Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2112(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0442/2011

Testi mressqa :

A7-0442/2011

Dibattiti :

PV 02/02/2012 - 9
CRE 02/02/2012 - 9

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2012 - 12.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0029

Testi adottati
PDF 252kWORD 91k
Il-Ħamis, 2 ta' Frar 2012 - Brussell
Kooperazzjoni għall-żvilupp tal-UE b'appoġġ għall-objettiv ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030
P7_TA(2012)0029A7-0442/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b'appoġġ għall-objettiv ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030 (2011/2112(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-għażla tal-2012 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bħala rikonoxximent tal-importanza tal-aċċess għall-enerġija għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u għall-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs)(1),

–  Wara li kkunsidra t-tnedija mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, ta' Inizjattiva għal Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd(2),

–  wara li kkunsidra t-twaqqif mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, ta' Grupp Konsultattiv dwar l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima (AGECC) u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tat-28 ta' April 2010, fejn identifika bħala prijoritajiet il-mira internazzjonali ta' aċċess universali għal servizzi moderni ta' enerġija għal kulħadd sal-2030 u t-tnaqqis tal-intensità enerġetika globali b'40% sal-2030(3),

–  wara li kkunsidra l-Prospettiva tal-Enerġija Dinjija 2011 tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), li tenfasizza li madwar id-dinja madwar 1,3 biljun persuna m'għandhom l-ebda aċċess għall-elettriku u, barra minn hekk, li madwar 2,7 biljun persuna m'għandhomx faċilitajiet nodfa għat-tisjir,

–  wara li kkunsidra l-konferenza internazzjonali ta' livell għoli dwar Enerġija għal Kulħadd – Il-Finanzjament tal-Aċċess għall-Foqra li saret f'Oslo, in-Norveġja, fl-10 u fil-11 ta' Ottubru 2011 u t-tnedija tas-Sħubija Internazzjonali għall-Enerġija u l-Klima – l-Inizjattiva Energy+,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-aċċess għal sorsi ta' enerġija sostenibbli fil-livell lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tad-19 ta' Mejju 2009, li jfakkru li “l-aċċess għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għal servizzi moderni tal-enerġija huwa prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali, kif ukoll biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs)” u li “l-iffokar fuq l-enerġija sostenibbli se jikkonsolida l-progress lejn l-MDGs u se jikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-kriżi globali u biex jittaffa t-tibdil fil-klima”,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2002 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (COM(2002)0408),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-iżvilupp fil-futur tal-Inizjattiva tal-UE għall-Enerġija u l-modalitajiet għall-istabbiliment ta' Faċilità għall-Enerġija għall-pajjiżi ACP (COM(2004)0711),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta' Ottubru 2011 bit-titolu “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0442/2011),

A.  billi madwar id-dinja madwar 1,3 biljun persuna – li 84% minnhom jgħixu f'żoni rurali – m'għandhom l-ebda aċċess għall-elettriku; billi, barra minn hekk, 2,7 biljun persuna m'għandhomx faċilitajiet nodfa għat-tisjir(4), sitwazzjoni li tikkaġuna duħħan fuq ġewwa li hu responsabbli għal “il fuq minn 1,4 miljun mewta prematura fis-sena, li tagħmilha, wara l-HIV/AIDS, it-tieni l-aktar raġuni frekwenti ta' mwiet prematuri madwar id-dinja(5); billi n-nuqqas attwali ta' aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni f'ħafna pajjiżi foqra rriżulta f'inugwaljanza tal-ġeneru u partikolarment fi żvantaġġi għan-nisa u t-tfal,

B.  billi l-aċċess għall-enerġija huwa essenzjali għar-realizzazzjoni ta' bosta drittijiet li jinsabu fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966 u fi strumenti ġuridiċi internazzjonali oħrajn fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent,

