Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2149(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0321/2012

Testi mressqa :

A7-0321/2012

Dibattiti :

PV 22/10/2012 - 25
CRE 22/10/2012 - 25

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2012 - 13.25
CRE 23/10/2012 - 13.25
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0388

Testi adottati
PDF 262kWORD 104k
It-Tlieta, 23 ta' Ottubru 2012 - Strasburgu
Relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-Istati Uniti
P7_TA(2012)0388A7-0321/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Istati Uniti (2012/2149(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit UE-USA li saret fit-28 ta’ Novembru 2011(1) u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku UE-USA (TEC) li saret fid-29 ta’ Novembru 2011(2),

–  wara li kkunsidra l-ittri miż-żewġ partiti tat-22 ta’ Frar 2012, minn 20 Senatur Amerikan, u tal-14 ta’ Mejju 2012, minn 51 Membru tal-Kamra tar-rappreżentanti tal-Istati Uniti, lill-President tal-Istati Uniti Barack Obama,

–  wara li kkunsidra l-ittra tad-19 ta’ Marzu 2012 minn erba’ Membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament lill-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy f’appoġġ għall-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli UE-USA dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir (HLWG),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit G8 li sar Camp David, l-Istati Uniti , fit-18-19 ta’ Mejju 2012(3), u d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit G20 li sar f’Los Cabos, il-Messiku, fit-18-19 ta’ Ġunju 2012(4),

–  wara li kkunsidra r-“Rapport Interim lill-Mexxejja’ tad-19 ta’ Ġunju 2012 mill-HLWG(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-19 ta’ Ġunju 2012 mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama, il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta’ Ġunju 2012, kif ukoll il-“Patt għal Tkabbir u Impjiegi’ anness magħhom(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment ir-riżoluzzjoni tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi trans-Atlantiċi UE-USA(8), tat-22 ta’ Mejju 2007 dwar Ewropa Globali – aspetti esterni tal-kompetittivitá(9), tad-19 ta’ Frar 2008 dwar l-istrateġija tal-UE biex tagħti l-aċċess għas-suq lill-kumpaniji Ewropej(10), tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-politika tal-kummerċ permezz ta’ regoli u proċeduri ta’ importazzjoni u esportazzjoni effiċjenti(11), tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar it-tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar l-allegati sussidji għall-Airbus u l-Boeing(12), tal-5 ta’ Frar 2009 dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali(13), tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar is-Samit li ġej bejn l-UE-USA u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku(14), tas-6 ta’ April 2011 dwar il-politika Ewropea ta’ investiment internazzjonali futura(15), tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar Politika ta’ Kummerċ Ġdida għall-Ewropa taħt l-Istrateġija Ewropa 2020(16), tas-17 ta’ Novembru 2011(17) dwar is-Samit UE-USA tat-28 ta’ Novembru 2011, u tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ostakoli għall-kummerċ u l-investimenti(18),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-72 Laqgħa Interparlamentari tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi (TLD) li saret f’Kopenħagen fid-9-10 ta’ Ġunju 2012 u fi Strasburgu fil-11 ta’ Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-istudji tal-11 ta’ Diċembru 2009, ippreparati għall-Kummissjoni minn ECORYS Nederland, bit-titolu “Miżuri Non-Tariffarji fil-Kummerċ u l-Investiment bejn l-UE-USA – Analiżi Ekonomika’(19),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0321/2012),

A.  billi l-UE u l-Istati Uniti huma s-sħab kummerċjali ewlenin ta’ xulxin, iż-żewġ ekonomiji flimkien ikopru madwar nofs il-prestazzjoni ekonomika globali u kważi terz tal-flussi tal-kummerċ dinji, biex b’hekk hi l-ikbar relazzjoni ekonomika fid-dinja;

B.  billi, minkejja r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti huma fost l-iktar miftuħa fid-dinja, u minkejja s-swieq trans-Atlantiċi huma integrati sew permezz ta’ flussi kbar ta’ kummerċ u investiment (b’volum bilaterali tal-kummerċ ta’ EUR 702.6 biljun, u azzjoni ta’ investiment bilaterali b’valur ta’ EUR 2.394 triljun, fl-2011), hemm kunsens ġenerali li l-potenzjal tar-relazzjoni trans-Atlantika qiegħed ’il bogħod milli jiġi sfruttat bi sħiħ, billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom valuri komuni, sistemi legali simili u standards għoljin ta’ protezzjoni tal-impjiegi u ambjentali, u għandu jisfrutta dawn is-sinerġiji biex jiġi żgurat it-tkabbir u l-impjiegi li jeħtieġu ż-żewġ sħab, u billi studju li twettaq fl-2009 għall-Kummissjoni identifika li l-iktar miżuri non-tariffarji importanti li jaffettwaw il-kummmerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti, u ta’ stima tal-impatt ekonomiku tagħhom, li jissuġġerixxi li t-tneħħija ta’ nofs dawn il-miżuri eżistenti u d-diverġenzi regolatorji tfisser żieda fil-PDG ta’ EUR 163 biljun sal-2018 fuq iż-żewġ naħat tat-Tramuntana tal-Atlantiku;

