Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2530(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0071/2012

Testi mressqa :

B7-0071/2012

Dibattiti :

OJ 15/02/2012 - 107

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2012 - 8.10
CRE 16/02/2012 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0058

Testi adottati
PDF 150kDOC 98k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2012 - Strasburgu Verżjoni finali
Id-19-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra
P7_TA(2012)0058B7-0071/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il Sessjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (2012/2530(RSP))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tal-Jeddijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-jeddijiet tal-bniedem u l-protokolli opzjonali annessi magħhom(1) ,

–  wara li kkunsira l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jeddijiet tal-Bniedem (UNHRC), b'mod partikolari dik tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-prijoritajiet tas-16-il sessjoni tal-Kunsill tan-NU dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem u r-reviżjoni tal-2011(2) ,

–  wara li kkunsidra d-delegazzjoni mis-Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew li vvjaġġa sa Ġinevra matul is-sittax-il sessjoni tal-UNHRC u r-rapport tal-istess delegazzjoni mogħti lis-Sottokumitat, u d-delegazzjoni konġunta mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat għad-Drittijeit tal-Bniedem għas-sitta u sittin sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni(3) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-UNHRC 16/21 tal-25 ta' Marzu 2011 dwar ir-reviżjoni tax-xogħol u l-funzjonament tal-Kunsill tal-Jeddijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha fl-organizzazzjonijiet multilaterali(4) ,

–  wara li kkunsidra s-7a' ċiklu li daqt jasal tal-UNHRC, b'mod partikolari d-19-il sessjoni se ssir bejn is-27 ta' Frar u t-23 ta' Marzu 2012, u t-13 u l-14-il sessjoni tal-Reviżjoni Universali Perijodika (RUP) li se jsiru matul l-2012,

–  wara li kkunsidra s-sessjonijiet regolari u speċjali preċedenti tal-UNHRC, kif ukoll l-ewwel ċiklu tar-RUP li kien ikkompletat f'Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar Effettiv (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea (UE) u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea(5) ;

B.  billi r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-politika tal-UE dwar il-jeddijiet tal-bniedem għandha tikkontribwixxi għall-għemil tal-politika esterna tagħha f'qawwa aktar attiva, koerenti u effettiva fid-dinja;

C.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiggarantixxu r-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem fil-politiki tagħhom, ħalli tikber il-koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni u b'hekk tikber il-kredibilità tal-UE fil-UNHRC;

D.  billi l-parteċipanti internazzjonali kollha għandhom jaħdmu għat-tneħħija ta' standards doppji u l-evitar tas-selettività u l-politiċizzazzjoni meta jkunu qed jiġu kkunsidrati kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem;

E.  billi l-UNHRC hija pjattaforma unika li tispeċjalizza fid-drittijiet universali tal-bniedem u forum speċifiku li jittratta d-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tan-NU; billi ġie fdat il-kompitu importanti li jsaħħaħ il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja,

F.  billi l-implikazzjonijiet tal-ħidma li qed issir mit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali u fil-UNHRC għad-dibattitu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandhom jitqiesu;

G.  billi delegazzjoni mis-Sottokumitat tal-Parlament dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem se tivvjaġġa għal Ġinevra matul id-19-il sessjoni tal-UNHRC, kif ġa kien il-każ fis-snin imgħoddija għas-sessjonijiet tal-UNHRC;

1.  Jieħu nota tal-proċess li għaddej għall-konferma tal-prijoritajiet tal-UE għad-19-il Sessjoni tal-UNHRC, u jilqa' l-għażla ta' Birmanja/Mjanmar, ir-Repubblika Demokratika tal-Korea (DPRK), is-Sirja, il-Libja, u l-Iran bħala l-materja kjavi tagħha;

2.  Jilqa' l-fatt li fuq l-aġenda tad-19-il sessjoni regolari hemm, fost l-oħrajn, diskussjonijiet minn pannelli dwar il-mainstreaming tal-jeddijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni fuq l-internet, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u l-kuxjenza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza bbażati fuq l-orjentament sesswali u l-identità tal-ġens, il-jeddijiet tal-bniedem u l-HIV/AIDS, u d-Dikjarazzjoni tal-Jeddijiet tal-Minoranzi, kif ukoll laqgħat estensivi dwar il-jeddijiet tal-tfal, u dwar it-tortura, il-jeddijiet tal-bniedem u l-kontroterroriżmu, l-għibien u d-detenzjoni arbitrarja; jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxi kostruttivament għal dawn id-dibattiti, u jagħmlu ċara li l-jeddijiet tal-bniedem universali u indiviżibbli japplikaw għan-nies indipendentement mill-orjentament sesswali u l-identita tal-ġens;

