Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2150(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0053/2012

Testi mressqa :

A7-0053/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/03/2012 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0099

Testi adottati
PDF 147kWORD 99k
Il-Ħamis, 29 ta' Marzu 2012 - Brussell Verżjoni finali
Drittijiet ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru
P7_TA(2012)0099A7-0053/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 dwar il-funzjonamet u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru (2011/2150(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet (COM(2011)0174),

–  wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-funzjonament u l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni diżabbli u persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru COM(2011)0166),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-27 ta' Ottubru 2011(1) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilitajiet u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020(2) u b'mod partikolari l-paragrafi 42, 43, 46, 82 u 97 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0053/2012),

A.   billi, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 u r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 (aktar “il quddiem imsejħin ir-”Regolamenti“) huma passi pożittivi ”l quddiem f'termini ta' ħarsien ta' jeddijiet il-passiġġieri, hemm ħtieġa għal ċertezza ġuridika aħjar, aktar ċarezza interpretattiva u applikazzjoni uniformi tar-Regolamenti fl-UE kollha kemm hi;

B.   billi, għad li r-Regolament (EC) Nru 261/2004 jipprovdi lill-passiġġieri b'salvagwardji b'saħħithom u ħadem b'mod effettiv minn mindu ġie introdott, il-Kriżi tal-Irmied Vulkaniku saħqet il-bżonn li jiġu ċċarati u riveduti ċerti aspetti tar-Regolament fil-każ li ċirkostanzi straordinarji bħal dawn jinqalgħu fil-futur;

C.  billi l-aktar jedd importanti tal-passiġġieri hu l-jedd għas-servizzi mogħtijin skont ma jkun skedat, abbażi tad-dritt fundamentali tal-libertà tal-moviment u tal-obbligazzjoni kontrattwali naxxenti mill-bejgħ ta' biljett; billi huwa essenzjali li l-passiġġieri jingħataw tagħrif li jinftiehem u f'waqtu, li jkun jista' jinftiehem u li jkun aċċessibbli għal kulħadd;;

D.  billi għandu jkun hemm sistemi ta' ilmentar effettiv għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri jekk kemm-il darba s-servizz ma jingħatax kif għandu jkun jew xi jedd ieħor iggarantit lill-passiġġieri jinkiser, l-aktar billi l-passiġġieri diġà jkunu ħallsu l-prezz tal-biljett qabel ma jingħatalhom is-servizz;

E.  billi l-qafas legali li jipproteġi d-drittijiet tal-passiġġieri għandu jiggarantixxi standard minimu ta' protezzjoni għall-konsumatur li jiflaħ għall-prattiċi kummerċjali dejjem jevolvu tal-linji tal-ajru;

F.  billi l-iżvilupp tal-metodi ta' skrining tal-passiġġieri qed twassal għal użu aktar wiesa' ta' metodi bħal skaners tas-sigurtà u profili ta' imġieba, qed jitqajmu domandi ġodda rigward il-protezzjoni tal-passiġġieri li jikkonċernaw il-privatezza, in-nondiskriminazzjoni u s-saħħa pubblika;

G.   billi l-persuni b'mobilità mnaqqsa (aktar “il quddiem imsejħin il-”PMRs“) u nies b'diżabilitajiet għandhom ikunu mgħarrfin b'jeddijiethom qabel il-vjaġġ u f'formati aċċessibbli għal kulħadd; billi l-persunal ajruportiwali u tat-trasportatur tal-ajru għandu jkun debitament imħarreġ fl-għoti tal-assistenza lin-nies b'diżabilitajiet u lill-PMRs ħalli jgħinu jiżguraw aċċess mingħajr xkiel u ugwali għall-ivvjaġġar bl-ajru f'konformità mar-rekwiżiti tad-disinn għad-disinn kollu/disinn universali;

Qafas ġenerali

1.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tanalizza u tirrevedi r-regoli eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru bl-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni tal-passiġġieri speċjalment f'każ ta' dewmien twil jew kanċellazzjoni; jemmen li l-applikazzjoni xierqa tar-regoli eżistenti min-naħa tal-Istati Membri u tat-trasportaturi tal-ajru, l-infurzar ta' mezzi suffiċjenti u sempliċi ta' rimedju u l-għoti lill-passiġġieri ta' informazzjoni preċiża dwar id-drittijiet tagħhom għandhom ikunu s-sisien biex bihom tintrebaħ lura l-fiduċja tal-passiġġieri;