C.  billi, fil-kriżi ekonomika li għadha għaddejja, l-ekonomija globali tibqa' vulnerabbli, taffettwa l-impjiegi b'mod serju, kif ukoll lill-kummerċ, l-iżvilupp, u l-ambjent; billi l-kriżi finanzjarja u l-kriżi ekonomika għaddejjin bħalissa, kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, qed jheddu l-istabbiltà u l-prosperità tal-ekonomiji tagħna u l-benessri taċ-ċittadini tagħna, u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni tar-regolament finanzjarju qed joħloq ostakoli żejda għall-kummerċ, li jwassal għall-ħtieġa ta' kooperazzjoni ekonomika iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti, sabiex jintużaw il-benefiċċji tal-kummerċ internazzjonali biex jingħelbu dawn il-kriżijiet;

D.  billi t-tkabbir moderat tal-iskambji tal-kummerċ globali tul dawn l-aħħar tliet snin ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-mitigazzjoni tal-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika, b’mod partikolari fl-UE u l-Istati Uniti, li juri li l-kummerċ għandu rwol importanti fid-determinazzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi;

E.  billi, wara s-Samit tal-UE-USA f'Novembru 2011, it-TEC stabbilixxa l-HLWG u tah il-kompitu li jidentifika għażliet għaż-żieda fil-kummerċ u l-investiment biex jiġu appoġġati l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività li huma ta’ benefiċċju reċiproku;

F.  billi l-ittri taż-żewġ partiti li ntbagħtu lill-President tal-Istati Uniti mis-Senaturi u mill-Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti, kif ukoll l-ittra mingħand l-erba’ Membri tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kummerċ Internazzjonali, inkluż il-President tiegħu, ħeġġu lill-HLWG biex jifformula malajr proposti ambizzjużi biex jiġu stimulati l-kummerċ u l-investiment mal-UE u l-Istati Uniti, u jitneħħew l-ostakoli mhux meħtieġa għall-kummerċ u l-investiment trans-Atlantiku; billi ż-żewġ ittri jenfasizzaw il-ħtieġa li jiżdiedu l-kummerċ u l-investiment bl-UE bħala l-prijoritá, u b'mod speċifiku jappoġġaw sforzi biex jiġu indirizzati ostakoli regolatorji (u, li tinkiseb kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn ir-regolaturi, l-ostakoli non-tariffarji), it-tnaqqis tat-tariffi għal żero fejn ikun possibbli, il-kummerċ fis-servizzi, l-investiment, u ftuħ ulterjuri tas-swieq tal-akkwist pubbliku tagħna għal xulxin;

G.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar Politika tal-Kummerċ Ġdida għall-Ewropa taħt l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Parlament Ewropew talab għal iktar żvilupp tal-Inizjattiva tal-Impjiegi u t-Tkabbir trans-Atlantiku ambizzjuża u li dejjem qed tevolvi;

H.  billi s-settur privat fl-Istati Uniti esprima l-appoġġ biex l-Ewropa terġa’ ssir prijorità fil-politika tal-kummerċ tal-Istati Uniti, u billi l-partijiet interessati privati kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti wrew l-appoġġ għal ftehim ambizzjuż u komprensiv u jemmnu li l-avvanz fil-kooperazzjoni ekonomika iktar mill-qrib bejn l-UE-USA tibgħat sinjal qawwi lill-investituri u lin-negozji fi ħdan l-UE u l-Istati Uniti kif ukoll internazzjonalment;

I.  billi l-iżvilupp ta’ standards komuni bejn l-UE u l-Istati Uniti jkollhom effett ta’ riperkussjoni pożittiv awtomatiku fuq il-pajjiżi tal-Ftehim Nord-Amerikan għall-Kummerċ Ħieles (NAFTA), ambjent regolatorju iktar armonizzat bejn l-UE u l-Istati Uniti jkun ta’ benefiċċju b’mod ġenerali, u l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq kummerċjali l-aktar integrat tad-dinja jkun bla preċedent storiku;

