Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2025(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0274/2012

Testi mressqa :

A7-0274/2012

Dibattiti :

PV 21/11/2012 - 11
CRE 21/11/2012 - 11

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2012 - 13.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0453

Testi adottati
PDF 151kWORD 37k
Il-Ħamis, 22 ta' Novembru 2012 - Strasburgu Verżjoni finali
It-tkabbir: politiki, kriterji u interessi strateġiċi tal-UE
P7_TA(2012)0453A7-0274/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar it-tkabbir: politiki, kriterji u interessi strateġiċi tal-UE (2012/2025(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 21 u 49 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (COM(2011)0838/4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-21 sat-22 ta' Ġunju 1993, tal-Kunsill Ewropew ta' Madrid tal-15 sas-16 ta' Diċembru 1995, tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 sal-20 ta' Ġunju 2003 u tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-14 sal-15 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2011 dwar it-Tkabbir u l-Istabilizzazzjoni u l-Proċess ta' Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, adottat mill-Kunsill fl-2006 u l-istrateġija kkonsolidata tat-tkabbir implimentata mill-Kummissjoni minn hemm 'il quddiem,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2009 bit-titolu 'Ħames snin ta' UE mkabbra – Kisbiet u sfidi ekonomiċi' (COM(2009)0079/3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007(1) , tal-10 ta' Lulju 2008 dwar id-dokument ta' strateġija tal-Kummissjoni 2007 dwar it-tkabbir(2) , u tas-26 ta' Novembru 2009 dwar id-dokument ta' strateġija tal-Kummissjoni 2009 dwar it-tkabbir li jikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija(3) , kif ukoll il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir tal-2009-2010, tal-2010-2011 u tal-2011-2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0274/2012),

A.  billi, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, kull Stat Ewropew li jirrispetta u jibqa' impenjat lejn il-promozzjoni tal-valuri tad-dinjità umana, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, jista' japplika biex isir membru tal-Unjoni; billi tali valuri huma l-pedament tal-Unjoni Ewropea stess u jiggwidaw l-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali, u jridu jkunu rispettati u difiżi mill-Istati Membri kollha;

B.  billi t-tkabbir ilu parti mill-aġenda tal-UE sa mis-sittinijiet; billi mill-ewwel tkabbir fl-1973, l-UE kibret b'mod gradwali u n-numru ta' Stati ġodda kiber minn sitt membri fundaturi għas-27 attwali (dalwaqt 28); billi numru ta' pajjiżi oħra jaspiraw li jsiru membri tal-UE, bħala garanzija għal futur sigur, demokratiku u prosperu;

C.  billi l-politika ta' integrazzjoni matul dan l-aħħar deċennju wriet li t-tkabbir huwa ta' benefiċċju għall-UE b'mod ġenerali u jippermettilha li tkun f'pożizzjoni aħjar sabiex tindirizza l-isfidi globali;

D.  billi t-tkabbir kien proċess li rnexxa għall-UE u għall-Ewropa kollha kemm hi, billi għen biex tingħeleb id-diviżjoni tal-gwerra bierda, ikkontribwixxa għall-paċi, l-istabilità u l-prosperità mal-Ewropa kollha, tejjeb il-prevenzjoni tal-kunflitti, stimola r-riformi u kkonsolida l-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-Istat tad-dritt, kif ukoll l-ekonomiji tas-suq u t-tkabbir sostenibbli mil-lat soċjali u ekoloġiku;

E.  billi kważi 20 sena wara l-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993, li afferma l-prospetti ta' adeżjoni tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u stabbilixxa l-kriterji ta' adeżjoni, wasal il-mument biex issir rivalutazzjoni tal-proċeduri relatati stabbiliti u tal-politika tat-tkabbir b'mod ġenerali, mingħajr preġudizzju għan-negozjati li għaddejjin bħalissa;

F.  billi l-kriterji ta' Kopenħagen għaddew il-prova taż-żmien u għadhom fil-qalba tal-politika tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea; billi l-istrateġija ta' tkabbir konsolidata u l-attenzjoni l-ġdida fuq il-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali mistennija jkunu effikaċi u effiċjenti;

G.  billi l-Parlament Ewropew, permezz tar-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu rigward il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, jikkontribwixxi biex jitjiebu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-proċess ta' tkabbir billi jtenni l-opinjonijiet taċ-ċittadini Ewropej; billi, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, ir-rwol tal-Parlament żdied bis-saħħa tar-rikonoxximent tal-setgħa koleġiżlattiva, fost affarijiet oħra fir-rigward tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA);

H.  billi l-prospett ta' adeżjoni għandu impatt b'mod sinifikanti f'termini ta' trasformazzjoni tal-panorama politiku, soċjoekonomiku u kulturali tal-pajjiżi li jixtiequ jsiru membri u huwa inċentiv qawwi biex jiġu segwiti r-riformi politiċi, ekonomiċi u leġiżlattivi neċessarji u t-tisħiħ tal-paċi, tal-istabilità, tar-rikonċiljazzjoni u tar-relazzjonijiet ta' bon viċinat; billi bis-saħħa ta' dan il-poter ta' trasformazzjoni, it-tkabbir jikkostitwixxi l-essenza tas-“soft power” tal-UE u element importanti tal-azzjoni esterna tagħha;

I.  billi fil-qalba tal-proċess ta' adeżjoni tpoġġew dawn il-punti: impenn, kundizzjonalità u kredibilità;

J.  billi hija ta' importanza enormi li l-Istati Membri jkomplu jirrispettaw u jiddefendu bis-sħiħ il-kriterji ta' adeżjoni u d-drittijiet fundamentali, bil-għan li tissaħħaħ il-kredibilità u l-koerenza tal-proċess ta' tkabbir u jiġi evitat kull tip ta' diskriminazzjoni fil-konfront tal-membri potenzjali ġodda;

K.  billi impenn favur ir-riformi politiċi, ekonomiċi u leġiżlattivi huwa l-ewwel u qabel kollox fl-aħjar interessi tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali u taċ-ċittadini tagħhom;

L.  billi kull pajjiż li jaspira għall-adeżjoni mal-UE għandu jkun iġġudikat abbażi tal-merti proprji tiegħu fit-twettiq, l-implimentazzjoni u r-rispett tal-istess kriterji; billi r-ritmu tal-progress fil-proċess ta' adeżjoni għandu jkunu ddeterminat mill-grad ta' implimentazzjoni effettiva u rispett tal-kriterji ta' adeżjoni mal-UE, kif ukoll mit-twettiq tal-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea u tas-Sħubija għall-Adeżjoni u tal-qafas tan-negozjati; billi l-livell ta' konformità mar-rekwiżiti ta' adeżjoni għandu jkun ivvalutat bl-aktar mod ġust u trasparenti possibbli;

M.  billi l-proċess ta' tkabbir għandu impatt sinifikanti anki fuq l-UE nnifisha, inkwantu joffrilha l-opportunità li tiddefinixxi aħjar l-identità tagħha kif ukoll l-objettivi, il-valuri u l-politiki tagħha u jirrappreżenta wkoll il-mument adatt biex dawn jiġu kkomunikati aħjar liċ-ċittadini tagħha;

N.  billi, b'mod konformi mal-kunsens imġedded dwar it-tkabbir tal-2006, dan il-proċess għandu jkun ibbażat fuq il-konsolidament, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni, flimkien mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda; billi din il-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE tirrappreżenta aspett ta' importanza fundamentali u prerekwiżit għas-sostenibilità tal-politika tat-tkabbir u tal-proċess ta' integrazzjoni fit-totalità tiegħu; billi tali importanza kkostitwiet inċentiv pożittiv għall-approfondiment istituzzjonali, kif juru r-reviżjonijiet konsekuttivi tat-trattati li akkumpanjaw id-diversi fażijiet tat-tkabbir, li wessgħu l-funzjonijiet u l-attivitajiet tal-Unjoni;

O.  billi rikonċiljazzjoni awtentika bejn id-diversi nazzjonijiet u fost il-popli, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u l-istabbiliment ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat bejn il-pajjiżi Ewropej huma essenzjali għall-paċi u l-istabilità sostenibbli u jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għal proċess reali ta' integrazzjoni Ewropea, billi huma għaldaqstant ta' importanza fundamentali għall-proċess ta' tkabbir; billi għad hemm kwistjonijiet mhux riżolti bejn għadd ta' kandidati u kandidati potenzjali u l-pajjiżi ġirien tagħhom u għalhekk il-partijiet milquta kollha għandhom jaħdmu apertament għar-riżoluzzjoni tat-tensjonijiet bilaterali; billi tali kwistjonijiet għandhom jiġu riżolti qabel l-adeżjoni;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Isostni enerġikament il-proċess ta' tkabbir u jemmen li t-tkabbir jeħtieġ li jibqa' politika kredibbli, sostnuta miċ-ċittadini kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza għall-UE u għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jottemperaw għall-obbligi kollha, jirrispettaw l-impenji kollha u joħolqu l-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat is-suċċess ta' kull tkabbir ġejjieni, fost affarijiet oħra billi tingħata assistenza lill-pajjiżi kkonċernati f'dawk li huma l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji ta' adeżjoni tal-UE;

2.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-proċess ta' tkabbir u ta' adeżjoni, kemm għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kif ukoll għaċ-ċittadini Ewropej;

3.  Iqis li l-kriterji ta' Kopenħagen għadhom jikkostitwixxu bażi fundamentali u għandhom jibqgħu fil-qalba tal-politika ta' tkabbir; jenfasizza li r-rispett totali u rigoruż ta' tali kriterji huwa imperattiv, li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-implikazzjonijiet soċjali għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, u li l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-Unjoni trid titqies bis-sħiħ;

4.  Iqis li l-kunċett tal-kapaċità ta' integrazzjoni jinkludi erba' elementi:

   (i) l-Istati fil-fażi tal-adeżjoni għandhom jiffavorixxu u ma jfixklux il-kapaċità tal-Unjoni li żżomm l-ispinta lejn it-twettiq tal-objettivi politiċi tagħha;
   (ii) il-qafas istituzzjonali tal-Unjoni għandu jkun kapaċi li jiggarantixxi gvern effiċjenti u effikaċi;
   (iii) ir-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jilqgħu l-isfidi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u tal-politiki komuni tal-Unjoni;
   (iv) strateġija komprensiva ta' komunikazzjoni għandha tkun fis-seħħ biex tinforma lill-opinjoni pubblika dwar l-implikazzjonijiet tat-tkabbir;

5.  Jisħaq fuq il-fatt, iżda, li l-Unjoni hija responsabbli mit-titjib tal-kapaċità ta' integrazzjoni tagħha fil-proċess ta' eżami tal-aspirazzjonijiet leġittimi Ewropej tal-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali jew applikanti potenzjali;

6.  Josserva li l-UE għadha attraenti, anke minħabba t-taħlita unika tagħha ta' dinamiżmu ekonomiku ma' mudell soċjali, u jiddispjaċih li din id-dimensjoni soċjali kienet traskurata ħafna fil-proċess ta' tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tittratta din il-kwistjoni, b'mod speċjali fil-qafas tal-Kapitolu 19 (politika soċjali u tkabbir), biex titrawwem trasformazzjoni soċjali pożittiva fl-Istati Membri futuri tal-UE u biex tingħata l-attenzjoni dovuta lill-ġustizzja soċjali;

7.  ifakkar li l-acquis fil-qasam soċjali jinkludi standards minimi f'oqsma bħad-dritt dwar ix-xogħol, it-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-antidiskriminazzjoni, u li t-trattati tal-UE jikkonfermaw l-impenn għall-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989, waqt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tinkludi wkoll numru ta' drittijiet soċjali fundamentali; jenfasizza li n-nuqqas ta' rispett tal-istandards soċjali bażiċi komuni tal-UE jikkostitwixxi forma ta' dumping soċjali li jagħmel ħsara lill-impriżi u lill-ħaddiema Ewropej u jkun jimpedixxi fil-fatt lil Stat kandidat milli jipparteċipa fis-suq uniku; jindika li l-imsieħba soċjali, u b'mod partikolari t-trade unions, jeħtieġu assistenza mmirata min-naħa tal-UE sabiex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom;

8.  Huwa tal-opinjoni li l-ġabra ta' kriterji ta' adeżjoni għandu jiġi tradott b'mod adegwat f'objettivi ċari, speċifiċi u li jistgħu jitkejlu fl-IPA, sabiex tintwera b'mod ċar ir-rabta bejn il-politiki ffinanzjati mill-UE fil-pajjiżi interessati fit-tkabbir u l-progress milħuq biex jiġu sodisfatti l-kriterji ġenerali ta' adeżjoni;

9.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-ekonomiji tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni jiżviluppaw fl-istess direzzjoni bħal dawk tal-Istati Membri tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-allinjament; iħeġġeġ, għalhekk, lill-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni jifformulaw objettivi fattibbli u speċifiċi għall-pajjiż għal kull wieħed mill-objettivi ewlenin ta' UE 2020 għal ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva;

10.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-kritrji ta' Madrid (kif definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Madrid ta' Diċembru 1995) li enfasizzaw il-kapaċità tal-pajjiżi kandidati li japplikaw ir-regoli u l-proċeduri tal-UE; huwa wkoll tal-fehma li l-prinċipju tal-kundizzjonalità rigoruża teħtieġ li l-progress ta' pajjiż kandidat u/jew kandidat potenzjali fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi jkun ivvalutat b'mod effikaċi abbażi ta' ġabra ċara ta' kriterji f'kull fażi tal-proċess, u li l-pajjiżi li jixtiequ jsiru membri tal-UE għandhom jgħaddu minn fażi għall-oħra biss meta l-kundizzjonijiet kollha jkunu ġew sodisfatti f'kull fażi; jenfasizza li, sabiex jissaħħu l-kredibilità u l-effikaċja tal-istrateġija tat-tkabbir, il-kriterji ta' Kopenħagen iridu jiġu rrispettati bis-sħiħ u l-Istati Membri jridu jikkonformaw magħhom ukoll, sabiex jiġi evitat li l-pajjiżi applikanti jinħtieġu jilħqu standards ogħla meta mqabbla ma' dawk applikati f'xi Stati Membri tal-UE; jenfasizza l-importanza li jiġu definiti b'mod aktar ċar id-diversi fażijiet, jiġu ffissati parametri ta' riferiment trasparenti u ġusti tul il-proċess li jittraduċu l-kriterji ġenerali ta' adeżjoni f'passi konkreti lejn l-adeżjoni, u jitkejjel jekk ir-rekwiżiti neċessarji ġewx sodisfatti, kif ukoll jiġi evitat l-iffissar jew il-wegħda ta' data ta' adeżjoni jekk in-negozjati jkunu għadhom ma ġewx finalizzati; jisħqu fuq il-fatt li parametru ta' riferiment, ladarba jintlaħaq, għandu jinżamm u li r-regressjoni għandha tipproduċi reazzjoni xierqa min-naħa ta' dawk li jistabbilixxu l-parametri ta' riferiment;

11.  Jenfasizza li l-objettiv tal-proċess ta' adeżjoni huwa l-adeżjoni sħiħa mal-UE;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm u tintensifika ulterjorment il-monitoraġġ tagħha tal-progress fil-proċess ta' adeżjoni, kif anki l-assistenza tagħha lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, sabiex ikun żgurat li jiksbu livell għoli ta' tħejjija li jkun ta' benefiċċju kemm għalihom kif ukoll għall-UE;

13.  Jemmen li, sabiex tinżamm il-kredibilità tal-proċess ta' tkabbir, il-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE għandha tkun evalwata f'fażi bikrija u għandha tkun riflessa b'mod adegwat fl-“opinjoni” tal-Kummissjoni għal kull stat potenzjalment kandidat, billi jkun delinjat it-tħassib ewlieni f'dan ir-rigward u l-modi kif jista' jingħeleb; huwa tal-fehma li wara għandha ssir valutazzjoni tal-impatt komprensiva; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li proċess ta' tkabbir li jirnexxi jeħtieġ li l-UE żżomm l-kapaċità li taġixxi, tiżviluppa u tiddeċiedi b'mod demokratiku u effiċjenti, ikollha r-riżorsi finanzjarji biex tappoġġa l-koeżjoni ekonomika u soċjali, kif ukoll issegwi l-objettivi politiċi tagħha;

Politiki dwar it-tkabbir

14.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid għan-negozjati għall-oqfsa ta' negozjati tal-ġejjieni, li jagħti prijorità lill-kwistjonijiet relatati mas-sistema ġudizzjarja u mad-drittijiet fundamentali, kif ukoll mal-ġustizzja u mal-affarijiet interni; jaqbel li dawn għandhom jiġu ttrattati kmieni fil-proċess ta' adeżjoni u, bħala n-norma, il-Kapitoli 23 u 24 għandhom jinfetħu konsegwentement, abbażi ta' pjanijiet ta' azzjoni, minħabba li jeħtieġ li jiġu stabbiliti riżultati konvinċenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament b'mod regolari dwar il-progress f'dawn l-oqsma u jitlob li r-rapporti ta' qabel l-adeżjoni mfassla kull xahar mid-delegazzjonijiet tal-UE jkunu disponibbli għall-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jekk jitolbuhom; jinnota, madankollu, li din l-attenzjoni fuq l-oqsma inkwistjoni ma għandhiex tippreġudika l-isforzi u l-progress fl-oqsma l-oħra delinjati fl-aġendi ta' tkabbir individwali tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali;

15.  Iqis li huwa importanti li tingħata prijorità adegwata fl-ambitu tal-politika tat-tkabbir lill-bini ta' sistema ġudizzjarja effiċjenti, indipendenti u imparzjali u sistema politika demokratika trasparenti li tkun tista' ssaħħaħ l-Istat tad-dritt; jisħaq, fl-istess ħin, fuq l-importanza ta' kull forma ta' libertà ta' espressjoni u l-ħtieġa li tkun żgurata l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, fid-dritt u fil-fatt, kif ukoll li jiġu miġġielda b'mod effikaċi l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

16.  Jisħaq li l-liberalizzazzjoni tal-viżi hija eżempju tajjeb tal-kundizzjonalità tal-UE li fih il-kriterji politiċi u tekniċi jingħaqdu ma' objettiv awspikabbli u b'vantaġġi tanġibbli; jilqa' favorevolment u jappoġġa, għalhekk, l-isforzi tal-Kummissjoni u dawk tal-pajjiżi interessati f'dan il-qasam;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tissemplifika l-proċedura tal-amministrazzjoni u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-finanzjamenti tal-IPA, bl-għan li jsiru aktar aċċessibbli u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet minuri u mhux ċentralizzati tas-soċejtà ċivili, it-trade unions u l-benefiċjarji l-oħra iżgħar;

18.  Jinkoraġġixxi parteċipazzjoni ikbar mis-soċjetà ċivili, minn atturi mhux statali u mill-imsieħba soċjali, kemm mill-pajjiżi kandidati kif ukoll mill-Istati Membri, fil-proċess ta' adeżjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm djalogu kontinwu magħhom; jistieden lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jiggarantixxu l-involviment tagħhom fil-fażijiet kollha; jenfasizza li s-soċjetà ċivili tista' taħdem bħala mutur ta' approssimazzjoni mal-UE, toħloq pressjoni 'minn isfel għal fuq' għall-avvanzament tal-aġenda Ewropea u ttejjeb it-trasparenza tal-proċess u ssaħħaħ s-sostenn pubbliku favur l-adeżjoni; jisħaq fuq l-importaza ta' appoġġ finanzjarju addizzjonali, fost l-oħrajn permezz tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili, speċjalment sabiex jittejbu l-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-acquis; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili u l-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

19.  Jenfasizza enerġikament il-ħtieġa li jittejbu l-kapaċitajiet amministrattivi u r-riżorsi umani biex isiru kapaċi jittrasferixxu, jimplimentaw u jinfurzaw l-acquis; huwa tal-opinjoni li l-proċessi fil-qafas tat-tkabbir ma għandhomx ikunu sempliċement “tekniċi” u jisħaq fuq il-ħtieġa biex il-proċess ta' screening jintrabat iżjed mar-realtajiet fit-territorju; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tinvolvi lill-NGOs, lit-trade unions u lill-partijiet interessati ewlenin, kif opportun, f'dan l-eżerċizzju;

20.  Jitlob, b'rikonoxximent tar-rwol importanti li d-djalogu soċjali jiżvolġi fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, li ssir enfasi iżjed qawwija fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali u r-rwol tad-djalogu soċjali fil-proċess ta' tkabbir; jitlob, barra minn hekk, li tingħata aktar attenzjoni għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' infurzar bħall-ispezzjoni tax-xogħol għall-ħarsien tal-ħaddiema u għar-rispett tad-drittijiet soċjali tagħhom u tal-istandards tas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-isfruttament b'mod speċjali ta' ħaddiema mhux iddikjarati;

21.  Jitlob iżjed impenn min-naħa tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fil-proċess ta' tkabbir; jenfasizza r-rwol tiegħu fit-trażmissjoni ta' prattiki tajba lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, kif ukoll fil-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili favur il-kawża tal-integrazzjoni Ewropea fl-UE; isostni iżjed tisħiħ tad-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE u l-pajjiżi interessati fit-tkabbir u jinkoraġġixxi iżjed kooperazzjoni bejn il-KESE, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew;

22.  Ifakkar li l-ilħuq ta' rkupru ekonomiku sostenibbli huwa sfida ewlenija għall-parti l-kbira tal-pajjiżi interessati fit-tkabbir u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020; jitlob aktar sostenn għall-impriżi żgħar u medji (SMEs), fid-dawl tar-rwol kritiku li jiżvolġu għall-progress soċjoekonomiku fil-pajjiżi kollha interessati fit-tkabbir, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti fuq riformi prijoritarji li joħolqu ambjent regolatorju favorevoli għal SMEs innovattivi u b'potenzjal għoli; jisħaq, fl-istess ħin, fuq il-ħtieġa ta' attenzjoni kontinwa għall-kwistjonijiet ta' settur informali li dejjem qed jikber, il-livell għoli ta' qgħad u l-integrazzjoni tal-membri l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà;

23.  Jemmen bis-sħiħ fil-ħtieġa li tkun promossa klima ta' rispett reċiproku, relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali, bħala prerekwiżiti għall-istabilità u bħala mezz biex tkun iffaċilitata r-rikonċiljazzjoni awtentika u dejjiema; iqis li l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra, il-koeżistenza paċifika ta' komunitajiet etniċi, kulturali u reliġjużi differenti, il-ħarsien tal-minoranzi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ir-reintegrazzjoni u r-ritorn tar-rifuġjati u tal-persuni spostati, iridu jkunu elementi essenzjali tal-proċess ta' adeżjoni tal-UE f'reġjuni bi storja ta' kunflitt; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jirratifikaw il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali jekk għadhom ma għamlux dan; jissuġġerixxi li, f'każijiet bħal dawn, il-promozzjoni tat-tagħlim u tal-apprendiment dwar il-patrimonju storiku, lingwistiku u kulturali ta' xulxin waqt u wara l-proċess ta' adeżjoni jaf jiffaċilita l-fehim reċiproku u jikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni storika;

24.  Huwa tal-opinjoni li l-parità tal-ġeneru u l-antidiskriminazzjoni għandhom jingħataw iżjed prijorità fil-politika ta' tkabbir; jenfasizza li l-parità tal-ġeneru hija dritt fundamentali, valur essenzjali tal-UE u prinċipju ewlieni fl-azzjoni esterna tagħha minbarra li għandha potenzjal kbir għall-ilħuq tal-objettivi ta' Ewropa 2020 billi tikkontribwixxi għat-tkabbir u għal-livell massimu ta' impjiegi; iħeġġeġ, għalhekk, il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess ta' adeżjoni u jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-parità tal-ġeneru; jissottolinja li d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni hija pprojbita u li l-valutazzjonijiet tal-UE għandhom jinkludu d-drittijiet tal-komunità LGBT u l-integrazzjoni tal-minoranzi fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-pajjiżi interessati fit-tkabbir fl-inizjattivi tagħha bil-għan li tintlaħaq l-inklużjoni soċjali, bħall-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, sabiex jiġi mobilizzat aħjar l-IPA għal dan il-fini, kif ukoll sabiex tħeġġeġ lill-pajjiżi interessati fit-tkabbir permezz tal-mekkaniżmu tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (PSA) sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet; jistieden ukoll lill-pajjiżi interessati fit-tkabbir jipparteċipaw b'mod attiv fid-Deċennju għall-Inklużjoni tar-Rom u jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tar-Rom, itejbu l-pożizzjoni soċjali u ekonomika tagħhom u jiżgurawlhom l-aċċess għall-akkomodazzjoni;

