Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2308(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0143/2012

Testi mressqa :

A7-0143/2012

Dibattiti :

PV 21/05/2012 - 17
CRE 21/05/2012 - 17

Votazzjonijiet :

PV 22/05/2012 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0207

Testi adottati
PDF 129kWORD 82k
It-Tlieta, 22 ta' Mejju 2012 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea
P7_TA(2012)0207A7-0143/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2012 dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea (2010/2308 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Kapitoli 1, 2, 4 u 5 tat-Titlu V (Iż-Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 2010 dwar l-istabbiliment ta' Kumitat Permanenti għall-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna (COSI)(1) ,

–   wara li kkunsidra “Il-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sikura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma” (COM(2010)0171),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea (“Lejn Mudell Ewropew ta' Sigurtà”) kif adottata mill-Kunsill fil-25 u s-26 ta' Frar 2010,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea Kontra t-Terroriżmu kif adottata mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u l-Kunsill bl-isem “L-Istrateġija tas- Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura” (COM(2010)0673),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bl-isem “L-ewwel Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE” (COM(2011)0790),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bl-isem “It-Tisħiħ tas-Sigurtà Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika u Nukleari fl-Unjoni Ewropea – Pjan ta' Azzjoni CBRN tal-UE” (COM(2009)0273),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u l-25 ta' Frar 2011 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea fl-azzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 u d-9 ta' Novembru 2010 dwar il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' ċiklu ta' politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bejn l-2011 u l-2013,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) tas-17 ta' Diċembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura”,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT 2011) ,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddid mill-Kriminalità Organizzata fl-UE (OCTA 2011),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tal-2003(2) u r-rapport tal-2008 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni tagħha(3) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-programm ta' Stokkolma”(4) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea(5) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(6) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu“: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur”(7) ,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea u dik kostituzzjonali nazzjonali relevanti li tittratta l-kriterji ta' proporzjonalità u l-ħtieġa biex din tiġi rrispettata mill-awtoritajiet pubbliċi f'soċjetà demokratika,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0143/2012),

A.  billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona l-Unjoni kkonsolida iktar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tas-sistemi legali u t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri; billi l-politiki f'dan l-ispazju huma l-kompetenza komuni tal-Unjoni u l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

B.  billi t-Trattat ta' Lisbona, għalhekk, ffissa b'mod b'saħħtu l-politika ta' sigurtà tal-UE ma' stat tad-dritt tal-UE speċifiku, u stabbilixxa l-pedamenti għall-iżvilupp ta' aġenda ta' sigurtà komuni u mill-qrib fl-UE u l-Istati Membri u soġġetta għal sorveljanza demokratika fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali; billi t-tisħiħ ta' din il-politika għandu jkun ibbażat fuq valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

C.  billi kull politika ta' sigurtà għandha tinkludi aspett ta' prevenzjoni, li huwa partikolarment essenzjali f'perjodu fejn l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali qed jikbru u, b'hekk, qed jipperikolaw l-effettività tad-drittijiet fundamentali;

D.  billi l-Programm ta' Stokkolma enfasizza li għandha tiġi żviluppata Strateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE sabiex tittejjeb aktar is-sigurtà fl-Unjoni, u għalhekk jiġu mħarsa l-ħajja u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u b'mod effettiv jiġu miġġielda l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u theddid ieħor, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, il-prinċipji tal-protezzjoni internazzjonali u l-istat tad-dritt;

E.  billi la l-Istati Membri u lanqas il-Kummissjoni għadhom ma pprevedew rwol għall-Parlament f'dan il-proċess, minkejja d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

F.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-perjodu tal-2010-2014 identifikat ħames żoni ta' prijorità li fihom l-UE tista' tipprovdi valur miżjud, jiġifieri l-ġlieda u l-prevenzjoni tal-kriminalità serja u organizzata, it-terroriżmu, u ċ-ċiberkriminalità, it-tisħiħ tal-ġestjoni ta' fruntieri esterni u l-bini ta' reżistenza għal diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem.

