Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2180(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0035/2012

Testi mressqa :

A7-0035/2012

Dibattiti :

PV 12/03/2012 - 23
CRE 12/03/2012 - 23

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2012 - 8.7
CRE 13/03/2012 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0072

Testi adottati
PDF 342kWORD 113k
It-Tlieta, 13 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Proċess ta' Bolonja
P7_TA(2012)0072A7-0035/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-kontribut tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja (2011/2180(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Sorbonne dwar l-armonizzazzjoni tal-arkitettura tas-sistema Ewropea tal-edukazzjoni għolja, iffirmata fil-25 ta' Mejju 1998 f'Pariġi mill-erba' ministri responsabbli minn dan il-qasam ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit (id-Dikjarazzjoni ta' Sorbonna)(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Bolonja ffirmata fid-19 ta' Ġunju 1999 mill-Ministri tal-Edukazzjoni minn 29 pajjiż Ewropew (id-Dikjarazzjoni ta' Bolonja)(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni maħruġa mill-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Edukazzjoni Għolja fit-28-29 ta' April 2009 f'Leuven u f'Louvain-la-Neuve(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Budapest-Vjenna tat-12 ta' Marzu 2010 adottata mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta' 47 pajjiż, li uffiċjalment nidiet iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA)(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali(5),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 biex jiġi faċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal waqfiet qosra uniformi għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fil-Komunità bil-għan li jagħmlu riċerka xjentifika(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar iktar kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla(7),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja(8) (EQF-LLL),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(9),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżviluppar tar-rwol tal-edukazzjoni fi trijanglu tal-għarfien li jiffunzjona kompletament(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja(11),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel(12),

–  wara li kkunsidra rr-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 Żgħażagħ f'Moviment - il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ(13),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2006 bit-titolu “Inwasslu għar-Riżultati tal-Aġenda ta' Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni” (COM(2006)0208),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu “Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa” (COM(2011)0567),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “l-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2009: Żviluppi fil-Proċess ta' Bolonja” (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2009)(14),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “l-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2010: L-Impatt tal-Proċess ta' Bolonja” (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2010)(15),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2007 tal-Eurobarometer dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost l-għalliema professjonisti (16),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2009 tal-Eurobarometer dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost l-istudenti (17),

–  wara li kkunsidra l-publikazzjoni tal-Eurostat tas-16 ta' April 2009 bit-titolu “Il-Proċess ta' Bolonja fl-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa - Indikaturi ewlenin dwar id-dimensjoni soċjali u l-mobilità”(18),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Edukazzjoni Għolja li saret f'Yerevan, fl-Armenja, bejn it-8 u d-9 ta' Settembru 2011(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar il-Proċess ta' Bologna u l-mobbiltà tal-istudenti(20),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0035/2012),

A.  billi l-objettivi tal-Proċess ta' Bolonja – li tiġi żgurata l-kompatibilità tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa u li jitneħħew l-ostakoli li ma jħallux lill-persuni jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor sabiex jistudjaw jew jaħdmu u sabiex l-edukazzjoni għolja tkun attraenti għal kemm jista' jkun nies possibbli, inklużi żgħażagħ minn pajjiżi terzi – għadhom validi, filwaqt li t-tkomplija tal-proċess – permezz ta' djalogu bejn il-livelli differenti tas-sistema edukattiva sabiex jiġu żviluppati kurrikuli li għandhom jinbnew fuq kull livell preliminari – qiegħda sservi l-għanijiet tat-tkabbir ibbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020, l-aktar fil-kriżi ekonomika attwali; billi jeħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-evoluzzjoni tal-Proċess u sabiex jitqiesu s-suċċessi, il-problemi, in-nuqqas ta' ftehim u l-oppożizzjoni esperjenzjati;

B.  billi r-rwol tal-edukazzjoni għolja hu li tipprovdi ambjent ta' tagħlim, miftuħ għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni, li jippromwovi l-awtonomija, il-kreattività, l-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità u t-twessigħ tal-għarfien, u għal dan il-għan huwa essenzjali li jiġi ggarantit li tkun involuta l-komunità akkademika b'mod ġenerali, partikolarment l-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi, fl-iżvilupp tad-diversi stadji tal-edukazzjoni universitarja;

C.  billi, fid-dawl tat-tliet funzjonijiet tagħhom (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni), l-universitajiet għandhom rwol kruċjali fil-ġejjieni tal-Unjoni u fl-edukazzjoni taċ-ċittadini tagħha;

D.  billi l-università hija aspett ewlieni tal-wirt Ewropew, li issa laħaq kważi l-elf sena, li s-sinifikat tagħha bħala forza għall-progress fis-soċjetà ma jistax jiġi ridott għall-kontribut tagħha lill-ekonomija, u li l-iżvilupp tagħha ma jistax ikun kontinġenti biss fuq il-ħtiġijiet ekonomiċi;

E.  billi, minkejja d-diffikultajiet iffaċċjati – l-istruttura fuq tliet ċikli qed tiġi applikata fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Proċess ta' Bolonja, u f'xi każijiet b'suċċess;

F.  billi l-impenn li titmexxa “l quddiem ir-riforma m'għandux jiġi segwit permezz ta' azzjoni frammentata u mingħajr appoġġ finanzjarju adegwat; billi t-tnaqqis fl-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni li qed isir f'ċerti Stati Membri mhux qed jgħin biex jiġu promossi r-riformi meħtieġa;

G.  billi l-mobilità għandha tkun disponibbli għal kulħadd u hija l-pedament tar-riforma tal-edukazzjoni għolja; billi l-mobilità tal-istudenti fl-aħħar tista' tgħin biex tkattar il-mobilità professjonali; billi, madankollu, tul il-proċess kollu għandha titqies ukoll l-aċċessibilità għal kulħadd;

H.  billi jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu iktar sforzi biex jiggarantixxu r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, li hu kruċjali għas-suċċess tal-proċess;

I.  billi d-dimensjoni soċjali trid tissaħħaħ bħala kundizzjoni meħtieġa għall-iżvilupp tal-Proċess ta' Bolonja, bl-objettiv li d-dritt għall-istudju jsir ekonomikament aċċessibbli għall-istudenti kollha – speċjalment dawk minn gruppi vulnerabbli – sabiex jinħoloq aċċess ġust għal kulħadd u opportunatjiet aħjar ta' impjegi;

J.  billi l-universitajiet, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-intrapriżi jridu juru impenn b'saħħtu favur l-impjegabilità; billi l-università għandha tipprovdi lill-individwi l-għodod u l-ħiliet meħtieġa biex tiżgura l-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal uman tagħhom; billi t-tagħlim akkademiku għandu jqis ukoll il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, bil-għan li l-istudenti jingħataw il-ħiliet li għandhom bżonn sabiex isibu impjieg stabbli u mħallas sew;

K.  billi l-aċċess għall-edukazzjoni – valur fundamentali tal-UE – huwa responsabilità pubblika tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet tal-UE u ta' atturi ewlenin oħrajn, u billi l-Unjoni Ewropea għanda rwol ewlieni fl-istabbiliment taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja billi tappoġġa l-isforzi u l-kooperazzjoni tal-Istati Membri f'dan il-qasam; billi l-koordinazzjoni akbar tal-edukazzjoni u tal-lawrji – filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà – hija prekondizzjoni għall-kisba tal-objettivi tal-impjegabilità fl-Ewropa;

L.  billi l-Proċess ta' Bolonja m'għandux ikollu effetti retroattivi fuq studenti li diġà bdew il-lawrja tagħhom skont il-pjan pre-Bolonja;

Ir-rilevanza tal-proċess

1.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni bħala l-qasam ewlieni għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-objettivi essenzjali tax-xogħol u tal-iżvilupp tal-istrateġija UE 2020 u l-irkupru ekonomiku tant meħtieġ;

2.  Jappella għat-tisħiħ fil-livell tal-UE tal-appoġġ għall-Proċess ta' Bolonja, b'mod partikulari fir-rigward tal-għarfien reċiproku tal-kwalifiki akkademiċi, l-armonizzazzjoni tal-istandards akkademiċi, il-promozzjoni tal-mobilità, id-dimensjoni soċjali u l-impjegabilità, il-parteċipazzjoni demokratika, u l-analiżi tal-istat tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' Bolonja, u t-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi; jistieden lill-Istati Membri jtennu l-impenn tagħhom għall-Proċess billi jsaħħu s-sistema tal-finanzjament sabiex jiksbu l-objettivi ta' tkabbir stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

3.  Jinnota li ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) hija kisba maġġuri mil-lat tal-ħolqien u t-tkattir ta' ċittadinanza Ewropea ġenwina; iqis li din għandha tissarraf fit-tisħiħ tal-EHEA permezz tal-użu ta' għodod u proċeduri xierqa;

4.  Jenfasizza li l-Proċess ta' Bolonja u l-EHEA għandhom rwol ewlieni fl-istrateġija Ewropa 2020 u jindika li r-rabta bejn it-tagħlim u r-riċerka hija kruċjali daqs kemm hi karatteristika distinta tal-edukazzjoni għolja Ewropea;

5.  Jenfasizza l-fatt li l-prijoritajiet stabbiliti fil-Proċess ta' Bolonja – il-mobilità, l-għarfien, l-impjegabilità – jirrappreżentaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun iggarantit li kull student li jinkiteb f'università Ewropea jkollu d-dritt li jiggradwa u jara li l-kwalifi tiegħu jkunu rikonoxxuti f'kull pajjiż tal-UE;

