Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2001(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0030/2012

Testi mressqa :

A7-0030/2012

Dibattiti :

PV 15/02/2012 - 15
CRE 15/02/2012 - 15

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2012 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0050

Testi adottati
PDF 101kWORD 54k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2012 - Strasburgu Verżjoni finali
Linji gwida għall-baġit 2013 - taqsimiet oħra apparti t-taqsima tal-Kummissjoni
P7_TA(2012)0050A7-0030/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2013 Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2012/2001(BUD))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(1) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2012/5/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali, biex jindirizza ħtiġijiet ta' finanzjament addizzjonali tal-proġett ITER(2) ,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 23 u 79 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0030/2012),

A.  billi l-limitu massimu għall-Intestatura 5 tal-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) għall-baġit tal-UE fl-2013 jammonta għal EUR 9 181 miljun fi prezzijiet kurrenti(4) ;

B.  billi l-adeżjoni tal-Kroazja se jkollha riperkussjonijiet fuq il-baġit tal-2013, jiġifieri fir-rigward tar-riżorsi għall-Membri l-ġodda u r-reklutaġġ ta' persunal fl-istituzzjonijiet kollha;

C.  billi f'kuntest ta' piż tqil tad-dejn pubbliku u trażżin fi żminijiet ta' sforzi kontinwi ta' konsolidament baġitarju nazzjonali, il-Parlament Ewropew, u l-istituzzjonijiet l-oħra, għandhom juru responsabilità baġitarja u awtokontroll, u jieħu nota tal-ittra ddatata 23 ta' Jannar 2012 mill-Kummissarju Lewandowski lill-Presidenti tal-Istituzzjonijiet Ewropej;

D.  billi f'dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament qed jistenna l-istimi tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu stess għall-baġit 2013;

Qafas ġenerali u prijoritajiet għall-baġit 2013

1.  Jemmen li l-istituzzjonijiet, fil-kuntest ta' ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli u kontinwi, għandhom jiffriżaw il-baġits amministrattivi tagħhom; jenfasizza, iżda, il-bżonn ta' rispett tal-obbligi ġuridikament vinkolanti u l-possibilità ta' żidiet sussegwenti;

2.  Jistieden lill-istituzzjonijiet issaħħu l-kooperazzjoni interistituzzjonali tagħhom bil-għan li jaqsmu l-aħjar prattiki, jiffrankaw fejn possibbli u b'hekk jimmodernizzaw il-politiki tagħhom fl-ambitu tar-riżorsi, l-organizzazzjoni, it-teknoloġija u l-bini;

   3. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni interistituzzjonali biex l-adeżjoni tal-Kroazja tkun kemm jista' jkun bla skossi;
   4. Jenfasizza l-importanza ta' tisħiħ tal-politiki fl-ambitu tan-nondiskriminazzjoni li jaġevolaw l-aċċess, ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilitajiet;
   5. Jisħaq fuq il-bżonn ta' politika ambjentali effikaċi fl-istituzzjonijiet kollha;

Parlament

6.  Ifakkar fl-iffrankar konsiderevoli miksub fl-ambitu tal-baġit 2012 bis-saħħa tat-tibdil strutturali u tar-riorganizzazzjoni; jinkoraġġixxi t-tkomplija tar-riformi strutturali u organizzattivi u huwa favur l-introduzzjoni ta' innovazzjonijiet f'setturi oħrajn; iqis li jista' jsir iffrankar reali billi jiġu identifikati sovrappożizzjonijiet u ineffiċjenzi fil-linji baġitarji kollha; jitlob, għaldaqstant, rapport dettaljat mis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat għall-Baġits li jkun fih ħarsa ġenerali ċara ta' dawk il-linji baġitarji li ma kinux implimentati biżżejjed fl-2011 u analiżi oġġettiva tar-raġunijiet għal dan;

7.  Jemmen li l-iktar iffrankar veru u kbir jista' jsir billi jkun hemm sede waħda għall-Parlament Ewropew; jinkoraġġixxi, għalhekk, li s-sitwazzjoni tiġi evalwata mingħajr iktar dewmien;

