1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010 (C7-0286/2011 – 2011/2226(DEC))
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità(1)
,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2012 (06083/2012 – C7-0051/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(3)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(4)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0106/2012),
1. Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
(serje L).
2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010 (C7-0286/2011 – 2011/2226(DEC))
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità(1)
,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2012 (06083/2012 – C7-0051/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(3)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(4)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0106/2012),
1. Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010 (C7-0286/2011 – 2011/2226(DEC))
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità(1)
,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2012 (06083/2012 – C7-0051/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(3)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(4)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0106/2012),
A. billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,
B. billi fl-10 ta' Mejju 2011 il-Parlament ta lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2009(5)
, u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fost affarijiet oħra:
–
stieden lill-Awtorità ssaħħaħ il-proċeduri baġitarji marbuta mal-approprjazzjonijiet differenzjati tagħha u l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni multiannwali,
–
barra minn hekk, ħeġġeġ lill-Awtorità ttejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha sabiex tnaqqas l-ammonti kbar ta' riporti tagħha,
–
stieden lill-Awtorità twettaq stħarriġ dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali tax-xjentisti ewlenin tagħha, il-Bord ta' Tmexxija tagħha u l-membri tal-panels tagħha, sabiex jistgħu jiġu identifikati omissjonijiet possibbli fid-dikjarazzjonijiet ta' interess u tkun tista' tittieħed azzjoni f'waqtha,
C. billi l-baġit kumplessiv tal-Awtorità għall-2010 kien jammonta għal EUR 74 700 000 meta mqabbel ma' EUR 71 400 000 fl-2009, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 4.6%; billi l-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni għall-baġit tal-Awtorità għall-2010 kienet ta' EUR 69 041 000, li tirrappreżenta żieda ta' 4.36% meta mqabbla mal-kontribuzzjoni inizjali tagħha fl-2009(6)
,
D. billi l-ammont ta' xogħol qed ikompli bit-tendenza tiegħu li jiżdied kemm fil-volum u kemm fil-kumplessità bl-adozzjoni ta' aktar minn 560 kontribuzzjoni xjentifika;
Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. Ifakkar li l-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni lill-Awtorità għall-2010 ammontat għal EUR 69 041 000; josserva madankollu li EUR 3 950 000 li ġejjin mill-irkupru tal-bilanċ pożittiv, żdiedu ma' dan l-ammont, u għaldaqstant il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni tilħaq l-ammont ta' EUR 72 991 000 għall-2010;
2. Jirrikonoxxi mir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet (AAR) tagħha li, fl-2010, l-Awtorità kellha rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98.8% f'dak li jirrigwarda approprjazzjonijiet għall-impenji u ta' 83.5% f'dak li jirrigwarda approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; jieħu nota li taħt it-Titolu 1 (Persunal) u t-Titolu 2 (Infrastruttura) il-baġit ġie implimentat għalkollox filwaqt li taħt it-Titolu 3 (Operazzjonijiet) ir-rata ta' implimentazzjoni laħqet is-96.5%;