3.  Jilqa' n-nomini tas-sessjoni għall-mandati ta' Espert Indipendenti fuq il-promozzjoni ta' ordni internazzjonali demokratiku u ekwu, ir-Rapporteur Speċjali għall-promozzjoni tal-verità, il-ġustizzja, ir-riparazzjoni u l-garanziji ta' li ma jkunx hemm tennija, ir-Rapporteur Speċjali dwar il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fis-Sirja u l-Espert Indipendenti fuq il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fis-Sudan; jieħu nota tar-rapporti li se jkunu ppreżentati mir-Rapporteurs Speċjali dwar, fost l-oħrajn, il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fid-DPRK, fl-Iran, u f'Birmanja/Mjanmar, u dawk dwar it-tortura u t-trattament jew kastig ieħor krudili, inuman u degradanti, dwar il-qagħda tad-difensuri tal-jeddijiet tal-bniedem u dwar il-libertà tar-reliġjon jew twemmin; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jikkontribwixxu attivament għal dawn id-dibattiti b'mod attiv;

Il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem

4.  Jilqa' l-mainstreaming imkattar tal-jeddijiet tal-bniedem fil-ħidma tan-NU, kif joħroġ minn, ngħidu aħna, iż-żieda kunsiderevoli fid-dehriet quddiem il-Kunsill ta' Sigurtà tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għall-Jeddijiet tal-Bniedem – inkluż bir-rappreżentanza mmexxija b'ħila kbira f'livell ta' Assistent Segretarju-Ġenerali fi New York – jew mill-organizzazzjoni ta' diskussjoni annwa ta' pannelli mill-UNHRC għall-interazzjoni mal-kapijiet tal-korpi governanti u s-segretarjati tal-aġenziji u l-fondi tan-NU, kif ingħata l-mandat mill-eżitu tal-proċess ta' reviżjoni; iħeġġeġ b'qawwa lill-Istati Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jitolbu briefings fuq bażi aktar regolari mill-HRC, bl-iskop li jindirizzaw b'mod aktar effettiv il-vjolazzjonijiet ta' jeddijiet tal-bniedem li huma l-kaġun ta' bosta kunflitti indirizzati mill-istess Kunsill tas-Sigurtà;

5.  Itenni għal darb' oħra l-istedina tiegħu lill-Istati Membri tal-UE sabiex jopponu attivament kull tentattiv li jhedded il-kunċett tal-universalità, l-indiviżibilità u l-interdipendena tal-jeddijiet tal-bniedem, u sabiex iħeġġu attivament lill-UNHRC ħalli jagħti l-istess attenzjoni lill-kwestjoni tad-diskriminazzjoni fuq kull bażi, inkluż ġeneru, razza, età, orjentament sesswali u reliġjon jew twemmin; huwa tal-fehma li UNHRC r-Riżoluzzjoni 17/19 tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar il-jeddijiet tal-bniedem, l-orjentament sesswali u l-identità tal-ġens għandu jkollha segwitu b'mod tanġibbli u durevoli;

6.  Itenni għal darb'oħra l-istedina tiegħu lill-Istati Membri tal-UE li jissoktaw imexxu bl-eżempju huma u jagħtu sostenn għall-universalità ta' ħidmet il-Kunsill tal-Jeddijiet tal-Bniedem, l-aktar fir-ratifika tal-istrumenti internazzjonali kollha tal-jeddijiet tal-bniedem li waqqaf; jiddispjaċih b'mod partikolari li l-ebda Stat Membru tal-UE ma rratifika l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Jeddijiet tal-Ħaddiema Migranti u l-Membri tal-Familji tagħhom, li bosta Stati Membri għadhom ma adottawx u/jew ma rratifikawx il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għibien Imġiegħel u li Stat Membru wieħed biss għadu rratifika l-Protokoll Opzjonali għall-Akkordju Internazzjonali dwar il-Jeddijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u jtenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri kollha tal-UE li jirratifikawhom;

7.  Għadu mħasseb, filwaqt li jirrikonoxxi t-titjib fqajjar, minħabba fil-persistenza tal-“politika bloc”, li għadha spiss tiddomina, billi tolqot l-għażla tal-pajjiżi u s-sitwazzjonijiet li jirċievu l-attenzjoni tal-UNHRC u b'hekk ikollha impatt negattiv fuq l-awtorità u l-kredibilità tagħha;

