Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2519(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0061/2012

Testi mressqa :

B7-0061/2012

Dibattiti :

PV 16/02/2012 - 6
CRE 16/02/2012 - 6

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2012 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0060

Testi adottati
PDF 120kWORD 79k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2012 - Strasburgu Verżjoni finali
Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji
P7_TA(2012)0060B7-0061/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2012/2519(RSP))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar il-Proċess ta' Barċellona rivedut(1) u tal-25 ta' Novembru 2009 dwar is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja qabel it-8 Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed(2) ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995, li tistabbilixxi sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran, (SEMCs), kif ukoll il-programm ta' ħidma adottat f'din il-konferenza,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Marzu 2011 dwar “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran” (COM(2011)0200),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali Kummerċjali Ewro-Mediterranju sal-2010 u Lil hinn kif adottat mit-Tmien Konferenza Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Unjoni għall-Mediterran fl-2009,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011 dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” (COM(2011)0303),

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u t-Tuneżija(3) , l-Iżrael(4) , il-Marokk(5) , il-Ġordan(6) , l-Eġittu(7) , il-Libanu(8) u l-Alġerija(9) , min-naħa l-oħra, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar Kummerċ u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana(10) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (96/142/KE),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibilità (VIS) taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja (FTA) imħejjija mill-Istitut għall-Politika u l-Ġestjoni tal-Iżvilupp tal-Università ta' Manchester,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 dwar il-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles Ewro-Mediterranja(11) u l-kunsiderazzjonijiet rilevanti indirizzati f'dik ir-riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenzi Ministerjali Ewro-Mediterranji u tal-Konferenzi Ministerjali Settorjali li saru wara t-tnedija tal-Proċess ta' Barċellona, u b'mod partikulari, il-konklużjonijiet tad-Disa' Konferenza Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Unjoni għall-Mediterran tal-11 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Frar 2010, fil-Kawża C-386/08, Brita GmbH v Hauptzollamt Hamburg-Hafen,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-UE għar-Raba' Laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael li saret fi Brussell mis-17 sat-18 ta' Novembru 2003,

–  wara li kkunsidra l-arranġament tekniku UE-Iżrael rigward il-Protokoll 4 għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael u l-Avviż tal-Kummissjoni lill-importaturi bl-isem “Importazzjonijiet mill-Iżrael fil-Komunità”(12) ,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, adottati fl-2985 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, fi Brussell, fit-8 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni rigward id-data ta' applikazzjoni tal-protokolli dwar ir-regoli ta' oriġini għal akkumulazzjoni djagonali bejn l-Unjoni Ewropea, l-Alġerija, l-Eġittu, il-Gżejjer Faeroe, l-Iżlanda, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, in-Norveġja, l-Iżvizzera (inkluż il-Liechtenstein), is-Sirja, it-Tuneżija, it-Turkija u x-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża(13) ,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra(14) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta Proċedura tiegħu,

A.  billi ż-żona pan-Ewro-Mediterranja tal-kumulazzjoni djagonali tal-oriġini hija bbażata fuq għadd ta' protokolli bilaterali fuq ir-regoli tal-oriġini kumplessi wisq għan-negozji, partikolarment għall-impriżi żgħar u medji, u għall-pajjiżi biex jisfruttawha;

B.  billi f'Ottubru 2007 l-Konferenza Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Euromed li saret f'Lisbona tat l-approvazzjoni tagħha għat-tfassil ta' konvenzjoni li tiġbor flimkien il-protokolli kollha għaż-żona pan-Ewro-Mediterranja fi strument wieħed simplifikat, biex b'hekk ikun iffaċilitat l-użu ta' kumulazzjoni tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranja; billi din il-konvenzjoni ġiet imħaddna mid-Disa' Konferenza Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Unjoni għall-Mediterran tal-11 ta' Novembru 2010;

C.  billi l-ambitu ġeografiku ta' din il-konvenzjoni twessa' biex jinkludi wkoll il-parteċipanti tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li effettivament immultiplika l-benefiċċji tal-kumulazzjoni tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranja;

D.  billi, għalkemm dawn huma passi pożittivi ħafna, ir-riżultat huwa li kull abbuż jew evitar tar-regoli dwar il-kumulazzjoni tal-oriġini jkollu impatt ġeografiku usa“;

E.  billi l-UE għandha Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni kemm mal-Iżrael kif ukoll mal-Palestina, li t-tnejn li huma jinkludu Ftehim ta' Kummerċ Ħieles li fih dispożizzjonijiet separati u distinti rigward trattament kummerċjali preferenzjali;