G.  billi l-ewwel rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għaraf li l-ħames objettivi identifikati fl-2010 għadhom validi, u spjega s-sitwazzjoni attwali, il-progress li sar s'issa u t-triq “il quddiem;

H.  billi l-Programm ta' Stokkolma ddikjara li l-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għandhom isiru waħda mill-kompiti prijoritarji tal-Kumitat Permananti għas-Sigrutà Interna [COSI];

1.  Jilqa' x-xogħol li sar sabiex tiġi stabbilita Strateġija ta' Sigurtà Interna u l-prinċipji ewlenin li jsostnu l-Mudell Ewropew ta' Sigurtà kif żviluppat fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, speċjalment fir-rigward tar-relazzjoni msaħħa bejn is-sigurtà, il-libertà u l-privatezza u l-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-miżuri ta' sigurtà u kooperazzjoni tal-UE għandhom josservaw l-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u għandhom jiffokaw fuq infurzar immirat tal-liġi u attivitajiet intelliġenti li taw evidenza li huma kapaċi jnaqqsu r-rati tal-kriminalità u jevitaw l-attakki terroristiċi;

2.  Jenfasizza li l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma objettivi li għandhom jintlaħqu b'mod paralleli u jemmen li l-implimentazzjoni tal-Karta tal-UE għandha tkun il-qalba ta' kwalunkwe Strateġija ta' Sigurtà Interna sħiħa; ifakkar li, sabiex jinkisbu l-libertà u l-ġustizzja, is-sigurtà għandha titfittex dejjem bi qbil mal-prinċipji tat-Trattati, l-istat tad-dritt u l-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni;

3.  Jinnota l-progress li sar mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-kuntest taċ-ċiklu ta' politika tal-UE dwar il-kriminalità organizzata u dik internazzjonali serja bil-ħsieb li jiġu implimentati l-objettivi strateġiċi ġenerali permezz ta' azzjonijiet ibbażati fuq kooperazzjoni intergovernattiva fil-livell operattiv; jemmen, madankollu, li hija neċessarja diviżjoni ċara tal-kompiti ta' bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali, li l-Parlament jeħtieġ li jkun parti mill-proċess fir-rigward tal-gwida għall-politiki, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riżultati, u li fl-2013 għandha ssir valutazzjoni bir-reqqa taċ-ċiklu politiku Ewropew; iqis, barra minn hekk, li fid-dawl tan-natura tiegħu ċ-ċiklu dan għandu jingħata l-isem mill-ġdid ta' “ċiklu operattiv tal-UE”; jistieden lill-Istati Membri biex jevalwaw regolarment il-kumplimentarjetà tal-pjanijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata mal-pjanijiet li għandhom jiġu żviluppati fil-livell Ewropew, u biex janalizzaw ir-riżultati miksuba u l-prospetti futuri minn perspettiva strateġika u operattiva Ewropea li tinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji relevanti tal-UE u l-parlamenti nazzjonali;

4.  Iqis, barra minn hekk, li huwa essenzjali li jiġu provduti riżorsi finanzjarji xierqa fil-qafas multiannwali 2014-2020 għall-implimentazzjoni ta' tali strateġija permezz tal-fond rispettiv;

5.  Ifakkar li l-kompetenza għall-politiki ta' sigurtà hija kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, u li din hija qasam li fih is-sussidjarjetà trid tiġi rispettata; hu tal-fehm li l-qafas tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna jista' jżid mal-valur tal-isforzi tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri f'dan il-qasam permezz ta' approċċ komprensiv u koerenti;

6.  Hu tal-fehma li analiżi komprensiva tal-UE, li tkun ibbażata fuq l-evidenza u fuq l-għarfien, dwar it-theddid li għandu jiġi indirizzat hija prerekwiżit essenzjali għal Strateġija ta' Sigurtà Interna effettiva, u li l-Europol, bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, għandha twettaq tali analizi fl-UE kollha, fuq il-bażi ta' metodoloġija iktar trasparenti u robusta għall-valutazzjoni tat-theddid u filwaqt li tistrieħ fuq kontribuzzjonijiet komprensivi mill-Istati Membri;

7.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew issa huwa attur istituzzjonali sħiħ fil-qasam tal-politika ta' sigurtà, u huwa għalhekk intitolat li jipparteċipa b'mod attiv fid-determinazzjoni tal-aspetti u l-prijoritajiet tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna u tal-Mudell Ewropew tas-Sigurtà u fl-evalwazzjoni ta' dawk l-istrumenti, anke permezz ta' eżerċizzji regolari ta' monitoraġġ fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, li għandhom jitwettqu b'mod konġunt mill-PE, il-parlamenti nazzjonali u l-Kunsill skont l-Artikoli 70 u 71 tat-TFUE u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-COSI;