8.  Jiddispjaċih mill-fatt li l-proċess ta' reviżjoni għadu ma wassalx għall-iżvilupp ta' aktar kriterji ta' sħubija li jkollhom kamp usa' f'dak li għandu x'jaqsam mal-impenji u l-prestazzjoni fejn jidħlu l-jeddijiet tal-bniedem; itenni l-istedina tiegħu għal elezzjonijiet komepetittivi għall-gruppi reġjonali kollha u jirrikmanda li l-UE u l-Istati Membri jiddikjaraw l-oppożizzjoni ċara tagħhom għall-prattika li l-gruppi reġjonali jipproponu l-“clean slates”, u li jmexxu bl-eżempju f'din il-materja;

Il-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija

9.  Jieħu nota tat-tisħib tal-Libja li nġib lura fil-UNHRC u jħeġġeġ ir-reintegrazzjoni ta' dan il-pajjiż; jiddispjaċih iżda li l-opportunità ma nħatfitx ħalli jitfasslu kriterji sħaħ u trasparenti għar-ritorn tal-membri sospiżi, li għandu loġikament ikun imsejjes fuq il-kriterji inizjali rikjesti għall-elezzjoni; iħeġġeġ lill-UNHRC ifassal tali kriterji għal riferiment futur mingħajr aktar dewmien u fil-kamp ta' applikazzjoni għall-valutazzjoni konsistenti tal-idoneità ta' stat li jkun preżenti fil-UNHRC abbażi tal-imġiba tiegħu fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem;

10.  Jilqa' l-preżentazzjoni minn Kummissjoni ta' Inkjesta internazzjonali u indipendenti dwar il-Libja, b'konformità mal-eżitu tal-15-il sessjoni speċjali, u l-ewwel rapport tagħha fil-UNHRC f'Settembru 2011; jagħti s-sostenn lill-estensjoni tal-mandat tal-istess u jistenna b'ħerqa r-rapport skritt finali, li għandu jitressaq fid-19-il sessjoni; iħeġġeġ li jkun hemm l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni ta' Inkjesta u jagħti s-sostenn sħiħ tiegħu għall-istedina magħmula minnha għal investigazzjonijiet eżawstivi, imparzjali u pubbliċi dwar kull allegata vjolazzjoni tad-dritt internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-kunflitt, indipendentement minn min wettaqhom, b'rispett sħiħ għall-garanziji ġudizzjarji; iqis li l-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Libja għadha qasam ta' tħassib, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-kondizzjonijiet ta' detenzjoni u t-trattament tad-detenuti miżmumin minn varji milizji mingħajr kontroll effettiv mill-Gvern Interim fuq dawn il-brigati, u jeżiġi viġilanza akbar u assistenza sostnuta mill-komunità internazzjonali, kif ingħad mill-Kummissarju Għoli għall-Jeddijiet tal-Bniedem quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-25 ta' Jannar 2012;

11.  Jikkundanna bl-isħaħ kliem ir-repressjoni brutali mifruxa u l-vjolazzjoni sistematika tal-jeddijiet tal-bniedem min-naħa tar-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu stess, inklużi t-tfal, u jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jġibu fi tmiem immedjat il-vjolenza u jottemperaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem ħalli jkun hemm tranżizzjoni paċifiku u demokratika;

12.  Jilqa' l-organizzazzjoni tas-16, is-17 u t-18-il sessjoni speċjali, b'riħet l-inizjattivi tal-Istati Uniti, il-Polonja u l-UE rispettivament, dwar il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fis-Sirja; jagħti s-sostenn għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' Novembru u jistenna b'ħerqa l-aġġornament li se jitressaq matul id-19-il sessjoni, u d-djalogu interattiv li se jsir matul l-istess sessjoni;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni li jkun stabbilit il-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fis-Sirja ladarba jintemm il-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta; ifisser, b'mod partikolari, is-sostenn sħiħ tiegħu għall-istedina tal-Kummissjoni ta' Inkjesta, il-Kummissarju Għoli u d-detenturi kollha ta' mandat skont il-Proċeduri Speċjali lill-awtoritajiet Sirjani ħalli jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet, bl-iskop li jkun żgurat li jkun hemm ir-responsabilità politika sħiħa u tiġi evitata l-impunità; jilqa' l-iżviluppi diplomatiċi magħmulin mir-HR/VP Baroness Ashton u l-Istati Membri tal-UE fid-direzzjoni taċ-Ċina u r-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bl-iskop li jkun hemm adozzjoni immedjata ta' riżoluzzjoni fuq is-Sirja; jiddispjaċih profondatament li, minħabba fil-veto li sar mill-ġdid min-naħa tal-Federazzjoni Russa u ċ-Ċina, il-Kunsill tas-Sigurtà ma rnexxilux jagħti s-sostenn għas-sejħa tal-Lega tal-Istati Għarab għal proċess politiku inklussiv immexxi mis-Sirja magħmul f'ambjent ħieles mill-vjolenza;

