Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2509(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0063/2012

Testi mressqa :

B7-0063/2012

Dibattiti :

PV 16/02/2012 - 7
CRE 16/02/2012 - 7

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2012 - 8.14
CRE 16/02/2012 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0062

Testi adottati
PDF 74kWORD 38k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2012 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-futur tal-GMES
P7_TA(2012)0062B7-0063/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-futur tal-GMES (2012/2509(RSP))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2011 dwar il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) u l-operati tiegħu (mill-2014 “il quddiem)(COM(2011)0831),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-29 ta' Ġunju 2011, dwar “Baġit għall-Ewropa 2020 (COM(2011)0500)”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini(1) ,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2011 bl-isem “Lejn strateġija spazjali tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini”,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-GMES (O-000325/2011 – B7-0027/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-programm tal-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) huwa waħda miż-żewġ inizjattivi spazjali emblematiċi tal-Unjoni Ewropea u għandu rwol ewlieni fl-osservazzjoni tad-dinja, li hija għodda vitali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, fil-protezzjoni ċivili u s-sigurtà, fl-iżvilupp sostenibbli, fil-mobilità u fil-ġestjoni tal-kriżijiet, u fil-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi importanti billi jiġu żviluppati servizzi “downstream” u titrawwem l-innovazzjoni;

B.  billi l-GMES hija ta' importanza politika, strateġika u teknika importanti ħafna għall-Ewropa u toffri valur sostanzjali ħafna għall-flus f'termini ta' benefiċċji ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi;

C.  billi l-GMES twaqqfet bħala programm tal-Unjoni, iffinanzjat mill-baġit tal-UE, li jammonta għal madwar EUR 3,2 biljun sal-2013, taħt ir-responsabilità u l-ġestjoni tal-UE;

D.  billi n-nuqqas ta' pjan ta' finanzjament kredibbli li jipprovdi appoġġ finanzjarju fit-tul u stabbli probabbilment iwassal għal spejjeż akbar fuq perjodu itwal, diskrepanzi fl-aċċess għall-informazzjoni u għall-benefiċċji li jirriżultaw għaċ-ċittadini Ewropej u interruzzjoni jew saħansitra sospensjoni tal-programm u tal-provvista tiegħu ta' data, u jista' fl-aħħar mill-aħħar ifisser li l-investiment li sar s'issa ma jkun ħalla l-ebda frott u li l-Ewropa titlef l-indipendenza u l-avvanz teknoloġiku tagħha f'din l-infrastruttura spazjali importanti;

E.  billi fil-31 ta' Mejju 2011 il-Kunsill talab li l-baġit tal-UE jkompli jiffinanzja l-programm GMES f'konformità mar-responsabilitajiet tal-Unjoni, billi bosta Stati Membri diġà indikaw l-oġġezzjoni tagħhom għar-regolamentazzjoni tal-finanzjament tal-GMES permezz ta' ftehim intergovernattiv, u billi l-Fond tal-GMES propost għalhekk probabbilment mhux se jiġġenera l-finanzjament meħtieġ;

1.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li fit-30 ta' Novembru 2011 il-Kummissjoni ppubblikat biss komunikazzjoni u ma ressqitx proposta leġiżlattiva dwar il-GMES, meta jitqies li r-Regolament attwali (UE) Nru 911/2010 ikopri biss l-operazzjonijiet inizjali u se jiskadi sa tmiem l-2013;

2.  Ma jaqbilx mad-direzzjoni li l-Kummissjoni indikat fil-komunikazzjoni tagħha rigward il-finanzjament u l-governanza futura tal-GMES, fejn l-għan huwa l-finanzjament intergovernattiv tal-proġett; huwa mħasseb li din id-direzzjoni se tkun fil-parti l-kbira tagħha ta' ħsara għall-iżvilupp futur tal-programm, twassal sabiex il-programm jitlef id-dimensjoni Ewropea tiegħu, tikkontradixxi l-prinċipji tat-trasparenza u ta' aċċess sħiħ, miftuħ u ugwali għal kulħadd, u titqies bħala sinjal tat-tbegħid tal-UE minn din l-inizjattiva emblematika;

3.  Ma jemminx li l-finanzjament tal-GMES barra l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) – bl-istruttura ta' finanzjament u governanza li l-Kummissjoni pproponiet fil-komunikazzjoni tagħha – hija għażla vijabbli;

4.  Jirrimarka li l-inċertezza dwar il-futur tal-programm GMES u l-finanzjament tiegħu huwa ta' ħsara kbira ħafna għall-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi u l-applikazzjonijiet tal-GMES, li huma mistennija jiġġeneraw tkabbir u benessri ekonomiku għaċ-ċittadini Ewropej;

5.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tressaq minnufih proposta leġiżlattiva dwar il-governanza, l-iffinanzjar u l-operazzjoni fuq perjodu twil tal-programm GMES, iffinanzjat mill-MFF, bl-għan li jiġu żgurati t-tnedija u l-operazzjoni adegwati tal-programm u jintlaħaq l-objettiv tiegħu li jkun operattiv għalkollox mill-2014;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0013.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Lulju 2013Avviż legali