2.  Jiddispjaċih li l-korpi ta' infurzar mwaqqfin mill-Istati Membri (imsejħin aktar “l isfel ”KE“) mhux dejjem jiżguraw protezzjoni effikaċi ta' jeddijiet il-passiġġieri, għad-detriment tal-passiġġieri tal-ajru; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jfasslu metodi ta' ħidma għall-KE, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mat-trattament tal-ilmenti u s-sanzjonijiet, li jippermettu l-infurzar ta' jeddijiet il-passiġġieri mill-punto di vista taċ-ċertezza ġuridika;

3.  Jisħaq li l-passiġġieri tal-ajru ma għandhomx biss id-drittijiet iżda anki obbligi, li r-rispett tagħhom ikun jippermetti fir-rigward tagħhom u tal-passiġġieri l-oħrajn li kollox jimxi b'mod sikur u sew, kemm qabel, matul kif ukoll wara t-titjira;

4.  Jenfasizza li l-ġestjoni uniformi tal-ilmenti fl-Istati Membri hi meħtieġa biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-Regolamenti u tiżviluppa koperazzjoni aħjar bejn l-KE, inkluż permezz tal-iskambju tal-aqwa prattika u tagħrif, ħalli jkun hemm aktar koordinazzjoni mad-dejtabejżis tagħhom;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tifformalizza netwerk Ewropew ta' KE billi toħloq mandat ċar u regoli interni ta' ħidma sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni u tiffaċilita l-proċess tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet relevanti komuni;

6.  Iqis li hemm ħtieġa għal definizzjoni aħjar tar-rwol tal-KE, li l-KE għandhom ikunu indipendenti mit-trasportatur tal-ajru jew l-ajruporti u mingħajr kunflitti ta' itneressi, li l-KE għandhom ikunu jistgħu jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess,u li s-sanzjonijiet nazzjonali applikabbli għat-trasportatur tal-ajru f'każ ta' ksur tar-regoli tal-UE għandhom ikunu aktar effettivi; jenfasizza l-importanza ta' statistiċi sodi bħala l-każi għal valutazzjonijiet regolari bir-reqqa tal-impatt ta' jeddijiet il-passiġġieri fl-Ewropa, u għaldaqstant iqis li l-KE għandhom ikunu obbligati jippubblikaw kull sena d-dettalji tal-ilmenti li jirċievu, inklużi dawk it-termini inġusti, u dwar is-sanzjonijiet li jkunu ħarġu lit-trasportaturi tal-ajru, u li l-inji tal-ajru u/jew l-ajruporti għandhom ikunu meħtieġa li jiġbru d-data fuq in-numru u t-tul tad-dewmien, kemm għal passiġġieri kemm għall-bagalji tagħhom; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tanalizza u tippubblika din l-istatistika;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jidentifikaw u jegħlbu n-nuqqasijiet fil-korpi u l-proċeduri nazzjonali għall-ġestjoni tal-ilmenti u biex tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru mal-miżuri mistennija tal-UE dwar mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim;

8.  Huwa tal-fehma li rapporti regolari tal-linji tal-ajru u l-operaturi lill-KE fuq informazzjoni relevanti dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti li għandha tiġi ppubblikata jżidu l-effiċjenza tal-KE u jistimulaw il-kompetizzjoni;

9.  Jisħaq dwar ir-rwol utli tal-Grupp Konsultattiv dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru, li l-istakeholder jista' jagħtuh it-tagħrif dwar ir-rieżami tar-Regolamenti, u jisħaq dwar l-importanza tal-Grupp fil-promozzjoni tad-diskussjonijiet u l-kooperazzjoni bejn il-KE, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-kumpaniji tal-ajru bl-iskop li jkunu żviluppi u mxerrdin l-aqwa prattiki fil-kamp tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-jeddijiet tal-passiġieri tal-ajru, inkluż li jiġu prefissi skadenzi raġonevoli u preċiżi għat-trattament tal-pretiżi tal-passiġġieri;