C.  billi l-MDGs mhux se jintlaħqu sakemm ma jsirx progress sostanzjali fir-rigward tat-titjib tal-aċċess għall-enerġija, liema progress jirrikjedi investiment annwali li hu stmat fil-livell ta' USD 48 biljun sal-2030, li hu ekwivalenti għal madwar 3% tal-investiment globali fl-infrastruttura tal-enerġija previst għall-perjodu sal-2030 u li jwassal għal żieda modesta ta' 0,7% fl-emissjonijiet tas-CO2 sal-2030(6);

D.  billi sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u speċjalment soluzzjonijiet deċentralizzati żgħar, għandhom potenzjal enormi għall-provvista ta' servizzi tal-enerġija affidabbli, sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli għall-fqar, partikolarment f'żoni rurali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinsabu f'żoni b'aċċess għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'abbundanza, speċjalment l-enerġija solari u tar-riħ; billi għad hemm ħafna sfidi biex tiġi garantita l-espansjoni tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fosthom il-finanzjament, il-bini ta' kapaċità, it-trasferiment tat-teknoloġija u r-riforma tal-governanza,

E.  billi l-użu ta' teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli huwa essenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet ta' fjuwils fossili u l-volatilità tal-prezzijiet relatata; billi l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira (bħal pereżempju l-idroelettriku u l-għelejjel għall-enerġija) jaf ikollhom ukoll konsegwenzi soċjali u ambjentali gravi għall-popolazzjoni lokali, jiġifieri fuq is-sigurtà tal-ilma jew dik alimentari; billi valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti ambjentali tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli hija għalhekk prerekwiżit importanti għall-finanzjamenti minn donaturi,

F.  billi l-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni u sostenibbli għal kulħadd ifisser aċċess għal firxa sħiħa ta' servizzi tal-enerġija (mhux biss elettriku) li wieħed jeħtieġ u jkun irid, pereżempju t-tidwil, it-tisjir u t-tisħin tal-ilma, it-tisħin tal-ispazji, l-aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-enerġija għal użi produttivi u għall-ġenerazzjoni tal-introjtu;

G.  billi 8% biss tal-USD 409 biljun mogħtija f'sussidji għall-fjuwils fossili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2010 marru għall-20% tal-popolazzjoni bl-iktar introjtu baxx(7);

H.  billi r-riżultati tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Enerġija jikkorelataw b'mod qawwi ma' dawk tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem fl-istennija tal-għomor, l-edukazzjoni, il-PGD per capita u indikaturi oħra tal-istandard tal-għajxien;

I.  billi fl-Afrika Sub-Saħarjana, kważi 70% tat-total tal-abitanti ma għandhomx aċċess għall-elettriku; billi ż-żieda demografika sebqet l-elettrifikazzjoni u l-għadd ta' nies mingħajr aċċess għall-elettriku żdied,

J.  billi fl-LDCs b'mod partikolari, minoranza żgħira biss tal-popolazzjoni għandha aċċess għall-grilja; billi l-aċċess għall-grilja mhux se jilħaq il-popolazzjoni kollha fil-futur qarib, li jfisser li soluzzjonijiet deċentralizzati bħal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, mhux kollegati mal-grilja jew ma' grilja żgħira huma l-uniku mod vijabbli kif jiġi provdut aċċess universali għall-enerġija fis-snin li ġejjin;

K.  billi r-rispett għall-istat tad-dritt u governanza b'saħħitha huma fatturi fundamentali li għandhom ikunu promossi sabiex ikun attirat l-investiment privat meħtieġ biex jinkiseb bis-sħiħ l-aċċess universali għall-enerġija,

L.  billi l-aħħar komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-enerġija fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp inħarġu fl-2002 u fl-2004;

1.  Jenfasizza li minkejja li ma jeżisti l-ebda Għan ta' Żvilupp tal-Millennju relatat speċifikament mal-enerġija, l-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni u sostenibbli għal kulħadd (minn hawn “il quddiem ”aċċess universali għall-enerġija“) huwa prerekwiżit biex jintlaħqu l-MDGs; jemmen għalhekk li l-enerġija għandha tingħata prijorità fid-dibattitu dwar il-qerda tal-faqar, filwaqt li jiġi garantit li iżjed aċċess għas-servizzi tal-enerġija moderni jkun konsistenti mal-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp f'appoġġ għall-aċċess universali għall-enerġija għas-sena 2012, li ġiet iddedikata għal din il-kwistjoni min-NU;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprovaw u jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw il-mira internazzjonali (maħluqa min-NU) ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030, u jallinjaw il-politiki tagħhom u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma' dan l-objettiv;