26.  Huwa tal-fehma li kwalunkwe Stat ta' adeżjoni għandu jsolvi l-problemi bilaterali u t-tilwim kbir ewlenin li jkollu mal-ġirien, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet territorjali, qabel ma jkun jista' jsir membru tal-Unjoni; jirrakkomanda enerġikament li tali kwistjonijiet jiġu ttrattati f'fażi kemm jista' jkun bikrija tal-proċess ta' adeżjoni, fi spirtu kostruttiv u ta' bon viċinat u preferibbilment qabel il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, bil-għan li dawn tal-aħħar ma jintlaqtux negattivament; iqis li hu essenzjali, f'dan ir-rigward, li jiġu kkunsidrati l-interessi ġenerali tal-UE, il-valuri tagħha u l-obbligu ta' konformità sħiħa mal-acquis u rispett tal-prinċipji li l-UE stess hija msejsa fuqhom;

27.  Jistieden lill-UE tappoġġa l-isforzi biex ikun solvut tilwim pendenti, inklużi kwistjonijiet dwar fruntieri, qabel l-adeżjoni; b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali, mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjoni tan-NU rilevanti, kif ukoll mal-Att Finali ta' Ħelsinki, jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha fil-każijiet ta' tilwim li t-tkomplija tagħhom aktarx tfixkel l-implimentazzjoni tal-acquis jew tipperikola l-preservazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali biex jaħdmu b'mod kostruttiv fuq ir-riżoluzzjoni paċifika tagħhom u, jekk ikun opportun, fil-każ ta' inkapaċità li jintlaħaq ftehim bilaterali, jirreferu l-kwistjoni lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja jew jimpenjaw ruħhom favur mekkaniżmu vinkolanti ta' arbitraġġ tal-għazla tagħhom inkella jaħdmu b'mod kostruttiv fi ħdan missjoni ta' medjazzjoni intensiva; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jibdew jiżviluppaw, b'konformità mat-Trattati tal-UE, mekkaniżmu ta' arbitraġġ immirat lejn is-soluzzjoni ta' tilwim bilaterali u multilaterali;

28.  Jilqa' pożittivament l-inizjattivi bħall-aġenda pożittiva dwar it-Turkija, id-djalogu ta' livell għoli għall-adeżjoni ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u d-djalogu strutturat dwar l-Istat tad-dritt mal-Kosovo(4) ; jilqa' favorevolment l-għan li tinħoloq dinamika ġdida fil-proċess ta' riforma, filwaqt li jenfasizza li dawn l-inizjattivi ma jridu bl-ebda mod jissostitwixxu l-proċeduri formali tan-negozjati, iżda jkunu konformi bis-sħiħ mal-qafas tan-negozjar;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jwettqu titjib fil-qasam tad-demokrazija, f'dak tad-drittijiet tal-bniedem, u f'dak tal-proċessi tar-rikonċiljazzjoni, oqsma li jmisshom dejjem jingħataw prijorità fil-proċess tat-tkabbir u jiġu riflessi fl-istrumenti finanzjarji; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza tal-assistenza finanzjarja li tqis il-ħtieġa li jiġu rrestawrati s-siti ta' patrimonju kulturali fiż-żoni ta' kunflitt, fid-dawl tar-rwol li tali rikostruzzjoni għandha f'dak li hu l-bini tal-fiduċja u l-integrazzjoni bejn komunitajiet etniċi u reliġjużi differenti;

30.  Jenfasizza li l-politika ta' tkabbir tal-UE tikkostitwixxi strument għall-modernizzazzjoni, id-demokratizzazzjoni u l-istabilizzazzjoni u għandha l-għan ukoll li ssaħħaħ l-UE kemm internament kif ukoll bħala attur globali; jistieden lill-Kummissjoni tintrabat li tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt kompluti kull meta teżamina applikazzjonijiet ġodda ta' adeżjoni mal-UE u meta tirrakkomanda l-ftuħ jew, fil-każ ta' varjazzjoni sostanzjali taċ-ċirkostanzi, l-għeluq tan-negozjati ta' adeżjoni;

31.  Jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-kwalità tal-proċess ta' adeżjoni billi jsir iżjed meritokratiku, trasparenti u jirrispetta l-parametri ta' riferiment; huwa tal-fehma li b'hekk il-proċess isir aktar ġust u li jista' jitkejjel b'mod oġġettiv, u konsegwentement tissaħħaħ aktar il-kredibilità tiegħu; f'dan il-kuntest, jirrakkomanda li r-rapporti ta' progress għandhom ikunu aktar ċari fil-valutazzjonijiet tagħhom; jenfasizza li l-parametri ta' riferiment ma għandhomx jistabbilixxu kundizzjonijiet addizzjonali għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, iżda għandhom jittraduċu l-kriterji ġenerali ta' adeżjoni u l-objettivi tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE f'passi u riżultati konkreti lejn l-adeżjoni, fir-rispett totali tal-qafas tan-negozjar;