10.  Jisħaq li t-tagħrif komplet bid-dettalji ta' jeddijiet il-passiġġieri għandu jkun ikkomunikat kemm mit-trasportaturi tal-ajru kemm mill-operaturi turistiċi, fl-ilsien użat matul il-prenotazzjoni tal-biljett, matul l-istadji kjavi tal-vjaġġ, sa mill-punt li fih il-passiġġier ikun qed jikkunsidra jekk jixtrix il-biljett, f'format li jkun faċilment komprensibbli u aċċessibbli minn kulħadd; jirrakkomanda li dat-tagħrif ikun jinkludi d-dettalji tal-kuntatt affidabbli tad-dipartiment tar-relazzjonijiet mal-konsumatur tal-linja tal-ajru kkonċernata u tal-KE kompetenti tal-Istat Membru; jilqa' l-inizjattiva tal-kummissjoni li jsir sit ċentrali tal-internet dwar jeddijiet il-passiġġieri tal-ajru li jkun aċċessibbli fl-ilsna uffiċjali kollha tal-UE u f'formati aċċessibbli għall-passiġġieri b'diżabilità u għall-PMM;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-kampanja ta' informazzjoni mnedija fl-2010 biex tqajjem kuxjenza fost il-passiġġieri dwar jeddijiethom, u tinkoraġġixxi netwerks ta' konsumaturi f'koordinazzjoni mal-KE biex jikkontribwixxu wkoll;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna il-mezzi kollha ta' tagħrif li jiddelinea jeddijiet il-passiġġieri tal-ajru (ngħidu aħna, il-websajts relevanti tal-Kummissjoni, dokumenti, fuljetti) li jkunu jieħdu qies tal-aħħar deċizjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

13.  Jisħaq fuq il-fatt li t-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw il-preżenza ta' persunal ta' kuntatt jew servizz li jista' jipprovdi tali persunal f'kull ajruport li joperaw minnu li jkun jista' jieħu deċiżjonijiet immedjati f'każ ta' tħarbit, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-assistenza, rimborż, għoti ta' rotta ġdida u prenotazzjoni mill-ġdid, bagalji mitlufin jew li jitwasslu tard, u li jistgħu jirċievu l-ilmenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi li ssir obbligatorja li jiġi provdut punt ta' informazzjoni ċentrali, u b'mod speċifiku websajt, u numru tat-telefon low-cost u indirizz tal-posta elettronika għat-trasportaturi tal-ajru kkonċernati, bl-għan li jiġi żgurat li l-konsumaturi huma infurmati kif xieraq;

14.  Huwa tal-fehma li l-operaturi kollha tal-ajru għandhom jagħtu assistenza fuq it-telefon effikaċi għall-passiġġieri kollha ladarba l-vjaġġ ikun ġie prenotat; din l-assistenza għandha tagħti informazzjoni u proposti alternattivi f'kaz ta' problemi u m'għandha fl-ebda kaz taqbez l-ispiza ta' komunikazzjoni lokali;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-miżuri li jipprovdu protezzjoni għall-passiġġieri li jaslu kif ukoll li jitilqu, biex tiżgura li l-passiġġieri jkunu kkumpensati kif xieraq fil-każ ta' telf jew dewmien twil inaċċettabbli tal-bagalji;

16.  Jissottolinja li anke l-passiġġieri konxji mid-drittijiet tagħhom jistgħu jkunu mxekkla milli jfittxu kumpens minħabba proċeduri impenjattivi ta' ilmenti; iqis li hemm bżonn li l-KE jkollhom ir-riżorsi neċessarji biex iżommu preżenza viżibbli fl-akbar ajruporti tal-Unjoni, biex joffru informazzjoni bażika u servizzi ta' medjazzjoni;

17.  Jikkunsidra li t-trasportaturi tal-ajru kollha għandhom joffru lill-passiġġieri kollha l-possibiltà li jressqu lment bil-miktub b'effett immedjat, sempliċi, aċċessibli u mingħajr l-ebda ħlas addizzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi, fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, id-dritt għal kull passiġġier li jista' jagħmel klejm bil-miktub fl-istess ajruport jew fuq l-ajruplan b'kopja għat-t-trasportaturi tal-ajru u għall-KE, kif ukoll il-possibiltà li jagħmel ilment b'mezzi elettroniċi oħra; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi formolarju standard tradott fil-lingwi kollha tal-Unjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe problema lingwistika, u jiġu armonizzati l-proċeduri relalati mal-ilmenti;

18.  Huwa tal-fehma li sabiex il-jeddijiet tal-passiġġier jiġu osservati u jkunu jistgħu jressqu lmenti, il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu f'kull mument jidentifikaw l-persunal tat-trasportatur tal-ajru, tat-titjira, tas-sigurtà kif ukoll tal-ajruport;

