Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u l-2 ta' Marzu 2012,
– wara li kkunsidra l-Mistoqsija li titlob tweġiba orali B7-0635/2011 lill-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2011 dwar il-kompatibilità tal-ftehimiet fiskali tal-Ġermanja u tar-Renju Unit mal-Isvizzera mad-Direttiva tal-UE dwar it-Tassassjoni ta' Riżervi,
– wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD ta' Marzu 2012 bit-titlu “Hybrid mismatch arrangements: Tax policy and compliance issues” (Arranġamenti ibridi:Kwistjonijiet ta' politika u konformità fiskali),
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva, kif adottat mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu fil-21 ta' Marzu 2012 (A7-0080/2012),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar it-Taxxi(1)
,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-estimi jindikaw li l-evażjoni fiskali u l-evitar fiskali jissarrfu f'ammont sinifikanti ta' dħul mhux miġbur għall-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE;
B. billi t-telf tad-dħul ikabbar il-livelli tad-defiċit u tad-dejn fl-Istati Membri, u jnaqqas il-fondi disponibbli għat-trawwim tal-investiment pubbliku, it-tkabbir u l-impjiegi;
C. billi l-iskala ta' evażjoni u evitar fiskali ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġustizzja u l-leġittimità tal-ġbir tat-taxxi;
D. billi jinħtieġ ħafna titjib fl-informazzjoni disponibbli pubblikament dwar l-evitar u l-evażjoni fiskali f'kull Stat Membru;
E. billi l-Istati Membri b'mod ġenerali għandhom jevitaw li jidħlu f'negozjati bilaterali ma' pajjiżi mhux tal-UE u għandhom, jekk madankollu xorta jħossu li jkun meħtieġ li jikkonkludu xi ftehim bilaterali tali, jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih biex jevitaw ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE;
F. billi pajjiżi li jgawdu minn programmi ta' assistenza, wara li intensifikaw il-ġbir tat-taxxi u eliminaw il-privileġġi skont il-proposti tat-Trojka, raw ħafna mill-kumpaniji l-kbar tagħhom jitilqu biex igawdu privileġġi fiskali offruti minn pajjiżi oħra;
G. billi hemm bżonn ta' regoli ċari tal-UE biex jiġu evitati dawn il-forom ta' kompetizzjoni fiskali, li jdgħajfu l-istrateġiji ta' rkupru tal-pajjiżi kkonċernati;
1. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Marzu li talab lill-Istati Membri biex, fejn ikun f'loku, jagħmlu rieżami tas-sistemi fiskali tagħhom bl-għan li jagħmluhom aktar effettivi u effiċjenti, ineħħu eżenzjonijiet mhux ġustifikati, iwessgħu l-bażijiet fiskali tagħhom, jorjentaw it-taxxi “l hinn mix-xogħol, itejbu l-effiċjenza fil-ġbir tat-taxxi u jindirizzaw l-evażjoni fiskali, biex jintensifikaw rapidament il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali, anke f'relazzjoni ma' pajjiżi terzi, u biex jirrappurtaw sa Ġunju 2012;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex rapidament tindirizza l-kwistjonijiet li tqajmu permezz tar-rieżami tad-Direttiva dwar it-Tassassjoni ta' Riżervi u biex tilħaq qbil b'ħeffa mal-Isvizzera u mal-Istati Membri kkonċernati;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni jiġi ġġeneralizzat u li l-ambitu tad-Direttiva dwar it-Tassassjoni ta' Riżervi jitwessa' sabiex tintemm verament is-segretezza bankarja;
4. Itenni l-ħtieġa li jinżamm il-fokus fuq ir-rwol ewlieni li jista' jkollha l-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva kontra l-frodi fiskali;
5. Iqis li t-tisħiħ tar-regolamentazzjoni tar-reġistri tal-kumpaniji u tar-reġistri tat-trusts, u t-trasparenza tagħhom, huma prerekwiżit biex tiġi indirizzata l-evażjoni fiskali;
6. Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni dwar rappurtar għal kull pajjiż fid-Direttivi dwar il-Kontabilità u dwar it-Trasparenza; ifakkar li r-rekwiżiti ta' rappurtar għal kull pajjiż għal kumpaniji transkonfinali huma essenzjali biex jiġi skopert l-evitar fiskali;
7. Jitlob li jsir rieżami tad-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u dawk Sussidjarji u tad-Direttiva dwar it-Tassassjoni tal-Imgħax u tar-Royalties, sabiex tiġi eliminata l-evażjoni permezz ta' strumenti finanzjarji ibridi fl-UE;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika oqsma fejn jista' jiġi implimentat titjib kemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex jonqos il-frodi fiskali;
9. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni mingħajr intoppi bejn is-sistemi fiskali tagħhom biex jevitaw nuqqas ta' ntaxxar mhux intenzjonat, jew evazjoni u frodi fiskali;
10. Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi adegwati lis-servizzi nazzjonali li għandhom is-setgħa jiġġieldu l-frodi fiskali;
11. Jistieden lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 65 tat-TFUE, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u koordinament mal-BĊE, jieħdu miżuri għall-prevenzjoni ta' ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, b'mod partikolari fil-qasam tat-tassazzjoni; jinnota li dan hu importanti partikolarment fir-rigward ta' Stati Membri li qed jesperjenzaw, jew huma mhedda, b'diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro;
12. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati strateġiji ġodda u innovattivi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fl-UE;
13. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu rieżami tal-ftehimiet bilaterali fis-seħħ bejn l-Istati Membri u ta' ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, fejn dawn jikkontribwixxu għall-evażjoni fiskali u jikkumplikaw it-tassazzjoni effettiva f'ras il-għajn ġewwa ċerti Stati Membri;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-possibilità ta' koordinament tal-UE biex jinbidlu ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri bl-għan li jaqblu aktar mal-objettivi tal-Kunsill Ewropew, u b'hekk l-evitar fiskali jagħmluh aktar diffiċli;
15. Ifakkar it-talba tiegħu għal żieda fit-trasparenza, u kontroll aktar strett biex jipprevjenu l-użu ta' rifuġji fiskali, li huma ġurisdizzjonijiet barranin li ma jikkoperawx, karatterizzati b'mod partikolari minn nuqqas ta' taxxi jew taxxi nominali, nuqqas ta' skambju effettiv tal-informazzjoni ma' awtoritajiet fiskali barranin u nuqqas ta' trasparenza fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ġuridiċi jew amministrattivi,jew identifikati bħala tali mill-OECD jew mit-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.