3.  Jenfasizza li l-massimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabili tirrappreżenta s-soluzzjoni ideali li l-komunità internazzjonali għandha tadotta biex tikseb l-aċċess universali għas-servizzi tal-enerġija moderni, filwaqt li tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta' azzjoni biex tintegra l-objettiv tal-aċċess universali għall-enerġija fil-politiki rilevanti tal-UE, kif ukoll fis-setturi kollha tal-politika għall-iżvilupp, bħall-agrikoltura, l-industrija, il-kummerċ, is-saħħa u l-ilma, u tiżgura li jkun hemm koerenza fil-politiki u s-setturi għall-objettiv tal-aċċess universali għall-enerġija;

4.  Jilqa' favorevolment il-fatt li l-enerġija tissemma bħala wieħed mill-punti fokali tal-“Aġenda għall-Bidla” u jistenna li l-Kummissjoni taġixxi f'dan is-sens; jistieden lill-Kummissjoni la tissubordina l-aċċess għall-enerġija għas-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil fil-klima u lanqas ma tħawwadha magħhom, li jissemmew ukoll;

5.  Jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' programm speċifiku “enerġija u żvilupp”, b'iffukar speċjali fuq l-aċċess universali għall-enerġija, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;

6.  Josserva li l-esperjenzi wrew li l-kapaċità tal-elettriku ċentralizzata u l-objettivi tal-estensjoni tal-grilja spiss naqsu milli jtejbu s-servizzi tal-enerġija għall-foqra; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn ta' sostenn favur soluzzjonijiet deċentralizzati rinnovabbli, bħal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, mhux kollegati mal-grilja jew ma' grilja żgħira, biex jintlaħqu l-partijiet kollha tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-popolazzjonijiet foqra u rurali; jistieden lill-UE tiffoka l-isforzi tagħha, finanzjarjament u teknikament, fuq dawn is-soluzzjonijiet fuq skala żgħira għall-faqar tal-enerġija f'żoni mbiegħda;

7.  Josserva l-potenzjal enormi għall-enerġija rinnovabbli f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiġi garantita provvista enerġetika sostenibbli u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u b'hekk titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-fluttwazzjonijiet fil-prezz tal-enerġija;

8.  Jenfasizza li l-Faċilità għall-Enerġija hija internazzjonalment waħda mill-ftit mekkaniżmi finanzjarji li jipprovdu finanzjament għal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli u testendi l-finanzjament ta' dan it-tip ta' proġett fil-perjodu finanzjarju li jmiss mill-2014 “il quddiem;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-investimenti appoġġati mill-Faċilità għall-Enerġija rigward it-titjib tal-aċċess għal servizzi bażiċi tal-enerġija għal persuni li jgħixu fil-faqar, u ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tas-suċċessur tal-Faċilità għall-Enerġija fil-perjodu finanzjarju l-ġdid wara l-2013 f'dan is-sens;

10.  Jenfasizza li, jekk jiġi implimentat korrettament, l-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli biex jipprovdu servizzi tal-enerġija jistgħu joffru soluzzjoni ekonomika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'benefiċċji għas-saħħa, l-ambjent u l-iżvilupp lokali; jisħaq, madankollu, fuq il-bżonn li jitqies l-impatt ambjentali tal-użu tal-enerġija rinnovabbli biex jitjieb l-aċċess universali għall-enerġija, speċjalment fil-każ tal-idroelettriku, il-bijomassa jew l-agrokarburanti;

11.  Jistieden lill-UE tiżviluppa linji gwida ċari dwar il-kriterji tas-sostenibilità ambjentali għall-finanzjament ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel mill-użu tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata jew minn bidla għal produzzjoni sostenibbli b'effiċjenza enerġetika għolja u bi ftit emissjonijiet tal-karbonju kundizzjoni prijoritarja għall-appoġġ għal proġetti ġodda tal-enerġija;