19.  Jisħaq li l-passiġġieri għandu jkollhom aċċess sħiħ għat-tagħrif dwar id-deja tagħhom tar-“Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri” (PNR) u li jkunu mgħarrfa bil-mod kif id-dejta tagħhom tal-PNR qed tintuża u ma' min qed tiġi kondiviża; iqis ukoll li, bl-iskop li jkun iggarantit jedd il-passiġġieri għall-privatezza, it-trasportatur tal-ajru jista' biss jitlob id-dejta PNR mill-passiġġieri meta dan ikun neċessarju u proporzjonali b'konnessjoni mal-prenotazzjoni tal-biljett, u jisħaq li l-passiġġieri ma għandux ikun imċaħħad lilhom il-jedd għat-trasport, għajr f'każ li jkun imċaħħad l-imbark fuq talba mill-awtorità kompetenti f'każijiet ġustifikati għal raġunijiet ta' sigurtà pubbliku u jekk ikun spjegat lill-passiġġeri mill-awtorità kompetenti u kkonfermat bil-miktub;

20.  Jisħaq illi ġaladarba l-passiġġier ikun diġa telgħa u mbagħad jiġi mitlub jinzel minn fuq l-ajruplan minħabba l-PNR tiegħu, dan l-iżbark għandu jiġi ordnat l-awtoritajiet kompetenti, u mhux mill-membri tal-ekwipaġġ;

21.  Ifakkar lill-Istati Membri bl-obbligi tagħhom ta' sorveljanza tal-pożizzjoni finanzjarja tal-linji tal-ajru u l-possibilità tat-tneħħija tal-liċenzja tal-operatur jekk il-finanzi tagħhom ma jkunux biżżejjed; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jottemperaw ruħhom ma' dawn l-obbligi u tiżgura li l-passiġġieri li jitħallew l-art ikunu rimpatrijati fil-każ ta' insolvenza, falliment, ċessazzjoni tal-operazzjoni jew tneħħija ta' liċenzja operattiva.

22.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-implementazzjoni u l-eżekuzzjoni effettivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti fuq it-trasparenza tal-prezzijiet u l-prattiki kummerċjali inġusti sabiex tiżgura li l-prezz reklamat hu riflessi ġusta tal-prezz finali u li l-ispejjeż operazzjonali kollha mhux obbligatorji huma inklużi fit-tariffi u indikati/distribwiti bl-informazzjoni meħtieġa; jitlob il-linji tal-ajru, fir-rigward tad-diversi mezzi ta' pagamenti, u, b'mod speċjali, pagament b'karti ta' kreditu, biex iżommu as flus għall-ispiża vera tas-servizzi tagħhom, skont id-Direttiva 2011/83/UE dwar id-drittijiet tal-konsumatur;

23.  Jenfasizza l-proliferazzjoni mifruxa ta' termini kuntrattwali inġusti fil-kuntratti tat-trasport bl-ajru u żieda fil-każistika nazzjonali li tipprojbixxi ċerti termini regolarment użati mil-linji tal-ajru; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni billi tqiegħed f'lista sewda t-termini inġusti speċifiċi fis-settur tat-trasport bl-ajru; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri għall-protezzjoni tal-passiġġieri kontra termini oħra kuntrattwali inġusti implimentati mill-linji tal-ajru, bħal kwistjonijiet kuntrattwali relatati ma' bagalji li jintilfu, li damu ma wasslu jew ġew iddanneġġati, it-trasferibbiltà tal-biljetti tal-ajru, iċ-ċirkustanzi ta' force majeure, l-iskedar mill-ġdid unilaterali ta' titjiriet, u l-projbizzjoni li tintuża l-parti tal-biljett ta' ritorn li għadha valida, sakemm mhux abbażi ta' kriterji “no show” oġġettivi u limitati ħafna

24.  Jenfasizza li d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet kontra l-passiġġieri fuq il-bażi tal-pajjiż tagħhom tar-residenza tagħhom għandha tkun investigata aktar bir-reqqa, u fejn tinstab, għandha tkun eliminata;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li jkunu jippermettu lill-passiġġieri jikkoreġu dettalji żgħar tal-prenotazzjoni faċilment u mingħajr ħlas u li joħorġu minn prenotazzjoni onlajn fi żmien sagħtejn mill-prenotazzjoni inizjali;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi mizuri li jippermettu l-armonizzazzjoni tal-prattika kummerċjali tal-bagalji tal-idejn sabiex iħarsu lill-passiġġieri kontra l-prattiki ta' restrizzjonijiet eċċessivi, u li jħalluhom itellgħu abbord kwantità raġonevoli ta' bagalji tal-idejn, inkluzi l-akkwisti fil-ħwienet tal-ajruporti;