14.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Baħrejn u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jaħdmu ħalli tinstab riżoluzzjoni tal-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem tal-Baħrejn fil-UNHRC; jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm segwitu fil-UNHRC dwar il-kwestjoni tat-taqbida kontra l-impunità fil-Jemen wara l-protesti ta' kontra l-gvern tal-2011, u jqis li l-amnestiji jivvjolaw id-dritt internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem jekk jipprevjenu l-prosekuzzjoni tal-individwi li jistgħu jkunu responsabbli mill-krimini kontra l-umanità, il-ġenoċidju, il-krimini tal-gwerra u vjolazzjonijiet kbar tal-jeddijiet tal-bniedem;

15.  Jilqa' l-istqarrijiet magħmulin matul l-2011 mill-Kummissarju tan-NU għall-Jeddijiet tal-Bniedem Navi Pillay li jħeġġu lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu mill-użu eċċessiv u brutali tal-forza kontra l-protestanti fi Pjazza Tahrir u bnadi oħrajn fil-pajjiż, inkluż l-użu li mid-dehra mhux xieraq tal-gass tad-dmugħ, il-bulits tal-lastku, u l-munizzjon letali, kif ukoll s-sejħiet tagħha għalbiex isiru investigazzjonijiet indipendenti dwar il-bosta dimostrazzjonijiet u ġrajjiet;

16.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE, fl-okkażjoni tat-tieni ċiklu tar-Reviżjoni Universali Perijodika (RUP) dwar l-Alġerija, li jiffoka fuq il-kwestjoni tal-għibien imġiegħel u li jaċċentwa n-nuqqas ta' segwitu min-naħa tal-Alġerija għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-korpi tat-Trattat dwar din il-materja; jistieden it-twaqqif ta' mekkaniżmu speċifiku għas-segwitu f'dan is-sens; jistieden, fl-istess waqt, lill-UE u lill-Istati Membru tal-UE jfissru t-tħassib serju tagħhom dwar l-adozzjoni reċenti ta' ħames liġijiet, b'mod partikolari Liġi tal-Assoċjazzjonijiet repressiva u Liġi tan-Nisa diskriminatorja;

17.  Jisħaq dwar il-ħtieġa ta' monitoraġġ internazzjonali tal-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent, mhux lanqas permezz tar-rikors għar-Rapporteurs Speċjali mill-HRC;

Oħrajn

18.  Jilqa' d-deżijoni li jinħatar Rapporteur Speċjali dwar il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran; jilqa' r-rapport interim imressaq mir-Rapporteur Speċjali lit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u jistenna b'ħerqa l-kunsiderazzjoni tar-rapport tiegħu fid-19-il sessjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jikkooperaw mal-investigazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali, inter alia billi jkun permess l-aċċess fil-pajjiż; jitlob li jkun imtawwal il-mandat tar-Rapporteur Speċjali, fid-dawl tal-qagħda mwergħa tal-jeddijiet tal-bniedem fl-Iran;

19.  Ifaħħar lir-Rapporteurs Speċjali dwar il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fid-DPRK u dwar il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Birmanja/Mjanmar għall-isforzi kontinwati tagħhom fit-twettiq tal-mandati tagħhom, u jitlob li dawn jittawlu; jilqa' l-bidliet preliminari pożittivi fl-attitudni tal-Birmanja/Mjanmar lejn kooperazzjoni akbar mal-Proċeduri Speċjali u jtenni t-talba tiegħu għar-rilaxx tal-priġunieri kollha tal-kuxjenza li għadhom inkalzrati kif ukoll għal passi tanġibbli fit-taqbida kontra l-impunità fil-Birmanja, l-aktar dwar il-krimini kontra l-umanità kommessi fl-inħawi etniċi;

20.  Itenni l-istedina tiegħu lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri tal-UE ħalli jaħdmu lejn pożizzjoni komuni tal-UE dwar is-segwitu għall-Missjoni ta' Sejbien ta' Fatti fil-kunflitt ta' Gaża, billi jitlob pubblikament li jkun hemm l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-istess Missjoni u r-responsabilità politika għall-vjolazzjonijiet kollha tad-dritt internazzjonali, indipendentement mill-allegat perpetratur, permezz ta' investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali, trasparenti u effettivi; huwa tal-fehma li mhuwiex possibbli jkun hemm proċess ta' paċi effettiv fil-Lvant Nofsani mingħajr responsabilità politika u ġustizzja;