3. Jinnota, madankollu, mill-AAR li fl-2010 l-Awtorità kellha rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 83.5% biss fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, li hija 11% anqas mill-mira stabbilita mill-Awtorità; jinnota minn kummenti mill-Awtorità li r-rata ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet hija anqas minn dik mistennija għar-raġunijiet ewlenin li ġejjin:
–
proġetti ewlenin ta' pproċessar tad-dejta u ta' appoġġ operattiv tal-IT nbdew f'Novembru 2010 u għalhekk wasslu għal ħlasijiet ta' EUR 4 300 000 fl-2011 biss;
–
dewmien fl-għoti ta' kuntratti għal attivitajiet ta' kooperazzjoni xjentifika u livelli ta' ħlasijiet aktar baxxi fil-programm eżistenti għall-akkwist u l-għotjiet wasslu għal nefqa anqas tal-krediti differenzjati relatati li tammonta għal EUR 1 300 000;
–
ħlasijiet li jammontaw għal EUR 1 100 000 għal proġetti speċifiċi fl-amministrazzjoni u l-komunikazzjoni ġew posposti għall-2011;
4. Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Awtorità li l-implimentazzjoni tal-baġit ġiet irrappurtata lill-Bord ta' Tmexxija kull xahar, devjazzjonijiet mill-miri ta' implimentazzjoni tal-baġit skont l-attività jew b'rabta mal-programm ta' kooperazzjoni xjentifika ġew innutati u ttieħdet azzjoni korrettiva;
5. Madankollu, iħeġġeġ lill-Awtorità tieħu azzjoni addizzjonali biex tippermetti implimentazzjoni sodisfaċenti tal-baġit kemm fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-impenji kif ukoll fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress li sar;
6. Jinnota mir-rapport tal-Awtorità li b'konformità mal-iskeda tal-Kummissjoni, il-migrazzjoni għas-sistema ta' kontabilità bbażata fuq id-dovuti (ABAC) kienet skedata għal Settembru 2011 u implimentata kif xieraq;
7. Iħoss li hu inaċċettabbli li filwaqt li l-Bord ta' Tmexxija tal-Awtorità jikkonsisti biss minn 15-il membru, kull laqgħa tiswa' medja ta' EUR 92 630, ammont li jirrappreżenta EUR 6 175 għal kull membru; jenfasizza li dan l-ammont hu kważi tliet darbiet ogħla mit-tieni l-aktar Bord ta' Tmexxija għali ta' aġenzija deċentralizzata; hu tal-opinjoni li l-ispejjeż tal-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija huma eċċessivi u għandhom jitnaqqsu b'mod drastiku; jistieden lill-Awtorità u lill-Bord ta' Tmexxija tagħha biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni immedjatament u jinformaw lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri meħuda sat-30 ta' Ġunju 2012;
Ir-riporti u l-proċess ta' ġestjoni tal-kuntratti
8. Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Awtorità li 6% (EUR 270 000 000) tal-impenji għal attivitajiet operattivi riportati mill-2009 kellhom jiġu kkanċellati; jinnota li dan huwa titjib meta mqabbel mas-sena preċedenti li fih 19% tal-impenji għal attivitajiet operattivi ġew riportati mill-2008, 37% ta' tali impenji ġew riportati mill-2007 u 26% ta' tali impenji ġew riportati mill-2006;
9. Iħeġġeġ, għal darb'oħra, lill-Awtorità ttejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha sabiex tnaqqas l-ammonti kbar ta' riporti tagħha; jinnota, b'mod partikolari, li din is-sitwazzjoni turi dgħufijiet fil-ġestjoni tal-kuntratti u l-monitoraġġ tal-preżentazzjoni tar-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tal-kostijiet tal-Awtorità;
10. Jistieden lill-Awtorità tiżviluppa u timplimenta sistema komuni ta' monitoraġġ għall-ġestjoni tal-kuntratti kollha tagħha; jirrikonoxxi, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' kapaċità ċentrali u koordinata fil-livell tad-direttorati responsabbli għall-monitoraġġ tal-kuntratti; jissottolinja l-fatt li dan jinvolvi riskju ta' użu ineffiċjenti tar-riżorsi u monitoraġġ mhux koordinat tal-kuntratti u għalhekk jitlob lill-Awtorità tiċċentralizza dawn ir-responsabbiltajiet fil-livell ta' kull direttorat;
11. Barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Awtorità ttejjeb ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratti sabiex tiggarantixxi superviżjoni u ġestjoni effikaċi tal-attivitajiet operattivi tagħha;
L-akkwist
12. Jinnota mill-AAR tagħha li, fl-2010, l-Awtorità ffinalizzat 24 proċedura tal-akkwist fil-qasam tal-Komunikazzjoni u l-Amministrazzjoni li jammontaw għal EUR 48 800 000, kif ukoll 75 kuntratt tal-akkwist u 10 ftehimiet ta' għotjiet bħala parti mill-programm ta' kooperazzjoni xjentifika b'ċifri ta' EUR 5 700 000 u EUR 2 100 000 rispettivament;
13. Jinnota li l-Awtorità kellha Gwida dwar l-Akkwist Prattiku mill-2008 biex tagħti linji gwida lill-persunal tagħha fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-akkwist u tal-kuntratti sussegwenti, u li l-Gwida tiġi aġġornata regolarment; jinnota wkoll li l-Gwida qed tiġi riveduta sabiex jitqiesu r-regoli li ġew adottati reċentement mill-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku u r-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju;
Ir-riżorsi umani
14. Jinnota mir-rapport tal-Awtorità li 99% tal-karigi ppjanati ttieħdu jew kienu qed jiġu offruti sa tmiem l-2010;
15. Jistieden lill-Awtorità tindirizza d-dgħufijiet tagħha fil-proċeduri tar-reklutaġġ, li jipperikolaw it-trasparenza tal-proċeduri; jirrikonoxxi, b'mod partikolari, mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li l-Awtorità ma żguratx l-anonimità tal-eżamijiet bil-miktub u kien biss wara li kien diġà beda l-proċess ta' evalwazzjoni li ddeċidiet il-marki li bihom wieħed jgħaddi għad-diversi stadji tal-proċess ta' għażla;
16. Huwa preokkupat li l-Awtorità pposponiet b'aktar minn 12-il xahar ir-rakkomandazzjoni “importanti ħafna” tas-Servizz tal-Verifika Interna (IAS) li stiednet lill-Awtorità tiddefinixxi l-proċessi ta' tiġdid tal-kuntratti u tiżgura t-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet; għalhekk, jistieden lill-Awtorità tispjega lill-awtorità tal-kwittanza r-raġunijiet għal dan id-dewmien u tindirizza dan in-nuqqas malajr;
Il-kunflitt ta' interess u l-każijiet “revolving door”
17. Jinnota, b'mod partikolari, li f'Settembru 2010, ġie rrappurtat li l-President tal-Bord ta' Tmexxija kellu rabtiet diretti mal-industrija tal-ikel, u li kien membru tal-Bord tad-Diretturi tal-International Life Science Institute (ILSI) - Europe;
18. Iqis li, filwaqt li hu leġittimu u neċessarju li jsir djalogu mal-industrija dwar metodoloġiji tal-valutazzjoni tal-prodott, dan id-djalogu m'għandux idgħajjef l-indipendenza tal-Awtorità u lanqas l-integrità tal-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju; jitlob, għalhekk, lill-Awtorità tikkunsidra bħala konflitt ta' interess il-parteċipazzjoni attwali jew tal-passat reċenti tal-Bord ta' Tmexxija tagħha, il-panel u l-membri tal-grupp ta' ħidma jew il-persunal f'attivitajiet tal-ILSI bħal taskforces, kumitati xjentifiċi jew presidenzi ta' konferenzi;
19. Iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri tiffinalizza u tippreżenta l-verifika tagħha ta' konflitt ta' interess fl-Awtorità;
20. Ifakkar li fl-2010 l-President attwali tal-Bord ta' Tmexxija naqset li tiddikjara s-sħubija tagħha fil-Bord tad-Diretturi tal-ILSI; josserva li l-ILSI huwa ffinanzjat minn kumpaniji fis-setturi alimentari, kimiċi u farmaċewtiċi;
