li tabilħaqq ikun ġie kkawżat, u d-danni punittivi jridu jkunu pprojbiti; skont il-prinċipju tal-kunċett ta' kumpens, id-danni riżarċiti għandhom jitqassmu lill-vittmi individwali skont il-ħsara li jkunu ġarrbu individwalment; inġenerali, il-ħlasijiet ta' kontinġenza mhumiex applikabbli fl-Ewropa u m'għandhomx jifformaw parti minn qafas orizzontali mandatorju;
Aċċess għall-provi
   rikorrenti kollettivi m'għandhomx ikunu f'pożizzjoni aħjar minn rikorrenti individwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-evidenza min-naħa tal-konvenut, u kull rikorrent għandu jipprovdi evidenza għat-talba tiegħu; l-obbligu li jiġu żvelati dokumenti lir-rikorrenti (“skoperta”) b'mod ġenerali mhux applikabbli fl-Ewropa u ma jridux ikunu jifformaw parti mill-qafas orizzontali;
il-prinċipju ta' min jitlef iħallas
   ma jista' jkun hemm l-ebda azzjoni mingħajr riskju finanzjarju, u l-Istati Membri jridu jiddeterminaw ir-regoli tagħhom stess għall-allokazzjoni tal-kostijiet, u li skont it-termini tagħhom il-parti li ma tkunx irnexxiet ikollha jissopporta l-ispejjeż tal-parti avversa biex b'hekk tkun evitata l-proliferazzjoni ta' pretiżi mingħajr meritu f'mekkaniżmu tal-UE għar-rimedju kollettiv;
Ebda finanzjament tal-parti terza
   il-Kummissjoni ma tridx tistabbilixxi xi kundizzjonijiet jew linji gwida fir-rigward tal-finanzjament ta' pretiżi għal danni, billi r-rikors għall-finanzjament min-naħa ta' terzi huwa skonoxxut fl-ordinamenti ġuridiċi ta' bosta Stati Membri, ngħidu aħna, permezz tal-offerta ta' sehem mid-danni mirbuħin; dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jiddelinjaw kondizzjonijiet jew linji gwida għall-finanzjament tal-azzjonijiet għad-danni;

21.  Jissuġġerixxi li, jekk kemm-il darba l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal qafas orizzontali li jkun jirregola r-rimedju kollettiv, għandu jkun adottat prinċipju tal-azzjoni ta' segwitu fejn xieraq li l-eżekuzzjoni privata fl-ambitu ta' rimedju kollettiv tista ssir jekk ikun hemm deċiżjoni preċedenti ta' vjolazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni jew tal-awtorità kompetenti nazzjonali; jinnota li t-twaqqif tal-prinċipju tal-azzjoni ta' segwitu ġeneralment ma jipprekludix l-possibilità tad-dispożizzjoni kemm ta' azzjonijiet meħudin mill-wieħed u azzjonijiet ta' segwitu;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina mezzi kif tissensibilizza l-konsumaturi dwar id-disponibilità tal-mekkaniżmi ta' rimedju u tal-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-entitajiet kwalifikati li jintavolaw azzjonijiet kollettivi; jinsisti li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC- European Consumer Centres) jista' jkollhom rwol kruċjali fil-mogħdija ta' informazzjoni lill-akbar possibbli ta' vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-Dritt tal-UE;

23.  Jenfasizza li ħafna mill-ksur tad-Dritt tal-Unjoni identifikat mill-Kummissjoni fil-qasam tal-miżuri tal-UE għall-ħarsien tal-konsumatur jitlob it-tisħiħ tar-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni(10) , filwaqt li jirrikonoxxi li l-provvediment inġuntiv ma huwiex biżżejjed meta l-vittmi jkunu sofrew preġudizzju u jkollhom jedd għal kumpens; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-leġiżlazzjoni tal-UE li tippreżenta diffikultajiet fl-otteniment ta' rimedju kumpensatorju;

24.  Iqis li dan għandu jsir ħalli jinstabu oqsma fejn il-qafas orizzontali jista' jagħti rimedju kompensatorju kollettiv għall-ksur ta' tali leġiżlazzjoni, kif ukoll għall-ksur tad-Dritt tal-UE tal-antitrust; jitlob biex il-liġi tal-UE rilevanti tiġi elenkata f'anness tal-istrument orizzontali;

Metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (ADR)

25.  Jindika li l-mekkaniżmi tal-ADR ħafna drabi jiddependu mir-rieda tal-kummerċjant li jikkoopera u jemmen li d-disponibilità ta' sistema effettiva ta' rimedju ġudizzjarju tkun inċentiv b'saħħtu biex il-partijiet jaslu li jittransiġu extraġudizzjarjament, li x'aktarx jevita ħafna litigazzjoni; jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' skemi ADR fil-livell Ewropew ħalli jkun hemm riżoluzzjoni tat-tilwim rapida u mhux għolja bħala opzjoni aktar attraenti mill-proċedimenti ġudizzjarji, u jissuġġerixxi li l-imħallfin li jkunu qed jagħmlu l-verifika preliminari għal azzjoni kollettiva għandu wkoll ikollhom s-setgħa jordnaw lill-partijiet involuti li l-ewwel ifittxu riżoluzzjoni kunsenswali kollettiva tat-talba qabel ma jibdew proċedimenti kollettivi fil-qorti; jemmen li l-kriterji żviluppati mill-Qorti(11) għandhom ikunu l-punt tat-tluq għall-istabbiliment ta' dan il-poter; madankollu jenfasizza li dawn il-mekkaniżmi għandhom jibqgħu, kif jindika sew l-isem, sempliċement alternattiva għar-rimedju ġudizzjarju, u mhux prekundizzjoni għall-istess;

Il-ġuriżdizzjoni u d-Dritt applikabbli

26.  Jisħaq li qafas orizzontali għandu minnu nnifsu jippreskrivi r-regoli għall-prevenzjoni tal-ġirja fuq il-qrati (“forum shopping”) filwaqt li ma jkunx ipperikolat l-aċċess għall-ġustizzja, u li Brussell I għandha tittieħed bħala l-punt tat-tluq għad-determinazzjoni ta' liema qrati għandhom ġurisdizzjoni;

27.  Jitlob analiżi ulterjuri tal-mod kif jistgħu jiġu emendati r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet; jemmen li waħda mis-soluzzjonijiet tista' tkun li tiġi applikata l-liġi tal-post fejn il-maġġoranza tal-vittmi jkunu ddomiċiljati, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-vittmi individwali għandhom jibqgħu jkunu liberi li ma jeħdux azzjoni kollettiva “opt-in” iżda minflok jitolbu kumpens b'mod individwali f'konformità mar-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali privat stabbiliti fir-Regolamenti Brussell I, Ruma I u Ruma II;

28.  Jisħaq li wara d-deċiżjoni tal-Qorti fil-Kawża C-360/09, Pfleiderer , il-Kummissjoni obbligata tiżgura li r-rimedju kollettiv ma jkunx jikkomprometti l-effikaċja tas-sistema tar-rtubija tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-proċedura ta' riżoluzzjoni;

Proċedura leġiżlattiva ordinarja

29.  Jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jiġi involut, fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fi kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva fil-qasam tar-rimedju kollettiv u li kull proposta għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni dettaljata tal-impatt;

o
o   o

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju.

(1) ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30.
(2) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 161.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0023.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0449.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0361.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1); ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p.1); ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15).
(7) Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136, 24.05.2008, p. 3).
(8) Wal-Mart Stores Inc. vs Dukes et al. 564 U. S. xxx (2011).
(9) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
(10) Studju dwar il-problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi meta jfittxu li jiksbu rimedju għal ksur tal-liġi dwar il-ħarsien tal-konsumatur, u l-konsegwenzi ekonomiċi ta' tali problemi, Parti 1, Rapport ewlieni, 26 ta' Awwissu 2008, Parti I: Rapport Prinċipali, p. 21 et seq.
(11) Sentenza tat-18 ta' Marzu 2010 fil-Kawżi Magħquda C-317/08, C-318/08, C-319/08 u C-320/08, Alassini, għadhom mhumiex irrappurtati fil-Ġabra.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Mejju 2013Avviż legali