Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2542(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0089/2012

Dibattiti :

PV 16/02/2012 - 13.3
CRE 16/02/2012 - 13.3

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2012 - 14.3
CRE 16/02/2012 - 14.3

Testi adottati :

P7_TA(2012)0065

Testi adottati
PDF 205kWORD 38k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2012 - Strasburgu
Il-piena tal-mewt fil-Ġappun
P7_TA(2012)0065RC-B7-0089/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-piena tal-mewt fil-Ġappun (2012/2542(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 63/168 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li titlob l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tat-18 ta' Diċembru 2007, li titlob moratorja dinjija fuq il-piena tal-mewt u fuq l-eżekuzzjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 65/206 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta' Diċembru 2010 dwar moratorja fuq l-użu tal-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar moratorja universali fuq il-piena tal-mewt(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fil-Ġappun, fil-Korea t'Isfel u fit-Tajwan(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta minn Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u Thorbjorn Jagland, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta' April 2011 dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, li tinkoraġġixxi lill-pajjiżi osservaturi tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż il-Ġappun, biex jabolixxu l-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inuman jew Degradanti, li l-Ġappun irratifika fl-1999,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata b'mod qawwi li taħdem favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt kullimkien u qed tagħmel ħilitha biex il-prinċipju bażiku tad-dritt għall-ħajja jiġi aċċettat universalment,

B.  billi l-2011 kienet l-ewwel sena mingħajr ebda eżekuzzjoni fil-Ġappun mill-1992 “l hawn; billi, madankollu, skont rapporti fil-midja, il-Ministru l-ġdid tal-Ġustizzja, Toshio Ogawa, ħabbar li ma jixtieqx ikompli l-politika ta' ”kawtela' tal-predeċessur tiegħu, Hiraoka Hideo, u jkun lest jiffirma ordinijiet ta' eżekuzzjoni għal darba oħra;

C.  billi sar progress sinifikanti lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja, u numru dejjem akbar ta' pajjiżi neħħew il-piena kapitali;

D.  billi impenn uffiċjali mill-Ġappun, bħala demokrazija ewlenija fl-Asja u membru ewlieni tal-komunità internazzjonali, favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt mhux biss ikun konsistenti max-xejra internazzjonali iżda jibgħat ukoll sinjal qawwi madwar id-dinja li d-dritt għall-ħajja għandu jiġi rispettat u protett;

E.  billi madwar 130 persuna li nqatgħatilhom għall-mewt fil-Ġappun bħalissa qed jistennew fit-taqsima tal-priġunieri kkundannati għall-mewt;

F.  billi l-priġunieri u r-rappreżentanti legali tagħhom ma jiġux infurmati bl-eżekuzzjoni qabel il-ġurnata stess li sseħħ, u l-familji jsiru jafu biha biss wara l-fatt, ħaġa li hija krudeltà partikolari meta jitqiesu s-snin twal ta' stennija fit-taqsima tal-priġunieri kkundannati għall-mewt;

1.  Jilqa' l-fatt li r-relazzjoni tal-UE mal-Ġappun hija bbażata fuq il-fatt li t-tnejn li huma għandhom għal qalbhom il-libertà, id-demokrazija, l-istat ta' dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jilqa' l-fatt li ma seħħew l-ebda eżekuzzjonijiet fil-Ġappun minn Lulju 2010, u li ġie stabbilit grupp ta' studju dwar il-piena tal-mewt fil-Ministeru tal-Ġustizzja fl-2010;

3.  Jistieden b'mod urġenti lill-Ministru tal-Ġustizzja, Toshio Ogawa, biex ma japprovax ordnijiet ta' eżekuzzjoni fil-futur u jappoġġa l-ħidma tal-grupp ta' studju;

4.  Jistieden lill-Ġappun jikkonferma l-isforzi tiegħu biex jirritorna għall-moratorja de facto li kienet fis-seħħ minn Novembru 1989 sa Marzu 1993 u biex jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-Membri tal-Parlament, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-midja jinvolvu ruħhom f'dibattitu nazzjonali dwar l-użu tal-piena kapitali fil-pajjiż;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll lill-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja tal-Ġappun u lid-Diet Ġappuniż.

(1) ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 306.
(2) ĠU C 261 E, 30.10.2003, p. 597.
(3) ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 5.

Avviż legali - Politika tal-privatezza