Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2155(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0153/2012

Testi mressqa :

A7-0153/2012

Dibattiti :

PV 21/05/2012 - 14
CRE 21/05/2012 - 14

Votazzjonijiet :

PV 22/05/2012 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0211

Testi adottati
PDF 138kWORD 91k
It-Tlieta, 22 ta' Mejju 2012 - Strasburgu Verżjoni finali
It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern
P7_TA(2012)0211A7-0153/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern (2011/2155(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra t-23 Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern, ippubblikata mill-Kummissjoni (SEC(2011)1128),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2012 bl-isem “Nagħmlu Suċċess mis-Suq Uniku – Kontroll Annwali fuq il-Governanza 2011”,

–  wara li kkunsidra t-22 Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern, ippubblikata mill-Kummissjoni (SEC(2011)0372),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2012 bl-isem “It-tisħiħ tas-soluzzjoni effettiva tal-problemi fis-Suq Uniku – Nisfruttaw il-potenzjal tas-SOLVIT fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tiegħu”,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012 bl-isem “Lejn konsolidazzjoni favur it-tkabbir u tkabbir favur l-impjiegi” rigward il-governanza tas-suq uniku u l-impenn għal “implimentazzjoni malajr u sħiħa fil-livell nazzjonali” ta' dak li l-Istati Membri diġà qablu dwaru, biex jitwassal il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2010 dwar l-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-netwerk SOLVIT (SEC(2011)0229),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bl-isem “L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja. Naħdmu flimkien biex noħolqu tkabbir ġdid” (SEC(2011)0467),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2011 bl-isem “Lejn Att dwar is-Suq Uniku. Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin” (COM(2010)0608),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Krakow, approvata waqt il-Forum għas-Suq Uniku,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Is-suq uniku f'għajnejn in-nies: Ħarsa lejn l-20 tħassib ewlieni taċ-ċittadini u n-negozji” (SEC(2011) 1003),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja. Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar il-funzjonament tal-Proġett “UE Pilot” (COM(2010)0070),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-Trattat (SEC(2010)1371),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku(1) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini(2) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-9 ta' Marzu 2010 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern(3) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tagħha tad-9 ta' Marzu 2010 dwar is-SOLVIT(4) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Professur Mario Monti bl-isem “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku li taqdi l-ħtiġijiet tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-Ewropa”,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill (Kompetittività – is-Suq Intern, l-Industrija, ir-Riċerka u l-Ispazju) tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar “l-Att dwar is-Suq Uniku”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0153/2012),

A.  billi l-importanza ta' suq intern li jiffunzjona ġiet enfasizzata waqt l-ewwel Forum tas-Suq Uniku (2-4 ta' Ottubru 2011, Krakow, Polonja) u b'mod partikolari fid-Dikjarazzjoni ta' Krakow, u fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar ir-riżultati tal-Forum tas-Suq Uniku(5) li fiha s-suq uniku hu deskritt bħala l-iżjed għodda b'saħħitha sabiex tqiegħed l-Ewropa lura fi triqitha lejn it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

B.  billi s-suq intern ma jistax jaħdem b'mod xieraq mingħajr it-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tad-direttivi li jikkontribwixxu għall-funzjonament tiegħu;

C.  billi huwa essenzjali li l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tas-suq intern fil-liġi nazzjonali mhux biss fil-ħin, iżda wkoll korrettament, u billi n-nuqqas ta' konformità minn Stat Membru wieħed ifixkel l-interessi ekonomiċi mhux biss ta' dak l-Istat iżda tal-Unjoni fit-totalità tagħha;

D.  billi mhuwiex biżżejjed li jiġu trasposti d-direttivi Ewropej fil-pront u korrettament, peress li l-implimentazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE hija wkoll ta' importanza kbira;