12.  Jisħaq fuq ir-rwol li l-kumpaniji privati għandhom jiżvolġu biex jippermettu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jilħqu l-MDGs, filwaqt li jitqies b'mod partikolari l-aċċess universali għall-enerġija; jenfasizza barra minn hekk l-importanza ta' sostenn favur l-iżvilupp ta' riżorsi finanzjarji u ta' kompetenzi teknoloġiċi adattati għal swieq bi dħul baxx, partikolarment permezz ta' involviment iktar qawwi tal-kumpaniji privati fi sħubiji istituzzjonali nazzjonali kif ukoll internazzjonali;

13.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-Faċilità għall-Enerġija, it-trasferiment tat-teknoloġiji, inklużi l-għarfien tekniku, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki, li jkun xieraq għall-għoti ta' servizzi tal-enerġija moderni għall-persuni foqra, fost il-pajjiżi sħab fin-Nofsinhar u bejn l-Ewropa u n-Nofsinhar, iddedikati għall-iżvilupp tal-kapaċità, inklużi l-ġemellaġġi, l-iskambju tal-persunal u taħriġ prattiku, biex jiġu vvalutati u assorbiti l-għażliet teknoloġiċi; jinkoraġġixxi wkoll it-trasferiment tat-teknoloġija tal-effiċjenza enerġetika f'dan ir-rigward biex l-enerġija tkun tista' tintuża bl-aktar mod produttiv, bil-għan li jiġu massimizzati s-servizzi tal-enerġija li ċerta kwantità ta' enerġija tista' toffri;

14.  Jappella biex tingħata attenzjoni speċjali lill-użi produttivi tal-enerġija fl-iżvilupp u fil-finanzjament ta' proġetti/programmi, bħala mekkaniżmu fundamentali għall-promozzjoni soċjoekonomika u l-ġenerazzjoni ta' dħul;

15.  Jenfasizza li sħubiji effikaċi bejn is-settur privat, is-settur pubbliku, il-komunitajiet u l-gvernijiet lokali se jkunu meħtieġa għall-espansjoni tal-aċċess għas-servizzi tal-enerġija sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tuża, kull fejn ikun possibbli, approċċ tas-suq għal soluzzjonijiet tal-enerġija ġodda/innovattivi, pereżempju billi trawwem il-produzzjoni lokali, tiffaċilita l-introduzzjoni tagħhom fis-suq jew tipprovdi informazzjoni tas-suq, biex tiżgura l-appartenenza lokali u s-sostenibilità; jistieden, partikolarment, lill-Kummissjoni tippromwovi l-bini tal-kapaċità tal-governanza biex ikun possibbli li jiġu replikati proġetti fuq skala żgħira marbuta mas-servizzi tal-enerġija permezz tal-promozzjoni tal-SMEs;

16.  Jemmen li l-investiment privat u l-parteċipazzjoni tiegħu huma fundamentali biex jintlaħaq għalkollox l-aċċess universali għall-enerġija; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippromwovi l-istat tad-dritt fl-azzjonijiet kollha tagħha ta' għajnuna, partikolarment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati;

17.  Jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE jipprovdu informazzjoni dwar it-taxxi, l-inċentivi u r-rekwiżiti regolatorji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw lil dawk il-kumpaniji tal-UE li jixtiequ jinvestu fis-settur tal-enerġija;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki rigward l-aktar inċentivi effiċjenti biex tiġi faċilitata l-espansjoni tal-infrastruttura tal-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

19.  Jinkoraġġixxi l-appoġġ għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' politika u oqfsa legali tajba u ta' standards tekniċi li jsaħħu l-kapaċità lokali u jiġġeneraw il-fiduċja fost l-investituri tas-settur privat, inkluża l-mobilizzazzjoni ta' sorsi ta' investiment lokali;