27.  Jissottolinja l-jedd tal-passiġġieri li jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni preċiża u oġġettiva li tkun tiddettalja l-impatt ambjentali u l-effiċjenza enerġetika tal-vjaġġ tagħhom, li għandhom ikunu ċarament viżibbli kemm fuq il-websajts tal-trasportatur tal-ajru kemm fuq il-biljetti nfushom; jitlob lill-Kummissjoni u lill-trasportatur tal-ajru jappoġġjaw il-ħidma li għaddejja bħalissa f'din id-direzzjoni sakemm il-passi meħuda huma raġonevoli f'termini tal-ispejjeż involuti;

28.  Jissottolinja li l-passiġġieri kollha, inklużi t-tfal iżgħar minn sentejn, għandhom jinġarru b'mod sikur; jistieden lit-trasportaturi tal-ajru jiżguraw li l-passiġġieri bit-tfal ikunu jistgħu jimbarkaw faċilment bil-pushchairs b'rikonoxximent tal-fatt li t-tfal żgħar li jkunu qed jivvjaġġaw mal-adulti huma klassifikati bħala PMM; jistieden lit-trasportaturi tal-ajru joffru tariffi ridotti għat-tfal, inklużi dwar akbar minn sentejn, kif ġa hija l-prattika b'modi oħrajn ta' trasport; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi d-dritt tal-imbark bi preferenza lil dawk il-passiġġieri bit-tfal u li jkunu jistgħu iħallu s-sits ħdejn il-bieba tal-ajruplan u jeħduhom lura huma u nieżlin mill-ajruplan;

29.  Jemmen li hemm bżonn ta' reviżjoni tan-nuqqas ġenerali tmin-naħa tal-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri li jservu l-ajruporti li jikkonformaw mal-obbligu li jipprovdu siġġijiet għat-tfal, u b'hekk inaqqsu l-għażliet ta' trasport tal-ġenituri;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-kwestjonijiet ta' protezzjoni tal-passiġġieri relatati ma' metodi ġodda ta' skrining, bħal skaners tas-sigurtà, tiftix bl-idejn u profiling tal-passiġġieri; jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-passiġġieri u korpi ta' eżekuzzjoni eżistenti jistgħu jilagħbu rwol fl-għoti ta' rimedju għall-problemi li jistgħu jinqalgħu;

31.  Jitlob li tiġi żgurata konsistenza xierqa bejn il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u l-miżuri mistennija tal-UE rigward ir-rimedju kollettiv sabiex id-drittijiet tal-passiġġieri jiġu garantiti b'mod effiċjenti u jiġu indirizzati dawk il-kumpaniji li sistematikament jinjoraw dawn id-drittijiet;

32.  Jipproponi li jiddaħħal Premju Ewropew ta' kull sena għall-aktar linja tal-ajru favur il-konsumatur;

33.  Jissuġġerixxi li tista' titwettaq aktar riċerka biex tiġi eżaminata l-possibilità u l-fattibilità li jiġi stabbilit strument leġiżlattiv uniku li jkun jinkludi d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji kollha dwar id-drittijiet tal-konsumatur fl-avjazzjoni ċivili sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni u jiġu rrikonċiljati l-inkonsistenzi fl-oqsma differenti kollha tad-drittijiet tal-passiġġieri;

34.  Japprezza d-diversità ta' jeddijiet il-passiġġieri li tiddependi mill-mod ta' trasport, kemm jekk fuq l-ilma, fuq l-art u fl-ajru; madankollu, jemmen li hemm bżonn ta' approċċ olistiku biex jiġu integrati l-jeddijiet kollha tal-passiġġieri – fost l-oħrajn il-jedd għal kumpens, rimborż u informazzjoni – f'qafas leġiżlattiv komprensiv u kkonsolidat;

IIr-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet

35.  Jistieden lill-Kummissjoni, fir-reviżjoni li ġejja tar-Regolament, tadotta kjarifiki tan-nozzjoni ta' “ċirkostanzi straordinarji” u d-definizzjoni ta' “kanċellazzjoni” kull ukoll tar-regoli li jiggvernaw l-għoti ta' assistenza u l-jedd għar-rimedju u l-kumpens; kull reviżjoni bħal din għandha tieħu nota tal-livell ta' protezzjoni tal-passiġġieri mogħti mid-deċiżjonijiet tal-QEĠ kif ukoll l-interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti taċ-“ċirkostanzi straordinarji”; iqis dawn il-miżuri bħala importanti, minħabba fl-ambitu ta' bħalissa għall-impunjazzjonijiet tar-regoli ta' kumpens, varjazzjoni fl-eżekuzzjoni nazzjonali u inċidenzi bħalma kienet il-kriżi tal-irmied vulkaniku tal-2010;

36.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex toħloq sistema uniformi, komprensiva u dettaljata tal-valutazzjoni tal-valur ta' evidenza fornita mil-linji tal-ajru juru li kien hemm “ċirkostanzi straordinarji”;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara li f'każ li titjira waħda f'rotazzjoni tittardja jew tiġi kkanċellata minħabba ċirkostanza straordinarja, il-linja tal-arju tkun tista' tirreferi wkoll għal dik iċ-ċirkostanza straordinarja b'konnessjoni mal-ewwel titjira sussegwenti fl-istess rotazzjoni;

38.  Jemmen li hemm ħtieġa qawwija għal regoli ċari dwar il-kontenut, l-aċċessibilità, il-ħin tal-għoti u r-reqqa tat-tagħrif mogħti lill-passiġġieri, li għandu jispeċifika r-raġuni għal kull dewmien jew kanċellament u durata mistennija tat-tħarbit u dak li jiġri meta jkun hemm prenotazzjonijiet żejda, kif ukoll l-opzjonijiet alternattivi ta' vjaġġar li jkunu disponibbli għall-passiġġieri;

39.  Jisħaq li l-verżjoni li jmiss tar-Regolament għandha wkoll tiddefinixxi l-korp li jkun responsabbli mill-għoti ta' tagħrif fi żmien raġonevoli lill-passiġġieri li jixtru vjaġġi b'kollox inkluż dwar kull alterazzjoni għas-servizz, billi l-kuntratt ikun bejn il-passiġġieri u operatur turistiku u mhux direttament ma' trasportatur tal-ajru;

40.  Jaċċentwa li t-tliet għażliet ta' tħarbit tal-vjaġġ, il-passiġġieri jistgħu jagħżlu bejn tliet possibiltajiet jiġifieri r-rifużjoni, l-għoti ta' rotta ġdida u l-prenotazzjoni mill-ġdid u li tali għażla hija jedd bażiku u għandha tkun offerta minnufih lill-passiġġieri kollha li jkunu baqgħu l-art;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja miżuri li jippermettu użu aħjar u aktar effiċjenti tal-modi alternattivi ta' trasport, b'mod partikolari fil-każ ta' ċirkostanzi straordinarji;

42.  Jemmen li l-passiġġieri li l-bagalji tagħhom intilfu jew damu ma waslu għandu jkunu infurmati immedjatament dwar jeddijiethom skont il-Konvenzjoni ta' Montreal u r-Regolament (KE) Nru 889/2002 u li hija meħtieġa azzjoni leġiżlattiva jew ta' sensibilizzazzjoni f'livell Ewropew ħalli tiżdied il-komprensjoni pubblika ta' jeddijiet il-passiġġieri u l-proċeduri ta' ilment relattivi għall-bagalji mitlufin jew li damu ma waslu; iqis li, jekk il-bagalji jdumu aktar minn sitt sigħat ma jaslu, għandu jkun offrut kumpens li jkun proporzjonat ma' ħtiġiet il-passiġier li jkun ħalli jingħatawlhom l-oġġetti li jkunu jeħtieġa waqt l-istennija għall-bagalji; jisħaq li l-kwalità u l-prestazzjoni globali tas-servizzi tal-ġestjoni tal-bagalji għandha tkun indirizzata fir-reviżjoni tad-Direttiva 96/67/KE dwar il-groundhandling;

43.  Iqis illi f'kaz ta' telf jew ta' dewmien ta' bagalja jew ta' ħsara fiha, il-kumpanniji tal-ajru għandhom l-ewwel jagħtu kumpens lill-passiġġieri li magħhom iffirmaw kuntratt, izda mbagħad, il-kumpanniji tal-ajru għandu jkollhom id-dritt ta' riżarċiment mill-ajruporti jew mill-fornituri tas-servizzi għad-danni li għalihom ma kinux neċessarjament responsabbli huma;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi terminu massimu ta' xahrejn għall-industrija u xahrejn għall-KE għall-ipproċessar tal-ilmenti tal-passiġġieri; li jikkunsidra li l-avviż ta' rċevuta tal-ilmenti għandu jkun mibgħut lill-passiġġieri fi żmien 48 siegħa; il-passiġġieri li jipprenotaw b'mezzi elettroniċi, bħall-internet, għandhom ukoll ikunu intitolati li jagħmlu kuntatt, bla ebda ħlas, mal-linja tal-ajru billi jużaw l-istess mezzi, bl-indirizz tal-linja mmarkat b'mod ċar, biex il-klijent ikun jista' jaqbad malajr u faċilment mal-persunal relevanti tal-linja tal-ajru biex isolvi xi problemi; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li għandha tiġi attivata linja tat-telefon u servizz fuq is-sit tal-internet li permezz tiegħu l-passiġġieri jista' jkollhom informazzjoni dwar l-istat tal-ilment proprju tagħhom;

45.  Fit-tiftix tar-responsabilità sħiħa fil-konfront tal-passiġġieri, huwa tal-fehma li għandhom ikunu esplorati u stabbiliti l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mtejbin bejn l-atturi differenti bħalma huma t-trasportaturi tal-ajru, l-ajruporti u l-fornituri ta' servizzi relattivi, l-aktar f'każijiet ta' “ċirkostanzi straordinarji”;

46.  Iħeġġeġ li l-ispejjeż finanzjarji addizzjonali sostnuti minn trasportaturi tal-ajru skont ir-Regolament ma jiġux mgħoddija lill-passiġġieri fil-forma ta' tariffi ogħla;

47.  Jinnota li d-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja rigward id-dritt tal-passiġġieri għal kumpens fil-każ ta' dewmien jikkonfermaw il-ħtieġa ta' miżuri mmirati lejn trattament ekwu, filwaqt li jiġi żgurat kumpens xieraq fil-każ ta' dewmien twil irrispettivament mill-kawża ta' tali dewmien sabiex jitqiesu bis-sħiħ id-danni li jkun sofra l-passiġġier; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri f'dan is-sens, mingħajr ma jiġi kkanċellat id-dritt li passiġġier li jiġi ttrasferit għat-titjira disponibbli li jmiss;

48.  Iħeġġeġ l-għoti tal-istess trattament għal dewmien twil u għall-ikkanċellar tat- titjiriet joħloq inċentiv għall-kumpaniji tal-ajru li jikkanċellaw titjira li qiegħda tard, li f'ċertu każijiet forsi setgħat saret;

49.  Jemmen li, bla ħsara għall-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 u sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-passiġġieri u fl-istess ħin jiġu evitati l-abbużi, ir-Regolament għandu jiċċara d-dispożizzjonijiet, jekk u meta huwa permess li l-passiġġieri jgħinu lilhom infushom billi jixtru biex jitrejqu jew jipprenotaw il-ħotel jew titjiriet alternattivi u jitolbu lura spejjeż raġonevoli mit-trasportaturi bl-ajru; fl-istess ħin ir-Regolament għandu jinkludi mekkaniżmi li jipproteġu kontra abbuż mill-passiġġieri;

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet ta' persuni diżabbli u persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

50.  Jenfasizza li l-PMM u l-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa jew b'diżabilitajiet għandhom jibbenifikaw mill-istess opportunitajiet ta' vjaġġar bl-ajru u minn aċċess mhux ristrett għas-servizzi;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata protezzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli tal-konsumaturi, b'mod partikolari l-PMM u l-persuni b'diżabilità u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa; jenfasizza li dawn il-gruppi vulnerabbli jeħtieġu garanziji addizzjonali meta jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala passiġġieri u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lit-trasportaturi tal-ajru biex jinfurzaw dawn id-drittijiet;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw aċċess mingħajr xkiel għall-PMM u għan-nies b'diżabilitajiet għas-servizzi kollha tat-trasport bl-ajru; jissottolinja li, f'dan is-sens, il-jedd għall-użu ta' inġenji tal-mobilità kif ukoll l-akkumpannjament minn gwida rikonoxxuta jew kelb gwida għandhom ikunu ffaċilitati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tkun tkopri l-aċċessibilità fiżika għall-ajruplani u l-ajruporti, ħalli jkun żgurat li x-xkiel infrastrutturali u ta' disinn ma jipprevjenix lin-nies b'diżabilitajiet u l-PMM milli jgawdu minn opportunitajiet ugwali ta' vjaġġar;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, b'mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u l-persuni li jakkumpanjawhom;

54.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplementa pjan ta' azzjoni għall-UE kollha li jkun ikopri l-miżuri kollha li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni tikkopera mal-KE u mal-organizzjonijiet rappreżentattivi relevanti ħalli ttejjeb l-implementazzjoni tar-Regolament;

55.  Jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li d-definizzjoni kurrenti tal-PMM ma għandhiex tkun ristretta;

56.  Jissottolinja li l-formati tat-tagħrif, il-proċess tal-prenotazzjoni u l-proċeduri għall-ilmenti, għandhom ikunu kompletament aċċessibbli, li l-PMM u n-nies b'diżabilitajiet għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw il-ħtiġiet tagħhom ta' assistenza fl-istess waqt li jipprenotaw il-biljetti tagħhom u li konferma tan-notifika tal-assistenza għandha tingħata lill-passiġġier; jisħaq fuq il-bżonn tar-rikonoxximent ta' trabi jew tfal żgħar bħala persuni b'mobilità mnaqqsa minħabba l-età.

57.  Jindika li, minkejja li s-sigurtà tat-titjiriet hija ta' interess pubbliku ewlieni, linja tal-ajru ma tistax iċċaħħad l-imbark lill-PMM jew lin-nies b'diżabilitajiet fuq il-bażi li ma jkunux akkumpanjati; jenfassiza li l-kumpanija ma tistax teżiġi li dejjem ikun hemm akkumpanjatur;

58.  Jissottolinja li t-taħriġ għall-persunal tat-titjiriet u tat-trasportaturi tal-ajru, tal-ajruporti u tal-KE għandu rwol kruċjali u għandu jkopri b'mod adegwat il-ħtiġiet differenti u individwali tal-PMM u tal-persuni b'diżabilitajiet, b'attenzjoni partikolari għat-trattament tat-tagħmir ta' assistenza; jisħaq li t-taħriġ għandu jkun provdut f'koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b'diżabilitajiet u l-PMM;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li tiżgura li l-PMM u l-persuni b'diżabilitajiet jkollhom f'kull ħin il-jedd jużaw tagħmir tan-nifs approvat mil-lat ta' sikurezza fuq l-ajruplani, mingħajr ħlas; iqis li lista ta' tagħmir approvat għall-ossiġnu mediku għandha titħejja f'koperazzjoni mal-industrija u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b'diżabilitajiet u l-PMM filwaqt li jitqiesu kif dovut ir-rekwiżiti tas-sikurezza;

60.  Huwa tal-fehma li t-twaqqif ta' standards minimi għat-tagħmir ta' assistenza għall-PMR u l-użu tiegħu fl-ajruporti kollha tal-UE huwa meħtieġ ħalli jkun żgurat approċċ armonizzat għall-ground handling u l-għoti ta' servizz ta' kwalità għolja lill-passiġġieri PMR fl-Ewropa;

61.  Huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġu stabbiliti standards minimi għall-għoti ta' informazzjoni f'formati aċċessibbli għal persuni b'diżabilitajiet fl-ajruporti kollha tal-UE, b'attenzjoni partikolari għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal teknoloġiji ġodda li issa huma disponibbli, bħal servizzi ta' lingwa tas-sinjali bbażati fuq vidjow u servizzi bbażati fuq test;

62.  Jitlob tmiem għall-prattiċi abbużivi u/jew diskriminatorji użati minn xi kumpaniji tal-ajru li jirrikjedu l-passiġġieri li huma PMM jiffirmaw, qabel ma jitilgħu abbord, dikjarazzjoni li teżenta l-kumpanija tal-ajru minn responsabilità għal kwalunkwe ħsara kkawżata lit-tagħmir ta' mobilità tagħhom;

63.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel sforz fil-perspettiva ta' modifika possibbli tal-Konvenzjoni ta' Montreal, biex tiżgura li t-tagħmir tal-mobilità tal-PMM għandu jkun ikkumpensat fis-sħiħ, u dan peress li tali tagħmir huwa importanti għall-integrità, id-dinjità u l-indipendenza tagħhom u għalhekk bl-ebda mod ma jista' jitqabbel mal-bagalji, u li l-passiġġieri għandu jkollhom il-jedd, kulfejn ikun possibbli, li jużaw is-siġġu tar-roti tagħhom sal-bieb tal-ajruplan, u li jingħatalhom lura mal-bieb tal-ajruplan mal-wasla; sadanittant jisħaq li l-PMM għandhom ikunu infurmati bid-dritt tagħhom li jitolbu kumpens għal ħsara fit-tagħmir tal-mobilità tagħhom u bid-dritt tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta' interess skont il-Konvenzjoni ta' Montreal;

64.  Jisħaq li linja tal-ajru b'“servizz sħiħ” li tipprovdi ikel fit-titjira lill-passiġġieri ma tistax tiddiskrimina kontra passiġġieri li jeħtieġu ikliet speċjali minħabba kundizzjonijiet mediċi li diġà jeżistu (eż. intolleranza għall-glutina jew dijabete) u li dawn l-ikliet speċjali għandhom jingħataw mingħajr ebda ħlas żejjed mill-passiġġier fil-każi kollha ta' vjaġġar.

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 24, 28.1.2012, p. 125.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0453.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Lulju 2013Avviż legali