J.  billi l-Istati Uniti hija l-tieni l-aktar sieħeb kummerċjali importanti tal-UE fl-agrikoltura u l-prodotti ta’ kwalità għolja tal-UE jiġu prinċipalment esportati lejn l-Istati Uniti u għalhekk l-ostakli għall-kummerċ mhux tariffarji kif ukoll l-indikazzjonijiet tal-oriġini ġeografika huma ta' importanza kbira għall-agrikoltura tal-UE;

K.  billi l-HLWG b’mod konġunt analizza firxa wiesgħa ta’ għażliet potenzjali għall-kummerċ u investiment trans-Atlantiċi li qegħdin jespandu, u fir-Rapport Interim tiegħu ta’ Ġunju 2012 wasal għall-konklużjoni preliminari li ftehim komprensiv li jindirizza firxa wiesgħa ta’ politiki ta’ kummerċ u investiment bilaterali, kif ukoll kwistjonijiet ta’ tħassib komuni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, jekk jintlaħaq, se jipprovdi benefiċċju sinifikanti ħafna;

L.  billi d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-presidenti Obama, Barroso u Van Rompuy tilqa’ r-Rapport Interim tal-HLWG, li jiddikjara li inizjattiva b’saħħitha biex tespandi l-kummerċ u l-investiment tista’ tagħti kontribuzzjoni sinifikanti lill-istrateġija trans-Atlantika biex jissaħħu t-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi;

M.  billi l-UE hija determinata li tippromwovi kummerċ ħieles, ġust u miftuħ waqt li fl-istess ħin tasserixxi l-interessi tagħha, fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku speċjalment fir-rigward tal-akbar ekonomiji tad-dinja;

N.  billi l-HLWG daħal fl-aħħar fażi tal-preparazzjoni ta’ kif se jindirizza n-negozjati eventwali biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi permezz ta' sħubija tal-kummerċ UE-USA, u hu mistenni jressaq ir-rapport finali tiegħu qabel tmiem l-2012;

O.  billi l-Kummissjoni esprimiet l-isperanza dwar il-possibbiltà li jinfetħu negozjati diġà fil-bidu tal-2013 u jintemmu n-negozjati qabel tmiem il-mandat tal-Kummissjoni attwali;

P.  billi sistema ta’ kummerċ miftuħa, prevedibbli, ibbażata fuq ir-regoli, multilaterali u trasparenti stabbilita permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tibqa’ tirrappreżenta l-iktar qafas xieraq għall-kisba ta’ kummerċ ħieles, ġust u ekwu fuq bażi globali, billi s’issa kien impossibbli li jiġu konklużi n-negozjati tal-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ Doha (DDA), u billi minkejja t-tisħiħ tas-sistema multilaterali jibqa’ għan kruċjali, ma jipprekludix il-ftehimiet bilaterali milli jmorru lill’hinn mill-impenji tad-WTO u biex jikkumplimentaw ir-regoli multilaterali;

1.  Iqis li l-kummerċ u l-investiment barrani għandhom jintużaw aħjar biex jiġi stimulat it-tkabbir intelliġenti, b’saħħtu, sostenibbli, ibbilanċjat, inklużiv u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, li jwassal għal żieda fil-ħolqien tal-impjiegi u żieda fil-benessri tan-nies madwar id-dinja; jilqa’ l-impenn tal-mexxejja tal-G8 u l-G20 biex jiftħu l-kummerċ u l-investiment, jespandu s-swieq u jirreżistu l-protezzjoniżmu fil-forom kollha tiegħu, li huma kundizzjonijiet neċessarji għas-sostenibbiltà tal-irkupru ekonomiku globali, l-impjiegi u l-iżvilupp;

2.  Jilqa’ d-diskussjoni konġunta għaddejja bħalissa bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kif jista’ jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir b’mod kollettiv u titkattar l-istabbiltà finanzjarja sabiex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja; jenfasizza li sabiex jiġu żgurati prosperità u impjiegi fuq terminu ta’ żmien twil, huma meħtieġa impenn konġunt u sforz biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għan-negozji kemm dawk żgħar kif ukoll il-kbar, biex tiġi promossa l-intraprenditorija u biex issir kapitalizzazzjoni tal-vantaġġi offruti minn suq trans-Atlantiku integrat b’mod uniku; jitlob li jsiru negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti u msieħba oħra dwar kif għandu jsir xogħol kollettiv biex jiġu indirizzati l-kriżijiet ambjentali u t-tibdil fil-klima; Jitlob ukoll impenn aktar konġunt biex tinkiseb stabbiltà fis-swieq finanzjarji;