21. Għalhekk, iqis li għandha ssir analiżi bir-reqqa każ każ ta' dawn ir-rapporti u ta' kunflitt ta' interess attwali u possibbli sabiex jiġu evalwati l-oġġettività u l-imparzjalità tal-Awtorità fil-livelli kollha u l-ħidma li twettaq; barra minn hekk, jistieden lill-Awtorità twettaq analiżi bir-reqqa tad-dikjarazzjonijiet ta' interess ippreżentati mill-persunal, l-esperti u l-membri tal-Bord ta' Tmexxija tagħha, u mbagħad tieħu miżuri konkreti biex twaqqaf kunflitti ta' interess u tipprovdi informazzjoni lill-pubbliku; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-proċess ta' analiżi u l-miżuri konkreti adottati, permezz ta' rapport bil-miktub u dettaljat sat-30 ta' Ġunju 2012;
22. Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri osservat li l-proċess ta' rieżami tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija mhuwiex rigoruż u dettaljat biżżejjed u dan jipperikola l-kompletezza u t-trasparenza tal-proċedura;
23. Iqis li l-valutazzjoni tal-prodott m'għandhiex tkun ibbażata biss fuq id-data tal-industrija, imma għandha tqis sew ir-riċerka xjentifika ppubblikata f'ġurnali riveduti mill-pari; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni addizzjonali fir-rigward tal-influwenza tal-industrija fl-iżvilupp tal-linji gwida u l-metodoloġiji ta' valutazzjoni, li m'għandhomx jiffavorixxu riċerka sponsorjata mill-industrija fuq bażi spekulattiva u li għandhom ikunu żviluppati b'mod miftuħ, trasparenti u bbilanċjat;
24. Ifakkar lill-Awtorità li r-regoli marbuta mad-dikjarazzjonijiet ta' interess għandhom ikunu akkumpanjati wkoll minn serje ta' konsegwenzi li japplikaw f'każ li dawn ir-regoli jinkisru; barra minn hekk, jinnota li l-Awtorità għandha wkoll tikkonċentra fuq l-interess pubbliku, fil-qafas tal-proċess deċiżjonali indipendenti tagħha, billi tieħu kont tad-data u t-tagħrif rilevanti kollu;
25. Jinnota li f'Marzu 2010 NGO Ġermaniża ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew dwar il-fatt li l-Awtorità ma indirizzatx b'mod xieraq kunflitt ta' interess potenzjali rigward il-fatt li l-Kap tal-Unità għall-Organiżmi Modifikati Ġenetikament tagħha ġie impjegat ma' kumpanija tal-bijoteknoloġija anqas minn xahrejn wara li l-membru tal-persunal inkwistjoni telaq mill-Awtorità, mingħajr perjodu ta' “cooling off”;
26. Jissottolinja l-fatt li l-Ombudsman ikkonkluda li l-Awtorità ma wettqitx valutazzjoni bir-reqqa tal-allegat kunflitt ta' interess potenzjali u stieden lill-Awtorità ttejjeb il-mod li bih tapplika r-regoli u l-proċeduri tagħha f'każijiet “revolving door” futuri; barra minn hekk, jenfasizza li l-Ombudsman osserva wkoll li negozjati minn membru tal-persunal rigward impjieg futur li jista' jikkostitwixxi każ ta' “revolving doors”, jikkostitwixxu fihom infushom kunflitt ta' interess u rrakkomanda li l-Awtorità għandha ssaħħaħ ir-regoli u l-proċeduri tagħha kif xieraq; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri konkreti adottati, u l-iskadenzi rispettivi tagħhom, biex il-konklużjonijiet tal-Ombudsman jiġu indirizzati kif xieraq;
27. Għal darb'oħra, iħeġġeġ lill-Awtorità tieħu miżuri xierqa f'każijiet ta' kunflitt ta' interess u każijiet ta' “revolving doors”, anke meta l-każijiet iseħħu fil-Bord ta' Tmexxija, u tinforma kemm lill-awtorità tal-kwittanza kif ukoll lill-pubbliku minnufih dwar il-miżuri meħuda;
28. Jinnota mill-AAR tagħha li fl-2010 l-Awtorità ħadet diversi inizjattivi fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess:
–
l-ikkummissjonar ta' rapport indipendenti biex jivvaluta l-implimentazzjoni mill-Awtorità tal-politika tal-2007 tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-interessi;
–
l-ikkummissjonar ta' rapport indipendenti biex is-sistema ta' indipendenza tal-Awtorità titqabbel ma' dik ta' organizzazzjonijiet analoġi kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali;
–
il-konklużjoni ta' eżami indipendenti estern tal-valutazzjonijiet tagħha tad-dikjarazzjoni ta' interess;