F.  billi fil-konklużjoni tiegħu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani fit-8 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jtenni “li l-insedjamenti huma illegali skont il-liġi internazzjonali, jikkostitwixxu ostaklu għall-paċi u jheddu li jagħmlu s-soluzzjoni ta' żewġ stati impossibbli”;

G.  billi l-pożizzjoni tal-UE hija li l-prodotti li jiġu minn postijiet li waqgħu taħt l-amministrazzjoni Iżraeljana mill-1967 lil hawn mhumiex intitolati għal trattament ta' tariffi preferenzjali skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael;

H.  billi l-applikazzjoni tal-Iżrael tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael għat-Territorji Okkupati wasslet għall-implimentazzjoni improprja tal-liġi tal-UE, li, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Brita GmbH v Hauptzollamt Hamburg-Hafen , ma tippermettix li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jagħtu trattament preferenzjali skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael għall-prodotti li jiġu minn territorji okkupati mill-Iżrael;

I.  billi ċ-ċittadini Ewropej esprimew b'mod ċar ir-rieda tagħhom fir-rigward ta' prodotti li ġejjin minn territorji okkupati Palestinjani;

J.  billi l-UE ilha tħabbat wiċċha ma' diversi problemi meta tinforza r-regoli tal-oriġini fir-rigward ta' prodotti li joriġinaw minn insedjamenti fit-territorji okkupati; billi fid-Dikjarazzjoni tagħha għar-Raba' Laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael li saret fl-2003 l-UE enfasizzat “l-importanza li tissolva l-kwistjoni bilaterali tar-regoli tal-oriġini qabel ma l-protokoll oriġinali jiġi emendat” biex tkun tista' tiġi applikata l-kumulazzjoni tal-oriġini pan-Ewro-Meditterranja; billi, fin-nuqqas ta' soluzzjoni bħal din, il-Kummissjoni ppruvat tindirizza dawn il-problemi billi tikkonkludi arranġament tekniku bilaterali mal-Iżrael, li ma jorbotx legalment, li skontu l-Iżrael iqiegħed fuq kull dokument tal-prova tal-oriġini l-kodiċijiet postali tal-postijiet li fihom il-prodotti li jkopri jkunu ġew prodotti, li b'hekk jippermetti lill-awtoritajiet doganali tal-UE jimponu immedjatament dazji mhux preferenzjali fuq prodotti mmanifatturati f'insedjamenti Iżraeljani;

K.  billi dan l-arranġament tekniku jeżisti bejn l-UE u l-Iżrael, minn naħa waħda, u bejn il-pajjiżi tal-EFTA u l-Iżrael, min-naħa l-oħra; billi l-Konvenzjoni proposta ma testendi bl-ebda mod dan l-arranġament għat-territorju ġeografiku li tkopri u bl-ebda mod ma torbot legalment lill-Partijiet l-oħra;

L.  billi r-regoli tal-arranġament tekniku diġà jeħtieġu li l-Iżrael u l-esportaturi tiegħu japplikaw id-distinzjoni bejn l-operazzjonijiet ta' produzzjoni mwettqa fit-territorji li waqgħu taħt l-amministrazzjoni Iżraeljana fl-1967 u l-produzzjoni mwettqa fit-territorju internazzjonalment rikonoxxut tal-Istat ta' Iżrael;

M.  billi l-Konvenzjoni kif inhi mhux se tipprovdi rimedji legali addizzjonali lill-Unjoni Ewropea jew lil kull Parti Kontraenti f'każijiet fejn ir-regoli dwar il-kumulazzjoni ma jitqisux li jkunu ġew issodisfati kif xieraq;

N.  billi huma l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri individwali tal-UE li huma responsabbli biex jivverifikaw il-validità ta' dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini preferenzjali ta' prodotti importati fl-UE; billi minkejja l-aħjar sforzi tagħhom, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jivverifikaw u jikkontrollaw kull dokument tal-prova tal-oriġini u kull kunsinna importata b'mod preferenzjali mill-Iżrael fl-UE; billi l-Konvenzjoni tista' taggrava din l-isfida loġistika billi żżid in-numru ta' pajjiżi sħab li jakkumulaw il-ħdim jew l-ipproċessar b'materjal esportat mill-Iżreal meta jesportaw prodotti fl-ambitu tal-ftehimiet tagħhom mal-UE;

O.  billi, għalkemm il-problema dwar id-determinazzjoni tal-oriġini tal-prodotti esportati mill-Iżrael trid tiġi indirizzata b'mod aktar adegwat, din il-kwistjoni m'għandhiex iżżomm lura l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-reġjun kollu;

P.  billi r-Rebbiegħa Għarbija enfasizzat il-ħtieġa ta' regoli ġusti u xierqa li jippermettu l-popli ta' kull stat u pajjiż tal-Mediterran jiksbu l-benefiċċji kollha tal-isforzi ekonomiċi tagħhom stess u l-ħtieġa li l-UE tappoġġja b'mod ċar dawn l-isforzi; billi fid-dawl tar-Rebbiegħa Għarbija l-UE tenniet l-impenn tagħha li tistabbilixxi rabtiet kummerċjali eqreb mal-pajjiżi Għarab;

Q.  billi fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha tat-8 ta' Marzu 2011 dwar “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran” il-Kummissjoni telenka l-adozzjoni tal-Konvenzjoni bħala wieħed mill-istrumenti biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-kummerċ u l-investiment fir-reġjun;

R.  billi ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja naqset li timmaterjalizza sal-2010; billi waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dan in-nuqqas kienet in-nuqqas ta' integrazzjoni soċjali, kummerċjali u ekonomika Nofsinhar-Nofsinhar fost il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

S.  billi l-impatt fuq il-pajjiżi u r-reġjuni ta' dan il-ftehim jista' jkun sostanzjali ferm;

1.  Jemmen li l-kummerċ internazzjonali jista' jkun mezz li jwassal għat-tkabbir ekonomiku, id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tnaqqis tal-faqar, li kollha huma komponenti meħtieġa tad-demokratizzazzjoni tar-reġjun tal-Mediterran; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni li tagħti aċċess preferenzjali għas-suq intern tal-UE għal oġġetti prodotti u kumulati fir-reġjun tal-Mediterran;

2.  Jilqa' l-inizjattiva li jiġi ssimplifikat l-użu tas-sistema ta' kumulazzjoni tar-regoli tal-oriġini fiż-żona pan-Ewro-Mediterranja; jemmen li l-Konvenzjoni reġjonali għal regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji hi pass kbir lejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-integrazzjoni soċjali u ekonomika fil-Viċinat tan-Nofsinhar;

3.  Huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-istabbiliment taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja, li suppost kellha tkun fis-seħħ sal-2010 iżda għadha mhijiex; jiddispjaċih għall-fatt li ma sar l-ebda progress reali mill-atturi varji sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet necessarji; iħeġġeġ l-iżvilupp tal-kooperazzjoni ekonomika bilaterali u multilaterali Nofsinhar-Nofsinhar, li tipproduċi benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini tal-pajjiżi involuti u ttejjeb il-klima politika fir-reġjun; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' kummerċ intrareġjonali fost il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran kien ta' xkiel sinifikanti għall-proġett; jinsisti li l-istabbiliment taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja għandu jibqa' wieħed mill-objettivi tal-UE u tas-sħab tan-Nofsinhar tagħha; iqis il-Konvenzjoni bħala pass kbir lejn l-istabbiliment taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles u bħala inċentiv possibbli għall-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar;

4.  Jittama li -demokraziji l-ġodda li se jiżviluppaw fir-reġjun wara r-Rebbiegħa Għarbija jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u soċjali kif ukoll isaħħu d-djalogu politiku, li għandu joħloq ambjent aktar favorevoli għall-kummerċ intrareġjonali, billi waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta' kummerċ kienet il-politiki implimentati mill-mexxejja dittatorjali ta' qabel; iħeġġeġ lil dawn id-demokraziji l-ġodda jaħdmu flimkien fi ħdan il-Grupp ta' Agadir u jagħmlu użu sħiħ minn din il-Konvenzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tagħti lil dawn id-demokraziji l-ġodda għajnuna teknika biex ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti kummerċjali disponibbli għalihom, fosthom din il-Konvenzjoni;

5.  Jilqa' l-fatt li l-Konvenzjoni hija strument uniku li mhux biss joħloq il-qafas legali meħtieġ għall-kumulazzjoni djagonali bejn is-sħab tradizzjonali tan-Nofsinhar tal-Mediterran, iżda jinkludi wkoll lill-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-pajjiżi tal-EFTA, u b'hekk tagħti ambitu ġeografiku usa' għall-kumulazzjoni u toħloq suq akbar għall-esportazzjonijiet kumulati;

6.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Konvenzjoni mhijiex issupplementata b'mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim biex jiġu ttrattati kwistjonijiet rigward il-verifika tal-prova tal-oriġini; jemmen li l-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Konvenzjoni mhux se jkun strument vijabbli biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati; jinnota li għalhekk dawn il-kwistjonijiet ikollhom jiġu ttrattati permezz ta' mekkaniżmi bilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim, meta jkunu jeżistu;