3.  Jilqa’ r-Rapport Interim tal-HLWG u r-rakkomandazzjonijiet preliminari li jinsabu fih, u jaqbel li ftehim komprensiv għandu jinkludi ftuħ tas-suq reċiproku ambizzjuż fl-oġġetti, is-servizzi u l-investiment, u jindirizza l-isfidi tal-modernizzazzjoni tar-regoli dwar il-kummerċ u t-titjib tal-kompatibilità tar-reġimi regolatorji; iħeġġeġ lill-HLWG biex ikompli b’xogħlu fil-preparazzjoni ta’ sett ta’ għanijiet ambizzjużi iżda fattibbli u riżultati konkreti għan-negozjati ta’ ftehim ta’ kummerċ u investiment bilaterali u komprensiv, li jkun konsistenti mal-qafas tad-WTO (u jappoġġa dan il-qafas); jenfasizza l-importanza tar-rispett reċiproku u l-għarfien tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ xulxin, u tal-awtonomija ġurisdizzjonali, għal proċess produttiv u eżitu b’suċċess;

4.  Jenfasizza l-importanza tat-tkomplija bit-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi trans-Atlantiċi filwaqt li jiġu appoġġati l-politiki tal-UE, fl-oqsma bħall-istandards ambjentali, tas-saħħa u tal-protezzjoni tal-annimali, tas-sigurtà fl-ikel, id-diversità kulturali, id-drittijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-konsumaturi, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi pubbliċi jew l-indikazzjonijiet ġeografiċi, fost oħrajn;

5.  Jenfasizza li filwaqt li l-interessi speċifiċi u sensitivitajiet taż-żewġ imsieħba għandhom ikunu salvagwardjati b’mod ibbilanċjat, hemm bosta oqsma fejn il-progress ikun ta’ benefiċċju kbir, partikolarment rigward it-tneħħija ta' ostakoli tal-kummerċ, l-introduzzjoni ta' miżuri biex jiġi żgurat it-titjib fl-aċċess għas-suq, inkluż għall-investiment, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), il-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku biex jiġu żgurati reċiproċità sħiħa, il-kjarifika, is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-oriġini, u l-konverġenza dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards regolatorji u mhux sempliċement jinżamm standard minimu meħtieġ ibbażat fuq il-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-Ftehim SPS), iżda pjuttost li jirsistu fit-tisħiħ tal-kwalità u l-koperazzjoni b’mod konġunt meta jittrattaw mal-UE u l-istandards diverġenti tal-EU u l-Istati Uniti; iqis li intensifikazzjoni bħal din ta’ relazzjonijiet ekonomiċi tippermetti wkoll għal allinjament aħjar tal-approċċi tal-UE u l-Istati Uniti lejn l-indirizzar tal-isfidi ekonomiċi globali;

6.  Jenfasizza li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-kummerċ agrikolu bilaterali se tkun kwistjoni ewlenija li fiha huwa possibbli progress sinifikanti jekk iż-żewġ partijiet jaffrontaw il-kwistjoni bi spirtu kostruttiv ta’ kompromess; u jqis il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika bħala komponent ewlieni li huwa direttament relatat ma’ riżultat ambizzjuż dwar l-aċċess tas-suq agrikolu; jappoġġja l-kanċellazzjoni sħiħa tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni tal-kummerċ agrikolu bejn l-UE u l-Istati Uniti;

7.  Jagħraf li minkejja li t-tariffi medji tal-kummerċ trans-Atlantiku fl-oġġetti huma baxxi b’mod komparattiv, id-daqs kbir tar-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti jfisser li l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali jkunu ferm akbar minn kwalunkwe ftehim kummerċjali preċedenti u hemm interess b’saħħtu kemm fil-komunitajiet tan-negozji tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti biex jiġu eliminati t-tariffi li baqa’;

8.  Hu tal-opinjoni, madankollu, li ftehim ta’ kummerċ ħieles b’tariffi biss ma jkunx ambizzjuż biżżejjed peress li l-akbar kisbiet ekonomiċi għandhom jinkisbu fit-tnaqqis tal-livell ta’ ostakoli mhux tariffarji; jappoġġa l-għan propost mill-HLWG tal-eliminazzjoni tad-dazji kollha fuq il-kummerċ bilaterali, bl-għan li tinkiseb eliminazzjoni sostanzjali ta’ tariffi wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim u t-tneħħija gradwali tat-tariffi kollha ħlief dawk l-iktar sensittivi f’terminu ta’ żmien qasir, li jista’ jwassal għal vantaġġi sinifikanti, billi jitqies li l-kummerċ bilaterali UE-USA jikkonsistu f’ħafna kummerċ bejn il-kumpaniji, u t-titjib tal-kompetittività globali tal-kumpaniji tal-UE u l-Istati Uniti fl-arena dinjija;