32.  Jenfasizza l-importanza vitali għas-suċċess tal-proċess ta' adeżjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ ġdid għal din il-kwistjoni billi tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-pajjiżi aspiranti fuq każijiet individwali ta' korruzzjoni sistematika; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u mal-korpi kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kkonċernati; jenfasizza tali approċċ il-ġdid jista' jkun ta' benefiċċju kbir għall-immaġni tal-Unjoni fost iċ-ċittadini tal-pajjiżi aspiranti u jista' potenzjalment jiffaċilita l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprevedi pjan li ma jimplikax tnaqqis f'termini reali tal-finanzjament ġenerali għal kull benefiċjarju; josserva li dan il-kalkolu għandu jsir fid-dawl ta' dan li ġej: a)il-proporzjon bejn l-assistenza pprogrammata kumplessiva mill-IPA u l-PDG ta' kull pajjiż ma għandux jonqos f'termini relattivi anki jekk, f'termini reali, id-denominatur (PDG) għal kull pajjiż benefiċjarju rreġistra żieda kumulattiva għall-perjodu 2007-2013; b) bl-adeżjoni tal-Kroazja aktarx se jiġi reġistrat tnaqqis fin-numru ta' pajjiżi li jkunu jistgħu jaċċedu għall-finanzjamenti permezz tal-istrument futur, u dan jibdel potenzjalment ir-ridistribuzzjoni komparattiva fi ħdan il-pula tal-finanzjament; c) bil-modifiki proposti għall-istrument il-ġdid, intiżi biex ineħħu d-distinzjoni bejn il-pajjiżi abbażi tal-istatus tal-kandidatura tagħhom, għadd ikbar ta' pajjiżi se jkun jista' jaċċedi għall-finanzjamenti (s'issa inaċċessibbli għall-pajjiżi mhux kandidati) allokati għal oqsma ta' politika li jikkonċentraw fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li lill-ebda benefiċjarju ma tkunlu prekluża l-possibilità ta' aċċess suffiċjenti u ġust għall-finanzjamenti minħabba r-riżorsi limitati tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-qasam tal-politika tal-bini tal-istituzzjonijiet;

34.  Ifakkar fil-ħtieġa li t-tkabbir tal-UE jkun akkumpanjat minn politika ta' komunikazzjoni miftiehma u aktar effikaċi u trasparenti li tinvolvi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bil-għan li jiġi stimolat dibattitu miftuħ u sinċier dwar il-konsegwenzi tat-tkabbir, li jħaddan fih l-opinjoni pubblika kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi kandidati; jisħaq li politika ta' komunikazzjoni ta' dan it-tip għandha tiġi applikata wkoll fil-pajjiżi kandidati, b'kooperazzjoni mal-atturi kollha;

35.  Huwa tal-fehma li, sabiex jitħeġġeġ l-appoġġ fost iċ-ċittadini tal-UE għal aktar tkabbir u l-impenn taċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali biex ikomplu bir-riformi, huwa kruċjali li jingħata tagħrif ċar u komprensiv dwar il-benefiċċji politiċi, soċjoekonomiċi u kulturali tat-tkabbir; iqis li huwa essezjali, partikolarment, li l-pubbliku jingħata spjegazzjoni dwar il-mod kif it-tkabbir ġab miegħu investimenti ġodda u opportunitajiet ta' esportazzjoni, u kif jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE f'termini ta' promozzjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tisħiħ tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, ġlieda kontra l-kriżi ekonomika, ħolqien ta' impjiegi, aġevolazzjoni taċ-ċirkolazzjoni libera tal-ħaddiema, ħarsien tal-ambjent u tisħiħ tas-saħħa u s-sigurtà, filwaqt li fl-istess ħin titħaffef l-aġenda tar-riformi, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjamenti u sussegwentement jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' ħajja fil-pajjiżi interessati fit-tkabbir għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej kollha, kif ukoll jitnaqqsu l-iżbilanċi soċjali u ekonomiċi; jissottolinja l-bżonn tingħata attenzjoni lis-setturi kollha tas-soċjetà permezz tal-promozzjoni, fost ħwejjeġ oħra, tal-inklużjoni, fil-livell tal-iskola sekondarja jew ekwivalenti, ta' element fil-kurrikulu speċifiku dwar il-kuntest, l-objettivi u l-funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-proċessi ta' tkabbir tagħha; jisħaq ukoll fuq il-bżonn li tingħata attenzjoni lill-persuni fundamentali li jiffurmaw l-opinjoni pubblika bħall-ġurnalisti, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-atturi soċjoekonomiċi u t-trade unions; huwa tal-opinjoni li sforzi analogi mill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għandhom jiġu inkoraġġati u sostnuti;

Prospetti u l-interessi strateġiċi tal-UE

36.  Jemmen bis-sħiħ li l-UE għadha tista' tikseb benefiċċji strateġiċi pemezz tal-politika ta' tkabbir; jenfasizza li l-adeżjoni mal-UE tagħti stabilità f'ambjent internazzjonali f'evoluzzjoni rapida, u li l-appartenenza fl-Unjoni Ewropea għadha toffri l-prospettiva ta' żvilupp soċjali u prosperità; huwa tal-fehma li t-tkabbir huwa interess strateġiku fit-tul tal-UE li ma jistax jitkejjel neċessarjament f'termini ta' bilanċi fuq perjodu qasir; iqis li huwa importanti li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-valur sostanzjali u dejjiemi tiegħu bħala wieħed li jirrappreżenta poter 'soft' iżda madankollu essenzjali għall-UE;

37.  Jibqa' impenjat b'mod sħiħ lejn il-prospett tat-tkabbir, u jistieden lill-Istati Membri jżommu l-impuls tal-proċess ta' tkabbir; jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li bit-Trattat ta' Lisbona, l-UE tista' tkompli l-aġenda ta' tkabbir tagħha u żżomm l-impuls għal aktar integrazzjoni;

38.  Ifakkar li l-proċess mhuwiex magħluq bis-sempliċi traspożizzjoni tal-acquis, u jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni effikaċi u rispett fit-tul fir-rigward kemm tal-acquis kif ukoll tal-kriterji ta' Kopenħagen; iqis li sabiex tinżamm il-kredibilità tal-kundizzjonijiet għall-adeżjoni, l-Istati Membri tal-UE għandhom ukoll ikunu vvalutati għall-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri fundamentali tal-UE u t-twettiq tal-impenji tagħhom dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-Istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni telabora proposta dettaljata għal mekkaniżmu ta' monitoraġġ, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 TUE u l-Artikolu 258 TFUE;

39.  Ifakkar li politika ta' tkabbir semplifikata u li tħares 'il quddiem tista' tkun strument strateġiku ta' siwi għall-iżvilupp ekonomiku kemm tal-UE kif ukoll tar-reġjun, u għandha timmira li toħloq sinerġiji baġitarji u koordinament imsaħħaħ bejn id-diversi miżuri u tipi ta' assistenza fornuti mill-UE, l-Istati Membri u l-IFIs, kif ukoll mal-istrumenti eżistenti, jiġifieri l-IPA, billi tevita kull irduppjar, duplikazzjoni jew lakuni potenzjali fil-finanzjamenti, partikolarment fil-kuntest ta' ambjent ta' restrizzjonijiet baġitarji;

40.  Josserva li l-kriżi finanzjarja globali u d-diffikultajiet taż-żona tal-euro enfasizzaw l-interdipendenza tal-ekonomiji nazzjonali, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' aktar konsolidament tal-istabilità ekonomika u finanzjarja filwaqt li jitrawwem it-tkabbir, ukoll fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, jenfasizza l-ħtieġa li tingħata assistenza finanzjarja adegwata u mmirata aħjar ta' qabel l-adeżjoni lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal IPA ġdid, inkluż aktar sostenn finanzjarju għall-perspettivi finanzjarji 2014-2020; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-proċeduri jiġu ssemplifikati u aċċelerati, kif ukoll li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-pajjiżi benefiċjarji, sabiex ikun żgurat livell għoli ta' parteċipazzjoni fi programmi tal-UE u biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' assorbiment; jindika li pożizzjoni komprensiva tal-Parlament Ewropew dwar l-IPA se tiġi ppreżentata waqt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jenfasizza l-importanza tal-istabilità fiskali nazzjonali u l-konċentrazzjoni akbar tal-UE fuq il-governanza ekonomika; jirrakkomanda li l-kwistjoni tal-finanzi pubbliċi sodi tiġi ttrattata adegwatament fil-proċess ta' adeżjoni;

41.  Jenfasizza li l-għanijiet tal-Ewropa 2020 huma mibnija madwar prinċipji universali li kienu mutur b'saħħtu għall-benesseri ekonomiku; jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-progress li jsir fuq l-inizjattivi emblematiċi jiġi inkluż fid-djalogu ta' qabel l-adeżjoni u jiġi inċentivat b'finanzjament addizzjonali; iqis li mudell ta' tkabbir b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju jistħoqqlu attenzjoni speċjali u għandu jiġi implimentat b'mod attiv waqt il-proċess ta' tkabbir;

42.  Jitlob li jsir djalogu kontinwu bejn id-donaturi u, fejn ikun xieraq, l-użu ta' strutturi idonei għall-koordinament u l-ġestjoni tal-għajnuna; jitlob, f'dan il-kuntest, li jsir eżami aktar mill-qrib tal-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi li jirrikjedu strutturi ta' koordinament, bħalma huwa, pereżempju, il-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent, li huwa kumplementari għall-istrutturi amministrattivi għall-IPA u għandu l-għan li jattira, jakkomuna u jiddirieġi l-appoġġ għall-oqsma prijoritarji; jenfasizza l-ingranaġġ potenzjali finanzjarju u politiku li jirriżulta mill-proġetti ta' finanzjament li jutilizzaw kombinazzjoni ta' fondi – li ġejjin mill-UE jew mill-Istati Membri jew mill-IFIs – b'mod li jiżgura kemm konkordanza stretta mal-aħjar prattiki f'termini ta' ġestjoni finanzjarja kif ukoll koordinament tal-atturi ewlenin;

o
o   o

43.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-Albanija, tal-Bosnja-Ħerzegovina, tal-Kroazja, ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Islanda, tal-Kosovo, tal-Montenegro, tas-Serbja u tat-Turkija.

(1) ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 480.
(2) ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 60.
(3) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 47.
(4) Din id-deżinjazzjoni hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mar-riżoluzzjoni 1244/1999 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Aġġornata l-aħħar: 16 t'Ottubru 2014Avviż legali