7.  Huwa tal-fehma li l-Konvenzjoni kienet tissaħħaħ ħafna bl-inklużjoni ta' mekkaniżmu uniku u effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim li jippermetti riżoluzzjoni rapida u sodisfaċenti tat-tilwim rigward l-oriġini u l-kumulazzjoni ta' prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li tintegra tali mekkaniżmu fil-Konvenzjoni meta tiġi riveduta fil-futur;

8.  Jiddispjaċih għall-fatt li t-test tal-Konvenzjoni ma jipprevedi ebda proċedura ta' reviżjoni jew rieżami fil-futur; jemmen li strument kumpless u wiesa' fil-firxa ta' applikazzjoni bħall-Konvenzjoni jibbenefika minn reviżjoni f'waqtha; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tqis l-inkorporazzjoni ta' klawżola ta' rieżami fil-Konvenzjoni;

9.  Jenfasizza l-importanza li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni tkun akkumpanjata, kemm jista' jkun malajr, minn reviżjoni tar-regoli tal-oriġini applikabbli għall-partijiet għall-Konvenzjoni u li tali reviżjoni ssir b'mod li ġġib ir-regoli tal-oriġini għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran f'konformità ma' dawk proposti fir-regolament il-ġdid dwar is-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ); jemmen li regoli tal-oriġini anqas vantaġġużi jdgħajfu l-potenzjal sħiħ tal-Konvenzjoni u jippreġudikaw il-Viċinat tan-Nofsinhar;

10.  Huwa preokkupat ferm dwar il-prattiki użati minn ċerti kumpaniji li jkomplu jisfruttaw it-termini tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael billi jesportaw oġġetti magħmula fit-Territorji Okkupati; jiddeplora din il-prattika u jikkunsidra li din tmur kontra l-politiki internazzjonali tal-UE u tirrappreżenta abbuż tal-opportunitajiet estensivi għal aċċess preferenzjali leġittimu għas-suq intern tal-Unjoni; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tfassal lista sewda ta' kumpaniji li jkomplu jużaw dawn il-prattiki u tinforma lill-Istati Membri;

11.  Ifakkar li fis-sentenza tagħha fil-kawża Brita GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen , il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jimpurtaw iridu jirrifjutaw it-trattament preferenzjali skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael għal prodotti esportati lejn l-UE li joriġinaw minn territorji okkupati minn Iżrael jew li għalihom l-awtoritajiet Iżraeljani jonqsu milli jipprovdu tagħrif biżżejjed li jippermetti li tkun stabbilita l-oriġini reali;

12.  Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni m'għandhiex tipperpetwa jew toħloq sitwazzjoni li tiffaċilita jew tinkoraġġixxi dan l-abbuż tar-regoli; jenfasizza li l-Konvenzjoni, kif tiddikjara fil-preambolu tagħha, m'għandhiex twassal b'mod ġenerali għal sitwazzjoni inqas favorevoli mir-relazzjoni ta' qabel bejn is-sħab ta' kummerċ ħieles li japplikaw il-kumulazzjoni djagonali; jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-Parlament Ewropew biex iż-żewġ istituzzjonijiet ikunu jistgħu jqiegħdu r-rieda politika u l-piż politiku tagħhom wara l-isforzi biex tinstab soluzzjoni għal dan l-abbuż tar-regoli tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti ġodda għal soluzzjoni bla lakuni għal din il-problema;

13.  Jinnota li l-UE u l-Istati Membri tal-EFTA lkoll għandhom Arranġament Tekniku mal-Iżrael li jindirizza l-kwistjoni tat-territorjalità u li, sa ċertu punt, joffri xi soluzzjonijiet; huwa tal-fehma li s-soluzzjonijiet offruti minn dawn l-Arranġamenti Tekniċi mhumiex sodisfaċenti; jinnota, barra minn hekk, li dawn l-Arranġamenti Tekniċi ma jorbtux lill-partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni reġjonali; huwa preokkupat, għalhekk, li l-Konvenzjoni reġjonali tista' tagħti lok għal proliferazzjoni ta' sitwazzjonijiet li fihom Partijiet Kontraenti oħra jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jiżguraw il-kumulazzjoni skont il-ftehimiet tagħhom mal-UE meta jaħdmu u jipproċessaw fit-territorji tagħhom stess, prodotti importati skont il-ftehimiet tagħhom mal-Iżrael;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, tinnegozja mill-ġdid l-Arranġament Tekniku bl-għan li jsir aktar effikaċi u sempliċi; jitlob lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni li tapplika wkoll għal oġġetti importati minn partijiet terzi li kkumulaw il-ħdim u l-ipproċessar fit-territorju tagħhom stess b'matejali importati skont il-ftehimiet tagħhom mal-Iżrael; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet li jwasslu għall-applikazzjoni uniformi tal-prinċipju tat-territorjalità mill-partijiet kontraenti kollha bħala parti minn kull rieżami futur tal-Konvenzjoni reġjonali;