9.  Jappoġġja l-opinjoni li, minħabba t-tariffi medji baxxi li diġà jeżistu, is-soluzzjoni biex jintuża l-potenzjal tar-relazzjoni trans-Atlantika tinsab fl-indirizzar tal-ostakoli non-tariffarji (ONTs), li jikkonsistu l-iktar fi proċeduri doganali u restrizzjonijiet regolatorji ta’ wara l-fruntiera; jappoġġja l-għanjiet ambizzjużi proposti mill-HLWG biex nersqu b’mod progressiv lejn suq trans-Atlantiku iktar integrat;

10.  Jirrikonoxxi li, filwaqt ftehim jista’ ma jsolvix il-kwistjonijiet regolatorji eżistenti kollha immedjatament, l-istituzzjonalizzazzjoni tal-interkompatibbiltà bejn ir-reġimi regolatorji tal-UE u l-Istati Uniti tiffaċilita ħafna l-kummerċ filwaqt li tistabbilixxi standard globali qawwi; itenni wkoll il-ħtieġa li jiġi rrispettat bis-sħiħ id-dritt ta' kull naħa biex tirregola b'mod li jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-prodott u dak ambjentali fil-livell li kull naħa tqis bħala xieraq, kif ukoll li jittieħed kont storiku tad-diverġenza trans-Atlantika fuq kwistjonijiet bħat-tħawwil ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament u ċerti kwistjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali;

11.  Jagħraf li l-istandards regolatorji li joħolqu piż kbir wisq iservu bħala ostakoli sinifikanti għall-kummerċ, u li t-tkabbir addizzjonali jista’ jirriżulta mill-indirizzar ta’ ostakoli bħal dawn; jenfasizza li l-allinjament tal-istandards regolatorji tal-UE u l-Istati Uniti għandu jkollu l-għan li jintlaħaq l-ogħla standard komuni u b’hekk, tittejjeb is-sikurezza tal-prodott għal-konsumaturi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat li jinħolque ostakoli ġodda (anki jekk mhumiex intenzjonati) għall-kummerċ u l-investiment, speċjalment f’teknoloġiji ġodda ewlenin u setturi innovattivi;

12.  Jappoġġja l-isforzi li saru lejn kooperazzjoni regolatorja massima ’il fuq dwar standards, koerenza regolatorji, allinjament aħjar tal-istandards, biex jiġu promossi iktar il-kummerċ u t-tkabbir li jistgħu jtejbu l-effiċjenza u jindirizzaw b’mod effettiv l-ONTs; isaħħaħ il-pretensjoni tal-HLWG li kull ftehim innegozjat li jeskludi koperazzjoni u riforma regolatorja jkun ekonomikament insinifikanti u politikament insostenibbli miż-żewġ naħat; jenfasizza li l-kompatibbiltà regolatorja hija l-ewwel sfida ta’ ftehim trans-Atlantiku ambizzjuż, u f’dan ir-rigward ifakkar li d-differenzi regolatorji u l-miżuri ta’ wara l-fruntiera jikkostitwixxu ostakolu importanti għall-kummerċ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);

13.  Jinnota l-importanza tal-istabbiliment ta’ protokolli tal-kondiviżjoni tad-data bejn il-kummissjoni tas-Sikurezza tal-Prodott għall-Konsumatur tal-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu indirizzati b'mod imħaffef u effettiv il-prodotti mhux sikuri li jitqiegħdu fis-suq fi kwalunkwe reġjun;

14.  Jilqa’ l-inizjattiva li ttieħdet fil-qafas tat-TLD, biex jiġu żviluppati standards komuni f’oqsma ewlenin ta’ teknoloġija li qed tevolvi inkluża n-nanoteknoloġija, il-vetturi elettriċi, il-grilji intelliġenti u s-saħħa elettronika;

15.  Jitlob lill-partijiet interessati biex jagħmlu użu sħiħ mill-invit mingħand l-HLWG biex jippreżentaw, qabel tmiem l-2012, proposti konkreti biex jindirizzaw l-impatt fuq il-kummerċ ta' differenzi regolatorji li jimpedixxu l-kummerċ bla ħtieġa li jsir dan; iħeġġeġ lill-partijiet interessati miż-żewġ naħat tal-Atlantiku biex meta jkun possibbli jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu pożizzjonijiet konġunti;