21.  Iffiser is-sostenn tiegħu għat-twaqqif ta' dan l-aħħar tal-mandat ta' espert indipendenti fuq il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Côte d'Ivoire ħalli jsegwi l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Inkjesta, u jistenna b'ħerqa l-kunsiderazzjoni tar-rapport tiegħu fid-19-il sessjoni;

22.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitkattru l-isforzi ta' sostenn għat-tisħiħ tal-proċess ta' responsabilizzazzjoni politika fix-Sri Lanka u jibqa' jitlob li jkun titwaqqaf kummissjoni t'inkjesta tan-NU li tara l-krimini kollha kommessi, kif irrikmandat mill-Pannell ta' Esperti tas-Segeretarju Ġenerali tan-NU dwar ix-Sri Lanka; jistieden lill-Gvern tax-Sri Lanka jibgħat stedina lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-jedd tal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni;

23.  Huwa allarmat bid-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Kazakistan. huwa tal-fehma li r-rapport tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali dwar l-avvenimenti f'Zhanaozen u f'Shetpe (Kazakistan tal-Punent) ma jittrattax biżżejjed ir-rwol tal-forzi statali tal-Kazakistan fir-repressjoni brutali tal-protesti mill-ħaddiema fil-qasam taż-żejt li jinsabu fi strajk, mis-simpatizzanti u mis-sostenituri tagħhom fis-16-18 ta' Diċembru 2011, li matulhom 17-il persuna sfaw mejta; huwa mriegħex bl-arresti sussegwenti ta' esponenti mill-partiti tal-oppożizzjoni, difensuri tal-jeddijiet tal-bniedem u ġurnalisti; jappella għal inkjesta indipendenti u internazzjonali tal-avvenimenti u għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha, fosthom ta' Natalia Sokolowa, l-avukata tal-ħaddiema fil-qasam taż-żejt; jisħaq fuq il-bżonn ta' diskussjoni dwar is-sitwazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Kazakistan fis-sessjoni imminenti tal-UNHRC;

24.  Ifaħħar ħidmet l-OHCHR fejn tidħol il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) u jisħaq dwar il-ħtieġa għat-twaqqif mill-ġdid tal-mandat ta' espert indipendenti għall-monitoraġġ tal-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fid-DRC u li jidħol f'rapport mal-awtoritajiet dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-mekkaniżmi internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem;

25.  Jitlob li d-delegazzjoni tal-UE u l-Istati Membri tal-UE jfittxu li jiksbu riżoluzzjoni tal-HRC dwar il-qagħda fl-Eritrea, invista tal-imġiba mgħoddija deplorabbli u kulma jmur sejra għall-agħar ta' dan il-pajjiż fejn għandha x'taqsam il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin u l-kuxjenza;

26.  Jilqa' r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għall-Jeddijiet tal-Bniedem dwar il-qagħda fl-Afganistan, li joħroġ mill-ħidma li l-uffiċċju tagħha wettaq fil-UNAMA; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jagħtu s-sostenn tagħhom għalih b'mod pubbliku u li jidħlu f'dibattitu dwar dan ir-rapport b'sostenn tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar it-tisħiħ tal-istat ta' dritt, it-taqbida kontra l-impunità, il-jeddijiet tan-nisa u l-ħidma tal-Istituzzjoni Afgana għall-Jeddijiet tal-Bniedem; jagħti s-sostenn lit-twaqqif ta' Rapporteur Speċjali dwar il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fl-Afganistan;

27.  Jinnota li l-kunċett tar-Responsabilità ta' Protezzjoni (R2P) għamel progress tajjeb fil-korpi tan-NU bħalma huma l-Kunsill tas-Sigurtà u l-Assemblea Ġenerali u l-UNHRC; jenfasizza li l-R2P huwa kunċett li jħaddan, li jikkomprendi aktar minn sempliċi intervent militari; jieħu nota tal-interpretazzjoni l-ġdida li wkoll toħroġ (“Responsabilità waqt il-protezzjoni”), primarjament iġġenerata minn xi pajjiżi BRIC, b'mod partikolari l-Brażil, wara l-kriċi tal-Libja; iħeġġeġ aktar dibattiti dwar kif il-korpi tan-NU, b'mod partikolari l-Kunsill tas-Sigurtà, jistgħu potenzjalment jutilizzaw dan il-kunċett biex jiżguraw aktar kooperazzjoni bejn l-istati membri meta ffaċċjati minn kriżi; jissottolinja b'mod partikolari r-rwol preventiv li għandha l-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-aktar l-Uffiċċju tal-Prosekutur tagħha, u l-vantaġġi tar-rikorsi lill-QKI permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, f'dan is-sens;