29. Jilqa' l-fatt li l-Awtorità adottat definizzjoni ġdida ta' konflitti ta' interess, ibbażata fuq id-definizzjoni tal-OECD, imma jwissi li jeħtieġ isir aktar titjib biex tissaħħaħ il-politika tal-Awtorità dwar l-indipendenza; jenfasizza b'mod partikolari li l-kriterji li jiddefinixxu konflitt ta' interess għandhom ikunu ċċarati u mwessgħa, u jinkludu attivitajiet attwali u dawk tal-passat reċenti;
30. Jieħu nota mir-rapport tal-Awtorità li rieżami tal-politika tagħha dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interess sar fl-2011 u li l-Bord ta' Tmexxija tagħha adotta politika ġdida dwar l-indipendenza u l-proċessi xjentifiċi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;
31. Josserva li l-Awtorità qed tkun sfidata b'mod repetut dwar każi ta' allegat konflitti ta' interess li jinvolvu membri tal-panels ta' esperti, speċjalment fil-każ tal-panels dwar “Addittivi tal-Ikel u sorsi ta' nutrijenti miżjuda mal-ikel” (ANS) u “Organiżmi modifikati ġenetikament” (GMO); jenfasizza li tmienja mill-panels tal-Awtorità u l-kumitat xjentifiku tagħha kienu waslu biex jiġġedidilhom il-kuntratt f'Marzu 2012 u li l-kapaċità tal-Awtorità li timplimenta l-politika l-ġdida qiegħda taħt skrutinju; jistieden għalhekk lill-Awtorità tinforma bil-miktub lill-awtorità tal-kwittanza sat-30 ta' Ġunju 2012 dwar il-passi meħuda biex timplimenta l-politika l-ġdida dwar l-indipendenza u l-proċessi xjentifiċi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u biex tikkonforma mad-definizzjoni tal-OECD dwar konflitti ta' interess meta ġġedded il-panels tagħah u l-kumitat xjentifiku tagħha; fl-istess ħin, jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-kompożizzjoni ġdida tal-panels u l-kumitat xjentifiku sat-30 ta' Ġunju 2012;
32. Jieħu nota tar-rieżami tal-proċeduri tal-Awtorità f'Diċembru 2010 biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-obbligi li joħorġu mill-Artikoli 16(2), 17 u 19 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68(7)
; ġie infurmat li fl-2010, 20 membru tal-persunal telqu mill-Awtorità, u li kollha rċevew ittra mat-tluq li tfakkarhom fl-obbligi tagħhom vis-à-vis l-Awtorità; jistieden lill-Awtorità ttejjeb aktar il-mod li bih tapplika r-regoli u l-proċeduri tagħha sabiex ikunu evitati il-każijiet ta' “revolving door” riċentement imsemmija mill-Ombudsman Ewropew; iqis li kwalunkwe problema fir-rigward tal-infurzar tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dikjarazzjonijiet ta' interessi se timmina l-kredibilità tal-Awtorità;
33. Jinnota li l-Awtorità kienet ivverifikata mill-Qorti tal-Awdituri fil-qafas tar-Rapport Speċjali dwar it-tmexxija tal-konflitti ta' interess fl-Aġenziji tal-Unjoni u jagħraf, mill-Qorti tal-Awdituri, li r-Rapport Speċjali se jkun ippubblikat sa tmiem Ġunju 2012;
34. Jirrikonoxxi mir-Rapport Speċjali li l-Kummissjoni qed tqis modifika tal-finanzjament futur tal-Awtorità u pproponiet li l-awtorità tal-kwittanza u l-Kunsill iqisu struttura ta' finanzjament parzjalment ibbażta fuq onorarji għall-Awtorità; jinnota li l-Kummissjoni qed twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-kwistjoni; madankollu, huwa preokkupat li l-iskema ġdida ta' finanzjament proposta mill-Kummissjoni tista' taffettwa l-indipendenza tal-Awtorità;
Il-prestazzjoni
35. Jinnota mill-AAR tagħha li rieżami tal-effiċjenza tagħha, immexxi minn konsulenti esterni, beda fl-2010 bit-tnedija tal-programm e3; jirrikonoxxi li l-fażi inizjali tal-programm ikkonċerna l-istabbiliment tal-attivitajiet tal-programm, tal-istruttura u tal-governanza tal-programm bi tħejjija għar-riorganizzazzjoni strutturali li jiġi implimentat fl-2011; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-konklużjonijiet tar-rieżami u l-miżuri li adottat u implimentat biex tindirizzahom;
36. Jilqa' l-pjanijiet tal-Awtorità li ssaħħaħ l-ippjanar tagħha fuq terminu medju ta' żmien bl-għan ta' aktar involviment tal-Istati Membri fix-xogħol tal-Awtorità u li tiġbor b'mod aħjar ir-riżorsi tagħha fl-Ewropa kollha; jappoġġa l-Awtorità fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħha mal-Istati Membri fil-qasam tal-valutazzjoni tar-riskju;
37. Jissottolinja l-ħtieġa li l-Awtorità tiżgura li l-pariri tagħha jkunu ta' kwalità għolja u indipendenti, sabiex tiggarantixxi l-konformità mal-istandards ta' sikurezza, l-eċċellenza xjentifika u l-indipendenza tal-unjoni rigward il-kwistjonijiet kollha b'impatt dirett jew indirett fuq is-sikurezza tal-ikel u l-għalf, u l-protezzjoni tal-pjanti; jirrakkomanda, b'mod partikolari fl-interess tat-trasparenza, miżuri biex jiġu mħeġġa u mmonitorjati regoli interni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interess tal-persunal tal-Awtorità u tal-esperti li jaħdmu għall-Awtorità;
38. Iqis li l-kompiti prinċipali tal-Awtorità huma l-forniment ta' konsulenza xjentifika indipendenti dwar kwistjonijiet b'impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà fl-ikel, it-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju biex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-korpi ta' teħid ta' deċiżjoni jkunu pprovduti b'bażi xjentifika soda sabiex ikunu definiti miżuri leġiżlattivi jew regolatorji orjentati lejn il-politika u l-ġbir u l-analiżi ta' data xjentifika;
Il-verifika interna
39. Jirrikonoxxi l-fatt li sitt rakkomandazzjonijiet “importanti ħafna” mill-IAS għad iridu jiġu implimentati u li tlieta minnhom diġà ġew posposti għal aktar minn 12-il xahar; jinnota b'mod partikolari li dan id-dewmien jirrigwarda: il-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni, il-proċess tat-tiġdid tal-kuntratti u t-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u l-politika tal-iffajljar u l-arkivjar; għalhekk, jistieden lill-Awtorità tindirizza malajr dawn in-nuqqasijiet, u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-riżultati miksuba;
o o o
40. Jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu minn rapporti preċedenti dwar il-kwittanza, kif stabbilit fl-Anness ta' din ir-riżoluzzjoni;
41. Jirreferi, f'dan ir-rigward għall-osservazzjonijiet l-oħra li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012(8)
dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-Aġenziji.
Rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' dawn l-aħħar snin
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel
2006
2007
2008
2009
Il-prestazzjoni
-L-ebda valutazzjoni tar-riskji jew indikaturi tal-prestazzjoni xierqa definiti, jew l-ebda sistemi dokumentati jew proċeduri ta' kontroll intern li jirregolaw l-attivitajiet tagħha
n.a.
Jistieden lill-Awtorità tistabbilixxi objettivi SMART u indikaturi RACER, kif ukoll tagħmel dijagramma ta' Gantt→biex tippromwovi approċċ orjentat lejn il-ksib tar-riżultati
-Jissottolinja l-ħtieġa li l-Awtorità tiżgura li l-pariri tagħha jkunu ta' kwalità għolja u jkunu indipendenti. Jirrakkomanda miżuri biex jiġu mħeġġa u mmonitorjati aktar ir-regoli dwar id-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-persunal jew tal-Awtorità u tal-esperti li jaħdmu għall-Awtorità
-Jitlob li l-Qorti tal-Awdituri twettaq verifiki tal-prestazzjoni tal-Awtorità
Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja/l-akkwist
-Il-prinċipju tal-annwalità ma kienx osservat b'mod strett: Kien hemm numru kbir ta' trasferimenti bil-biċċa l-kbira minnhom isiru fl-aħħar tas-sena (31 mid-49 trasferiment)