16.  Hu tal-opinjoni li minħabba l-importanza li dejjem qed tiżdied tal-kummerċ elettroniku, l-istandards tal-protezzjoni tad-data għandhom rwol kruċjali fil-protezzjoni tal-konsumaturi kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti; jenfasizza li jeħtieġ li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jindirizzaw it-theddid għas-sigurtà ċibernetika b’mod konġunt u f’kuntest internazzjonali; jindika li l-interoperabilità u l-istandards fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, rikonoxxut fuq skala globali, jistgħu jgħinu biex jippromwovu innovazzjoni iktar mgħaġġla billi jitnaqqsu r-riskji u l-ispejjeż tat-teknoloġiji l-ġodda;

17.  Jagħraf li l-espansjoni tal-kummerċ fis-servizzi, u t-teħid ta’ passi biex jiġu promossi l-investiment u l-akkwist, għandhom ikunu komponent ewlieni ta’ kull ftehim trans-Atlantiku futur sabiex iwasslu benefiċċji addizzjonali għaż-żewġ ekonomiji, kif ukoll joħolqu opportunitajiet għall-kollaborazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ tħassib komuni;

18.  Jinnota li s-settur tas-servizzi jirrappreżenta s-sors predominanti tal-impjiegi u l-PDG kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti; jappoġġja l-ambizzjoni tal-HLWG biex imorru lil hinn mil-livell ta' liberalizzazzjoni tas-servizzi miksuba mill-UE u l-Istati Uniti fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles eżistenti billi jiġu indirizzati l-ostakoli li għad baqa’ li ilhom jeżistu, inkluż il-modi tas-servizzi mwassla, filwaqt li tintgħaraf in-natura sensittiva ta’ ċerti setturi;

19.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Uniti jżommu definizzjonijiet ferm differenti tas-servizzi pubbliċi u tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u jirrakkomanda definizzjonijiet preċiżi ta’ dawn it-termini; iqisu li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu msejsa fuq il-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u jibqgħu konsistenti mas-sistema multilaterali; jemmen li l-koerenza regolatorja akbar fis-servizzi tista’ wkoll ittejjeb l-integrazzjoni tas-suq uniku fis-servizzi fi ħdan l-UE u l-Istati Uniti; jitlob għal koperazzjoni akbar fl-iskambju tal-aħjar prattiki sabiex titjieb l-effiċjenza tas-settur pubbliku trans-Atlantiku; jirrakkomanda djalogu reċiproku akbar dwar il-futur tal-cloud computing, kif ukoll dwar l-avvanzi u l-produzzjoni tal-vetturi elettriċi;

20.  Jitlob, b’mod partikolari, biex isir kull sforz possibbli lejn il-ħolqien ta’ servizzi finanzjarji trans-Atlantiċi li huma integrati u tassew miftuħa u swieq diġitali, fid-dawl tal-effetti pożittivi li dan ikollu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku fi żmien raġonevolment qasir; iħeġġeġ id-diskussjoni tal-inklużjoni ta’ kapitolu dwar is-servizzi finanzjari, fid-dawl tan-natura interkonnessa tas-swieq tagħna; jenfasizza l-importanza tal-iskambji intensifikati u l-kooperazzjoni tar-regolaturi tas-servizzi finanzjarji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku bl-għan tal-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki u l-identifikazzjoni tal-lakuni regolatorji;

21.  Hu konvint ferm li hu meħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ ekwivalenza, konverġenza u ekstraterritorjalità peress li huma kruqjali fil-fehim ta’ kif l-UE u l-Istati Uniti jistgħu jaffaċċjaw kemm l-inċertezza tal-problemi ekonomiċi u finanzjarji attwali tagħhom kif ukoll iħabbtu wiċċhom mal-istabbiliment tal-istandards globali u l-mudelli li jikkompetu magħhom għar-regolazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja;

22.  Jitlob li r-restrizzjonijiet tas-sjieda barranija tal-linji tal-ajru Amerikani jiġu riformati, u jsostni li n-nuqqas ta’ reċiproċità bejn ir-regoli tal-UE u dawk tal-Istati Uniti kemm fit-trasport marittimu u bl-ajru, kif ukoll l-iżbilanċ għaddej bħalissa bejn il-kapaċità tal-kumpaniji tal-UE biex iwettqu kabotaġġ fis-suq tal-Istati Uniti u l-kapaċità tal-kumpaniji tal-Istati Uniti biex jagħmlu dan hawnhekk, huwa ostakolu li għandu jingħeleb sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tar-relazzjoni ekonomika trans-Atlantika;