E.  billi l-pubblikazzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern għenet b'mod konsistenti biex issaħħaħ it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku billi pprovdiet data oġġettiva u sostantiva dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli mill-Istati Membri; iqis madankollu li xi Stati Membri għadhom qed jonqsu milli jissodisfaw l-objettivi tagħhom ta' traspożizzjoni korretta u fil-waqt tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-liġi nazzjonali u, għalhekk, id-data oġġettiva għandha tibqa' fil-qalba tal-eżerċizzju tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern permezz ta' monitoraġġ sistematiku u indipendenti; billi għandu jiġi adottat approċċ iżjed kwalitattiv li jħares lil hinn mill-figuri u jidentifika r-raġunijiet għal dan id-defiċit;

F.  billi għalkemm it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern u t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur huma użati f'kuntesti differenti u għandhom metodoloġiji differenti b'ambiti differenti u settijiet differenti ta' indikaturi, jaqsmu l-għan globali li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern;

G.  billi Malta għandha l-aħjar rekord fit-traspożizzjoni puntwali tad-Direttivi tal-UE u l-Belġju jinsab fil-qiegħ tal-klassifika, wara li żied l-ammont tiegħu ta' direttivi li kellhom jiġu trasposti, liema ammont diġà kien sostanzjali ħafna;

H.  billi l-Estonja biss tat riżultat tajjeb fl-oqsma kollha tal-hekk imsejjaħ “kontroll tas-saħħa tas-suq intern”;

I.  billi għalkemm pajjiżi b'amministrazzjonijiet żgħar għandhom riżorsi limitati biex ilaħħqu mat-traspożizzjoni ta' dossiers leġiżlattivi kumplessi, Stati Membri żgħar bħal Malta madankollu rnexxielhom jilħqu d-dati ta' skadenza għat-traspożizzjonijiet;

J.  billi l-medja attwali tad-defiċit ta' 1,2 % għal darba oħra hija iżjed mill-mira ta' 1 % maqbula mill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet fl-2007, jiddispjaċih dwar ix-xejra li kulma jmur qed tikber ta' defiċits akbar ta' traspożizzjoni, iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddedikaw aktar riżorsi biex ireġġgħu lura din ix-xejra, filwaqt li jinnota li ħafna Stati Membri naqqsu n-numru ta' direttivi li għad iridu jiġu trasposti;

K.  billi 85 direttiva għadhom mhux trasposti f'mill-inqas Stat Membru wieħed (il-fattur ta' frammentazzjoni huwa ta' 6 %) u għaldaqstant ma jistgħux jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom fis-suq uniku;

L.  billi żewġ direttivi jinsabu iżjed minn sentejn tard mid-data tal-iskadenza tat-traspożizzjoni tagħhom, bi ksur dirett tal-mira ta' “tolleranza żero” stabbilita mill-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvernijiet fl-2007;

M.  billi n-numru ta' direttivi trasposti b'mod inkorrett għadu f'medja ta' 0,8 %, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni indikat fl-Att dwar is-Suq Uniku l-ħtieġa għal politika ta' defiċit ta' konformità ċara u determinata;

N.  billi fl-aħħar ftit xhur kienu sa sebgħa l-Istati Membri li waqgħu aktar lura fit-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE;

O.  billi hemm bżonn ta' informazzjoni iżjed preċiża dwar il-kwalità tat-traspożizzjoni;

P.  billi kwalità aħjar fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni adottata tista' tgħin biex jitnaqqas id-dewmien fit-traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE;

Q.  billi t-Trattat ta' Lisbona introduċa għall-ewwel darba l-possibbiltà ta' multi immedjati imposti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f'każ ta' nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri tat-traspożizzjoni;

R.  billi l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jeħtieġu li jaħdmu iżjed biex jiddefinixxu, jikkomunikaw u jgħinu liċ-ċittadini biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom, għax dan jippermetti wkoll li s-suq intern jaħdem aħjar;

S.  billi, meta r-regoli tas-suq intern jiġu applikati ħażin, in-nuqqas ta' sistemi ta' rimedju effettiv jista' jfixkel l-effettività tad-drittijiet taċ-ċittadini billi jobbligahom li jibdew proċeduri ġudizzjarji twal u li jieħdu ż-żmien sabiex jiddefendu ruħhom;

