Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2957(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0126/2012

Testi mressqa :

B7-0126/2012

Dibattiti :

PV 13/03/2012 - 15
CRE 13/03/2012 - 15

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2012 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0080

Testi adottati
PDF 220kWORD 52k
L-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
It-tħaddim tat-tfal fis-settur tal-kawkaw
P7_TA(2012)0080B7-0126/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2012 dwar it-tħaddim tat-tfal fis-settur tal-kawkaw (2011/2957(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 206 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) Nru 182 rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal, il-Konvenzjoni ILO Nru 138 dwar l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw, b'mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

–  wara li fakkar fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-traffikar tat-tfal u l-isfruttar tat-tfal f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

–  wara li fakkar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(1) u dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ILO tikkalkula li madwar id-dinja qegħdin jitħaddmu aktar minn 215-il miljun tifel u tifla u dawn qed jaħdmu f'attivitajiet li għandhom jiġu aboliti; billi 152 miljun minn dawn it-tfal huma taħt l-età ta' 15-il sena u 115-il miljun minnhom jaħdmu f'attivitajiet perikolużi;

B.  billi, għall-fini ta' din ir-riżoluzzjoni, it-tħaddim tat-tfal ifisser tħaddim tat-tfal kif definit mill-ILO fil-Konvenzjoni Nru 138 dwar l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg u l-Konvenzjoni Nru 182 rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal, rispettivament,

C.  billi l-Parlament għandu jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw; billi l-partijiet interessati wrew tħassib serju dwar it-tħaddim tat-tfal fit-tkabbir u l-ġbir taż-żerriegħa tal-kawkaw;

D.  billi 70% tal-produzzjoni tal-kawkaw hija kkultivata fl-Afrika tal-Punent u f'dak ir-reġjun madwar 7,5 miljun persuna jaħdmu fil-produzzjoni tal-kawkaw, kważi esklussivament f'impriżi żgħar tal-familja b'madwar 1,5 u 2 miljun farm immexxija minn familja mferrxin fl-Afrika tal-Punent; billi t-tkabbir tal-kawkaw huwa xogħol intensiv ħafna waqt l-istaġun tal-ħsad u l-produtturi jaffaċċjaw pressjonijiet kbar mill-atturi tas-swieq nazzjonali u internazzjonali biex iżommu baxxi l-ispejjeż tal-produzzjoni; billi fi żmien ta' xogħol intensiv, il-membri tal-familja kollha, tfal inklużi, huma involuti; billi t-tħaddim tat-tfal jista' joħloq riskji inaċċettabbli;

E.  billi, skont l-ILO, mhux kull xogħol li jsir mit-tfal għandu jiġi kklassifikat bħala tħaddim tat-tfal li jrid jiġi eliminat u għalhekk għandha tiġi stabbilita distinzjoni ċara bejn iż-żewġ forom; billi l-parteċipazzjoni tat-tfal jew l-adolexxenti f'xogħol li ma jaffettwax l-iżvilupp personali u ta' saħħithom jew ma jinterferixxix mal-edukazzjoni tagħhom, huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala xi ħaġa pożittiva, ħlief jekk ix-xogħlijiet huma perikolużi jew iżommu lit-tfal milli jattendu l-iskola;

F.  billi studji li saru fil-Gana u l-Côte d'Ivoire jissuġġerixxu li tfal li jaħdmu fil-farms tal-kawkaw huma esposti għal tipi differenti ta' perikli; billi, barra minn hekk, xi tfal setgħu ġew ittraffikati minn reġjuni oħra tal-pajjiż jew minn pajjiżi ġirien; billi jeħtieġ issir aktar riċerka dwar l-inċidenza ta' tħaddim tat-tfal u ta' traffikar tat-tfal fir-reġjun, għaliex għad m'hemmx data verifikata;

G.  billi l-prattika tal-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal fit-tkabbir u l-ġbir taż-żerriegħa tal-kawkaw hija inaċċettabli;

H.  billi fis-snin reċenti l-programmi u l-inizjattivi biex jikkumbattu l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal fil-farms tal-kawkaw tal-Afrika tal-Punent wasslu għal progress sinifikanti, għalkemm għad fadal ħafna xi jsir minħabba l-iskala vasta ta' dan is-settur; billi l-bidu mill-ġdid tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt fir-reġjun, b'mod partikulari fil-Côte d'Ivoire reġa' ggrava s-sitwazzjoni tat-tfal;

I.  billi l-faqar u n-nuqqas ta' alternattivi għall-ġenerazzjoni ta' introjtu, l-iskarsezza jew in-nuqqas totali ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ barra mill-iskola, l-istrutturi tal-komunità u l-attitudnijiet prevalenti riġidi, in-nuqqas ta' protezzjoni legali adegwata tad-drittijiet tat-tfal u l-fatt li m'hemmx edukazzjoni pubblika obbligatorja għat-tfal kollha irrispettivament mis-sess tagħhom, biex ma nsemmux il-korruzzjoni u t-tmexxija ħażina, huma fatturi soċjoekonomiċi u politiċi li jistgħu jikkontribwixxu għall-abbuż rikorrenti tat-tfal f'xi partijiet tad-dinja;

J.  ifakkar fir-responsabilità primarja tal-gvernijiet tal-pajjiżi kollha dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 138 dwar l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg u l-Konvenzjoni Nru 182 rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal, rispettivament;

K.  ifakkar fl-istrateġija tal-UE dwar ir-Responabilità Soċjali Korporattiva (2011-2014), il-Global Compact tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-Prinċipju 5 tiegħu dwar l-abolizzjoni tat-tħaddim tat-tfal, u l-Protokol Harkin-Engel, li jipprovdu qafas utli għar-responsabilità soċjali korporattiva fis-settur tal-kawkaw;

1.  Iħeġġeġ lil dawk l-istati li għad iridu jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjonijiet 138 u 182 tal-ILO sabiex jirratifikawhom u jimplimentawhom mingħajr telf ta' żmien; hu tal-opinjoni, barra minn hekk, li l-istati għandhom jimplimentaw il-politiki kollha meħtieġa biex ikabbru l-għarfien dwar l-abbuż tat-tfal fis-suq tax-xogħol u l-ħtieġa li jikkonformaw mar-regoli eżistenti nazzjonali u internazzjonali;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-tħaddim tat-tfal fl-għelieqi tal-kawkaw;

3.  Jistieden lill-partijiet interessati kollha involuti fit-tkabbir u l-ipproċessar taż-żerriegħa tal-kawkaw u l-prodotti derivati tagħhom − jiġifieri l-gvernijiet, l-industrija globali, il-produtturi tal-kawkaw, ix-xogħol organizzat, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-konsumaturi − iwettqu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fil-ġlieda kontra l-forom kollha tat-tħaddim furzat u t-traffikar tat-tfal, jaqsmu l-kompetenzi u jikkollaboraw biex tinħoloq katina ta' provvista tal-kawkaw sostenibbli u ħielsa mit-tħaddim tat-tfal;

4.  Hu tal-fehma li qafas olistiku u koordinat biss, li jindirizza l-kawżi oriġinali tat-tħaddim tat-tfal, implimentat fuq perjodu twil mill-gvernijiet, l-industrija, il-kummerċjanti, il-produtturi u s-soċjetà ċivili, jista' jwassal għal tibdil sinifikanti;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koerenza politika fl-inizjattivi kollha tagħha, jiġifieri dawk relatati mal-kummerċ, l-iżvilupp (b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni), id-drittijiet tal-bniedem, l-akkwist pubbliku u r-responsabbiltà soċjali korporattiva u biex tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattika bejn setturi ekonomiċi differenti fejn iseħħ it-tħaddim tat-tfal;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kollha dwar il-kummerċ jinkludu dispożizzjonijiet effikaċi li jittrattaw it-tnaqqis tal-faqar u l-promozzjoni ta' xogħol deċenti u ta' kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri flimkien ma' klawżoli vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem miftiehma internazzjonalment, l-istandards soċjali u ambjentali u l-infurzar tagħhom, akkumpanjati minn miżuri li jiġu applikati fil-każijiet ta' ksur;

7.  Ifakkar li s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) tal-UE, l-istrument prinċipali tal-politika għall-kummerċ tal-UE għall-promozzjoni tal-istandards bażiċi tax-xogħol, qed tiġi eżaminata u li l-preferenzi kummerċjali mogħtija lill-pajjiżi benefiċjarji skont dik is-sistema jistgħu jitneħħew f'ċirkostanzi speċifiċi, jiġifieri f'każ ta' ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti f'numru ta' konvenżjonijiet fundamentali tal-ILO, inklużi l-Konvenżjonijiet 138 u 182;

8.  Ifakkar li, fil-15 ta' Diċembru 2011, il-Parlament iddeċieda li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal Protokoll tat-Tessuti għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Uzbekistan minħabba tħassib relatat mal-użu tat-tħaddim furzat tat-tfal fl-għelieqi tal-qoton fl-Uzbekistan, u rrakkomanda li l-UE tinvestiga l-possibilità li temporanjament tneħħi l-benefiċċji tas-SPĠ tal-Uzbekistan jekk il-korpi ta' monitoraġġ tal-ILO jikkonkludu li jeżisti ksur serju u sistematiku tal-obbligi tal-Uzbekistan(3);

9.  Jilqa' l-inizjattivi kollha tad-diversi partijiet interessati li jinvolvu l-gvernijiet, l-industriji, il-produtturi u s-soċjetà ċivili bil-għan li jinqered it-tħaddim tat-tfal, jitjiebu l-ħajjiet tat-tfal u tal-adulti fil-farms tal-kawkaw u jiġi żgurat li l-kawkaw jitkabbar b'mod responsabbli, bħall-inizjattiva reġjonali reċenti tal-OECD, is-Segretarjat tal-Klabb tas-Sahel u l-Afrika tal-Punent u l-Inizjattiva Internazzjonali tal-Kawkaw sabiex tiġi promossa l-aħjar prattika għall-ġlieda kontra l-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal fil-farms tal-kawkaw fl-Afrika tal-Punent; jirrimarka li dawn l-inizjattivi jeħtieġu segwitu xieraq sabiex jiġi żgurat progress ġenwin; iħeġġeġ lill-gvernijiet iżidu l-appoġġ tagħhom għan-netwerks tal-kummerċ ġust fis-settur tal-kawkaw u għall-kooperattivi rurali, sabiex ikunu jistgħu ibigħu l-prodott tagħhom direttament lis-swieq nazzjonali u internazzjonali, b'hekk jevitaw l-intermedjarji u jiksbu prezz ġust; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa tali miżuri;

10.  Jappoġġa l-għanijiet tal-Protokoll għat-Tkabbir u l-Ipproċessar taż-Żerriegħa tal-Kawkaw u l-Prodotti Derivati tagħhom b'mod konformi mal-Konvenzjoni 182 tal-ILO rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal (magħruf bħala l-“Protokoll Harkin-Engel”) u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu;

11.  Ifakkar li s-CEN (Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni) reċentement iddeċieda li jwaqqaf kumitat għal proġett ġdid sabiex jiżviluppa standard Ewropew f'żewġ partijiet għal kawkaw traċċabbli u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, u jekk xieraq tressaq proposta leġiżlattiva dwar, mekkaniżmu effikaċi ta' traċċabilità għal dawk il-prodotti li jinħadmu permezz ta' tħaddim furzat tat-tfal; jistieden is-sħab tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kawkaw jappoġġaw titjib fil-katina ta' provvista u organizzazzjoni aħjar tal-bdiewa sabiex jingħata lok għal traċċabilità aħjar fil-katina tal-provista tas-settur kollu tal-kawkaw;

12.  Jistieden lis-sħab tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kawkaw jikkunsidraw il-possibbiltà li jintroduċu traċċabilità tal-katina tal-provvista tal-kawkaw ivverifikata minn parti terza akkreditata;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-ILO-IPEC, u lis-sħab l-oħra jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jiksbu għarfien aħjar tal-komplessitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali fil-komunitajiet tal-farms;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-UNICEF, lill-kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Unjoni Afrikana u lill-ILO.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0434.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0446.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0586.

Avviż legali - Politika tal-privatezza