28.  Jisħaq dwar il-ħtieġa għal monitoraġġ internazzjonali tal-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jidħlu b'mod attiv fit-twaqqif tal-istess fid-dawl tad-djalogu tal-UE-Ċina dwar il-jeddijiet tal-bniedem li ma rnexxilu jikseb l-ebda riżultat sinifikattiv u tanġibbli;

29.  Itenni li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà li tibdel jew tabbanduna r-reliġjon jew twemmin, hija jedd fundamentali tal-bniedem; ifaħħar ħidmet ir-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà tar-reliġjon jew twemmin u jiddispjaċih li tant individwi u komuni madwar id-dinja sfaw imċaħħdin minn dan il-jedd, jiddispjaċih li l-libertà tar-reliġjon u tal-espressjoni qiegħda tkun kostantement miksura fit-territorju tat-Tibet storiku, u li, b'konsegwenza t'hekk, għadd dejjem ikbar ta' Tibetani taw reċentement lilhom infushom in-nar bħala forma estrema ta' protesta kontra s-soppressjoni tal-jeddijiet u tal-libertajiet tagħhom;

30.  Jikkundanna l-istqarrija reċenti tal-Ministru Ġappuniż tal-Ġustizzja li jista' jerġa' l-użu tal-piena kapitali; jilqa' d-deċiżjoni tal-Mongolja tal-5 ta' Jannar 2012 li tabolixxa l-piena kapitali, insegwitu għal moratorju dwar l-użu tal-penali kapitali ta' Jannar 2010 u jħeġġeġ lill-UNHRC u lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li jissoktaw b'ħidmiethom għal moratorju u għall-abolizzjoni tal-piena kapitali fid-dinja;

31.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Parlament tal-Gwatemala li jirratifika l-Istatut ta' Ruma;

32.  Jilqa' ħidmet l-Entità tal-Ġens tan-NU (NU Nisa), li għandu jkollha impatt fuq l-implementazzjoni u d-difiża tal-“acquis ta' Bejġing”, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-jeddijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1325 dwar ir-rwol tan-nisa fil-paċi u s-sigurtà, li lkoll huma kwestjoni kjavi tal-UE;

Reviżjoni Perjodika Universali

33.  Jilqa' l-konferma fl-eżitu tar-reviżjoni tal-UNHRC li t-tieni ċiklu tal-RUP għandu jiffoka fuq, inter alia, l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati tal-ewwel ċiklu, imma jenfasizza li dawk ir-rakkomandazzjonijiet li ma kinux aċċettat mill-Istat rivedut ma għandhomx jiġi esklużi mill-proċess; jistieden lill-istati li qed jippartecipaw fir-RUP li jiffokaw il-valutazzjoni tagħhom ta' pajjiżi terzi b'mod partikolari fis-segwitu tagħhom u l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-korpi ta' tratti tan-NU u l-Proċeduri Speċjali, bħala sostenn politiku sinifikattiv mogħti lil dawn il-kontributi ta' valur imsejsin fuq opinjonijiet esperti;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jagħtu assistenza teknika ħalli jgħinu l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-RUP, inlinja mal-impenji meħudin fil-pakkett ta' bini ta' istituzzjonijiet tal-UNHRC u l-eżitu tal-proċess ta' reviżjoni; jindika l-Fond Volontarju għall-Assistenza Finanzjarja u Teknika għall-Implementazzjoni tar-RUP bħala għodda utli f'dan is-sens, u jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħrajn isegwu l-eżempji Britanniku u Ġermaniż fil-kontribuzzjoni għall-Fond;

35.  Jemmen li l-UE għandha tfittex li tgħolli l-profil tal-proċess tar-RUP billi ddaħħal rakkomandazzjonijiet fid-djalogi bilaterali u multilaterali mal-istati membri tan-NU;

36.  Jilqa' r-rwol imtejjeb mogħti, f'ottemperanza mal-Prinċipji ta' Pariġi, lill-istituzzjonijiet nazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem, li issa huma intitolati li jintervjenu immedjatament wara l-Istat li jkun qed jiġi rivedut matul l-adozzjoni tal-eżitu RUP mill-plenarja; itenni l-appoġġ tiegħu għall-NGOs tal-jeddijiet tal-bniedem u soċjetà ċivili u involviment espert akbar fir-RUP;