T.  billi għandu jkun hemm skambju ħieles tal-aħjar prattiċi u informazzjoni fost l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni korretta tar-regoli tas-suq intern u fost dawk inkarigati mir-rimedju f'każ ta' applikazzjoni ħażina;

U.  billi n-netwerk SOLVIT inħoloq mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-2002 bl-għan li jiġu riżolti problemi li jqumu għaċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-applikazzjoni ħażina tal-liġi tas-suq intern;

V.  billi s-SOLVIT huwa netwerk onlajn li jsolvi l-problemi li fihom l-Istati Membri tal-UE (kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) jaħdmu flimkien biex isolvu, mingħajr proċeduri legali, problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji u li huma kkawżati mill-applikazzjoni ħażina tal-liġi tas-suq intern mill-awtoritajiet pubbliċi;

W.  billi s-SOLVIT hija sistema li kellha suċċess li tipprovdi rimedju informali fi żmien medju ta' 10 ġimgħat, u billi s-suċċess tas-SOLVIT fir-riżoluzzjoni tal-problemi tas-suq intern jista' jservi bħala mudell tal-aħjar prattika għal Servizzi ta' Assistenza tas-Suq Intern oħra;

X.  billi huwa importanti li jiġu kkonsolidati u żviluppati iżjed il-preżenza u l-kapaċitajiet tas-SOLVIT fil-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex jiġu garantiti l-effiċjenza massima u l-aħjar riżultati;

Y.  billi s-SOLVIT għandu jkun kumplementari għall-ħidma legali tal-Kummissjoni dwar il-proċedimenti rigward ksur billi jwissi lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwistjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE fl-Istati Membri;

Z.  billi l-Kummissjoni qed tipprepara strateġija ġdida biex issaħħaħ is-SOLVIT;

Bini tal-qafas regolatorju tas-suq intern

1.  Jilqa' t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern u s-SOLVIT bħala għodod importanti, minkejja li huma ta' natura differenti, li bihom jiġu mmonitorjati u identifikati l-problemi fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, iżda wkoll biex jiġu identifikati l-lakuni u l-konġestjonijiet fis-suq uniku, bil-ħsieb li tiġi mħeġġa azzjoni għal funzjonament aħjar tas-suq intern;

2.  Jafferma li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni puntwali u korretti tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern huma prerekwiżit kruċjali għas-suċċess tas-suq intern, li min-naħa tiegħu huwa elementi ewlieni li jixpruna livell ogħla ta' kompetittività u tkabbir, b'mod speċjali fi żmien ta' kriżi ekonomika;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għaqqdet it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern, l-Ewropa tiegħek, Pariri tal-Ewropa tiegħek, SOLVIT, IMI u r-rapporti tal-punti ta' kuntatt uniku f'rapport wieħed komprensiv, il-Kontroll Annwali fuq il-Governanza, li jippermetti valutazzjoni olistika u faċli biex taqraha tal-funzjonament tas-suq uniku;

4.  Iqis li monitoraġġ kostanti u frekwenti tal-progress magħmul mill-Istati Membri huwa wieħed mill-fatturi ewlenin biex jiġu mħeġġa sabiex iżidu l-isforzi tagħhom; jilqa“, f'dan ir-rigward, it-tħabbira tal-Kummissjoni li se tibqa” tiġi ppubblikata Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern distinta kull sena fis-Sajf jew fiż-żmien qaribu; jinnota bi tħassib, madankollu, li r-rapporti separati għal kull element differenti tal-Kontroll Annwali fuq il-Governanza jistgħu jbiegħdu l-attenzjoni mill-approċċ olistiku, u jiddevjaw l-isforzi tas-servizzi tal-Kummissjoni lejn ir-rappurtar iktar milli lejn is-soluzzjoni tal-problemi enfasizzati fil-Kontroll Annwali fuq il-Governanza;

