Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2522(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0048/2012

Dibattiti :

PV 14/02/2012 - 13
CRE 14/02/2012 - 13

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2012 - 8.7
CRE 16/02/2012 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0055

Testi adottati
PDF 296kWORD 56k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2012 - Strasburgu
Ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd
P7_TA(2012)0055RC-B7-0048/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-Ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar il-miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni fir-rigward tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd (2012/2522(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995, li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2005 li jawtorizza negozjati mal-Marokk dwar il-liberalizzazzjoni reċiproka tal-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2011 li tawtorizza negozjati mal-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti żoni ta' kummerċ ħieles “profondi u komprensivi”, bħala parti mill-ftehimiet ta' assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji eżistenti ma' dawk il-pajjiżi,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Marzu 2011 dwar “Sħubija għad-demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran” (COM(2011)0200),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011 bl-isem “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” (COM(2011)0303),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(1),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' approvazzjoni skont l-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-abbozz ta' Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (minn hawn “il quddiem ”il-Ftehim“) (15974/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ambjent politiku li qed jevolvi fin-Nofsinhar tal-Mediterran wara l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija kien jirrikjedi reazzjoni b'saħħitha, effettiva u rapida mill-UE;

B.  billi t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u liberalizzazzjoni kummerċjali bbilanċjata u progressiva ma' dawn il-pajjiżi huma komponenti importanti ta' din ir-reazzjoni;

C.  billi l-kummerċ u l-investiment huma muturi għat-tkabbir u jgħinu biex jonqos il-faqar, jgħaqqdu n-nies, jiżguraw rabtiet bejn in-nazzjonijiet u jikkontribwixxu għall-istabilità politika;

D.  billi l-Artikolu 16 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk, fis-seħħ mill-1 ta' Marzu 2000, jistipula li l-Komunità Ewropea u l-Marokk se jimplimentaw gradwalment aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ reċiproku bejniethom fi prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati, ħut u prodotti tas-sajd;

E.  billi l-UE żżom bilanċ favorevoli sinifikanti fil-kummerċ ta' prodotti mal-Marokk, li fl-2010 laħaq EUR 5,4 biljuni;

F.  billi l-UE għandha bilanċ favorevoli sostanzjali fil-kummerċ agrikolu u tas-sajd mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran ta' iktar minn EUR 4 miljuni iżda għandha defiċit fil-kummerċ bilaterali agrikolu u tas-sajd mal-Marokk li fl-2010 kien jammonta għal EUR 871 miljun; billi l-kummerċ fil-prodotti agrikoli u tas-sajd jirrappreżenta madwar 18 % tal-esportazzjonijiet tal-Marokk;

G.  billi l-agrikoltura tirrapreżenta bejn 15 % u 20 % tal-PDG tal-Marokk, 12 % tal-esportazzjonijiet tal-Marokk u 38 % tal-forza tax-xogħol tal-Marokk, bl-ogħla livelli f'żoni rurali; billi dan juri li l-istabbiltà u l-espansjoni ta' dan is-settur huwa estremament importanti għall-istabbiltà politika tal-pajjiż;

H.  billi l-Ftehim propost jilliberalizza immedjatament 55 % tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli u tas-sajd tal-Marokk (ċifra li tiżdied minn 33 %) u 70 % tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli u tas-sajd tal-UE fi żmien għaxar snin (ċifra li tiżdied minn 1 %);

I.  billi l-monitiraġġ ta' prodotti sensittivi u l-applikazzjoni stretta tal-kwoti huma fundamentali għall-funzjonament ibbilianċjat tal-Ftehim;

J.  billi l-prodotti agrikoli kollha mill-pajjiżi terzi kollha importati ġewwa l-UE għandhom jaderixxu mar-regolamenti tal-Unjoni li jirregolaw il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS);

K.  billi l-Marokk huwa wieħed mill-erba' pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran li għalihom il-Kunsill awtorizza direttivi ta' nnegozjar għal Ftehim ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA); billi l-kummerċ fil-prodotti agrikoli se jifforma parti minn dawn in-negozjati;

Konsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jemmen li l-liberalizazzjoni kummerċjali u l-integrazzjoni progressiva fis-suq intern tal-UE jistgħu jkunu strumenti importanti għall-iżvilupp tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u jgħinu jtaffu l-faqar u l-qgħad mifrux li jixprunaw il-problemi ekonomiċi, migratorji u tas-sigurtà fir-reġjun; iqis li, jekk dan il-potenzjal għandu jintlaħaq, l-UE għandha tkun preparata li tagħmel biżżejjed konċessjonijiet kummerċjali;

2.  Itenni l-impenn tal-UE wara “r-Rebbiegħa Għarbija” li tassisti l-pajjiżi Mediterranji tan-Nofsinhar bit-tranżizzjoni tagħhom lejn id-demokrazija bl-użu ta' strumenti ekonomiċi u kummerċjali biex jinħolqu aktar libertà u opportunitajiet ekonomiċi; iqis li l-Marokk ħa passi sinifikanti biex jikkonsolida d-demokrazija billi rriforma l-konstituzzjoni tiegħu u wettaq elezzjonjiet ġusti; f'dak ir-rigward, jilqa' l-Ftehim bħala pass pożittiv għas-sostenn tal-istabilizzazzjoni politika u tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli reċiproku;

3.  Iqis li huwa essenzjali li l-inizjattivi kummerċjali u ta' investiment għandhom ikollhom l-għan li jibbenefikaw is-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà u jkunu mmirati b'mod partikolari lejn l-SMEs u l-bdiewa ż-żgħar; f'dan il-kuntest, jinnota li 80 % tal-bdiewa fil-Marokk għandhom inqas minn ħames ettari art u għalhekk jilqa' bi pjaċir l-appoġġ tal-Confédération marocaine de l'agriculture et du développement rural (Comader - il-Federazzjoni Marokkina għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali) għall-Ftehim; ifakkar li s-sigurtà tal-ikel għandha dimensjoni soċjali, ambjentali u kulturali, minbarra l-aspetti ekonomiċi tagħha;

Il-Ftehim

4.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-importanza u l-influwenza tas-settur agrikolu fil-Marokk, b'mod partikolari fil-provvediment tal-impjieg, il-Ftehim se jkollu rwol ewlieni fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż u l-istabbiliment politiku, peress li joffri opportunitajiet ġodda għall-esportazzjonijiet lejn l-UE, li huwa s-suq maġġuri għall-prodotti Marokkini; iqis li se jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-industrija agrikola tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-ikel ipproċessat; jirrimarka li l-esportaturi tal-UE eventwalment se jibbenefikaw mit-tneħħija tat-tariffi fuq l-importazzjoni fil-Marokk fir-rigward ta' 70 % tal-linji ta' prodotti agrikoli u tas-sajd, ħaġa hi stmata li se tiffranka EUR 100 miljun fis-sena f'dazji doganali ladarba tkun implimentata bis-sħiħ;

5.  Jilqa' l-miżuri mhux tariffarji addizzjonali inklużi fil-Ftehim bħalma huma l-protezzjoni addizzjonali għall-indikazzjonijiet ġeografiċi Ewropej, il-mekkaniżmi ta' salvagwardja msaħħa u l-miżuri sanitarji u fitosanitarji; barra minn hekk, ifakkar li l-UE u l-Marokk qablu dwar mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li jippermetti lill-UE tingħata rimedju jekk il-Marokk ma jirrispettax it-termini tal-Ftehim;

6.  Jinnota l-preokkupazzjonijiet ta' xi gruppi industrijali Ewropej rigward iż-żidiet fil-kwoti mingħajr dazji għal importazzjonijiet sensittivi ta' frott u ħxejjex; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tal-impatt dwar il-produtturi Ewropej, u b'mod partikolari dwar l-introjti tal-bdiewa, u biex iżżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari;