15.  Jinnota li skont il-proċeduri previsti fl-Arranġament Tekniku li attwalment huwa fis-seħħ bejn l-UE u l-Iżrael, minn naħa waħda, u bejn l-EFTA u l-Iżrael, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet doganali u l-esportaturi tal-Iżrael diġà jagħmlu distinzjoni bejn l-operazzjonijiet ta' produzzjoni mwettqa fl-insedjamenti Iżraeljani fit-Territorji Okkupati u l-produzzjoni mwettqa fit-territorju internazzjonalment rikonoxxut tal-Istat ta' Iżrael; jinnota li dawn il-proċeduri ma jipprevedux il-komunikazzjoni tal-eżitu tad-distinzjonijiet li qed isiru mill-awtoritajiet u l-esportaturi Iżraeljani sabiex l-awtoritajiet doganali tal-UE jkunu jistgħu japplikaw l-istess distinzjonijiet b'mod korrett, sempliċi u effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri sabiex tinstab soluzzjoni bl-għan li tibdel dan l-arranġament tekniku f'mekkaniżmu sempliċi, effiċjenti u affidabbli;

16.  Iqis li mekkaniżmu sempliċi, effiċjenti u affidabbli li jieħu post l-arranġament tekniku eżistenti għandu jiġi miftiehem mal-Iżrael, li skontu l-esportaturi u l-awtoritajiet doganali tal-Iżrael japplikaw l-istess distinzjoni, u b'mod ċar u xieraq jindikaw meta jassenjaw l-istatus tal-oriġini lil prodotti fuq il-bażi tal-operazzjonijiet ta' produzzjoni mwettqa fit-territorji li waqgħu taħt l-amministrazzjoni tal-Iżrael fl-1967;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet doganali tagħhom japplikaw b'mod effikaċi l-Arranġament Tekniku u l-ispirtu tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti kumulati Iżraeljani li jidħlu fl-UE skont il-kumulazzjoni djagonali prevista fil-Konvenzjoni reġjonali; jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu t-tmexxija fil-koordinazzjoni ta' sforzi bħal dawn madwar l-UE u għandha wkoll tieħu passi biex toħloq sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri individwali tal-UE dwar kif l-Arranġament Tekniku għandu jkun applikat għal prodotti kumulati Iżraeljani; jemmen li l-awtoritajiet doganali tal-UE għandhom jeżaminaw bir-reqqa u b'mod aktar effikaċi l-applikazzjoni tal-Arranġament Teknkiu sabiex jipprevjenu l-abbuż tas-sistema ta' preferenzi;

18.  Peress li ma teżisti ebda dispożizzjoni ta' dan it-tip fit-test tal-Konvenzjoni, jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt wara tliet snin sabiex tevalwa, inter alia, il-benefiċċji maħluqa bl-adozzjoni tal-Konvenzjoni u l-impatt tal-kumulazzjoni li jinħoloq mill-Konvenzjoni fuq il-prattiki ta' ċerti kumpaniji msemmija hawn fuq;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet offruti mill-kumulazzjoni kif simplifikata mill-Konvenzjoni pan-Ewro-Mediterranja l-ġdida, partikolarment fil-komunitajiet kummerċjali tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran; jappoġġja lill-Kummissjoni fir-rigward ta' inizjattivi mfassla biex joħolqu sensibilizzazzjoni bħal din;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-partijiet għall-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-Regoli tal-Oriġini pan-Ewro-Mediterranji u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM).

(1) ĠU C 272E, 9.11.2006, p. 570.
(2) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 35.
(3) ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.
(4) ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3.
(5) ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.
(6) ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3.
(7) ĠU L 304, 30.9.2004, p. 39.
(8) ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2.
(9) ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.
(10) ĠU L 187, 16.7.1997, p. 3.
(11) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 210.
(12) ĠU C 20. 25.1.2005, p. 2.
(13) ĠU C 156, 26.5.2011, p. 3.
(14) ĠU L 53, 22.2.1997, p. 2.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Lulju 2013Avviż legali