23.  Jitlob liż-żewġ partijiet biex jiftħu iktar is-swieq tal-akkwist pubbliku rispettivi tagħhom lil xulxin sabiex isir sforz biex tinkiseb reċiproċità u trasparenza sħiħa u pożittiva, u jappoġġja l-għan propost mill-HLWG tat-titjib tal-opportunitajiet tan-negozju permezz ta’ titjib sustanzjali fl-aċċess għall-opportunitajiet ta’ akkwist pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern abbażi ta’ trattament nazzjonali;

24.  Iqis li l-kapitolu dwar l-akkwist ma għandux jindirizza biss kwistjonijiet marbuta mal-aċċess tas-swieqi eżistenti imma jinkludi wkoll mekkaniżmu li jipprevjeni l-iżvilupp ta’ ostakoli ġodda; jifhem li l-akkwist pubbliku tal-Istati Uniti jaqa’ wkoll taħt il-ġurisdizzjoni tal-istati individwali; ifakkar fis-sinifikat li għandhom għall-kummerċ trans-Atlantiku swieq miftuħa tal-akkwist pubbliku li joffru lill-fornituri kollha aċċess indaqs, b’mod partikolari għall-SMEs; itenni l-opinjoni li l-SMEs tal-UE għandu jkollhom l-istess livell ta’ vantaġġi u possibbiltajiet fir-rigward ta’ offerti pubbliċi fl-Istati Uniti bħalma jgawdu fl-UE, u jfakkar li l-HLWG identifka b’mod speċifiku dispożizzjonijiet orizzontali dwar l-SMEs bħala qasam b’possibbiltà kbira li jirċievu appoġġ trans-Atlantiku; jenfasizza l-importanza taż-żewġ naħat fil-konformità mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA);

25.  Jafferma l-importanza tad-DPI biex jistimulaw l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, u s-sinifikat, għalhekk, li jinżammu standards għoljin għall-protezzjoni u l-infurzar tad-DPI, filwaqt li jiġi promoss il-fluss ħieles ta’ informazzjoni u l-aċċess għall-internet;

26.  Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-HLWG li minkejja kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti huma impenjati għal livell għoli ta’ protezzjoni u infurzar tad-DPI, jista’ jkun li ma jkunx fattibbli, fin-negozjati eventwali, li wieħed jipprova jirrikonċilja d-diversi differenzi fir-rigward tal-obbligi tad-DPI tipikament inklużi fil-ftehimiet tal-kummerċ tal-UE u l-Istati Uniti; jenfasizza, madankollu, li l-approċċ propost għan-negozjati għandu jkun ambizzjuż, u jimmira lejn soluzzjoni tal-oqsma ta’ diverġenza, u fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tad-DPI b’mod sodisfaċenti b’mod reċiproku, filwaqt li jiġi żgurat livell sodisfaċenti ta' protezzjoni għal‐operaturi ekonomiċi; itenni li kemm l-isforzi tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-UE u l-Istati Uniti jiddependu fuq il-ħila għall-innovazzjoni u l-produzzjoni kreattiva, u, jekk dan hu l-każ, l-ekonomija trans-Atlantika hija mhedda mill-falsifikazzjoni u l-ikkuppjar b’mod illegali; iqis il-prinċipji tal-UE u tal-Istati Uniti dwar it-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni bħala inkoraġġiment għal sinerġija akbar;

27.  Jappoġġa, fil-prinċipju, l-għan propost mill-HLWG ukoll biex jiġu żviluppati regoli ta’ kummerċ ġodda f’għadd ta’ oqsma, peress li dan jista’ jkun ta’ rilevanza għall-kummerċ bilaterali kif ukoll jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ regoli kemm fil-kuntest tal-politiki tal-pajjiżi terzi u l-ftehimiet ta’ kummerċ kif ukoll fil-livell multilaterali;

28.  Jinnota li l-UE nnegozjat jew qed tinnegozja ftehimiet ta’ kummerċ ħieles maż-żewġ membri l-oħra tal-NAFTA, il-Messiku u l-Kanada; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Uniti biex jikkunsidraw il-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni fil-ftehim potenzjali ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Istati Uniti li jippermetti l-armonizzazzjoni futura ta’ dawn il-ftehmiet biex jiġi ffurmat ftehim minn reġjun għal reġjun bejn l-UE u l-NAFTA;

29.  Jenfasizza l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sistema kummerċjali multilaterali, li tinsab fid-WTO, li tibqa’ bla dubbju l-aqwa qafas għall-kisba tal-kummerċ ħieles u ġust fuq bażi globali, u li għandha tibqa’ l-bażi għall-iskambji fis-Seklu 21 minkejja l-ħolqien ta’ dinja multipolari;