7.  Jinsab imħasseb bl-ilmenti kostanti mill-gruppi industrijali Ewropej li jallegaw frodi fis-sistema tal-prezzijiet ta' dħul, u jitlob għal garanziji li ż-żieda fil-kwoti tariffarji skont il-Ftehim se jkunu regolati kif suppost mill-UE u li mhux se jkun hemm misinterpretazzjoni tar-regoli li jiggvernaw l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-prezzijiet ta' dħul; jenfasizza li l-operaturi Ewropej ressqu ilmenti lill-OLAF u lill-Kumitat tal-Parlament dwar il-Petizzjonijiet u li l-kumitat staqsa lill-Kummissjoni biex tbiddel is-sistema tal-prezz tad-dħul sabiex twaqqaf darba u għal dejjem il-frodi;f'dak ir-rigward, jinnota li l-proposti biex ir-regoli li jiggvernaw l-implimentazzjoni tal-prezzijiet ta' dħul isiru konformi mal-Kodiċi Doganali Komunitarja bħala parti tar-riforma l-aktar riċenti tal-politika agrikola komuni; iqis li dan għandu jiġi akkumpanjat permezz ta' tibdiliet fir-regolament ta' implimentazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli biex jiddaħħlu miżuri ta' kontroll effettivi;

8.  Iqis li l-Ftehim jistipula arranġamenti u mekkaniżmi istituzzjonali speċifiċi, bħall-kooperazzjoni għall-prevenzjoni tat-tfixkil tas-suq, il-gruppi esperti stabbiliti mill-Kummissjoni ma' pajjiżi terzi, inkluż il-Marokk, is-Subkumitat dwar l-istabbiliment tal-Kummerċ Agrikolu fil-kuntest tal-ġestjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, skambji tal-informazzjoni dwar il-politiki u l-produzzjoni, u l-klawżola ta' salvagwardja skont l-Artikolu 7 tal-Protokoll; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-mekkaniżmi fejn inhu xieraq;

Il-kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi usa“

9.  Jenfasizza li l-aċċess għas-suq intern tal-UE għandu jkun jiddependi fuq l-issodisfar ta' ċerti standards tal-iġjene u tas-sikurezza u jilqa' bi pjaċir ir-rapport pożittiv tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju fl-2011; jilqa' bi pjaċir l-enfasi fil-Ftehim fuq il-miżuri sanitarji u fitosanitarji u jitlob li l-assistenza teknika tkun ċentrali fin-negozjati għal Ftehim dwar żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA); jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tippromwovi miżuri u kontrolli ekwivalenti bejn il-Marokk u l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istandards ambjentali, soċjali u tas-sikurezza tal-ikel, biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn iż-żewġ swieq;

10.  Jilqa' r-riformi fis-settur agrikolu tal-Marokk, jiġifieri “Plan Vert” (il-Pjan Aħdar) diżinjat speċifikament biex isostni l-bdiewa ż-żgħar billi jingħatalhom aċċess għat-teknoloġija moderna u l-investiment; jitlob għal sostenn kontinwu mill-UE għat-titjib tal-metodi ta' produzzjoni, permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prassi, u għall-isforzi tal-Marokk fil-qasam tal-konservazzjoni tal-ilma;

11.  Jirrikonoxxi li l-Marokk irratifika l-biċċa l-kbira tal-konvenzjonijiet relevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u dan l-aħħar adotta leġiżlazzjoni biex it-tħaddim tat-tfal isir illegali; jenfasizza, madankollu, li għad hemm lok għal titjib fir-rigward tal-libertà ta' assoċjazzjoni u t-tħaddim tat-tfal; iqis li d-dispożizzjonijiet DCFTA għandhom jinkludu assistenza fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet tal-ILO u r-ratifika ta' konvenzjonijiet kruċjali mhux iffirmati, eż. Il-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta' Organizzazzjoni, u inizjattivi dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva bħala parti mill-kapitolu għall-iżvilupp sostenibbli;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Protokoll futur jirrispetta bis-sħiħ il-liġi internazzjonali u jkun ta' benefiċċju għall-gruppi ta' popolazzjoni lokali milquta kollha;

o
o   o

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lid-Delegazzjoni tal-PE għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Magreb, lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran kif ukoll lill-Parlament u l-Gvern tal-Marokk.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0446.

Avviż legali - Politika tal-privatezza