20.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-fondi pubbliċi minn gvernijiet sħab, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-ODA fil-mobilitazzjoni tal-investiment privat meħtieġ; jenfasizza wkoll il-fatt li l-għajnuna tal-UE għat-titjib tal-aċċess għall-enerġija għandha ssostni l-ekonomiji lokali, l-impjiegi ħodor u t-tnaqqis tal-faqar u ma tridx tkun marbuta mal-involviment tal-impriżi tal-UE jew użata biex tissussidjahom;

21.  Jirrikonoxxi li s-settur pubbliku waħdu mhuwiex se jkun kapaċi jipprovdi l-bżonnijiet finanzjarji kollha meħtieġa għall-espansjoni tal-aċċess għall-enerġija; jindika, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-investituri privati u r-riformi orjentati lejn is-suq fis-settur tal-enerġija; jenfasizza, madankollu, li l-attenzjoni dejjem ikbar fuq l-użu tas-sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat u fuq l-attrazzjoni ta' fondi mingħand finanzjaturi privati tista' tnaqqas negattivament l-attrattiva finanzjarja tal-proġetti lokali dwar l-enerġija rinnovabbli, billi tali proġetti huma inqas “bankabbli” mill-proġetti l-kbar kollegati mal-grilja, li spiss jaqdu lill-industriji l-kbar; jenfasizza, għalhekk, li r-responsabilità aħħarija biex jiġi żgurat aċċess għal servizzi universali, speċjalment enerġija għall-but ta' kulħadd għall-foqra u għall-popolazzjonijiet imbiegħda, tibqa' tal-istat;

22.  Jenfasizza l-fatt li hemm diversi modi għall-gvernijiet sħab kif jippromwovu l-aċċess universali għall-enerġija permezz tal-leġiżlazzjoni, ir-regolamentazzjoni, il-kuntratti jew il-liċenzjar, billi jimponu obbligi tas-servizz universali, imfassla apposta għall-ħtiġijiet u l-possibilitajiet tal-pajjiż, bħal:

   miri ta' kopertura fi ftehimiet ta' konċessjoni jew ta' liċenzjar,
   trattament divrenzjat tal-konsumaturi abbażi tal-kapaċità finanzjarja,
   sussidji jew fondi ffukati fuq kategoriji partikolari ta' konsumaturi u żoni rurali mbiegħda,
   rieżami ta' sussidji, taxxi u dazji kontroproduttivi, pereżempju bidla minn fjuwils fossili għal enerġija rinnovabbli deċentralizzata biex jittejbu l-aċċess għall-enerġija u l-effiċjenza enerġetika,
   il-liberalizzazzjoni tad-dħul tal-operaturi f'żoni mhux moqdija,
   inċentivi fiskali biex tiġi ffaċilitata l-estensjoni tal-infrastruttura;
   miżuri biex jiġi żgurat li l-enerġija disponibbli tintuża b'mod kemm jista' jkun effiċjenti;

23.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jimpenjaw ruħhom serjament fir-rigward tal-għan tal-aċċess universali għall-enerġija, u jirrakkomanda żieda fl-għajnuna għall-ministeri tal-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikunu jistgħu jiġġustifikaw l-appoġġ – fil-perjodu finanzjarju l-ġdid – għall-aċċess universali għall-enerġija, inkluż l-iżvilupp ta' strateġiji tal-enerġija sostenibbli għat-tul taż-żmien u kooperazzjoni reġjonali mtejba fi kwistjonijiet tal-enerġija;

24.  Jenfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni trasparenti u demokratika mis-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u r-regolaturi fis-settur tal-enerġija, biex ikunu jistgħu jissorveljaw l-għoti ta' aċċess universali għall-enerġija, u anke biex jiżguraw governanza tajba u kompetizzjoni ġusta u jrażżnu l-korruzzjoni;

25.  Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-NGOs biex jaqdu r-rwol xieraq tagħhom fl-iżgurar u fis-sorveljanza tat-trasparenza, tal-proċessi demokratiċi u ta' ambjent ġuridiku stabbli;

26.  Josserva bi tħassib li s-Sħubija Afrika-UE fis-settur tal-enerġija (AEEP) u s-sottoprogramm tagħha għall-enerġija rinnovabbli tidher li qed tikkonċentra primarjament fuq proġetti kbar u interkonnetturi b'inqas enfasi fuq is-soluzzjonijiet tal-enerġija lokali; iħeġġeġ lill-UE tastjeni milli tiżviluppa approċċ minn fuq għal isfel fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura enerġetika, billi tqis li l-infrastrutturi fuq skala kbira jafu ma jkunux adattati għall-istruttura ekonomika u soċjali tal-pajjiż u jonqsu milli jipprovdu aċċess għall-enerġija għall-foqra, li għalihom normalment is-sorsi tal-enerġija lokali iżgħar huma aktar adegwati;

27.  Jinkoraġġixxi lill-UE tiddjaloga mal-gvernijiet sħab u mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiżgura li kemm il-politiki tal-enerġija nazzjonali kif ukoll l-istrateġiji għat-tnaqqis tal-faqar iqisu l-aċċess universali għall-enerġija;

28.  Jitlob li jkun hemm djalogu mal-pajjiżi sħab u mal-korpi reġjonali biex tiġi inkluża kunsiderazzjoni speċifika tal-benefiċċji tal-inklużjoni ta' servizzi tal-enerġija għal skopijiet ta' tisjir fi pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali, u li l-pajjiżi sħab u l-korpi reġjonali jkunu inkoraġġiti jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-awtoritajiet lokali u ma' parteċipanti mhux statali involuti fil-qasam tal-enerġija tal-abitazzjonijiet (għal skopijiet ta' tisjir) bil-ħsieb li jiġi ddeterminat kif l-aħjar jiġi żgurat titjib sinifikanti u jitnaqqas in-numru ta' mwiet minn mard respiratorju; jinkoraġġixxi l-użu ta' tagħmir tat-tisjir aktar effiċjenti, billi l-ħruq tradizzjonali ta' kwantitajiet kbar ta' bijomassa b'nar fil-beraħ għandu impatt dannuż għas-saħħa, partikolarment għan-nisa u t-tfal, kif ukoll impatti negattivi għad-deforestazzjoni;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta annwalment dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-mira tal-aċċess universali għall-enerġija, wara li tkun stabbiliet indikaturi affidabbli, u dwar il-kontribut li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tkun għamlet fir-rigward tiegħu;

30.  Jipproponi li l-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-iżvilupp tas-servizzi tal-enerġija għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni tal-ispiża finanzjarja relattiva u tal-prestazzjoni tal-għażliet kollha, filwaqt li jitqiesu l-kontributi għall-MDGs u l-objettivi nazzjonali ta' żvilupp, kif ukoll il-kostijiet u l-benefiċċji relattivi ta' sistemi ta' enerġija deċentralizzati u ċentralizzati;

31.  Jenfasizza l-importanza li l-MDGs– b'mod partikolari dawk relatati mal-faqar, peress li l-aċċess għal servizzi tal-enerġija għall-but ta' kulħadd huwa possibbli biss billi jitnaqqas in-numru ta' persuni li jgħixu b'USD 1 kuljum sal-2015 – jiġu integrati fl-istrateġiji nazzjonali tal-enerġija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina u konsegwentament tuża s-sorsi potenzjali ta' finanzjament minn sorsi relatati mat-tibdil fil-klima u mas-suq tal-karbonju għal investiment f'aċċess sostenibbli universali għall-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju għall-foqra;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa approċċi ġodda bbażati fuq ir-riżultati fis-settur tal-enerġija, bħal finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati, ħlas mal-akkwist u għajnuna bbażata fuq ir-riżultati, li bħalissa qed jiġu ttestjati wkoll minn donaturi oħrajn, b'mod li tiġi enfasizzata l-importanza ta' għajnuna bbażata fuq id-domanda (“is-sieħeb jitlobha”) minflok għajnuna bbażata il-provvista (“id-donatur għandu espert disponibbli”);

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-konsum tal-enerġija mill-foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jikkontribwixxix b'mod sinifikanti, u għall-futur qarib mhux se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti, għall-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra (1,3% tal-emissjonijiet globali sal-2030, skont l-IEA), u li biex jintlaħaq standard ta' għajxien minimu aċċettabbli, il-konsum per capita tagħhom ta' servizzi moderni ta' enerġija għandu jiżdied mingħajr ma jiġi limitat minn miżuri ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li jkunu stretti wisq;

35.  Josserva bi tħassib li l-infrastruttura l-kbira tal-idroelettriku għadha tingħata attenzjoni mill-Bank Dinji u mill-BEI; ifakkar li l-esperjenzi wrew li tali proġetti mhux neċessarjament iżidu l-aċċess għall-foqra, iżda li dan l-objettiv jintlaqa' aħjar permezz ta' unitajiet tal-idroelettriku żgħar jew mikro għad-domanda lokali, u b'hekk jiġu evitati l-iżvantaġġi soċjali u ambjentali tal-proġetti l-kbar;

36.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' sensittività u kapaċità bankarja għal proġetti tal-enerġija fuq skala żgħira min-naħa tal-BEI, l-istituzzjonijiet Ewropej għall-finanzjament tal-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u jitlob li jqiegħdu l-aċċess universali għall-enerġija fil-qalba tal-involviment tagħhom fis-settur tal-enerġija, filwaqt li jappoġġaw ukoll proġetti fuq skala żgħira u li mhux kollegati mal-grilja, b'mod partikolari f'żoni rurali, u jintegraw obbligi tas-servizz universali għall-għoti ta' aċċess universali għall-enerġija fil-proġetti u fl-għotjiet tal-enerġija tagħhom;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex la jiffinanzjaw u lanqas jinkoraġġixu b'xi mod ieħor l-użu tal-enerġija nukleari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, meta jitqiesu l-preokkupazzjonijiet serji relatati mas-sigurtà u mas-sostenibilità;

38.  Jirrakkomanda l-ħidma tal-Inizjattiva tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea (EUEI), il-Faċilità ta' Djalogu u ta' Sħubija tal-EUEI (EUEI-PDF) u s-Sħubija tal-Enerġija Afrika-UE, jilqa' l-Inizjattiva Energy+ u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-parteċipazzjoni u l-involviment f'dawn l-inizjattivi, biex b'hekk jippromwovu l-koordinament tal-għajnuna internazzjonali fil-qasam tal-enerġija;

39.  Huwa tal-fehma li s-samit Rio+20 f'Ġunju 2012 jirrappreżenta opportunità biex jiġu proposti objettivi konkreti dwar il-mod kif jista' jiġi abolit il-faqar tal-enerġija u pjan direzzjonali dwar il-modalitajiet biex dawn jintlaħqu bħala strateġija dinjija għat-tħaddir tal-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-aċċess universali għall-enerġija fil-proċess Rio+20;

40.  Jitlob l-inklużjoni tal-aċċess universali għall-enerġija fl-MDGs ta' wara l-2015 li għad iridu jiġu fformulati;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE.

(1) Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-ħamsa u sittin sessjoni, Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali, 65/151, Sena Internazzjonali tal-Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd, New York, 21 ta' Jannar 2011.
(2) NU, Segretarju Ġenerali, Ban Ki-moon, Il-prijoritajiet tiegħi bħala Segretarju Ġenerali.
(3) NU, Segretarju Ġenerali, Ban Ki-moon, Il-prijoritajiet tiegħi bħala Segretarju Ġenerali.
(4) Enerġija għal Kulħadd, Il-Finanzjament tal-Aċċess għall-Foqra, silta speċjali antiċipata mill-Prospettiva tal-Enerġija Dinjija 2011, ippreżentata għall-ewwel darba waqt il-Konferenza Enerġija għal Kulħadd f'Oslo, in-Norveġja, f'Ottubru 2011; OECD/IEA, Ottubru 2011 (http://www.iea.org/papers/2011/weo2011_energy_for_all.pdf), paġna 3.
(5) Ibid, paġna 28.
(6) Ibid, paġna 27.
(7) Ibid, paġna 40.

Avviż legali - Politika tal-privatezza