Governanza

6.  Jappella għall-iżvilupp ta' approċċ effettiv “il fuq, li jkun jinvolvi l-atturi kollha importanti bħall-universitajiet, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet professjonali, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, is-settur tan-negozju u, fuq kollox, l-għalliema u l-istudenti, l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u l-istaff tal-università;

7.  Jinnota li xi Universitajiet Ewropej qed isibuha bi tqila biex jagħmlu l-isforzi suffiċjenti għall-kisba ta' EHEA konsolidata filwaqt li, għal xi wħud minnhom, jekk jixtiequ jsaħħu l-kompetittività u l-kwalità tal-għarfien li jipproduċu, l-uniku mezz hu billi jiffurmaw parti mill-EHEA;

8.  Jappella għal impenn min-naħa tal-universitajiet għal strateġiji ġodda ta' tagħlim u taħriġ professjonali u tul il-ħajja – billi jsir l-aħjar użu mit-teknoloġiji l-ġodda u bl-għarfien tal-importanza tal-forom kumplimentarji tat-tagħlim bħal sistemi edukattivi non-formali – li huma ffukati fuq is-sisien ta' sistema universitarja ffukata fuq it-tagħlim, fuq l-istudent u fuq ir-riċerka li kapaċi tipprovdi ħsieb kritiku, ħiliet kreattivi, żvilupp professjonali kontinwu kif ukoll għarfien teoretiku u prattiku li l-istudenti jkollhom bżonn fil-ħajja tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jappoġġjaw finanzjarjament lill-universitajiet fl-isforzi tagħhom li jbiddlu u jiżviluppaw il-prattiki edukattivi tagħhom;

9.  Iħeġġeġ li l-programmi ta' taħriġ għall-għalliema għandhom jissaħħu u jiġu estiżi, billi jitqiesu l-possibilitajiet offruti permezz ta' teknoloġiji ġodda u ta' tagħlim tul il-ħajja;

10.  Jenfasizza li l-ftuħ tal-Universitajiet Ewropej għall-ħtiġijiet tal-ekonomija globali u iktar konsolidazzjoni tal-EHEA għandhom jitqiesu bħala sforzi tal-universitajiet Ewropej biex jgħinu lill-Ewropa tirkupra mill-perjodu ta' insigurtà ekonomika ġenerali u biex l-Ewropa terġa' titqiegħed fit-triq it-tajba lejn l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir;

11.  Jappella għall-iżvilupp tat-“tielet missjoni” tal-universitajiet fis-soċjetà, li għandu jitqies ukoll b'rabta mal-kriterji multidimensjonali li għandhom jitfasslu għal raġunijiet ta' klassifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-eċċellenza;

12.  Jitlob għal żieda fl-investiment pubbliku fl-edukazzjoni għolja, partikolarment immirat biex jiġġieled il-kriżi ekonomika bi tkabbir abbażi ta' ħiliet u għarfien imtejba, u biex iwieġeb għad-domanda ogħla tal-istudenti għal kwalità mtejba ta' edukazzjoni u servizzi, partikularment boroż ta' studju, u aċċess għalihom; jemmen li t-tnaqqis fil-baġit għandhu impatt negattiv fuq l-isforzi biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni, li hi l-prinċipju li fuqu hu bbażat il-proċess ta' Bolonja; jappella, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-UE jiżviluppaw mekkaniżmi ta' finanzjament ġodda, immirati u flessibbli – u biex jippromwovu għotjiet madwar l-Ewropa kollha – bil-għan li jappoġġjaw it-tkabbir, l-eċċellenza u l-vokazzjonijiet partikulari u diversi tal-universitajiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ ta' fondi multipli, definit b'regoli ċari u effettivi, maħsub biex jkun jista' jlaħħaq mal-mudell ta' finanzjament futur tal-UE u biex jiżgura l-indipendenza tal-universitajiet;

Konsolidazzjoni

13.  Jirrimarka li l-Proċess ta' Bolonja u l-programm Erasmus taw spinta lill-mobilità tal-istudenti u għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għal mobilità tax-xogħol imsaħħa; jiddispaċih, madankollu, li r-rati ta' mobilità għadhom relattivament baxxi;

14.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-universitajiet jistabbilixxu mekkaniżmi biex ikunu pprovduti l-informazzjoni u l-appoġġ finanzjarju u amministrattiv għall-istudenti, l-akkademiċi u l-persunal kollha sabiex irawmu flussi ta' mobilità strutturati; jappella għall-introduzzjoni tal-programm Erasmus għal studenti li diġà għandhom lawrja u jappella għat-tisħiħ tas-servizzi tal-Erasmus b'mod ġenerali u l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi edukattivi, permezz ta' finanzjament itjeb, ibbażat fuq kriterji soċjali, il-ftuħ tal-programm għal firxa akbar ta' studenti, għarfien ġenwin u effettiv tal-credits, possibilitajiet imtejba għall-inklużjoni ta' simestri barra mill-pajjiż bħala parti mit-taħriġ, u flessibilità akbar fil-kalendarju awtorizzat; jinsisti, madankollu, li l-mobilità fl-ebda każ m'għandha toħloq diskriminazzjoni kontra l-istudenti b'riżorsi finanzjarji limitati;

15.  Huwa tal-fehma li l-mobilità fost il-letturi universitarji twessa' l-edukazzjoni u l-esperjenza mhux biss tal-letturi nfushom, iżda wkoll, indirettament, tal-istudenti tagħhom, filwaqt li tgħinhom jipparteċipaw fit-tħejjija tal-materjal pedagoġiku;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-impenn tagħhom għall-portabilità sħiħa tas-self u l-għotjiet, u biex itejbu b'mod sinifikanti l-appoġġ finanzjarju għall-istudenti mobbli biex ikun jaqbel maż-żidiet fil-programmi l-ġodda tal-UE; jitlob lill-UE biex tqis kif il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-drittijiet għal-libertà tal-moviment tista' titjieb permezz tal-garanzija tal-portabilità tas-self u l-għotjiet;

17.  Jitlob lill-UE tqis iktar bi sħiħ l-immigrazzjoni mill-Afrika, l-Ażja u l-Amerika Latina sabiex jiġu stabbiliti regoli li jipprovdu għar-rikonoxximent ta' kwalifiki edukattivi miksuba fil-pajjiżi tal-oriġini;

18.  Jitlob lill-UE, bil-għan li tiggarantixxi l-fiduċja reċiproka u tiffaċilita r-rikonoxximent ta' kwalifiki akkademiċi permezz tal-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) f'kull Stat Membru, tikkonsolida sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw is-sistemi nazzjonali tagħhom ta' assikurazzjoni tal-kwalità skont l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, filwaqt li jirrispettaw id-diversità tal-korsijiet u l-approċċi fost l-universitajiet f'termini ta' kontenut u metodi ta' tagħlim; iħeġġeġ lill-aġenziji tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità japplikaw għar-Reġistru Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità u jappoġġaw il-kooperazzjoni Ewropea u l-iskambju tal-aqwa prattiki wkoll permezz tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA);

19.  Jiġbed l-attenzjoni lejn id-diversi skali ta' gradi fl-Istati Membri u lejn il-ħtieġa għal konverżjoni xierqa tal-punti ECTS fi gradi;

20.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-Proċess ta' Bolonja jimplimentaw oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki marbuta mal-Qafas tal-Kwalifiki tal-EHEA u jiżviluppaw u jappoġġjaw finanzjarjament ir-rikonoxximent reċiproku;

21.  Jappella għal appoġġ finanzjarju aktar b'saħħtu għall-ftehimiet dwar kurrikuli fundamentali komuni, li jiggarantixxu riżultati ta' tagħlim definiti sew, kif ukoll billi jiġi studjat l-approċċ metodoloġiku żviluppat mill-proġett “Tuning” u permezz tal-esperjenza ta' “Tuning Academy”; jappella biex tingħata attenzjoni partikulari lin-natura speċifika tal-kurrikuli umanistiċi, bħala sies sod għad-demokrazija u mutur għall-kisba tal-koeżjoni Ewropea; sabiex jiġi determinat liema għarfien u ħiliet speċifiċi għandhom ikunu koperti mill-korsijiet tal-lawrji sabiex jiġi mħeġġeġ it-tagħlim f'forma li tgħaqqad il-ħiliet ġenerali li jistgħu jitkejlu (riflessi fl-abbiltà li wieħed juża l-għarfien) u t-tagħlim u r-riċerka bħala analiżi kritika oriġinali; isostni li, minbarra l-għarfien tal-materjal bażiku, kull programm ta' kull suġġett għandu jipprovdi kompetenzi trasversali ewlenin li jistgħu jiġu applikati f'sitwazzjonijiet differenti bħall-ħsieb kritiku, il-komunikazzjoni u l-ħiliet imprenditorjali;

22.  Jitlob aktar appoġġ għall-miżuri nazzjonali u Ewropej bil-għan li jiggarantixxu l-inklużjoni ekwa, l-aċċess ġust għall-istudju, progress b'suċċess u sistema sostenibbli ta' appoġġ (eż. akkomodazzjoni, spejjeż ta' trasport, eċċ.) għall-istudenti kollha, kif ukoll appoġġ immirat partikolarment għal dawk li jappartjenu għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed, dawk minn sfondi soċjalment żvantaġġati u dawk li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji, sabiex titnaqqas ir-rata ta' studenti li jieqfu jistudjaw u jkun żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu indipendenti minn fatturi soċjoekonomiċi li joħolqu żvantaġġi u biex jiġi żgurat li t-tagħlim jissodisfa l-ħtiġijiet inidividwali; jirrakkomanda li għandu jitħaffef il-proċess tal-ħolqien ta' ċentri ta' konsulenza dwar il-karrieri li joffru servizzi bla ħlas lill-istudenti;

23.  Jenfasizza l-importanza tal-communiqué ta' Londra tal-2007(21), li poġġa d-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni wieħed mill-objettivi tal-Proċess ta' Bolonja, bl-għan ikun li jiġu żgurat aċċess ekwu għall-edukazzjoni irrispettivament mill-isfond ta' dak li jkun; jiddispjaċih għall-fatt li ma sarx biżżejjed progress għall-ilħuq ta' dan l-objettiv, u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tiffaċilita dan il-progress;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu r-rikonoxximent reċiproku billi jeliminaw l-ostakoli amministrattivi għal dan;

25.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet partikulari tal-Baċellerat, kif ukoll fir-rigward tal-kurrikuli tiegħu, l-aċċess minnu għall-Masters, u l-impjegabilità tiegħu; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' azzjonijiet speċifiċi, bħall-iżvilupp ta' kurrikuli ta' teorija/prattika, u ta' kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-universitajiet, l-Istati Membri u l-atturi ekonomiċi u soċjali sabiex jittejbu l-prospettivi għall-iggradwati tal-ġejjieni biex isibu xogħol stabbli u mħallas sew li jikkorrispondi mal-livell tal-kwalifiki li jkunu kisbu; jitlob, għalhekk, li l-universitajiet jiżviluppaw is-sistema tagħhom tal-għoti tal-apprendistati u jtejbu l-integrazzjoni ta' apprendistati tat-taħriġ fil-korsijiet tal-universita;

26.  Jenfasizza li l-miżuri biex jippromwovu l-impjegabbiltà, bħat-tagħlim tul il-ħajja, u l-iżvilupp ta' medda usa' ta' ħiliet adegwati għas-suq tax-xogħol, għandhom ikun l-ogħla prijorità sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli u jintlaħqu l-objettivi ta' prosperità; f'dan ir-rigward, jappoġġja bis-sħiħ l-iskambji tal-għalliema u tal-istudenti tal-università, id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji, l-apprendistati u l-passaport tal-ħiliet;

27.  Iqis li l-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (2005/36/KE) se tassisti l-mobilità professjonali fl-Ewropa u tiffaċilita l-mobilità tal-istudenti billi tipprovdi assigurazzjoni li l-kwalifiki miksuba fi Stat Membru ieħor ikunu rikonoxxuti madwar l-UE;

28.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jappoġġaw it-tranżizzjoni mill-kunċett metodoloġiku “monodixxiplinarju” tax-xjenza li għadu popolari fl-universitajiet Ewropej lejn il-kunċetti ta' “interdixxiplinarjetà” u “transdixxiplinarjetà”;

29.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jippromwovu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju bħala objettiv komuni tal-EHEA konsolidata sabiex tiżdied l-impjegabilità tal-gradwati mill-universitajiet Ewropej;

30.  Jindika l-ħtieġa ta' azzjonijiet speċifiċi u kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-universitajiet u s-suq tax-xogħol bil-għan li jiġu żviluppati kurrikuli aktar rilevanti, li l-edukazzjoni ssir aktar konsistenti u sabiex titjieb l-impjegabilità billi jiġu stabbiliti kriterji simili għall-aċċettazzjoni fil-professjonijiet;

31.  Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar tad-disponibilità ta' għadd sufficjenti ta' apprendistati tat-taħriġ għall-istudenti, sabiex jiġi faċilitat iktar id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol;

32.  Jappella lill-gvernijiet nazzjonali u lill-Kummissjoni jiżviluppaw sistema ta' kooperazzjoni strutturata sabiex jingħataw lawrji konġunti, fi ħdan oqsma ta' dixxiplini, li jkunu rikonoxxuti madwar l-UE, billi tittejjeb il-prestazzjoni u l-appoġġ finanzjarju tal-Erasmus Mundus u tal-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ tal-ġejjieni u billi jiġi promoss il-ħolqien ta' skema Ewropea ta' akkreditazzjoni tal-programmi konġunti;;

33.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni b'referenza għal Skema ta' Mobilità tal-Erasmus fil-Livell ta' Masters;

34.  Iqis id-dottorati, inklużi dawk imwettqa b'kollaborazzjoni mal-intrapriżi, bħala rabta importanti bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka, u jfakkar il-potenzjal tagħhom bħala komponent importanti fil-ħolqien ta' innovazzjoni u tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-għarfien; jagħraf l-importanza li jitwettqu dottorati fl-intrapriżi, f'termini ta' integrazzjoni ta' individwi b'lawrji ta' livell għoli fis-suq tax-xogħol; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tiżviluppa Skema Ewropea tad-Dottorat Industrijali fi ħdan l-azzjonijiet Marie Curie;

35.  Jemmen li kooperazzjoni aħjar l-EHEA u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka tkun sors potenzjali għat-titjib tal-innovattività u l-iżvilupp tal-Ewropa;

36.  Jenfasizza l-kontribut tas-7 Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka, tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u taż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex tkun iffaċilitata l-mobilità tar-riċerkaturi tal-UE u jinkiseb il-potenzjal tal-innovazzjoni u tal-kompetittività tal-UE;

37.  Jappella biex titwaqqaf strateġija effettiva ta' appoġġ għall-programmi tat-tagħlim tul il-ħajja fl-Ewropa u inizjattivi sostenibbli li jkunu integrati b'mod sħiħ fl-istituzzjoni u jippromwovu kultura tat-tagħlim tul il-ħajja; jitlob, bl-istess mod, li jitħeġġeġ it-tagħlim tul il-ħajja bbażat fil-kumpaniji sabiex il-ħaddiema jkollhom l-opportunità li jżidu t-taħriġ u l-ħiliet tagħhom; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-universitajiet joffru flessibilità akbar fil-programmi bbażati fuq ir-riżultati tat-tagħlim, jirrikonoxxu tagħlim non-formali u informali u joffru servizzi ta' appoġġ għall-metodi ta' tagħlim billi jippromwovu sħubiji bejn universitajiet, intrapriżi, u istituti ta' taħriġ vokazzjonali ta' livell għoli sabiex jimlew il-vojt li hemm fil-ħiliet xjentifiċi, umanistiċi u tekniċi;

38.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġi stabbilit l-istatus għall-istudenti ta' qabel il-Proċess ta' Bolonja f'dawk il-pajjiżi fejn jinsabu żvantaġġati f'termini ta' applikazzjonijiet biex jinkitbu f'programmi tal-Masters;

39.  Jinnota li s-Sistema Ewropea għal-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) għandha tkun iktar trasparenti u toffri tqabbil iktar preċiż bejn il-kwalifiki u d-diplomi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-istrument imtejjeb tal-ECTS sabiex jiffaċilitaw il-mobilità għall-istudenti u l-professjonisti;

Azzjoni Ewropea

40.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li żżid b'mod sinifikanti l-fondi ddedikati għall-programmi Ewropej ta' edukazzjoni u taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tiddedika proporzjon sinifikanti ta' dawn il-fondi biex tappoġġja l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-universitajiet skont l-objettivi tal-proċess ta' Bolonja u l-aġenda ta' modernizzazzjoni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess għal dawn il-programmi għall-istudenti b'diffikultajiet finanzjarji wkoll;

41.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-UE biex jiddeterminaw jekk il-korsijiet ta' studju jistgħux jinkludu perjodu obbligatorju ta' taħriġ li għandu jitlesta f'università fi Stat Membru li m'huwiex il-pajjiż tal-oriġini tal-istudent;

42.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rabta qawwija bejn il-Proċess ta' Bolonja u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, u jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni mill-Kummissjoni b'manjiera li tkun konsistenti għall-aħħar mal-Proċess ta' Bolonja; isostni li r-rabta tista' tissaħħaħ aktar billi l-istudenti jingħataw l-informazzjoni prattika relevanti kollha dwar l-għarfien tad-diplomi miksuba minn barra u l-opportunitajiet ta' xogħol li jġib it-taħriġ barra l-pajjiż;

43.  Jappella, bħala parti mir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali u sabiex isir progress lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja reali, sabiex isir tqabbil tar-rekwiżiti minimi nazzjonali ta' taħriġ u biex ikun hemm skambji aktar regolari bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet professjonali;

44.  Jipproponi li r-rikonoxximent minn universitajiet sħab tal-krediti miksuba skont il-Programm Erasmus għandu jkun element obbligatorju għall-istituzzjonijiet kollha li jipparteċipaw fl-iskambji tal-istudenti appoġġjati mill-fondi tal-UE sabiex tissaħħaħ is-Sistema Ewropea għal-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS);

45.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-implimentazzjoni konsistenti tas-sistema ECTS; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jiżviluppaw tabella komparattiva li tkun tindika l-għadd ta' krediti tal-ECTS mogħtija għall-korsijiet, bil-għan li tiżdied il-konsistenza u tiġi ffaċilitata l-mobilità professjonali u tal-istudenti; jinnota l-ostakoli li l-istudenti iħabbtu wiċċhom magħhom meta jittrasferixxu l-krediti minn università għall-oħra, u jemmen li dawn id-diffikultajiet jistgħu jiskuraġġixxu l-istudenti milli jieħdu sehem fi skambji akkademiċi;

46.  Jappella li tiġi żviluppata strateġija effikaċi għall-armonizzazzjoni sħiħa tat-titoli akkademiċi madwar l-Unjoni Ewropea bil-possibilità ta' rikonoxximent retroattiv (inklużi titoli akkademiċi preċedenti) minn meta ġie stabbilit il-Proċess ta' Bolonja;

47.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jadottaw bejniethom deċiżjoni finali u ċara dwar ir-rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-kwalifiki u d-diplomi jew jistabbilixxu pjan direzzjonali għal meta fl-aħħar tkun possibbli din id-deċiżjoni;

48.  Jitlob li l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet tiġi organizzata b'mod iktar sistematiku u tissaħħaħ, biex jiżdied l-impatt fuq l-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-edukazzjoni għolja u biex jibbenefikaw minnha l-istudenti u l-persunal;

49.  Jipproponi li l-universitajiet fl-istati firmatarji jagħrfu l-apprendistati tat-taħriġ prattiku bħala parti mill-programmi ta' mobilità appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea;

50.  Jappella għal trasparenza akbar fl-informazzjoni mogħtija lill-istudenti qabel ma jibda skambju partikulari fir-rigward tal-għadd ta' krediti li jkunu se jingħataw, u jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkooperaw flimkien meta jkunu qed jivvalutaw l-għadd ta' krediti li jkunu se jingħataw għall-korsijiet; jinkuraġġixxi l-iżvilupp ta' pjattaformi komuni sabiex tinħoloq bażi ta' għarfien u kompetenzi definita minn professjonisti u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bil-għan possibbli li tinkiseb approssimazzjoni ta' xi diplomi, filwaqt li jitħares id-dritt li jitħallew l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, pereżempju s-sistema tal-għarfien awtomatiku tal-kwalifiki professjonali fl-UE(22);

51.  Jappella għal netwerking, koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejn l-universitajiet tal-UE sabiex jitħaffef l-għarfien ta' diplomi ġodda, jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-krediti, jitjieb l-għarfien u l-fehim tas-sistemi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ u sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jifhmu aħjar id-diversità tal-programmi Ewropej;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex, fl-ambitu tal-programmi l-ġodda ta' edukazzjoni u taħriġ, tinkuraġġixxi l-kooperazzjoni, inkluż permezz ta' inċentivi finanzjarji, dwar il-kurrikuli transnazzjonali, lawrji konġunti u rikonoxximent reċiproku; hu favur iż-żieda fl-għadd ta' sħubiji ta' apprendistati tal-ERASMUS fil-prattika;

53.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-eżistenza ta' bosta istituzzjonijiet li jittrattaw l-edukazzjoni għolja u r-riċerka Ewropej; jistieden lill-Unjoni Ewropea tippromwovi mezzi biex dawn ikunu kkoordinati taħt l-istess qafas;

54.  Jemmen li għandhom jiġu stabbiliti inizjattivi biex jgħinu lill-istudenti jittrasferixxu r-rekords tagħhom minn università għall-oħra matul l-istudji universitarji tagħhom;

55.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jipprovdu dejta aġġornata u komparabbli – fost l-oħrajn dwar il-proporzjon tar-rappreżentanza tal-gruppi vulnerabbli – li abbażi tagħha tiġi mmoniterjata l-implimentazzjoni tal-EHEA u, għal dan il-għan, biex jitneħħew l-ostakoli u jiġu solvuti l-problemi assoċjati mal-implimentazzjoni tal-proċess, u ma jiġux penalizzati dawk l-istituzzjonijiet li għadhom ma implimentawx ir-riformi ppjanati; jemmen li din id-dejta għandha tiġi ppubblikata kull sena fuq bażi ta' kull pajjiż għalih u kull università għaliha biex ikun iktar faċli li wieħed jifhem fejn jeħtieġ li jsir progress;

56.  Iħeġġeġ lill-universitajiet biex jarmonizzaw l-istandards akkademiċi tagħhom billi jiffurmaw sħubiji għall-iskambju tal-prattiki tajbin;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-programmi ta' kooperazzjoni u riċerka, u biex jiżviluppaw programmi ġodda, abbażi ta' interessi reċiproċi mal-universitajiet tal-pajjiżi terzi, partikolarment dawk li jinsabu f'żoni ta' kunflitt, sabiex ikun possibbli l-aċċess għall-edukazzjoni għolja u t-taħriġ għal studenti minn dawn il-pajjiżi, mingħajr l-ebda forma ta' diskriminazzjoni;

58.  Iqis li ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA) maħluqa mill-Proċess ta' Bolonja hi progressiva; jappella, għaldaqstant, għat-twaqqif ta' Żona Ewro-Mediterranja ta' Edukazzjoni Għolja li tkun inkorporata f'din l-istruttura eżistenti, u biex isir progress favur it-twaqqif ta' Żona ta' Edukazzjoni Għolja effettiva għall-pajjiżi involuti fil-kooperazzjoni tal-Isħubija tal-Lvant kif ukoll żoni interstatali oħra fi ħdan l-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli għall-moviment tal-istudenti u l-għalliema, biex tappoġġja n-netwerking tal-universitajiet Ewro-Mediterranji, inkluża l-EMUNI, u biex tkompli l-prattiki tajba tal-programmi Tempus u Erasmus Mundus;

59.  Jindika l-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni aħjar dwar il-Proċess ta' Bolonja u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA) permezz ta' politika ta' komunikazzjoni komprensiva, effettiva u għall-Ewropa kollha bl-għan li l-universitajiet isiru iktar attraenti fi ħdan l-Ewropa kif ukoll barra;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiggarantixxu t-trasferibilità tas-self u l-għotjiet, partikolarment il-boroż ta' studju abbażi tal-mertu u tal-ħtiġijiet, bejn il-pajjiżi kollha Ewropej, sabiex jiġi żgurat l-aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta' mobilità;

61.  Jippromwovi l-ħolqien ta' marki (brands) universitarji magħquda fil-livell reġjonali sabiex jissaħħaħ il-prestiġju tal-universitajiet fil-livell internazzjonali skont l-għanijiet tal-Proċess ta' Bolonja;

62.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jwaqqfu mekkaniżmi biex jappoġġjaw lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jimplimentaw l-għanijiet ta' Bolonja, li jista' jseħħ b'rappurtaġġ regolari u b'użu mmirat tal-programmi tal-UE, inklużi dawk li jinvolvu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi fl-EHEA li mhumiex membri tal-UE;

63.  Jitlob lill-UE tappoġġja l-implimentazzjoni tal-impenji tagħha ta' Bolonja fil-politika tagħha ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi rilevanti li mhumiex membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jadottaw rwol aktar determinat fit-tmexxija tagħhom ta' dawn l-inizjattivi;

64.  Jemmen li l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni fil-laqgħa ministerjali tas-sena d-dieħla f'Bukarest se jwassal għal pjan direzzjonali ċar għat-twaqqif ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja sal-iskadenza tal-2020; jisħaq li għandhom jitressqu proposti intersettorjali, f'dak li jikkonċerna t-taħriġ fl-ICT, it-tagħlim vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll it-taħriġ fil-post tax-xogħol, u li dawn il-proposti jippromwovu attivament kemm l-inklużjoni kif ukoll it-tkabbir intelliġenti u sostenibbli, b'mod li jagħtu lill-UE vantaġġ kompetittiv fid-dinja ta' wara l-kriżi fir-rigward tal-ħolqien ta' impjiegi, il-kapital uman, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-ekonomija tal-għarfien fit-totalità tagħha;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ministru tal-edukazzjoni tal-UE jutilizzaw bis-sħiħ l-opportunitajiet li toffri l-parteċipazzjoni konġunta tagħhom fl-EHEA u biex jadottaw rwol ta' tmexxija biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Bolonja, u lill-Ministri biex l-impenji tagħhom fil-Proċess ta' Bolonja jsaħħuhom b'impenji konġunti fil-livell tal-UE fil-Kunsill, b'appoġġ mill-Kummissjoni, sabiex dan il-proċess ta' appoġġ reċiproku jkompli b'implimentazzjoni armonjuża;

66.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Laqgħa Ministerjali Semestrali tal-2012 tal-Proċess ta' Bolonja f'Bukarest trid tqis il-fatt li l-ħolqien tal-EHEA jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu kontribut b'saħħtu u unifikat għall-Proċess ta' Bolonja abbażi tar-responsabilitajiet konġunti tagħhom fil-kwistjoni tal-edukazzjoni għolja, tal-parteċipazzjoni konġunta tagħhom fil-proċess, u tal-impenn komuni bejniethom għall-azzjoni, appoġġjati minn dikjarazzjonijiet ta' politika mill-istituzzjonijiet tal-UE;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/SORBONNE_DECLARATION1.pdf
(2) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/BOLOGNA_DECLARATION1.pdf
(3) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Leuven_Louvain-la-Neuve_Communiqu%C3%A9_April_2009.pdf
(4) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Budapest-Vienna_Declaration.pdf
(5) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(6) ĠU L 289, 3.11.2005, p. 23.
(7) ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.
(8) ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
(9) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(10) ĠU C 302, 12.12.2009, p. 3.
(11) ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.
(12) ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.
(13) ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.
(14) http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/099EN.pdf
(15) http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/122EN.pdf
(16) http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl198_en.pdf
(17) http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_260_en.pdf.
(18) http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-78-09-653/EN/KS-78-09-653-EN.PDF
(19) http://www.ehea.info/news-details.aspx?ArticleId=253
(20) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 18.
(21) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/London_Communique18May2007.pdf
(22) Anness V, dwar ir-Rikonoxximent abbażi tal-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta' taħriġ, għad-Direttiva 2005/36/KE dwar l-għarfien tal-kwalifiki professjonali.

Avviż legali - Politika tal-privatezza