37.  Jilqa' l-fatt li l-eżitu tar-reviżjoni tal-UNHRC għas-sottomissjoni ta' aġġornament volontarju ta' nofs it-terminu dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet aċċettati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jmexxu bl-eżempju tagħhom;

Il-Proċeduri Speċjali

38.  Jafferma mill-ġdid il-fehma li l-Proċeduri Speċjali huma l-fus tas-sistema tal-jeddijiet tal-bniedem tan-NU u li l-kredibilità u l-effettività tal-UNHRC jistrieħu fuq l-implementazzjoni sħiħa tal-Proċeduri u l-kooperazzjoni tal-Kunsill mad-detenturi tal-mandati;

39.  Jilqa' l-fatt li l-proċess ta' reviżjoni tal-UNHRC afferma mill-ġdid l-integrità u l-indipendenza tad-detenturi tal-mandati bħala karatteristiċi essenzjali tal-Proċeduri;

40.  Jilqa' l-passi meħudin fir-reviżjoni tal-UNHRC għat-titjib tat-trasparenza fil-proċess ta' għażla u ħatra tad-detenturi tal-mandati; jilqa' wkoll ir-rwol imtejjeb f'dan il-proċess ta' għażla li għandhom l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem li jottemperaw mal-Prinċipju ta' Pariġi;

41.  Jiddispjaċih li l-kapaċità ta' avviż bikri tal-Proċeduri Speċjali ma kinitx imsaħħa aktar bl-għoti ta' mekkaniżmu li jippermettilhom li awtomatikament jagħtu bidu għal kunsiderazzjoni ta' qagħda mill-UNHRC; jiddispjaċih li ma hemm l-ebda mekkaniżmu għas-segwitu tal-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Proċeduri Speċjali;

L-involviment tal-UE

42.  Jilqa' ż-żieda mħabbra tal-fond EIDHR u jisħaq li dawn il-fondi addizzjonali għandhom ukoll jintużaw biex ikattru s-sostenn għall-UNHRC; jilqa' l-kontributi finanzjarji li saru mill-OHCHR sa mill-2007 permezz tal-EIDHR; jistenna li, invista tal-kamp ta' applikazzjoni tal-isfidi l-ġodda li fiġġew dan l-aħħar, il-Kummissjoni għandu mnejn tkun trid tkabbar l-ammont tal-kontibut annwu tagħha;

43.  Itenni s-sostenn f'saħħtu tiegħu għall-parteċipazzjoni attiva tal-UE fil-ħidma tal-UNHRC permezz tal-kosponsorizzar ta' riżoluzzjonijiet, ħruġ ta' dikjarazzjonijiet u interveniet fi djalogi u dibattiti interattivi;

44.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jiżguraw li l-jeddijiet tal-bniedem ikunu rrispettati bis-sħiħ fil-politiki interni, ħalli jkunu evitati standards doppji u tikber il-konsistenza bejn il-politiki interni u dawk esterni u jikber l-awtorità morali tagħhom fix-xena internazzjonali; jistieden lir-RGħ/VP Barunissa Ashton tindirizza l-kwestjoni tal-kompliċità tal-kumpanniji tal-UE fl-abbużi tal-jeddijiet tal-bniedem kommessi barra mill-UE u taħdem fuq l-implementazzjoni ta' sistema ta' sanzjonijeit kontra dawn il-kumpanniji jew tal-anqas tkun konxja minn każijiet bħal dawn u tiżgura li dawn il-kumpanniji ma jeħdux sussidji tal-UE jew xi tip ieħor ta' għajnuna tas-SEAE;

45.  Jisħaq għal darb' oħra l-importanza primordjali [sic] tal-formulazzjoni ta' pożizzjonijiet komuni qawwijin tal-UE, ħalli jintuża l-piż kollettiv tal-UE u l-Istati Membri tagħha; jieħu nota, f'dan id-dawl, tal-iżvilupp tal-kapaċità tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem (COHOM) u l-isforzi li jkunu identifikati l-prijoritajiet kjavi kif ukoll l-isforzi li tkun kjarifikata d-diviżjoni tax-xogħol li tgħin l-iżvilupp ta' approċċ u kollaborazzjoni bejn ir-reġjuni u dwar il-lobbying tal-Istati moderati inkluż bejn Ġinevra u New York; jilqa' l-COHOM de facto bbażat fi Brussell u l-proposta li jkun hemm laqgħa annwa fil-COHOM f'Ġinevra; jagħti s-sostenn għall-isforzi li jingħata “messaġġ wieħed b'ħafna vuċijiet”, imma jiddeplora l-fatt li t-tiftixa għal komunalitajiet ta' sikwit twassal għall-aċċettazzjoni tal-aktar denominatur komuni baxx, l-aktar fil-Konklużjoni finali tal-Kunsill u jistieden li jkun hemm azzjoni aktar qalbieni u aktar ambizzjuża; f'dan is-sens, iħeġġeġ lis-SEAE, l-aktar id-delegazzjonijiet tal-UE f'Ġinevra u New York, iżid il-koerenza tiegħu, imsejsa fuq konsultazzjoni f'waqtha u sostanzjali, u l-viżibilità tal-azzjoni tal-UE ħalli ttejjeb il-kredibilità tagħha fid-dinja;

46.  Jilqa' l-impenn tar-RGħ/VP li jiżviluppa approċċ annwu għall-identifikazzjoni tal-prijoritajiet fin-NU fil-laqgħat kollha marbutin mal-jeddijiet tal-bniedem f'Ġinevra, kif ukoll fi New York, u jindika l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib bejn ir-RGħ/VP u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili, billi d-dossiers tagħhom l-aktar fuq il-jeddijiet tal-bniedem għandhom rabtiet f'saħħithom ma' xulxin;

47.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-NU tar-Riżoluzzjoni 65/276 dwar il-parteċipazzjoni tal-UE fil-ħidma tan-NU bħala bidu modest ta' sforz akbar biex jiġi mgħolli l-livell tar-rwol tal-Unjoni fil-ħidma dwar il-jeddijiet tal-bniedem ta' din l-organizzazzjoni; iqis li l-UE issa għandha tinsisti b'mod vigoruż dwar l-eżerċizzju ta' jeddijietha u ssegwi strateġija ambizzjuża ħalli ttejjeb aktar l-istatus tagħha fin-NU;

48.  Jilqa' r-rwol kostruttiv tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-reviżjoni tal-UNHRC, l-aktar fid-difiża tal-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għall-Jeddijiet tal-Bniedem u fl-appoġġ tagħhom għall-Proċeduri Speċjali u l-mandati tal-pajjiżi; ifakkar fil-ħtieġa għal finanzjament biżżejjed li jżomm l-uffiċċji reġjonali tal-OHCHR miftuħin;

49.  Jisħaq dwar il-fatt li l-kapaċità tal-UE għal approċċ li jilħaq “il barra għandha tittejjeb b'mod urġenti, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' alleanzi f'saħħithom ma' sħab reġjonali kjavi u mal-istati moderati kollha, kif ukoll permezz ta' mekkaniżmu li jiġbed l-appoġġ tar-RGħ/VP li tillobbyja l-gvernijiet tal-pajjiżi;

50.  Jilqa' b'entużjażmu d-dikjarazzjoni tar-RGħ/VP għall-Parlament tat-13 ta' Diċembru 2011 wara s-sejħa li ilha żmien twil li saret għall-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza li d-detentur tal-mandat għandu jkun xi ħadd ta' livell ta' espert li jkollu esperjenza ppruvata fil-qasam tad-jeddijiet tal-bniedem; iħeġġeġ li din il-ħatra ssir kemm jista' jkun malajr u jkollha biżżejjed riżorsi ħalli jkun żgurat li l-mandat ikun jista' jitwettaq;

51.  Jagħti l-mandat lid-delegazzjoni tiegħu għad-19-il Sessjoni tal-UNHRC biex tleħħen it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni; jistieden lid-delegazzjoni tirrapporta lis-Sottokumitat dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem dwar din iż-żjara; iqis li huwa indispensabbli li tissokta l-prattika li tintbagħat delegazzjoni tal-PE għal sessjonijiet relevanti tal-UNHRC u l-Assemblea Ġenerali tan-NU;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tas-66 Assemblea Ġenerali, lill-President tal-Kunsill tan-NU għall-Jeddijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għall-Jeddijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.

(1) Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, Konvenzjoni tan-NU dwar il-Jeddijiet tat-Tfal, Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, Konvenzjoni tan-NU dwar il-Jeddijiet tal-Persuni b'Diżabilità, Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni kollha mill-Għibien Imġiegħel.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0097.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0334.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0229.
(5) L-Artikoli 2, 3(5) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Lulju 2013Avviż legali