8.  Japprova, f'dan ir-rigward u fuq il-bażi tal-kooperazzjoni eżistenti bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, l-idea ta' “ċiklu ta' politika parlamentari” – li għandu jkun sinkronizzat bir-reqqa ma', fost affarijiet oħra, ir-rapportar annwali tal-Kummissjoni f'dan il-qasam – u jikkonkludi b'rapport parlamentari annwali dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-koerenza u s-sinerġiji bejn l-aspetti interni u esterni tas-sigurtà, u jissottolinja l-importanza li jkun żgurat li l-miżuri u l-azzjonijiet li jimplimentaw l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna jkunu konformi mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat UE, u mal-objettivi tal-politika esterna tagħha kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat UE, kif ukoll mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; jieħu nota tal-Karta Konġunta dwar it-tisħiħ tal-irbit bejn l-atturi tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) u tal-libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja u l-azzjonijiet imsemmija fil-Pjan Direzzjonali; jenfasizza l-importanza ta' skambju xieraq ta' informazzjoni, konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-atturi kollha relevanti, kif ukoll ta' soluzzjonijiet immirati lejn l-antiċipazzjoni tal-avvenimenti iktar milli r-reazzjoni tagħhom; jistenna bil-ħerqa r-riżultat tal-ħidma li saret fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma dwar il-kumplimentarjetà bejn l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tal-UE fid-dimensjoni esterna tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, kif ukoll azzjonijiet fid-dawl tal-possibilità li l-Istrateġija ta' Sigurtà Esterna tal-UE tiġi aġġornata;

10.  Jenfasizza li l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna kollha, għaż-żmien twil, għandha tikkonċentra aktar fuq ir-rabta ċara bejn it-theddid estern u n-nuqqas jew l-użu mhux effiċjenti ta' strateġiji u miżuri li jistgħu jikkostitwixxu element qawwi ta' prevenzjoni mit-theddid għas-sigurtà, bħall-għajnuna għall-iżvilupp immirata, l-istrateġiji ta' tnaqqis tal-faqar jew pjanijiet ta' rimedju għal diżastri naturali jew diżastri kkawżati mill-bniedem;

11.  Jieħu nota tad-definizzjoni tal-ħames żoni ewlenin li għalihom ġew proposti azzjonijiet konkreti differenti fil-livelli tal-UE u f'dak tal-Istati Membri; Iqis li dawn l-objettivi mhumiex eżawrjenti, u li l-ordni tal-prijoritajiet seta' kien strutturat aħjar; jenfasizza l-fatt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata hija u għandha tibqa' prijorità ewlenija fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna; iqis li l-kwistjoni tar-reżistenza għal diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem, inklużi n-nuqqasijiet fl-infrastruttura kritika, għandhom jiġu indirizzati wkoll; jinnota, madankollu, li ma tidhirx li hi ħaġa ġġustifikata b'mod sħiħ jew li hi xierqa li tittieħed azzjoni fil-qasam tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali – kwistjoni li hija parti minn dibattitu speċifiku profond – fi ħdan il-qafas tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna;

12.  Jemmen li l-kriminalità organizzata, fil-forom kollha tagħha inklużi l-mafji, tikkonstitwixxi theddida kbira għal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE, u li l-ġlieda kontriha għandha tibqa' prijorità b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi ta' data u informazzjoni speċifika dwar il-kooperazzjoni eżistenti bejn l-UE u l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-mafji, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-kriminalità professjonali u forom oħra ta' kriminalità organizzata;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipprijoritizzaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-kuntest tal-aġenda dwar is-sigurtà tal-UE, u biex jallokaw ir-riżorsi xierqa, billi jqisu li l-Programm ta' Stokkolma (4.1) jelenka l-korruzzjoni fost it-theddid transnazzjonali li jkompli jisfida s-sigurtà interna tal-Unjoni u li jitlob tweġiba ċara u komprensiva;

14.  Ifakkar fl-importanza li jiġu evitati u miġġielda t-terroriżmu u l-attivitajiet relatati, anke l-finanzjament tagħhom, u jistenna bil-ħerqa l-proposta għal qafas għal miżuri amministrattivi bħall-iffriżar tal-fondi ta' persuni suspettati b'terroriżmu skont l-Artikolu 75 tat-TFUE; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu li jadottaw leġiżlazzjoni speċifika dwar il-vittmi tat-terroriżmu sabiex jirrikonoxxu l-karattru pubbliku tagħhom, u biex jinkludu dispożizzjoijiet iktar dettaljati li jiżguraw protezzjoni, appoġġ u rikonoxximent adegwat;