-Dgħufijiet fil-proċeduri tal-akkwist: il-kriterji tal-għażla ma kinux iddikjarati; il-metodu ta' evalwazzjoni tal-prezzijiet ma ġiex definit qabel ma bdiet il-proċedura ta' evalwazzjoni; deskrizzjoni vaga tal-kriterji tal-kwalità
-Il-prinċipju tal-annwalità ma kienx osservat b'mod strett: dgħufijiet fil-programmazzjoni u l-ibbaġitjar tal-attivitajiet ippjanati
-Dgħufijiet fil-ġestjoni baġitarja: fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni lill-Kroazja u lit-Turkija (strateġija ta' qabel l-adeżjoni), kellhom jitqiesu bħala dħul allokat fil-baġit. Madankollu, tqiesu bħala parti mis-sussidju Komunitarju normali
-Il-prinċipju tal-annwalità ma kienx osservat b'mod strett: dgħufijiet fil-programmazzjoni, fil-monitoraġġ tal-iskadenzi kuntrattwali u tal-baġit tal-Awtorità→
1) Jistieden lill-Awtorità ttejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha sabiex tnaqqas l-ammont ta' riporti tagħha: 23% fl-2008; 16% fl-2007; 20% fl-2006;
2) Ammont kbir ta' impenji kellhom jiġu kkanċellati (37% tal-impenji għal attivitajiet operattivi riportati mill-2007 u 26% mill-2006)
-Jistieden lill-Kummissjoni teżamina modi kif tiżgura li l-prinċipju tal-ġestjoni tal-flus abbażi tal-ħtiġijiet ikun implimentat għalkollox→ riżervi kbar ta' flus (EUR 19 990 492.26)
-Jistieden lill-Awtorità ssaħħaħ il-proċeduri baġitarji marbuta mal-approprjazzjonijiet differenzjati tagħha u l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni multiannwali tagħha
-Iħeġġeġ lill-Awtorità ttejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha sabiex tnaqqas l-ammonti kbar ta' riporti tagħha, jenfasizza li l-Qorti tal-Awdituri ssenjalat riporti ta' approprjazzjonijiet għas-sena ta' wara, din is-sitwazzjoni turi dgħufijiet fil-ġestjoni tal-kuntratti u l-monitoraġġ ta-preżentazzjoni tar-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tal-kostijiet tal-Awtorità
-Il-Qorti tal-Awdituri nnotat li l-impenji għal attivitajiet operattivi riportati mis-sena preċedenti kellhom jiġu kkanċellati, iħeġġeġ lill-Awtorità tirrimedja din is-sitwazzjoni u tinnotifika lill-Qorti tal-Awdituri dwar il-miżuri meħuda
-Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat diffikultajiet fl-implimentazjzoni tal-programm ta' ħidma 2009, jistieden lill-Awtorità tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirmedja dawn in-nuqqasijiet
Ir-riżorsi umani
-L-ebda objettiv ta' reklutaġġ realistiku
-L-Awtorità rnexxielha tilħaq l-objettivi ta' reklutaġġ tagħha u timla 273 mit-300 post fl-organigramma tagħha: il-verifika tal-proċeduri tar-reklutaġġ uriet li ġeneralment la l-ippeżar tal-kriterji tal-għażla li għandhom jiġu applikati u lanqas ir-riżultati minimi biex wieħed jgħaddi għall-istadju li jmiss tal-kompetizzjonijiet ma kienu ġew deċiżi mill-bord tal-għażla qabel l-iskadenza stabbilita fl-avviż dwar il-postijiet vakanti
n.a.
n.a.
Il-verifika interna
n.a.
n.a.
-20 mill-25 rakkomandazzjoni (80%) li saru mill-IAS u mill-IAC ġew implimentati
-Huwa preokkupat li mit-48 rakkomandazzjoni, waħda titqies bħala kritika, 27 jitqiesu bħala importanti ħafna u 20 jitqiesu bħala importanti iżda ma ngħatat l-ebda informazzjoni lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-kontenut ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, iħeġġeġ lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità jipprovdi din l-informazzjoni
-Itenni t-talba tiegħu biex l-Awtorità tieħu miżuri xierqa f'każijiet ta' kunflitti ta' interess, jistieden lill-Awtorità tniedi stħarriġ dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali tax-xjentisti ewlenin, kif ukoll tal-membri tal-bordijiet u tal-panels tagħha, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati omissjonijiet fid-dikjarazzjonijiet ta' interess u mbagħad tittieħed azzjoni f'waqtha