5.  Jitlob li l-Kunsill jimpenja ruħu biex ikompli jnaqqas id-defiċit tat-traspożizzjoni u jistabbilixxi miri ta' traspożizzjoni u implimentazzjoni li fl-istess waqt ikunu iżjed stretti iżda wkoll iżjed realistiċi sabiex jilħquhom l-Istati Membri;

6.  Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu bis-serjetà d-direttivi li jkunu għendu biex jiġu mfassla u jissodisfaw b'mod effettiv l-obbligi tagħhom stabbiliti bit-Trattati tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jilqa' l-fatt li ġie rreġistrat progress konsiderevoli fit-tnaqqis tal-għadd ta' direttivi li ilhom pendenti u jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu l-isforzi pożittivi tagħhom f'dan ir-rigward;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern biex jikkunsidraw kif se jtejbu l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif l-aħjar li jiskambjaw l-aħjar prattiki u kif jenfasizzaw mekkaniżmi ta' suċċess li jkunu ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikklassifika ksur pendenti fit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern skont dak li jista' jiġi faċilment riżolt u ksur li jwassal għal nuqqas ta' qbil ċar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu biex jidentifikaw ir-raġunijiet sottostanti għal dan in-nuqqas ta' qbil, u biex ikomplu jeliminawhom; jitlob lill-Kummissjoni, f'każijiet partikolarment kontroversjali, tipproponi modifiki għal-leġiżlazzjoni tal-UE fejn ikun xieraq, biex issolvi kwistjonijiet kontroversjali ta' interpretazzjoni;

10.  Jieħu nota tas-suċċess tal-Kummissjoni bl-EU Pilot; iwissi, madankollu, li filwaqt li dan seta' wassal għal numru inqas ta' każijiet ta' ksur, jista' jħalli lill-Kummissjoni titratta l-iktar każijiet diffiċli fil-proċedimenti formali ta' ksur, li jista' jkun ukoll il-kawża ta' iżjed dewmien tal-każijiet ta' ksur; jibża' li dan se jwassal f'iżjed dewmien fir-risolviment tal-lakuni fis-suq intern;

11.  Jinnota li kważi 50 % tal-proċedimenti ta' ksur pendenti li jirrigwardaw is-Suq Intern jirrelataw mal-oqsma tat-tassazzjoni u l-ambjent; jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lit-traspożizzjoni u lill-implimentazzjoni aħjar u aktar fil-ħin tar-regoli tal-UE f'dawn iż-żewġ oqsma;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ksur tal-liġi tal-UE jiġi segwit malajr bi proċeduri ta' ksur; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċedura ta' ksur li tista' titwettaq malajr u taħsibha tistabbilixxix korp indipendenti fi ħdan il-Kummissjoni li jkun responsabbli biex iwettaq il-prosekuzzjni tal-kawżi ta' ksur tas-suq intern u biex isegwi l-proċedimenti ta' ksur wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel iżjed użu mis-SOLVIT bħala l-ewwel punt ta' referenza għall-ilmenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni ħażina tal-liġi tal-UE f'kuntest transkonfinali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li jingħata segwitu xieraq lill-każijiet li ma jkunux jistgħu jiġu solvuti mis-SOLVIT;

14 Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE billi tiżviluppa għodda ġdida bħal linji gwida dwar it-traspożizzjoni u uffiċċju ta' informazzjoni dwar it-traspożizzjoni;

15.  Jinnota li d-dewmien medju tal-proċeduri ta' ksur hu twil wisq u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni effettiva sabiex tnaqqas dan id-dewmien; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar din l-azzjoni;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora metodi ġodda kif tiżgura l-applikazzjoni puntwali u sħiħa tas-sentenzi u l-proċeduri tal-Qorti mill-Istati Membri;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissupplimenta t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern bi kriterji addizzjonali ġodda, mingħajr ma jkun hemm dannu għall-faċilità ta' qari tagħha, sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni attwali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern, l-iżvilupp tat-tqassim tal-proċeduri ta' ksur miftuħa għal kull settur mit-Tabella ta' Valutazzjoni preċedenti “l hawn, kif ukoll biex tipproponi valutazzjoni tar-raġunijiet għall-bidliet l-aktar sinifikanti f'termini ta' numru ta' proċeduri miftuħa;

19.  Jistieden lill-Istati Membri biex iġeddu l-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-ilħuq tal-miri; jafferma li t-tlestija tas-suq intern bi traspożizzjoni aħjar u iżjed puntwali ta' leġiżlazzjoni eżistenti u ġdida hija mod effettiv ta' kif tikkombatti l-kriżi ekonomika;

20.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ikomplu jnaqqsu d-dewmien fit-traspożizzjonijiet sabiex jilħqu l-mira ta' 1 %; jinnota li għandha tingħata attenzjoni u prijorità speċjali lil direttivi li l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali skadiet b'aktar minn sena, biex id-dewmien fit-traspożizzjoni jiġi mtejjeb b'mod sinifikanti;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar l-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 260(3) tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-possibbiltà għall-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex timponi multi immedjati fil-prim'istanza f'każijiet fejn l-Istati Membri jinstabu li jkunu naqsu mill-obbligu tagħhom li jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi evalwazzjonijiet ta' sejbiet bħala segwitu għal petizzjonijiet lill-Parlament dwar problemi fis-suq uniku u biex tgħaqqadhom fil-Kontroll Annwali fuq il-Governanza; jenfasizza li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-proċess ta' petizzjonijiet sabiex jittejjeb il-proċess leġiżlattiv tal-UE b'tali mod li joqrob aktar lejn iċ-ċittadini;

23.  Jinnota li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ta lill-Parlament Ewropew iżjed setgħat sabiex jistruttura u jeżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni tal-UE; jitlob li s-sejbiet tat-Tabella jidhru fid-djalogu strutturat bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tabelli ta' korrelazzjoni jsiru pubbliċi, tinsisti biex l-Istati Membri jaċċettaw b'mod formali t-tnaqqis fil-miri numeriċi li jillimitaw id-defiċit ta' traspożizzjoni u konformità għal-leġiżlazzjoni nazzjonali għal 0,5 % għad-defiċit ta' traspożizzjoni u 0,5 % għad-defiċit ta' konformità rispettivament, u tiżgura applikazzjoni iżjed effettiva tal-proċeduri ta' ksur permezz ta' miri numeriċi marbuta mal-istadji tal-proċedura, peress li, kif identifikat il-Kummissjoni fl-Att dwar is-Suq Uniku, dawn huma meħtieġa għal implimentazzjoni bir-reqqa u komprensiva tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku;

25.  Jitlob lill-Istati Membri biex jipprovdu b'mod sistematiku tabelli ta' korrelazzjoni xierqa li jistabbilixxu kif id-direttivi tas-suq intern jiġu applikati fir-regolamenti nazzjonali;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri biex ittejjeb il-kwalità tal-abbozzar fil-leġiżlazzjoni Ewropea; jilqa' l-isforzi ddedikati għat-tfassil aħjar u b'mod iżjed intelliġenti tal-liġijiet u jħeġġeġ lit-tliet istituzzjonijiet involuti fil-proċess leġiżlattiv sabiex b'mod kostanti jagħmlu ħilithom biex itejbu l-kwalità tal-leġiżlazzjoni li jipproduċu flimkien;

Twassil tas-suq intern għan-negozji u ċ-ċittadini

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issib modi kif iżżid il-koordinazzjoni u ttejjeb il-kooperazzjoni prattika bejn l-għodda eżistenti bħas-SOLVIT, is-Servizz tal-Informazzjoni għaċ-Ċittadin, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u s-Servizz Ewropew tax-Xogħol, l-IMI, in-netwerk ta' informazzjoni Europe Direct u l-punti ta' kuntatt uniku biex tevita d-duplikazzjoni ta' sforzi u riżorsi u b'hekk tikseb ġestjoni aktar effikaċi;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi modi kif għodda bħas-SOLVIT tiġi integrata aħjar mal-proċess tal-petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