15.  Iqisha bħala ħaġa ta' importanza kbira li tiġi miġġielda b'mod deċiżiv il-kriminalità ambjentali, ekonomika, u korporattiva, li l-impatt tagħha huwa partikolarment detrimentali għall-kondizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fi żmien ta' kriżi; jiddeploar, f'dan ir-rigward, il-miżuri li ttieħdu minn xi Stati Membri bil-għan li jdgħajfu l-pieni li jissanzjonaw reati f'dawn l-oqsma; jenfasizza wkoll id-diskrepanza bejn il-proposti f'dawn l-oqsma u l-istigmatizzazzjoni ta' ċerti atti ta' delinkwenza anqas importanti;

16.  Jilqa' l-fatt li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità ngħatat prijorità fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, u jenfasizza l-importanza li wieħed jiffoka fuq il-prevenzjoni; jinnota u jappoġġa l-wegħda tal-Kummissjoni li fl-2012 tiżviluppa strateġija Ewropea soprastanti għas-sigurtà tal-internet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità;

17.  Itenni li t-tkabbir tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tal-UE, anke permezz tal-Europol u l-Eurojust kif ukoll permezz ta' taħriġ adegwat, huwa kritiku għal Strateġija ta' Sigurtà Interna xierqa, u li dan għandu jinvolvi l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħmlu dan prijorità għall-Istrateġija ta' Sigurtà Interna; jitlob ukoll li jkun hemm strumenti legali xierqa u konsistenti li jiffaċilitaw l-użu tal-evidenza;

18.  Jenfasizza l-kontribut tal-missjonijiet tal-PSDK għat-trawwim tar-rispett għall-istat tad-dritt, u għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-UE u fid-dinja kollha, biex b'hekk jgħinu biex jiġi evitat il-falliment ta' stat u biex jiġu eliminati l-postijiet tal-kenn għall-attivitajiet kriminali u terroristiċi transnazzjonali;

19.  Jiddispjaċih li, f'rabta ma' dan, l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għad m'għandhiex “dimensjoni ta' ġustizzja”; ifakkar, b'konformità mal-Programm ta' Stokkolma, li l-fiduċja reċiproka għandha tissaħħaħ billi tiġi żviluppata progressivament kultura ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq id-diversità tas-sistemi legali u fuq l-unità permezz tal-liġi Ewropea, u li s-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħdmu flimkien b'mod koerenti u effettiv, bi qbil mat-tradizzjonijeit legali nazzjonali tagħhom; jemmen li l-istabbiliment ta' sett ta' prijoritajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja għandu jitqies fil-kuntest tar-rabta mill-qrib bejn id-dimensjonijiet kollha tal-Ispazju li jinstab fit-Titlu V tat-TFUE, jiġifieri l-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni xierqa tal-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ma' pajjiżi terzi;

20.  Jemmen li, fir-rigward tar-rabtiet bejn is-sigurtà interna u esterna, il-kooperazzjoni tal-UE ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħan-NATO u l-OSKE għandha tiġi promossa iktar;

21.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità għall-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, li l-objettivi u l-għodda tagħha għandhom jiġu evalwati b'mod xieraq kif indikat fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar “il-linja politika tal-UE Kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur”; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-politiki ta' prevenzjoni u protezzjoni għandhom jingħataw prijorità akbar, flimkien mal-prosekuzzjoni u r-reazzjoni; hu tal-fehma, f'dan il-kuntest, li huwa meħtieġ iffukar aħjar fuq l-infurzar immirat tal-liġi u fuq attivitajiet tal-intelliġenza b'kapaċità ppruvata li jevitaw l-attakki terroristiċi u li jitwettqu skont il-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-osservanza tad-drittijiet fundamentali u fuq il-bażi ta' sorveljanza u kontabilita xierqa; ifakkar li dan hu essenzjali jekk l-UE għandha tkun attur kredibbli fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali kemm internament kif ukoll esternament;

22.  Iqisha bħala ħaġa kruċjali li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' prevenzjoni, b'mod partikolari sabiex jippermettu l-intraċċar bikri ta' sinjali ta' radikalizzazzjoni vjolenti jew theddid, inklużi theddid minn estremisti vjolenti u militanti; ifakkar fl-importanza ta' azzjonijiet diretti lejn il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti f'popolazzjonijiet vjolenti, u jistenna bil-ħerqa l-ħidma futura tan-Netwerk tal-UE għat-Tqajjim ta' Kuxjenza dwar ir-Radikalizzazzjoni, bil-missjoni tiegħu li jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien u t-tqajjim tal-kuxjenza u li jidentifika soluzzjoijiet innovattivi;