8.  Jemmen li biex isir iffrankar sinifikanti fit-tul, għandha titqies evalwazzjoni indipendenti tal-baġit tal-PE; jemmen li għandu jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma; jistieden lis-Segretarju Ġenerali u l-Bureau jippreżentaw mill-aktar fis possibbli proposti konkreti dwar il-kostituzzjoni ta' tali grupp u jipproponu ffrankar possibbli sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-2012; jitlob ukoll implimentazzjoni rapida ta' kwalunkwe konklużjoni milħuqa mill-grupp;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Baġits u l-Bureau matul il-proċedura tal-baġit annwali; jinkoraġġixxi enerġikament l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn is-Segretarju Ġenerali, il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits matul s-sena kollha biex jiġi garantit l-iżvolġiment korrett tal-proċedura tal-baġit u implimentazzjoni effikaċi tal-baġit; jistenna li l-Bureau jippreżenta abbozz tal-estimi bbażat fuq il-prudenza u il-bżonnijiet, li jieħu kont tal-possibilità ta' żidiet sussegwenti li jirriżultaw mill-obbligi ġuridikament vinkolanti; huwa tal-fehma li jeħtieġ isir kull sforz biex ikun garantit li kwalunkwe żieda oħra mmirata tkun ikkumpensata minn iffrankar identifikat f'setturi oħrajn;

10.  Jappella għall-iffriżar tal-linji baġitarji relatati mal-ivvjaġġar kollu fl-2013 u l-ebda indiċizzazzjoni ta' kwalunkwe allowance individwali tal-Membri sa tmiem il-leġislatura; jistenna b'interess ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar l-ivvjaġġar, li għandu jitressaq lill-Bureau u lill-Kumitat għall-Baġits sal-31 ta' Marzu 2012;

11.  Jemmen li l-iffrankar ma għandux jikkomprometti l-attività leġiżlattiva tal-PE; jinsab konvint li l-attivitajiet leġiżlattivi tal-Membri jistgħu jissaħħu permezz tat-tlestija tas-sistema ta' ġestjoni tal-għarfien (knowledge management system - KMS); jilqa' favorevolment l-informazzjoni fornuta mill-amministrazzjoni; jitlob informazzjoni aġġornata dwar l-istat ta' avvanzament tal-proġett u jistenna li s-sistema tkun totalment operattiva u aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea; jitlob impenn akbar biex tkun aċċelerata l-implimentazzjoni tal-proġett u jtenni t-talba tiegħu għal informazzjoni dwar il-possibilitajiet li jsir iffrankar wara l-implimentazzjoni tal-KMS;

12.  Ifakkar ir-riżoluzzjonijiet baġitarji tal-Parlament, fosthom l-aktar riżoluzzjoni reċenti tas-26 ta' Ottubru 2011(5) , li fiha appella għal informazzjoni bikrija, djalogu u proċess trasparenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika tal-bini; jitlob li jkunu fornuti fuq bażi semestrali informazzjoni preċiża dwar l-istat ta' avvanzament tal-proġetti tal-bini u fuq l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom; jafferma li l-ebda proġett tal-bini ġdid u imprevist ieħor ma għandu jitwettaq matul il-leġislatura attwali;

Istituzzjonijiet oħrajn

13.  Jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet kollha jwettqu, fejn possibbli, aktar iffrankar biex iżommu d-dixxiplina baġitarja u jiffriżaw il-linji baġitarji tagħhom filwaqt li jieħdu kont tal-obbligi ġuridiċi u l-isfidi finanzjarji l-ġodda bħall-adeżjoni tal-Kroazja;

14.  Jieħu nota tat-talba tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (Taqsima IV) għal emenda tal-Istatut tagħha b'tali mod li jkollha riperkussjoni diretta fuq il-baġit; iqis li l-finanzjament neċessarju għandu jiġi żgurat bil-għan li tiġi garantita t-tmexxija bla skossi tal-istituzzjoni u konsegwentement protezzjoni ġudizzjarja korretta taċ-ċittadini tal-UE;

15.  Jifhem l-isfidi li s-SEAE ħabbat wiċċu magħhom fit-tfassil tal-ewwel baġit tiegħu għall-2011; jitlob baġit ibbażat fuq ġestjoni finanzjarja tajba għal din l-istituzzjoni l-ġdida u jistieden lis-SEAE jeżamina d-diversi possibilitajiet li jafu aktarx joħolqu sinerġiji baġitarji mal-Istati Membri, meta dan ikun fattibbli;

o
o   o

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, kif ukoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-SEAE.

(1) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17
(2) ĠU L 4, 7.1.2012, p. 12
(3) ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.
(4) Il-limitu massimu tal-Intestatura 5 jinkludi l-kontribuzzjoni mill-persunal għall-iskema ta' rtirar.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0461.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Lulju 2013Avviż legali