29.  Jenfasizza li, matul is-snin, in-netwerk tas-SOLVIT wera li kien sempliċi, rapidu u kosteffikaċi biex isolvi l-problemi li jolqtu liċ-ċittadini u lin-negozji marbuta mal-applikazzjoni ħażina tar-regoli tas-suq uniku; jinnota madankollu li n-netwerk tas-SOLVIT jibqa' frammentat ħafna u mhux użat biżżejjed; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffoka iżjed sforzi fuq it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-persunal impjegat fin-netwerks tas-SOLVIT;

30.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċentri SOLVIT ikollhom biżżejjed persunal u li jkun hemm il-livell meħtieġ ta' koordinazzjoni u komunikazzjoni mal-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll mas-servizzi differenti tal-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jiġu implimentati; jistieden lill-Kummissjoni biex timmodernizza r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 dwar il-prinċipji għall-użu tas-“SOLVIT” – in-netwerk għas-soluzzjoni tal-problemi relatati mas-suq intern, b'konformità ma' dak li ġie propost fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Ir-rinfurzar tas-soluzzjoni effettiva tal-problemi fis-suq uniku”;

31.  Jinnota li l-proċeduri kkumplikati tas-sigurtà soċjali huma parti mit-tħassib ewlieni taċ-ċittadini li jiskoraġġixxi l-mobilità tal-ħaddiema fl-Ewropa; jitlob li jiġu allokati aktar riżorsi tas-SOLVIT sabiex dawn jintużaw biex jiġu trattati każijiet relatati mas-sigurtà soċjali;

32.  Jenfasizza l-importanza tal-involviment tas-sħab assoċjati fil-qafas tas-SOLVIT, b'mod partikolari bil-ħsieb li jittaffa l-piż taċ-ċentri tas-SOLVIT; jenfasizza li l-kooperazzjoni mas-sħab assoċjati tat prova li kienet effikaċi fil-passat, inter alia minħabba l-kuntatt dirett tagħhom maċ-ċittadini u mal-impriżi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura li l-aċċess tas-sħab assoċjati għas-SOLVIT jinżamm għalkollox;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex toffri liċ-ċittadini u lin-negozji pakkett virtwali integrat ta' tagħrif u servizzi ta' għajnuna, b'mod partikolari billi tiżviluppa iżjed il-portal L-Ewropa Tiegħek bħala l-uniku portal onlajn għat-tagħrif u l-għajnuna kollha; jinnota, madankollu, l-importanza tal-kuntatt uman dirett u f'dan ir-rigward jissuġġerixxi li jikkumplimenta dawn l-isforzi b'punt ta' kuntatt f'ħin reali uniku għaċ-ċittadini u l-konsumaturi permezz tal-uffiċċji rappreżentattivi tal-Kummissjoni f'kull Stat Membru; huwa tal-fehma li jekk jinġiebu flimkien uffiċjali ta' kuntatt mis-SOLVIT, is-Servizz tal-Informazzjoni għaċ-Ċittadin, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u s-Servizz Ewropew tax-Xogħol fi ħdan l-uffiċċji rappreżentattivi jintlaħaq dan l-għan, kif ukoll li dan iwassal għal koordinazzjoni u koeżjoni aħjar;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni sabiex jippromwovu l-portal L-Ewropa Tiegħek fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u sabiex jiżviluppaw kooperazzjoni bejn L-Ewropa Tiegħek u l-websajts tal-amministrazzjonijiet nazzjonali;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu aktar il-punti ta' kuntatt uniku (PSC) u jipprovdu liċ-ċittadini b'informazzjoni b'mod ċar u prattiku, billi jiżguraw u jieħdu vantaġġ sħiħ ta' sinerġiji fil-qasam tal-informazzjoni fil-livell Ewropew, bħal “Pariri tal-Ewropa Tiegħek”;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar il-fattibbiltà li jiġi provdut persunal tal-Kummissjoni għall-punti ta' kuntatt uniċi f'ħin reali f'kull Stat Membru; iqis li dan jista' jkun soluzzjoni għall-problemi tal-livelli ta' persunal identifikati mis-SOLVIT f'diversi amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-fattibbiltà li s-SOLVIT jingħata bażi legali speċifika;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jitwaqqfu Punti ta' Kuntatt Uniku onlajn permezz tal-portali elettroniċi tal-gvernijiet fl-Istati Membri kollha fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż ospitanti u bl-Ingliż; jinnota li l-Punti ta' Kuntatt Uniku għandhom importanza kbira fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jinsab iddispjaċut mill-fatt li terz biss tal-portali elettroniċi tal-gvern disponibbli onlajn jipprovdu aċċess għal proċeduri elettroniċi onlajn; jitlob lill-Istati Membri biex jipprovdu tagħrif faċli biex tifhmu f'diversi lingwi tal-UE rigward ir-regoli u l-proċeduri amministrattivi onlajn fir-rigward tal-forniment tas-servizzi, sabiex jiġi ffaċilitat in-negozju transkonfinali fl-Ewropa;

38.  Jistieden lis-SOLVIT, is-Servizz tal-Informazzjoni għaċ-Ċittadin, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u s-Servizz Ewropew tax-Xogħol biex jieħdu nota tat-tħassib ewlieni taċ-ċittadini u n-negozji kif artikulat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Is-Suq Uniku f'għajnejn in-nies: Ħarsa lejn l-20 tħassib ewlieni taċ-ċittadini u n-negozji”, u biex jagħtu prijorità lill-ħidma tagħhom b'dan il-mod;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis li tinkludi s-sejbiet tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru fil-Kontroll Annwali fuq il-Governanza bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha biex tinforma t-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod aħjar;

40.  Jinnota l-pubblikazzjonijiet riċenti tal-Kummissjoni dwar “L-20 tħassib ewlieni”, li nibtu mir-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija tal-20 ta' Mejju 2010; jenfasizza l-lakuni tal-informazzjoni, leġiżlattivi u fl-implimentazzjoni li jippersistu fis-Suq Uniku, kif ukoll in-nuqqas ta' għarfien fost il-konsumaturi u n-negozji fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, li ma jħallihomx igawdu l-benefiċċji tas-Suq Uniku; jimpenja ruħu, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex itejbu l-komunikazzjoni maċ-ċittadini rigward id-drittijiet li jistgħu jisiltu mis-Suq Uniku;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar l-ostakli ewlenin tas-suq intern li huma partikolari għaċ-ċittadini u l-konsumaturi b'diżabilità u biex tagħmel arranġamenti biex isiru l-isforzi speċjali għat-tneħħija ta' dawn l-ostakli;

42.  Jirrakkomanda iżjed koordinazzjoni bejn is-SOLVIT u l-UE Pilot sabiex tinkiseb koordinazzjoni u skambju aħjar ta' prattiki tajba;

43.  Jinnota s-suċċess tal-ewwel Forum tas-Suq Uniku bħala opportunità biex jiġi vverifikat il-progress tas-Suq Uniku u bħala għajnuna għaċ-ċittadini u n-negozji biex jiffamiljarizzaw ruħhom mad-drittijiet, l-intitolamenti u l-obbligi tagħhom fis-suq uniku; jilqa' dan l-avveniment bħala opportunità biex ikomplu jiġu enfasizzati l-ostakli eżistenti għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku; itenni l-importanza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu passi biex jeliminaw dawk l-ostakli u biex iġibu fuq quddiem it-tħassib taċ-ċittadini u tan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iżommu dan il-momentum u biex ikomplu jinvolvu u jagħtu s-setgħa lill-partijiet interessati billi jwettqu Forums tas-Suq Uniku regolari, u biex dawn jiġu ssupplimentati bi żjarat ta' spiss biex is-suq uniku jiġi vvalutat u promoss fl-Istati Membri individwali;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.
(2) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 84.
(3) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 25.
(4) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 10.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0543.

Aġġornata l-aħħar: 1 t'Awissu 2013Avviż legali