23.  Jirrikonoxxi l-enfasi fuq is-sigurtà tal-fruntieri fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, iżda jemmen li l-ġestjoni tal-fruntieri u l-mobilità tal-bniedem mhumiex biss kwistjonijiet ta' sigurtà iżda aspetti ewlenin ta' strateġija politika aktar wiesgħa li tinvolvi kemm id-dimensjoni ta' sigurtà kif ukoll l-poltiki tal-immigrazzjoni, l-asil u l-impjiegi fil-livell tal-UE u politiki li jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u demokratiku u li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi; jenfasizza, barra minn hekk, li s-sigurtà għandha tiġi mħarsa fuq il-bażi ta' rispett lejn il-kisbiet tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt tal-moviment liberu bejn il-fruntieri interni;

24.  Itenni l-importanza li tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-Istati Membri rigward il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, u jenfasizza li l-kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ġirien li jikkondividu l-fruntieri mal-UE hija essenzjali biex ikun faċilitat il-moviment liberu u jitjiebu s-solidarjetà u s-sigurtà fil-fruntieri esterni; jenfasizza li l-introduzzjoni gradwali tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għandha timmira li tiffaċilita l-ivvjaġġar;

25.  Hu tal-fehma, għalhekk, li l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għandha tirrifletti aktar il-viżjoni tal-Programm ta' Stokkolma, u iqisha bħala ħaġa espedjenti li tinbeda reviżjoni parlamentari ta' nofs it-terminu tal-Programm ta' Stokkolma qabel it-tmiem tal-2013 sabiex jiġu valutati l-prijoritajiet strateġiċi, leġiżlattivi u finanzjarji tiegħu; iqis ukoll li hija meħtieġa valutazzjoni kumplimentari fir-rigward tal-aġenziji Ewropej relevanti li qed jiġu attwalment “Lisbonizzati” (il-Europol, il-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew), flimkien ma' aġenziji u korpi oħrajn; ifakkar li l-azzjonijiet u l-operazzjonijiet tal-aġenziji jridu jikkonformaw mal-mandat tagħhom kif definit fid-deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tagħhom, u jridu jirrispettaw il-valuri u l-prinċipji demokratiċi u l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

26.  Ifakkar li l-ipproċessar u l-ġbir ta' data personali fil-qafas tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna f'kull ċirkostanza jridu jkunu konformi mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-UE, speċjalment dawk ta' neċessità, proporzjonalità u legalità, u mal-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE f'dan il-qasam; jilqa' l-proposti dwar il-protezzjoni tad-data mressqa mill-Kummissjoni fil-25 ta' Jannar 2012 imma huwa tal-fehma li l-proposta għal direttiva fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materja kriminali u l-infurzar tal-liġi jridu jkunu iżjed ambizzjużi u jridu jipprevedu salvagwardji iktar b'saħħithom, speċjalment fid-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-ħolqien ta' profili u l-ipproċessar awtomatiku;

27.  Jafferma mill-ġdid, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal sorveljanza demokratika xierqa u ta' evalwazzjoni tal-ħidma tal-aġenziji tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-linja diviżorja “ta” bejn il-konsulenza politika u t-tfassil attwali tal-politika' ma tibqax ċara fir-rigward ta' dawk l-aġenziji;

28.  Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jippreżentaw il-proposta tagħhom – ippjanata għall-2011 – dwar l-implimentazzjoni tal-klawsola ta' solidarjetà, li m'għandiex tkun duplikazzjoni tal-inizjattivi eżistenti, iżda għandha minflok tiddefinixxi l-qafas għall-użu u l-koordinazzjoni tal-istrumenti tal-UE u nazzjonali disponibbli, inkluża l-PSDK, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 222 tat-TFUE; huwa tal-fehma li huwa biss bil-medda kollha tal-possibilitajiet miftuħa permezz tal-implimentazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri kollha li l-UE ser tkun ippreparata biex tevita kwalunkwe theddida għas-sigurtà ta' Stat Membru wieħed jew aktar u tirreaġixxi b'mod sikur u kkoordinat għaliha.

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 52, 3.3.2010, p. 50.
(2) “Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar – Strateġija Ewropea ta' Sigurtà”, approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell fit-12 ta' Diċembru 2003 u mfassal taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Javier Solana.
(3) “Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà – Nipprovdu Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel”, S407/08.
(4) ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 12.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0459.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0388.
(7) Testi adottati, P7_TA(2011)0577.

Aġġornata l-aħħar: 1 t'Awissu 2013Avviż legali