30.  Hu tal-opinjoni, madankollu, li minħabba mblokk persistenti fir-rigward tal-arkitettura oriġinali u għanijiet tad-DDA, id-dibattitu dwar kif tista’ tissaħħaħ id-WTO, bil-ħsieb li din issir aktar effettiva, u kif jistgħu jsiru l-preparazzjonijiet għall-isfidi li ġejjin, għandu jitkompla mill-iktar fis possibbli; jemmen, madankollu, li relazzjonijiet bilaterali msaħħa li huma mmirati lejn il-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi fid-dawl tad-diffikultajiet ekonomiċi attwali jagħtu appoġġ u huma kompatibbli mad-diskussjonijiet u n-negozjati multilaterali futuri u li għaddejjin u peress li huma wkoll regoli bbażati kif ukoll miftuħa u trasparenti fin-natura tagħhom;

31.  Jaqbel li preparazzjoni bir-reqqa hi meħtieġa biex jiġi żgurat li negozjati bħal dawn għal kummerċ bilaterali komprensiv u ftehim ta' investiment, jekk isir, iwasslu għal riżultati konkreti u jiġu konklużi fil-ħin; jistenna bil-ħerqa għar-rapport finali (inkluża rakkomandazzjoni dwar deċiżjoni dwar in-negozjati) tal-HLWG; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jippreżentaw ir-riżultat finali tax-xogħol tal-HLWG fit-73 laqgħa tat-TLD sal-aħħar tal-2012;

32.  Jitlob lil-HLWG jibni fuq l-esperjenza u l-kisbiet tat-TEC u jenfasizza l-ħtieġa għal involviment mill-qrib tal-kumitati parlamentari rilevanti; iqis li sabiex jirnexx, id-djalogu trans-Atlantiku, jeħtieġ li jiġi intensifikat iktar fil-livelli kollha, u li l-laqgħat ta' livell għoli, mhux biss bejn il-Kummissjoni u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti iżda wkoll bejn il-membri tal-kumitati rilevanti tal-Parlament u l-Kungress tal-Istati Uniti, għandhom isiru iktar regolari; jilqa' l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni, jekk il-Kungress Amerikan isegwi l-eżempju tal-Parlament, li ilu minn Jannar 2010 rappreżentat fil-European Parliament's Liasion Office f'Washington.

33.  Wara preparazzjoni u konsultazzjoni bir-reqqa u komprensiva, jitlob li jitniedu negozjati fl-ewwel nofs tal-2013, biex jinbena fuq il-momentum politiku attwali, u fuq l-appoġġ mill-industrija biex tintlaħaq konklużjoni rapida u ta’ suċċess għan-negozjati;

34.  Jitlob lill-partijiet interessati kollha li jirrappreżentaw lill-komunitajiet tan-negozji, ladarba jinfetħu dawn in-negozjati, biex jorganizzaw lilhom infusjom b’tali mod li jipprovdi l-appoġġ massimu, b’mod koordinat u wiesa’, biex isostnu djalogu miftuħ u trasparenti sabiex isir progress fuq l-inizjattiva; huwa konvint li d-djalogi mal-konsumaturi kif ukoll mal-SMEs se jkunu ta’ rilevanza partikolari u għandhom jinfetħu u jiġu kkoordinati mingħajr dewmien biex jinbena momentum madwar il-livelli kollha wara n-negozjati;

35.  Hu impenjat li jaħdem mill-qrib mal-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Kungress tal-Istati Uniti, l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti u l-partijiet interessati biex jiksbu l-potenzjal ekonomiku sħiħ ta’ relazzjoni ekonomika trans-Atlantika sabiex jinħolqu opportunitajiet ġodda għan-negozji u l-ħaddiema fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku u tissaħħaħ it-tmexxija tal-UE u l-Istati Uniti fl-ekonomija globali;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-Kungress tal-Istati Uniti u r-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti.

(1) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/126389.pdf
(2) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/november/tradoc_148385.pdf
(3) http://www.whitehouse.gov/the-press-office/2012/05/19/camp-david-declaration
(4) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ec/131069.pdf
(5) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2012/june/tradoc_149557.pdf
(6) http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=MEMO/12/462
(7) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/131388.pdf
(8) ĠU C 298E, 8.12.2006, p. 235.
(9) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.
(10) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 16.
(11) ĠU C 285 E, 26.11.2009, p. 1.
(12) ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 33.
(13) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 101.
(14) ĠU C 74 E, 13.3.2012, p. 1.
(15) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 34.
(16) Testi adottati, P7_TA(2011)0412.
(17) Testi adottati, P7_TA(2011)0510.
(18) Testi adottati, P7_TA(2011)0565.
(19) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2009/december/tradoc_145613.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza