Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2030(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0341/2012

Testi mressqa :

A7-0341/2012

Dibattiti :

PV 10/12/2012 - 21
CRE 10/12/2012 - 21

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2012 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0468

Testi adottati
PDF 528kWORD 60k
It-Tlieta, 11 ta' Diċembru 2012 - Strasburgu
It-twettiq tas-suq uniku diġitali
P7_TA(2012)0468A7-0341/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar it-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali (2012/2030(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “is-Suq Uniku Att II” (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-4 ta’ Ġunju 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (COM(2012)0238),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2012 bl-isem “It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Konsumatur turi fejn il-kondizzjonijiet tal-konsumatur huma l-aħjar fl-Ewropa – Is-Seba’ edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-Konsumatur (SWD(2012)0165),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(1)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern(2)

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2012 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur – Insaħħu l-fiduċja u t-tkabbir’ (COM(2012)0225),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2012 bl-isem “Rapport dwar il-Politika tal-Konsumatur (Lulju 2010 - Diċembru 2011)’ (SWD(2012)0132), li jakkompanja l-komunikazzjoni ”Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur – Insaħħu l-fiduċja u t-tkabbir’ (COM(2012)0225),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2012 bl-isem “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal’ (COM(2012)0196),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2012 bl-isem “Strateġija Ewropea għall-akkwist elettroniku’ (COM(2012)0179),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-25 ta' Jannar 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (Regolament dwar il-Protezzjoni Ġenerali tad-Data) (COM (2012) 0011),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bl-isem “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali għall-kummerċ elettroniku u tas-servizzi onlajn’ (COM (2011)0942),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern, (4)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar id-drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5)

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar programm tal-konsumaturi 2014-2020 (COM(2011)0707) u d-dokumenti relatati (SEC(2011)1320 u SEC(2011)1321),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobbiltà u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabbiltà u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà 2010-2020(6)

–  wara li kkunsidra l-proposta tad-19 ta’ Ottubru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2011 bl-isem “Nagħmlu s-swieq jaħdmu għall-konsumaturi – Is-sitt edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur’ (SEC(2011)1271),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar leali(7)

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta’ April 2011 bl-isem “L-Għoti tas-Setgħa lill-Konsumatur fl-UE’ (SEC(2011)0469),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2011 bl-isem “Konsumaturi kunfidenti fis-suq uniku – Il-Ħames Edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-Konsumatur’ (SEC(2011)0299),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-Kunsill Ewropew bl-isem “Ewropa 2020, strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar l-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur(8)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar it-tlestija tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(9)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/45/UE tat-13 ta' Lulju 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni(10)

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-QĠE rigward Google (Kawżi Magħqudin C-236/08 sa C-238/08, sentenza tat-23 ta' Marzu 2010) u BergSpechte (Kawża C 278/08, sentenza tal-25 ta' Marzu 2010), li jiddefinixxu l-kunċett “tal-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent” bħala l-konsumatur tal-internet standard,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolamentazzjoni jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istat Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-midja awdjoviżivi (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi)(11)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur(12)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobbiltà u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabbiltà u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà 2010-2020(13)

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-rapport Monti tad-9 ta' Mejju 2010 dwar strateġija ġdida għas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra r-rapport analitiku bl-isem “Attitudni lejn bejgħ transkonfinali u l-ħarsien tal-konsumatur’ ippubblikat mill-Kummissjoni f’Marzu 2010 (Flash Eurobarometer 282),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 2009 dwar in-negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum fl-UE (COM(2009)0557),

–  wara li kkunsidra “Il-valutazzjoni tax-xiri misterjuż tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE’, studju mwettaq f’isem DG SANCO tal-Kummissjoni mill-YouGovPsychonomics u ppubblikat fl-20 ta’ Ottubru 2009,

–  wara li kkunsidra Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 dwar is-segwitu fis-servizzi finanzjarji tal-bejgħ bl-imnut għat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (SEC(2009)1251),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-7 ta' Lulju 2009 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar metodoloġija armonizzata għall-ikklassifikar u r-rappurtar tal-ilmenti u l-mistoqsijiet tal-konsumatur (COM(2009)0346), u l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SEC (2009) 0949),

–  wara li jikkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur) (COM(2009)0336),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2009 bl-isem “Rapport dwar il-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE’ (SEC(2009)0283),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-kummerċ internazzjonali u l-internet(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prassi żleali bejn in-negozji u l-konsumaturi fis-suq intern u tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 dwar kif il-kummerċjalizzazzjoni u r-riklamar jaffettwaw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel(16)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent diġitali(17),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-regolament dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur)(18),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv(19)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-liġi Ewropea tal-kuntratti u r-reviżjoni tal-acquis: it-triq 'il quddiem(21) u tas-7 ta' Settembru 2006 tal-liġi Ewropea dwar il-kuntratti(22)

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju tal-UE għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettroniċi (COM(2006)0334),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prassi kummerċjali żleali bejn in-negozji u l-konsumaturi fis-suq intern(23)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/113/KE tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvediment ta' oġġetti u servizzi(24)

–  wara li kkunsidra l-Eurobarometer Speċjali Nru 342 dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNCITRAL dwar l-Użu tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi f'Kuntrattar Internazzjonali 2005, il-Liġi Mudell UNCITRAL dwar il-firem elettroniċi (2001) u l-Liġi tal-Mudell UNCITRAL dwar il-kummerċ elettroniku (1996)(25)

–  wara li kkunsidra d-Rapport tal-Ewwel Applikazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2003 dwar id-Direttiva tal-Kummerċ Elettroniku (COM(2003)0702),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 dwar il-kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod ta' servizzi finanzjarji għall-konsumatur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE(26),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(27),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika, b'mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern(28)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data(29)

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkorporata fit-Trattati bl-Artikolu 6 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 7 (ir-rispett għall-ħajja privata u familjari), 21 (non-diskriminazzjoni), 24 (id-drittijiet tat-tfal), 25 (id-drittijiet tal-anzjani), 26 (l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità) u 38 (il-protezzjoni tal-konsumatur) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-TFUE, li jistipula li “fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta' impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u l-livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ, u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem’,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-TFUE, li jistipula li “il-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġġixxu l-iżvilupp sostenibbli’,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tat-TFUE, li jistipula li “fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur’,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll 26 dwar servizzi ta’ interess ġenerali (ekonomiċi),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, l-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0341/2012),

A.  billi t-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali huwa fattur ewlieni sabiex l-UE ssir l-aktar ekonomija bbażata fuq l-għarfien kompetittiva u dinamika fid-dinja;

B.  billi l-kummerċ elettroniku u s-servizzi onlajn huma forza vitali tal-internet u huma kruċjali għall-għanijiet tal-istrateġija UE 2020 għas-suq intern, li hija ta’ benefiċċju kemm għaċ-ċittadini u kemm għan-negozji permezz ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

C.  billi 99% tan-negozji Ewropej kollha huma SMEs, li jipprovdu 85% tal-impiegi, u l-SMEs huma għalhekk huma l-forza motriċi fl-ekonomija Ewropea, li għandhom ir-responsibbiltà ewlenija għall-ħolqien tal-ġid, l-impjiegi u t-tkabbir, kif ukoll l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp;

D.  billi l-kummerċ elettroniku sar parti essenzjali tal-kummerċ u mutur importanti tal-għażla tal-konsumatur, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, peress li l-konsumaturi u n-negozji qegħdin jagħmlu distinzjoni dejjem anqas bejn online u offline, fil-ħajja ta' kuljum tagħhom;

E.  Ifakkar li Suq Uniku Diġitali, li fih ikun hemm il-moviment ħieles tas-servizzi f’suq ta’ 500 miljun konsumatur, huwa fattur kruċjali għall-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku, li jipprovdi impjiegi li jeħtieġu kwalifiki għolja u jiffaċilita l-konverġenza tal-UE f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien.

F.  Jenfasizza li l-broadband u l-internet huma strumenti importanti għat-tkabbir ekonomiku, is-soċjetà, il-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività Ewropea, kif ukoll biex tingħata spinta lill-kummerċ u s-servizzi onlajn; jenfasizza li l-konsumaturi u n-negozji jeħtieġu aċċess għall-broadband biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-internet;

G.  Jenfasizza l-importanza ta' ''one-stop-shops “għall-VAT sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ elettroniku transkonfinali għal SMEs u jippromwovu l-fatturazzjoni elettronika; jirrimarka, madankollu, li tali ”one-stop shops“ għandhom jinħolqu biss fi ħdan il-qafas ta' istituzzjonijiet eżistenti, mingħajr ma jitfgħu aktar piż fuq il-persuna taxxabbli;

H.  billi kumpaniji li żviluppaw l-ekonomija tal-internet tagħhom għamlu progress ħafna akbar minn oħrajn, u fil-kriżi ekonomika u finanzjarja preżenti, fejn il-ħolqien tal-impjieg prattikament jiddependi fuq l-SMEs, huwa essenzjali li jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ onlajn ħalli jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi kollha tiegħu;

I.  billi s-swieq onlajn jeħtieġ li jkunu flessibbli kemm jista' jkun sabiex jinħolqu opportunitajiet aħjar ta' negozju u żvilupp f'dan is-settur;

J.  billi l-kummerċ elettroniku huwa komplement importanti għall-kummerċ offlajn, li jipprovdi opportunitajiet għall-kumpaniji żgħar biex jikbru u joffri aċċess akbar għal oġġetti u servizzi, inkluż f'żoni remoti u fil-kampanja u għall-persuni b'diżabbiltà u b'mobbiltà mnaqqsa;

K.  billi, f'xi pajjiżi G-8 l-internet ammonta għal 20% tat-tkabbir ekonomiku u 25% tal-impjiegi maħluqa fl-aħħar ħames snin;

L.  billi l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jistgħu jitqassmu b'mod aktar ugwali fost il-konsumaturi u l-SMEs bis-saħħa tal-internet u l-kummerċ elettroniku;

M.  billi li jinkiseb suq intern li jiffunzjona b'mod effettiv ikun pass importanti lejn l-ilħuq tal-għanijiet tal-aġenda ta' Liżbona li jiżdied it-tkabbir, l-impjieg u l-kompetittività u biex il-500 miljun konsumatur fl-UE jingħataw servizz;

N.  billi s-Suq Uniku Diġitali joffri għażla akbar bi prezzijiet aktar kompetittivi lill-konsumaturi, speċjalment għal dawk li jgħixu f'żoni inqas aċċessibbli, remoti jew periferiċi, kif ukoll dawk b'mobbiltà mnaqqsa li mingħajru ma kienx ikollhomx aċċess għal għażla wiesgħa ta' oġġetti; billi permezz tal-internet negozji ġodda, b'mod partikolari l-SMEs, jistgħu jibdew joperaw filwaqt li kunpaniji eżistenti jistgħu jkomplu jikbru billi jsibu niċċeċ ġodda fis-suq;

O.  billi hemm 75 miljun persuna b’diżabilitajiet fl-Ewropa, u dawn il-persunu għandu wkoll ikollhom aċċess sħiħ għas-suq intern, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-isfidi marbutin ma' interfaces diġitali fil-każ ta' persuni li jbagħtu mill-vista;

P.  billi l-internet u t-teknoloġija jikkostitwixxu strumenti li jippermettu l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u żieda fil-parteċipazzjoni tagħhom fis-swieq internazzjonali u fil-kummerċ; jitlob għal suq integrat Ewropew għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl; jitlob, fl-istess ħin, għal qafas faċilitat għall-fatturar elettroniku; jenfasizza, fir-rigward tat-tnejn, l-importanza tal-interoperabbiltà u ta’ standards miftuħin sabiex jiġu ffaċilitati l-potenzjal massimu tas-suq u l-kompetizzjoni;

Q.  billi l-konsumaturi jibbenefikaw mill-kummerċ elettroniku f'termini ta' prezzijiet orħos u għażla usa', alleati mal-konvenjenza li jkunu jistgħu jixtru mingħajr ma jħallu djarhom; billi dan huwa partikolarment ta' benefiċċju għal konsumaturi b'diżabbiltà u f'żoni rurali jew remoti;

R.  billi ekonomija diġitali li tiffunzjona tajjeb hija imperattiva għal ekonomija tal-UE li taħdem tajjeb; billi, madankollu, il-moviment ħieles ta' servizzi diġitali bħalissa qed jiġi ostakolat minn regoli frammentarji fl-livell nazzjonali, minħabba li n-negozji jaffaċċjaw għadd kbir ta' ostakoli biex ibigħu minn fuq il-fruntieri fl-UE, l-aktar minħabba r-regoli differenti li japplikaw fl-livell tal-Istat Membru f'tali oqsma bħall-ħarsien tal-konsumatur, regolamenti speċifiċi u għal kull prodott u tranżazzjonijiet ta' ħlas; billi jeħtieġ l-istituzzjonijiet Ewropej jiġu mistiedna jsaħħu l-impenn tagħhom biex jitneħħew l-ostakli regolatorji ewlenin għal transazzjonijiet transkonfinali onlajn sal-2015, u il-Kummissjoni biex tkompli tipproponi azzjoni leġiżlattiva mmirata biex tindirizza l-impedimenti ewlenin;

S.  billi l-kummerċ elettroniku jippermetti lill-konsumaturi li jibbenefikaw minn prezzijiet orħos u għażla usa', iżda attwalment 60% tal-websajts mhumiex adattati għal xerrejja transkonfinali onlajn, u l-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji fl-ambjent diġitali għadha baxxa;

T.  billi l-aċċess għal informazzjoni affidabbli u trasparenza għandu jitjieb, ħalli l-konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu permezz tal-internet, mhux biss il-prezzijiet iżda wkoll il-kwalità u s-sostenibbiltà ta' prodotti u servizzi;

U.  billi l-frammentazzjoni tas-suq diġitali tal-UE tipperikola d-drittijiet skont l-acquis communautaire, peress li l-konsumaturi u n-negozji ftit li xejn għandhom ċertezza legali fir-rigward tal-kummerċ elettroniku transkonfinali, minħabba għadd kbir wisq ta' dispożizzjonijiet legali li jistabbilixxu rekwiżiti differenti, ċirkustanza li minħabba fiha l-operaturi tan-negożji, l-awtoritajiet jew il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn regoli ċari u infurzabbli;

V.  billi fil-fatt il-biċċa l-kbira tat-tilwimiet jiġu solvuti barra mill-qorti u l-perjodi ta' żmien konċessi lill-ADR jistgħu jkunu qosra wisq - tinħtieġ sistema tal-ODR effettiva;

W.  billi huwa ta’ importanza kbira li tiġi megħluba l-frammentazzjoni legali li teżisti bħalissa f’numru ta’ oqsma, sabiex jinkiseb Suq Uniku Diġitali komplut u reali;

X.  billi l-kummerċ elettroniku u s-servizzi onlajn jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ suq uniku sostenibbli, bl-użu ta’ teknoloġiji, standards, tikketti, prodotti u servizzi b’livell baxx ta’ karbonju u favur l-ambjent;

Suq Uniku Diġitali għat-tkabbir u l-impjieg

1.  Jenfasizza li fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, huwa essenzjali li jittieħdu miżuri li jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjieg, u jenfasizza li t-twettiq ta' Suq Uniku Diġitali jkun pass kruċjali ’l quddiem sabiex tinkiseb din il-mira; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta l-pjan tagħha għat-tnedija u t-twettiq ta’ Suq Uniku Diġitali; jenfasizza l-fatt li s-suq uniku diġitali huwa l-eħfef mod kif in-negozji u ċ-ċittadini jistgħu jibbenefikaw mis-suq uniku;

2.  Jilqa' l-komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku u servizzi onlajn, ippubblikata fil-11 ta' Jannar 2012, immirata biex tiżviluppa qafas koerenti għall-kummerċ elettroniku permezz tat-tkattir tal-fiduċja u l-estensjoni tal-kummerċ elettroniku u s-servizzi onlajn għal setturi B2B, B2C, C2C u G2G; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta sa tmiem l-2012 dwar il-progress li sar fuq is-sittax-il “Azzjoni prinċipali” kif stabbilit skont il-ħames oqsma prijoritarji tal-komunikazzjoni;

3.  Jilqa' l-komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar “Att II tas-Suq Uniku”, li jinkludi azzjonijiet ewlenin li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' ekonomija diġitali Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li jinħasdu l-benefiċċji tas-Suq Uniku Diġitali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta, tiżviluppa, u ssegwi effettivament pjan ta' azzjoni tagħha biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transkonfinali għal prodotti u kontenut onlajn, u, għal dan il-fini, tipprovdi pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta' pjan trasversali li jiżgura l-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali u l-promozzjoni ta' tkabbir fit-tul, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi filwaqt li l-ekonomija Ewropea tiġi adattata għall-isfidi tal-ekonomija globali tal-lum il-ġurnata;

5.  Jenfasizza li l-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' ċertezza legali jirrappreżentaw tħassib ewlieni fis-Suq Uniku Diġitali, u li l-infurzar inkonsistenti tar-regoli fl-Istati Membri għandhom jiġu indirizzati sabiex tiżdied l-għażla għall-konsumaturi; iqis li l-frammentazzjoni hija dovuta parzjalment ukoll għat-traspożizzjoni fqira jew tard tad-direttivi min-naħa tal-Istati Membri, fattur li għandu jkun suġġett għal skrutinju aktar rigoruż mill-istituzzjonijiet tal-UE;

6.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni relevanti ġdida kollha tas-suq uniku għandha tiġi soġġetta għal Test tas-Suq Diġitali Uniku; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-vijabbiltà tal-implimentazzjoni ta' tali test fi ħdan il-qafas tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha, sabiex jiġi żgurat li la ttellef l-iżvilupp tas-Suq Diġitali Uniku u lanqas ma tagħti lok għal ostakoli jew frammentazzjoni addizzjonali fir-rigward ta' kummerċ offlajn jew onlajn;

7.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni ta' avviż ġdid u skema tal-azzjoni, u jfakkar f'dan il-kuntest li skont id-direttiva tal-kummerċ elettroniku, il-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà informatika għandhom id-dmir li jaġixxu taħt ċerti ċirkostanzi bil-għan li ma jħallux jew li jwaqqfu attivitajiet illegali onlajn;

8.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-qafas legali attwali pprovdut mid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku ma jeħtieġx reviżjoni; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal aktar kjarifika bil-għan li l-implimentazzjoni ta' proċeduri ta' avviż u azzjoni biex jindirizzaw il-kontenut illegali;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu modernizzati u ffaċilitati l-proċeduri għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, u biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni għal rikonoxximent awtomatiku lil hinn mill-professjonijiet li bħalissa qegħdin jiġu koperti, immirati b'mod partikolari lejn il-professjonijiet ġodda meħtieġa mill-industriji ħodor u diġitali; jinnota li dan se jiffaċilita l-mobbiltà ta' ħaddiema b'ħiliet għoljin;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' Strateġija Ewropea dwar il-cloud computing, minħabba l-potenzjal tagħħa għal kompetittività tal-UE, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li l-cloud computing, peress li jinvolvi spejjeż minimi għad-dħul u rekwiżiti infrastrutturali baxxi, jirrappreżenta opportunità għall-industrija Ewropea tal-IT, u, b'mod partikolari, għall-SMEs, biex jiżviluppaw u jsiru mexxejja f'oqsma bħall-esternalizzazzjoni, servizzi diġitali ġodda u ċentri tad-data;

11.  Jinnota l-importanza tar-rabta bejn id-Direttiva tal-kummerċ elettroniku u s-Sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern;

SMEs

12.  Jenfasizza li l-SMEs jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u li għalhekk huwa vitali li jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni għall-integrazzjoni tagħhom fis-Suq Uniku Diġitali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa urġenti li l-SMEs Ewropej kollha jkollhom aċċess għal broadband; jenfasizza li t-teħid ta’ vantaġġ mill-possibilitajiet tal-ekonomija diġitali u s-Suq Uniku Diġitali permezz tal-innovazzjoni u l-użu intelliġenti tal-ICT għandu jkun ta’ għajnuna kbira sabiex l-SMEs ikunu jistgħu joħorġu mill-kriżi preżenti u joħolqu tkabbir u impjieg;

13.  Jappoġġja d-determinazzjoni tal-Kummissjoni biex issaħħaħ u tiffaċilita l-iżvilupp ta' infrastruttura tal-ICT sabiex tingħeleb il-firda diġitali; ifakkar li l-iżvilupp ta' infrastruttura tal-ICT għandha impatt pożittiv fuq il-koeżjoni soċjali, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività fl-UE, kif ukoll fuq il-komunikazzjoni, il-kreattività u l-aċċess taċ-ċittadini għall-edukazzjoni u l-informazzjoni; jilqa' l-inizjattivi fi ħdan il-qafas tal-programmi għall-iżvilupp reġjonali u rurali, kif ukoll l-inizjattivi tal-BEI għat-titjib tal-integrazzjoni taż-żoni rurali f'infrastrutturi tal-ICT;

14.  Jenfasizza l-fatt li l-eliminazzjoni tal-ostakoli legali li fadal għall-kummerċ elettroniku, li n-negozji jingħataw l-informazzjoni u l-ħiliet meħtieġa u li jiġu offruti l-istrumenti neċessarji biex jiżviluppaw in-negozju onlajn tagħhom aktar faċilment u b'mod aktar effettiv huma kruċjali biex jintlaħaq l-għan li jinħoloq tkabbir u impjiegi ġodda;

15.  Jenfasizza li l-kisba ta' Suq Uniku Diġitali kompletament operattiv jeħtieġ sforz ikkoordinat biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-età, il-lokalità, l-edukazzjoni jew is-sess tagħhom, ikollhom aċċess għall-internet u jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jużawh;

16.  Jinsisti li l-kompetenzi diġitali huma kruċjali għall-iżvilupp ta' Suq Diġitali Uniku kompetittiv, u li l-Ewropej kollha għandhom jingħataw il-ħiliet diġitali xierqa; jenfasizza n-natura kruċjali tal-impenn li jitnaqqas il-litteriżmu diġitali u l-lakuni fil-kompetenza bin-nofs sal-2015;

17.  Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw tali pjan ta' azzjoni, li jkun ibbażat fuq il-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-SMEs fil-ktajjen tal-valur diġitali billi jittieħdu miżuri u inizjattivi li jħeġġu l-użu intelliġenti tal-ICT għall-innovazzjoni u l-kompetittività u l-iżvilupp ta' ħiliet elettroniċi, kif ukoll li jagħmel aktar informazzjoni disponibbli dwar il-vantaġġi u l-potenzjal tal-ekonomija tal-internet, eż permezz tan-Network Ewropew għall-Appoġġ tan-Negozju Elettroniku (eBSN), filwaqt li tipprovdi wkoll appoġġ finanzjarju għall-SMEs innovattivi, fost azzjonijiet oħra;

18.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata strateġija li tgħati spinta lill-intraprenditorija diġitali fl-Ewropa, li tippromwovi t-taħriġ għall-kummerċjanti onlajn u li tħeġġeġ programmi għall-iżvilupp tal-SMEs li jiffukaw fuq l-SMEs innovattivi u dinamiċi mis-setturi kollha sabiex jiġi żgurat tkabbir potenzjali u innovazzjoni għoljin u jinħolqu impjiegi ġodda fl-Ewropa, filwaqt li tisaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur, kif ukoll l-iżvilupp ta' swieq ta' niċċa ġodda għall-SMEs li altrimenti ma kinux jeżistu;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jiġu indirizzati l-ostakli li jxekklu t-tkabbir tal-SMEs, bħal spejjeż kbar għad-dħul fis-suq, l-ispiża għall-iżvilupp tal-għarfien ta' ditta f'diversi pajjiżi, u l-limitazzjonijiet tas-sistema tal-IT;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri mmirati li joffru appoġġ finanzjarju għall-SMEs innovattivi, permezz ta' programmi eżistenti bħall-Programm għall-Kompetittività u Innovazzjoni (CIP), il-Programm il-ġdid għall-Kompetittività tal-Impriżi u l-SMEs (COSME), u l-Programm ta' Riċerka u Innovazzjoni “Orizzont 2020”, jew permezz tal-ħolqien ta' programmi speċifiċi, kif ukoll ir-regolament propost dwar il-fondi kapitali ta' riskju;

21.  Iqis li, flimkien mat-tifrix konsistenti tal-ICT, għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali hija essenzjali l-promozzjoni tal-eċċellenza fir-riċerka dwar l-ICT u t-trawwim tal-investiment pubbliku u privat f’riċerka ta’ riskju għoli u kollaborattiva dwar l-ICT u l-innovazzjoni; jenfasizza li l-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta' teknoloġiji u standards tal-internet; jipproponi li skont il-perspettiva finanzjarja li jmiss u l-programm Orizzont 2020 għandu jkun hemm żieda sostanzjali fil-baġit tal-UE tar-riċerka tal-ICT;

Jingħelbu l-barrieri li fadal fis-Suq Uniku Diġitali

22.  Isostni l-possibbiltà ta' kollaborazzjoni maċ-ċentri tar-riċerka; jilqa’ l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tippromwovi l-investimenti pubbliċi u privati f’netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), u jenfasizza l-importanza tal-istrateġija fit-tul tal-infrastruttura tas-servizzi diġitali trans-Ewropea għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività fl-UE;

23.  Jinnota li l-iskjerament rapidu ta' broadband veloċi ħafna huwa kruċjali għall-kompetittività globali tal-Ewropa, għall-iżvilupp tal-produttività Ewropea u għall-ħolqien ta' impriżi ġodda u żgħar li jistgħu jkunu minn ta' quddiem f'setturi differenti, pereżempju l-kura tas-saħħa, il-manifattura u l-industrija tas-servizzi;

24.  Jitlob biex jittieħdu miżuri speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu jgawdu b’mod sħiħ mil-potenzjal tal-broadband fl-oqsma tal-kummerċ elettroniku u l-akkwist elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-inizjattivi tal-Istati Membri biex jiġu żviluppati l-ħiliet elettroniċi fl-SMEs u biex jiġu stimulati mudelli ta' negozju innovattivi u bbażati fuq l-internet permezz tal-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u s-suċċessur futur tiegħu, il-Programm għall-Kompetittività tal-Impriżi u l-SMEs (COSME);

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-ostakoli eżistenti għal servizzi ta' kunsinna transkonfinali, u tieħu azzjonijiet xierqa biex tindirizzhom, fejn tqies is-sejbiet tal-istudju l-ġdid li ġie kondott u b'mod li se jippermetti kemm lin-negozji kif ukoll lill-konsumaturi li jibbenefikaw b'mod sħiħ mis-Suq Uniku Diġitali; jenfasizza li l-aħajr mod kif tippromwovi fatturi bħall-aċċessibbiltà, l-affidabbiltà, il-veloċità tal-kunsinna, is-servizz amikevoli, sistema għal kunsinni li nbagħtu lura effiċjenti u trasparenti, u prezzijiet aktar baxxi ta' servizzi tal-kunsinna transkonfinali huwa permezz ta' kompetizzjoni ħielsa u ġusta, biex ma jkunx hemm tfixkil tal-kummerċ transkonfinali u biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur; iqis li servizzi tal-kunsinna transkonfinali ma għandhomx ikunu bbażati biss fuq il-fruntieri fiżiċi, iżda, fejn vijabbli, għandhom iqisu wkoll id-distanza mill-konsumatur; iqis li huwa essenzjali li jiġu żgurati forom innovattivi ta' twassil li jippermettu aktar flessibilità f'termini ta' għażla ta' żmien jew post ta' ġbir jew post ta' ġbir possibbli bl-ebda spejjeż addizzjonali marbuta; iqis li huwa kruċjali li jitqiesu miżuri li jiggarantixxu kunsinna bi prezz raġonevoli għal żoni aktar remoti jew periferiċi;

26.  Ifakkar il-ħtieġa għal politika integrata fir-rigward tat-tlestija tas-suq uniku tat-trasport fir-rigward tal-mezzi kollha tat-trasport (jiġifieri l-kabotaġġ bit-toroq, it-trasport ferrovjarju, eċċ), u leġiżlazzjoni ambjentali sabiex jiġu evitati l-ineffiċjenzi fil-katina tal-provvista jew żidiet bla bżonn fl-ispejjeż kemm għall-bejjiegħa li ibigħu mill-bogħod kif ukoll għall-klijenti tal-kummerċ elettroniku;

27.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jnaqqsu l-piż amministrattiv billi jippermettu l-użu tas-sistema jew tal-pajjiż tal-bejjiegħ jew tal-pajjiż tax-xerrej, sabiex jiġu evitati proċeduri doppji u konfużjoni dwar liema regoli japplikaw kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi bl-internet;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet għad-diffikultajiet esperjenzati mill-SMEs fir-rigward tal-immaniġġjar ta' kunsinni li nbagħtu lura u problemi infrastrutturali tat-tbaħħir, u biex jitnaqqsu l-ispejjeż involuti fir-riżoluzzjoni ta' ilmenti u kunflitti transkonfinali;

29.  Jenfasizza li, peress li l-kontenut tal-websajts jista' bejn wieħed u ieħor jiġi kkodifikat pjuttost faċilment, vantaġġ ieħor marbut mad-dinja diġitali hu li tista' tgħin tgħeleb l-ostakoli lingwistiċi fis-suq uniku;

30.  Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi għandhom igawdu minn twassil effiċjenti, feedback aħjar dwar it-twassil, u għandhom jirċievu l-prodott tagħhom fil-ħin, fatturi li lkoll ġew identifikati bħala tħassib ewlieni tal-konsumaturi fl-aħħar Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-possibilitajiet li jiġu simplifikati u standardizzati r-regoli tal-VAT għal tranżazzjonijiet transkonfinali onlajn; jirrimarka li l-qafas eżistenti tal-VAT Ewropew huwa ostaklu għall-iżvilupp ta' servizzi diġitali ġodda, u li, li l-kumpaniji jitħeġġu biex jiżviluppaw u joffru servizzi onlajn ġodda fl-Ewropa kollha għandu jkun prijorità fir-rieżami tar-regoli tal-VAT; iqis li l-prodotti diġitali bħall-kotba elettroniċi għandhom ikunu soġġetti għall-istess rata ta' VAT bħal prodott ekwivalenti f'format fiżiku jew offrut offlajn, sabiex tiġi evitata distorsjoni fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunità li l-bidliet tal-2015 fir-regoli tal-VAT ippreżentaw u sabiex joħolqu jew jestendu “One-Stop Shop Ewropew” għall-kummerċ elettroniku, għal minn tal-anqas l-SMEs;

32.  jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rieżami tad Direttiva 2006/112/KE sabiex tiġi introdotta kategorija ġdida ta' servizzi b'kontenut kulturali u pprovduti elettronikament, li jistgħu jibbenefikaw minn rata tal-VAT imnaqqsa; Jipproponi li xogħlijiet u servizzi kulturali li jinbiegħu onlajn - bħall-kotba diġitali - għandhom jibbenefikaw mill-istess trattament preferenzjali bħal prodotti komparabbli f'forma tradizzjonali bħall-paperbacks u għalhekk għandhom ikunu soġġetti għal rata tal-VAT imnaqqsa; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet diġitali tista’ tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' offerti legali u żżid b’mod sinifikanti l-attrazzjoni ta’ pjattaformi diġitali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rieżami tagħha tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT, tindirizza l-anomalija tal-possibilità li jiġu applikati rati tal-VAT imnaqqsa fuq il-kotba stampati u kontenut kulturali ieħor imma mhux fuq beni identiċi disponibbli f’format elettroniku;

34.  Jilqa’ l-green paper tal-Kummissjoni dwar il-ħlasijiet bil-kards, bl-internet u bil-mowbajls; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri adegwati bil-ħsieb li jinkiseb qafas regolatorju tal-UE integrat kollu u b’mod effettiv, kompetittiv, innovattiv, newtral u sikur għall-ħlasijiet onlajn u bil-mowbajl;

35.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-mikropagamenti u l-ispejjeż amministrattivi għoljin li ta' spiss jinġarrbu meta jitħallsu ammonti żgħar; jinnota l-użu dejjem aktar mifrux ta' ħlas minn mowbajls, smart phones u tablets u li dan jeħtieġ azzjonijiet ta' rispons ġodda;

36.  Jenfasizza li l-mikropagamenti qegħdin jintużaw dejjem aktar għall-ħlas ta' kontenut kulturali onlajn u jqis li dan huwa strument utli ġdid biex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet jitħallsu;

37.  Jindika li t-tariffi ta’ interkambju multilaterali domestiċi u transkonfinali (MIFs) fiż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) jvarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri; jemmen li t-tariffi ta’ interkambju multilaterali kemm domestiċi kif ukoll transkonfinali fiż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) għandhom jiġu armonizzati sabiex jippermettu lill-konsumaturi jibbenefikaw mis-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt, sal-aħħar tal-2012, dwar l-iffissar ta' limitu għal MIFs u b’mod gradwali tnaqqsu; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regolament għall-armonizzazzjoni tal-MIFs u tnaqqashom progressivament sakemm ikunu allinjati ma' spejjeż reali sal-aħħar tal-2015; jemmen li s-soprataxxi, ir-rifużjonijiet u prattiki oħra ta’ gwida għandhom jiġu pprojbiti b’mod gradwali wkoll, u b’hekk titwitta t-triq għal Suq Uniku Ewropew tal-pagamenti aktar trasparenti;

38.  Jenfasizza li l-privatezza u s-sigurtà tad-data huma preokkupazzjonijiet maġġuri fost il-konsumaturi u għandhom it-tendenza li jaqtgħulhom qalbhom milli jixtru onlajn; jikkunsidra li huwa meħtieġ li jadatta l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data eżistenti għal sfidi u innovazzjonijiet ġodda fil-qasam tal-iżviluppi teknoloġiċi preżenti u futuri, eż. il-cloud computing;

39.  Jirrikonoxxi l-potenzjal ekonomiku u soċjali li l-cloud computing wera s'issa u jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta inizjattivi f’dan il-qasam sabiex tikseb il-benefiċċji ta’ tali teknoloġija ladarba it-teknoloġija tkun żviluppata aktar b’mod sħiħ; madanakollu, jirrikonoxxi, il-ħafna sfidi tekniċi u legali li jirriżultaw mill-iżvilupp tal-cloud computing;

40.  Jirrikonoxxi l-potenzjal ewlieni tal-cloud computing u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mingħajr dewmien strateġija Ewropea dwar il-cloud computing;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforza d-dispożizzjonijiet dwar Notifika ta' Ksur tad-Dejta fil-pakkett tat-Telekomunikazzjonijiet u tagħmilhom disponibbli għall-konsumaturi kollha fl-Istati Membri;

42.  Ifakkar id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva tad-drittijiet universali tas-Servizzi u l-Utenti għall-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet li jobbligaw lill-fornituri tas-Servizz tal-Internet Internet iwasslu messaġġi tas-servizz pubbliku lill-klijenti kollha tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-kwistjoni dwar kemm minn fost ir-regolaturi tat-telekomunikazzjoni qegħdin jikkonformaw ma' dawn ir-regoli, u tirrapporta lura lill-Parlament dwar il-kwistjoni;

43.  Għalhekk, jilqa’ r-Regolament il-ġdid dwar il-protezzjoni tad-data propost mill-Kummissjoni, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li ċ-ċittadini jingħataw kontroll aħjar fuq l-iproċessar tad-data personali tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa li japprova u jimplimenta Regolament ġdid dwar is-suġġett f’forma li, waqt li tipproteġi l-privatezza u tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali, tippermetti flessibilità biżżejjed għall-kumpaniji biex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw in-negozju tagħhom mingħajr ma jagħmlu spejjeż kbar, filwaqt li toffrilhom ukoll simplifikazzjoni u tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi;

44.  Jilqa' l-proposta għal qafas legali għall-applikazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati sabiex jitjiebu r-responsabilità, it-trasparenza u l-governanza tas-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet, biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi ta’ soluzzjoni għall-kwistjonijiet, u biex jiġu ċċarati u ssimplifikati s-sistemi ta’ għoti ta’ liċenzji; iqis essenzjali li tingħata informazzjoni ċara u komprensibbli lill-utenti tal-internet dwar liema data personali tinġabar, għal liema skop u kemm din iddum maħżuna, għaliex dan hu essenzjali biex jissaħħu d-drittijiet tal-utenti u biex titqawwa l-fiduċja tagħhom fl-internet; jenfasizza li għar-reviżjoni attwali tal-acquis tal-protezzjoni tad-data, għandhom jiġu żgurati ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali, kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tad-data; jilqa’ t-tħabbir ta’ strateġija Ewropea globali dwar il-kwestjoni tal-cloud computing għall-2012 u, b'mod partikolari, jistenna l-kjarifika ta’ kwistjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-protezzjoni tad-data u l-kompetenza;

45.  Jemmen bis-sħiħ li l-protezzjoni tal-privatezza ma tikkostitwixxix biss valur ewlieni tal-Unjoni Ewropea, iżda għandha wkoll rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-fiduċja tal-utent fl-ambjent diġitali sabiex is-Suq Uniku Diġitali jkun jista' jiżviluppa bis-sħiħ; jilqa’, għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni li tadatta d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-ambjent diġitali attwali, u b'hekk tippromwovi n-natura innovattiva tal-ambjent onlajn u tagħti spinta lill-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda promettenti bħall-cloud computing;

46.  Ifakkar li approċċ globali huwa essenzjali meta jkunu qegħdin jiġu indirizzati l-isfidi bħalma hija l-protezzjoni tad-data u l-piraterija; iħeġġeġ, f’dan ir-rigward, biex ikun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet;

47.  Jitlob kjarifika dwar l-obbligu tal-fornituri tas-servizz internet li jaġixxu f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-kompetizzjoni, mal-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u mad-Diretteiva dwar il-Kummerċ elettroniku(30) u l-Pakkett dwar it-Telekomunikazzjonijiet(31)meta jkunu qegħdin jittrattaw u/jew jiġbru data fi ħdan l-UE, irripettivament minn fejn din id-data ġiet maħżuna u/jew proċessata; huwa tal-fehma li livell ogħla ta’ trasparenza fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi fuq l-internet għandu jkollu rwol ewlieni biex jiffavorixxi l-fiduċja tal-konsumaturi, jippromwovi l-aħjar prattiki f’dan il-qasam u jservi ta’ kriterju essenzjali għall-ħolqien ta’ marka ta’ fiduċja Ewropea;

48.  Ifakkar li l-fornituri ta’ servizzi onlajn huma obbligati, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/31/KE, jipprovdu b’mod ċar l-identità tagħhom, u li ż-żamma ta’ dan l-obbligu tikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi fil-kummerċ elettroniku;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodernizza l-qafas legali għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-kuntest tat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali, u sabiex jipproponu u jimplimentaw rapidament l-Istrateġija Ewropea għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali bil-ħsieb li l-adattament għar-realtà fuq l-internet tas-seklu 21; jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni għal strumenti legali f'dan il-qasam, bħal leġiżlazzjoni għas-simplifikar tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fl-Ewropa u direttiva dwar l-Infurzar tad-DPI u l-Ġlieda Kontra l-Iffalsifikar u l-Piraterija; jemmen ukoll li hemm bżonn li jitqiesu mudelli innovattivi tan-negozju u strutturi differenti tal-liċenzjar sabiex tiżdied id-disponibbiltà filwaqt li jinżammu d-drittijiet tal-awtur u jkun żgurat il-ħlas tad-detenturi tad-dritt;

50.  Jenfasizza l-importanza ta’ approċċ armonizzat għal eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, kif ukoll l-eċċezzjonijiet statutorji armonizzati għal trade marks u privattivi, ħafna drabi għall-benefiċċju tar-riċerkaturi u l-iżviluppaturi, sabiex jiffaċilita l-iżvilupp, it-tixrid u l-adozzjoni mill-konsumaturi ta' servizzi ġodda u innovattivi u ċ-ċertezza legali għal gruppi ta’ riċerka, innovaturi, artisti u utenti meħtieġa sabiex l-ambjent diġitali Ewropew li qiegħed jikber ikun jista’ jiżviluppa aktar;

51.  Ifakkar li sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ tkompli l-ħidma fl-armonizzazzjoni tar-regoli f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-istess waqt li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet miftiehma speċifiċi għas-settur li jirrispettaw id-dritt tal-awtur, li jiżguraw remunerazzjoni ġusta għall-awturi, u jippromwovu l-aċċess pubbliku għal firxa wiesgħa ta' prodotti kulturali legali;

53.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef ix-xogħol preparatorju tagħha dwar proposta leġiżlattiva fir-rigward “tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet', bil-għan li jiġu żgurati obbligu tal-għoti ta’ rendikont, trasparenza u governanza aħjar tas-soċjetajiet tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet, jiġu stabbiliti mekkaniżmi effiċjenti ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, u ċċarati u ssimplifikati sistemi ta’ liċenzjar fis-settur tal-mużika;

54.  Jenfasizza li l-mikropagamenti qed isiru kulma jmur aktar importanti f’dak li hu ħlas għal kontenut ta’ midja u għal kontenut kulturali onlajn, imma li għad hemm lok għal aktar titjib tal-faċilità li biha jsir użu tagħhom, u jara dan bħala għodda utli biex jiġi żgurat li dawk li jikkreaw qed jiġu remunerati peress li jagħmlu l-kontenut legali aċċessibbli għall-pubbliku b’mod li jkun jiflaħ għalih il-but ta’ kulħadd; iqis, għalhekk, li l-mikropagamenti huma mezz effikaċi biex jiġi miġġieled il-kontenut illegali; jenfasizza, madanakollu, li problemi assoċjati ma’ sistemi ta’ ħlas onlajn, bħalma huma n-nuqqas ta’ interoperabilità u l-ispejjeż għolja tal-mikropagamenti għall-konsumaturi, jeħtieġ li jiġu indirizzati bil-għan li jiġu żviluppati soluzzjonijiet sempliċi, innovattivi u kost-effettivi ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u għall-pjattaformi diġitali; jenfasizza li ż-żieda tal-provvista legali online ta’ kontenut kulturali bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu minn kulħadd fuq tul ta’ żmien tista’ toħnoq pjattaformi illegali fuq l-internet;

55.  Jenfasizza li t-teknoloġiji tal-internet, ġodda u li qed jespandu, kif ukoll is-servizzi onlajn żiedu d-domanda għal kontenut diġitali awdjoviżi u għal tipi oħra ta’ kontenut diġitali kulturali u kreattiv u jipprovdu modi ġodda u innovattivi biex dak li hemm offrut jiġi personalizzat u arrikkit, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jinnota, madankollu, li bħalissa ma hemmx provvista legali biżżejjed biex tissodisfa d-domanda, u din iċ-ċirkostanza tħajjar lill-utenti jfittxu kontenut illegali; jemmen li jeħtieġ li jiġu eżaminati mudelli innovattivi ta’ kummerċ u strutturi differenti tal-għoti ta' linċenzji bil-għan li tiżdied id-disponibilità; jitlob li jsir sfruttament aħjar tat-teknoloġiji diġitali, li għandhom iservu ta’ impetu kemm għad-divrenzjar u kemm għall-immultiplikar ta’ offerti leġittimi, u b’hekk jiġu sostnuti l-fiduċja tal-konsumatur u t-tkabbir filwaqt li jiġi żgurat li l-artisti jiġu rrimunerati b’mod ġust u proporzjonat;

56.  Jappoġġa bis-sħiħ miżuri kemm fil-livell ta’ Stat Membru u fil-livell Ewropew li jimpedixxu l-manifattura ta’ prodotti falsifikati u l-piraterija tal-prodotti fuq l-internet;

57.  Jilqa’ l-proposti biex id-disponibilità tiżdied u biex is-servizzi ta’ kontenut legali onlajn jiġu żviluppati, imma jenfasizza l-ħtieġa li d-dritt tal-awtur tal-UE jiġi modernizzat u armonizzat fil-livell tal-Unjoni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jkun hemm liġi tad-dritt tal-awtur li tkun tipprovdi l-inċentivi xierqa, tiżgura bilanċ u tkun dejjem aġġornata skont it-teknoloġija moderna; iqis li l-inkoraġġiment, il-promozzjoni u s-sostenibbiltà tal-liċenzjament multiterritorjali fis-suq uniku diġitali għandhom, fuq kollox, jiġu ffaċilitati minn inizzjattivi mmexxija mis-suq b’rispons għad-domanda tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, timplimenta l-inizjattivi tal-istrateġija tad-dritt ta' proprjetà intellettwali mingħajr dewmien;

58.  Jikkundanna bis-sħiħ kull diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi fuq il-bażi ta’ nazzjonalità u residenza, filwaqt li jfakkar l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE), u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dik id-Direttiva;

Il-bini tal-kunfidenza u tal-fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali

59.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi mmarkat pass importanti ’l quddiem fir-rigward taż-żieda fiċ-ċertezza legali għall-konsumaturi u n-negozji fit-tranżazzjonijiet onlajn, u llum din tikkostitwixxi l-istrument prinċipali għall-ħarsien tal-konsumatur għas-servizzi onlajn; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u mgħaġġla tagħha; jitlob għal kodiċi ta' prattika tajba għan-negozji onlajn u jsostni l-proposti tal-kuntratti modali f'dan ir-rigward; l-implimentazzjoni tas-CRD tkun tifforma parti importanti ta' kuntratti mudelli filwaqt li prattiki bl-imnut eżistenti għandhom jiġu rispettati wkoll; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jiddeċiedu jekk - fuq medda ta' żmien twila - jiffavorixxu l-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku jew reġim nazzjonali ieħor; fil-każ ta' dan tal-aħħar, iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi meħtieġa biex iġibu 'l quddiem b'mod kostruttiv dossiers bħal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ bl-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ transkonfinali fl-UE għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tan-negozji;

60.  Jemmen li r-Regolament propost dan l-aħħar dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-bejgħ, li jista’ jiġi magħżul mis-sħab kontraenti bħala alternattiva għar-regoli nazzjonali dwar il-liġi tal-bejgħ, għandu potenzjali sinifikanti biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq intern u jiġi pprovdut kummerċ għat-tranżazzjonijiet bl-internet b’mod iktar aċċessibbli u affidabbli mil-lat legali għall-konsumaturi u l-impriżi;

61.  Ifakkar li l-Istati Membri wkoll għandhom irwol xi jwettqu billi jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u nonburokratika tar-regoli tal-UE bil-għan li d-drittijiet tal-konsumatur isiru realtà;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jagħtu riżorsi adegwati lill-istrumenti effettivi bħan-Netwerk għall-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (CPC), sabiex ikun żgurat li n-negozjanti onlajn japplikaw ir-Regoli Ewropej dwar it-trasparenza u l-prattiċi kummerċjali inġusti, u b’hekk jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsmatur;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-inizjattivi fl-Istati Membri biex jittejbu l-ħiliet elettroniċi fost il-pubbliku ġenerali; jinnota l-importanza li ċ-ċittadini tal-UE jkunu mgħammrin b'ħiliet diġitali li jgħinuhom jisfruttaw kompletament il-benefiċċji li jkunu onlajn u jipparteċipaw fis-soċjetà diġitali;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi element ta’ aċċessibilità għall-konsumatur f'termini tal-implimentazzjoni ta' ambjent mingħajr ostakoli u firxa sħiħa ta' servizzi aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà fil-politiki kollha tas-Suq Uniku Diġitali, sabiex ikun żgurat li l-gruppi taċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess u jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-Suq Uniku Diġitali;

65.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-inizjattivi fl-Istati Membri biex jittejbu l-ħiliet elettroniċi fost il-pubbliku ġenerali b'attenzjoni partikolari għall-persuni mdaħħla aktar fiż-żmien sabiex jiġi promoss il-kunċett ta' tizjiħ attiv;

66.  Jirrikonoxxi l-importanza ta’ karta Ewropea għad-drittijiet tal-utenti li tiċċara d-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini tas-soċjetà tal-informatika;

67.  Jenfasizza l-importanza li jitrawwem il-ħolqien ta' websajts trasparenti u affidabbli għat-tqabbil tal-prezzijiet aċċessibbli f'diversi lingwi, bħala mezz biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ transkonfinali;

68.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq marka ta’ fiduċja Ewropea, li għandha tiggarantixxi li negozju li jopera onlajn jirrispetta bis-sħiħ il-liġi tal-UE; għandha tkun sempliċi u strutturata sew, u għandha tkun mimlija b’kontenut li jipprovdu valur miżjud għall-kummerċ elettroniku, għalhekk tingħata spinta l-fiduċja u t-trasparenza, kif ukoll iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumatur kif ukoll għan-negozji permezz tal-informazzjoni b'konformità mal-istandards W3C eżistenti u mhux legalment vinkolanti, fl-interess tal-persuni b'diżabbiltà;

69. barra minn hekk, jenfasizza l-bżonn għal approċċ integrat biex tittejjeb il-fiduċja tal-konsumatur fl-aċċess tiegħu għal servizzi legali transkonfinali;

70.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-UE tipprovdi lin-negozji u l-konsumaturi b’fiduċja u l-mezzi għall-kummerċ onlajn sabiex jiżdied il-kummerċ transkonfinali; għalhekk jitlob li jiġu ssimplifikati s-sistemi tal-liċenzjar u li jinħoloq qafas effiċjenti għad-drittijiet tal-awtur;

71.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tindirizza l-ostakoli għat-twettiq tas-suq uniku diġitali, l-aktar importanti l-ostakoli li jżommu lura l-iżvilupp ta’ servizzi traskonfinali legali onlajn; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn li tittejjeb il-kunfidenza tal-konsumatur fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi transkonfinali legali; jenfasizza li s-Suq Uniku Diġitali se jippermetti liċ-ċittadini jkollhom aċċess, fl-UE kollha, għas-suriet kollha ta’ kontenuti u servizzi diġitali (mużikali, awdjoviżivi, logħob tal-kompjuters);

72.  Jaqbel mal-Kummissjoni, li l-użu tal-potenzjal sħiħ tas-suq intern onlajn huwa mxekkel primarjament mill-fatt li għad hemm taħlita ta’ leġiżlazzjonijiet differenti, kif ukoll standards u prattiki bi ftit interoperabbiltà jew xejn;

73.  Jilqa’ l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar ir-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (ADR) u r-Riżoluzzjoni tat-Tilwim Onlajn (ODR), u jenfasizza l-importanza tal-addozzjoni effettiva tagħhom biex jgħinu fis-sejba ta' soluzzjoni għall-ilmenti u l-kunflitti transkonfinali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal dawn il-mekkaniżmi li jridu jsiru magħrufa għall-konsumaturi u n-negozjanti sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-livell mixtieq ta' effikaċja fil-prattika; ifakkar l-importanza ta' mekkaniżmu ta' rimedju effettiv bħala mezz li jiżgura li l-konsumaturi jistgħu jsegwu d-drittijiet tagħhom, filwaqt li jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom ikunu infurmati aħjar bid-dettalji ta' tali mekkaniżmu u strumenti oħra għar-riżoluzzjoni tal-problemi għodda; dan għandu jsaħħaħ ix-xiri transkonfinali ta' oġġetti u servizzi u jwassal għat-tneħħija tal-punti ta' konġestjoni li fadal li jostakolaw it-tkabbir u l-innovazzjoni partikolarment fi ħdan is-Suq Diġitali u li bħalissa qwgħdin jżommu s-Suq Uniku lura milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu; jenfasizza li l-eżistenza tal-pjattaforma għal riżoluzzjoni onlajn tat-tilwim fir-rigward tal-kummerċ elettroniku domestiku u transkonfinali se żżid il-fiduċja tal-konsumaturi fis-Suq Uniku Diġitali;

74.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinħolqu modi li jsaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-ambjent onlajn u li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza u l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż it-tneħħija ta' ostakli ġeografiċi, tekniċi u organizzazzjonali f'mekkaniżmi ta' rimedju; jara r-riżoluzzjoni rapida u kosteffikaċi tal-kwistjonijiet, partikolarment fir-rigward ta' tranżazzjonijiet onlajn, bħala rekwiżit ċentrali għall-fiduċja tal-utent; għalhekk jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward ta' riżoluzzjoni extraġudizzjarja u tar-riżoluzzjoni tal-kwisjtonijiet onlajn skont il-liġi tal-konsumatur u l-inizjattiva leġiżlattiva mħabbra dwar riżoluzzjoniji ta' kwistjonijiet bejn in-negozji;

75.  Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni għal miżuri kooperattivi mas-servizzi tal-pagamenti biex jiġi miġġieled il-kontenut mhux awtorizzat jew illegali; jenfasizza li kwalunkwe kooperazzjoni ma’ partijiet privati għandha tkun imsejsa b’mod sod f’qafas ġuridiku kkaratterizzat mir-rispett għall-privatezza tad-data, il-ħarsien tal-konsumatur, id-dritt ta’ riparazzjoni u aċċess għall-ġustizzja għall-partijiet kollha; jenfasizza li l-ewwel pass irid ikun l-implimentazzjoni effikaċja ta’ miżuri ta’ “azzjoni ta’ avviż’ li jkunu jiżguraw ir-rispett għad-dritt fundamentali għal proċess kriminali ġust quddiem tribuna indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, b’mod mhux ekwivoku u għal kulħadd; jenfasizza li l-operaturi kollha, inklużi l-fornituri ta’ pagamenti u min jirreklama, għandhom irwol xi jwettqu fil-ġlieda kontra l-kontenut mhux awtorizzat u illegali;

76.  Jilqa 'b'sodisfazzjon kbir il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida dwar “Strateġija għal Internet Aħjar għat-Tfal”; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-industrija biex jippromwovu l-użu ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda għall-edukazzjoni u għall-protezzjoni tal-minuri, u biex jikkooperaw mill-qrib u b'mod effiċjenti sabiex jipprovdu internet sikur għall-minuri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw proġetti għal-litteriżmu u l- familjarizzazzjoni fir-rigward tat-teknoloġiji diġitali, li għandhom jiġu mmirati lejn l-adulti li għandhom li huma responsabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ u għall-ġejjieni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, ħalli jsiru konxji tal-opportunitajiet u r-riskji li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) jirrappreżentaw għat-trabi u t-tfal filwaqt li jgħinu wkoll biex jitnaqqas id-distakk diġitali li hemm bejn il-ġenerazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni fir-rigward tad-drittijiet, l-obbligi u r-riskji tal-konsumatur dwar is-suq diġitali intern.

77.  Iħeġġeġ il-partijiet interessati jimpenjaw ruħhom għal reklamar responsabbli fir-rigward tal-minuri, b'mod partikolari billi jonqsu milli jxandru riklamar aggressiv u qarrieqi fuq it-televiżjoni u l-internet billi jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ kodiċijiet eżistenti ta' kondotta, u inizjattivi simili;

78.  Jikkunsidra li huwa meħtieġ li jingħata appoġġ lid-diġitalizzazzjoni ta’ xogħlijiet edukattivi u kulturali f’għadd kemm jista’ jkun kbir ta’ lingwi uffiċjali tal-UE, sabiex jiġi pprovdut kontenut prezzjuż u utli għall-pubbliku;

79.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti prinċipji ċari biex jirregolaw ir-relazzjonijiet mas-swieq diġitali ta’ pajjiżi terzi, l-aktar fir-rigward ta’ proġetti fil-livell tal-Unjoni bħalma hi d-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali dinji;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli dwar id-distribuzzjoni selettiva jiġu applikati sewwa, sabiex jiġu evitati l-abbużi u d-diskriminazzjoni;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni biex tiżgura newtralità netta;

82.  Jirrimarka li kompetizzjoni akbar, it-trasparenza fir-rigward tal-ġestjoni tat-traffiku u l-kwalità tas-servizz, kif ukoll il-possibilità li jbiddlu, huma fost il-kundizzjonijiet minimi meħtieġa biex tkun żgurata n-newtralità tal-internet; itenni l-appoġġ tiegħu għal internet miftuħ fejn il-kontenut u servizzi kummerċjali individwali ma jistgħux jiġu mblukkati; ifakkar fir-riżultati reċenti tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u jqis li hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali biex tkun żgrurata n-newtralità tal-internet;

83.  Jerġa’ jenfasizza l-isfidi potenzjali meta nitbiegħdu min-newtralità tan-netwerk, fosthom l-imġiba antikompetittiva, l-imblukkar tal-innovazzjoni, ir-restrizzjoni fuq il-libertà tal-espressjoni, in-nuqqas ta' għarfien tal-konsumatur u l-ksur tal-privatezza, kif ukoll rigward il-fatt li n-nuqqas ta' newtralità tal-internet jagħmel ħsara lin-negozji, lill-konsumaturi u lis-soċjetà kollha;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kompetizzjoni onlajn ħielsa u ġusta, billi jieħdu azzjoni kontra prattiki inġusti kummerċjali B2B, bħal restrizzjoni fuq l-internet, il-kontroll tal-prezzijiet u l-kwoti;

85.  Iqis espansjoni ulterjuri tan-netwerk tal-broadband u, b'mod partikolari, il-konnessjoni ta' żoni rurali, iżolati u l-aktar imbiegħda ma' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika bħala prijorità ċentrali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex ikollha kontroll kontinwu u, fejn meħtieġ, tiżgura permezz ta' intervent regolatorju li n-newtralità tan-netwerk tinżamm u li l-fornituri tal-internet ma jkunux imxekkla jew ostakolati biex jaċċessaw l-infrastruttura tan-netwerk.

It-twaqqif tal-bażi għal Ewropa iktar kompetittiva u inklussiva

86.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex isaħħu u jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-informazzjoni u l-infrastrutturi tal-komunikazzjoni peress li, filwaqt li l-Istati Membri kollha għandhom strateġija tal-broadband nazzjonali, ftit huma dawk li għandhom pjan totalment operattiv li jinkludi l-miri stabbiliti meħtieġa għall-materjalizzazzjoni totali tal-inizjattiva ewlenija fir-rigward ta' aġenda diġitali għall-Ewropa kif stabbilit fl-istrateġija Ewropa 2020; jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida “Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa’, peress li din se tkun kruċjali għall-implimentazzjoni effettiva tal-Aġenda Diġitali għall-miri Ewropej stabbiliti għall-2020, li jwegħdu aċċess tal-broadband għal kulħadd u l-objettiv intermedju li sal-2013, kull ċittadin tal-UE jkollu aċċess għal konnessjoni bażika tal-internet;

87.  Jenfasizza li s-servizzi tal-internet jiġu offruti fuq skala transkonfinali, u li għaldaqstant jeħtieġu azzjoni miftiehma f’konformità mal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa; Jindika li suq Ewropew bi kważi 500 miljun persuna konnessi ma’ broadband ta’ veloċità għolja jkun minn ta’ quddiem fl-iżvilupp tas-suq intern; jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenda diġitali tiġi konnessa mal-għoti ta’ servizzi ġodda bħall-kummerċ elettroniku, is-saħħa elettronika, it-tagħlim elettroniku, is-servizzi bankarji elettroniċi u s-servizzi governattivi elettroniċi;

88.  Jenfasizza li għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali Ewropew hu importanti li jitkomplew l-isforzi għal aċċess universali u b’veloċità għolja għall-konsumaturi kollha, permezz tal-promozzjoni tal-aċċess għall-internet fiss u mobbli u t-tqegħid ta’ infrastruttura tal-ġenerazzjoni li jmiss; jenfasizza li dan jeħtieġ politiki li jippromwovu l-aċċess b’kundizzjonijiet kompetittivi; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu spinta ġdida lill-istrateġija Ewropea dwar il-broadband veloċi u ultraveloċi bl-aġġornament ta' dawn l-objettivi;

89.  Jenfasizza l-valur potenzjali tal-bidla diġitali tas-servizzi pubbliċi għall-konsumaturi u n-negozji u jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali għad-diġitizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, li għandhom jinkludu miri u miżuri biex is-servizzi pubbliċi jkunu kollha onlajn u aċċessibbli sal-2015; Jirrikonoxxi li n-netwerks b’veloċità għolja huma prerekwiżit għall-iżvilupp ta’ servizzi onlajn u għat-tkabbir ekonomiku; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa objettivi dinjija ewlenin dwar l-aġenda diġitali sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa ssir il-mexxej globali fir-rigward tal-veloċità u l-konnettività tal-Internet. jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw aktar il-pjanijiet nazzjonali għall-broadband u jadottaw pjanijiet operattivi b’miżuri konkreti biex jimplimentaw l-objettvi ambizzjużi tal-broadband, u jenfasizza l-importanza strateġika u kruċjali tal-istrumenti proposti mill-Kummissjoni fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

90.  Jiddispjaċih li l-UE għadha lura fir-rigward ta’ konnessjonijiet bl-Internet li joperaw fuq il-fibra; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex iħaffu l-firxa u l-adozzjoni tal-broadband ultraveloċi u jitlob għal strateġija Ewropea għat-twettiq ta' FTTx fuq skala kbira (“fibre to the x’);

91.  Jistieden lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta' kontinġenza fil-każ ta' inċident ċibernetiku sabiex ikun jistgħu jindirizzaw tfixkil ċibernetiku jew attakki ċibernetiċi li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, inklużi pjanijiet għal infrastruttura ta' informazzjoni kemm fuq livell Ewropew kif ukoll nazzjonali, u wkoll biex jiżviluppaw strateġiji għal infrastruttura aktar flessibbli u affidabbli; jenfasizza li f'dan il-qasam għandha tiġi intensifikata l-kooperazzjoni internazzjonali; ifakkar li s-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni hi r-responsabilità tal-partijiet interessati kollha, inkluż tal-utenti fid-djar, tal-fornituri tas-servizz u tal-iżviluppaturi tal-prodott; jirrakkomanda li jkunu nkoraġġiti t-taħriġ u l-edukazzjoni marbuta mas-sigurtà ċibernetika kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-professjonisti;

92.  Jenfasizza li l-internet qed jintuża dejjem aktar fuq apparat mobbli u jitlob sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà akbar tal-frekwenza tar-radju għall-internet mobbli u biex titjieb il-kwalità tas-servizzi elettroniċi pprovduti fuq dan l-apparat mobbli; l-allokazzjoni futura tal-ispettru tar-radju għandha tħejji t-triq għal tmexxija Ewropea f’applikazzjonijiet mingħajr fili u servizzi ġodda sabiex jissaħħu t-tkabbir u l-kompetittività globali Ewropej;

93.  Jinnota li t-traffiku tad-data fiss u mobbli qed jikber esponenzjalment u li numru ta’ azzjonijiet, bħal aktar allokazzjonijiet tal-ispettru armonizzati għall-broadband bla fili, żieda fl-effiċjenza tal-ispettru u l-varar rapidu ta’ netwerks ta' aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss, se jkunu kruċjali għall-ġestjoni ta’ din iż-żieda;

94.  Il-valutazzjoni tal-ħtieġa li l-frekwenza ta’ 700 MHz tinfetaħ għat-traffiku tad-data mobbli huwa l-ewwel pass neċessarju sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet futuri tal-kapaċità;

95.  Jilqa’ l-komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar l-akkwist elettroniku ppubblikata fl-20 ta’ April 2012; jenfasizza li l-akkwist elettroniku għandu jissimplifika l-mod ta’ kif jitwettaq ix-xiri, jipprovdi trasparenza, inaqqas il-piżijiet u l-ispejjeż, iżid il-parteċipazzjoni tal-SMEs, u jagħti kwalità aħjar u prezzijiet orħos;

96.  Jilqa’ l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar regolament għal identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern, li, billi jkopri r-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni reċiproċi fil-livell tal-UE ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati, għandu l-potenzjal li jippermetti interazzjonijiet elettroniċi sikuri u mingħajr xkiel bejn in-negozji, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi, u b’hekk tiżdied l-effikaċja tas-servizzi pubbliċi u privati onlajn, kif ukoll tan-negozju u l-kummerċ elettroniku fl-UE; jenfasizza l-importanza tal-firem elettroniċi u r-rikonoxximent reċiproku ta' IDs elettroniċi fil-livell Ewropew biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata simultanjament kemm l-interoperabbiltà tal-UE kollha kif ukoll l-protezzjoni tad-data personali

97.  Ifakkar li l-użu tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni min-naħa tas-settur pubbliku huwa l-pedament għall-iżvilupp tas-soċjetà diġitali u tal-informazzjoni u, għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw iżjed servizzi elettroniċi sikuri u effettivi; jinnota, b’mod partikolari fejn huma kkonċernati l-identifikazzjoni elettronika u l-firem elettroniċi, li l-interoperabbiltà transkonfinali hija prerekwiżit għall-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ fatturar elettroniku transkonfinali;

98.  Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 dwar suq uniku elettroniku kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun, il-Parlament Ewropew enfasizza l-importanza taċ-ċertezza legali, ta’ ambjent tekniku ċar u ta’ soluzzjonijiet miftuħa u interoperabbli għall-fatturar elettroniku ibbażati fuq rekwiżiti legali, fuq proċessi tan-negozju u standards tekniċi komuni sabiex tiġi faċilitata l-adozzjoni fuq skala kbira; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-bżonn li jiġu stabbiliti standards tal-Unjoni Ewropea għall-identifikazzjoni elettronika u l-firem elettroniċi li huma uniformi u miftuħa; jinnota li l-ostakoli ewlenin għall-aċċess transkonfinali għas-servizzi elettroniċi pprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi huma marbuta mal-użu tal-firem u l-identifikazzjoni elettroniċi u man-nuqqas ta’ kompatibilità tas-sistemi ta’ gvern elettroniku fil-livell tal-UE; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar servizzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni u ta’ “trust’ għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern;

o
o   o

99.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0209.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0211.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0491.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0492.
(5) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0453.
(7) Testijiet adottati, P7_TA(2011)0307.
(8) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 58.
(9) ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 1.
(10) ĠU L 189, 22.7.2010, p.1.
(11) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(12) ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 1.
(13) Testi adottati, P7_TA(2011)0453.
(14) ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 112.
(15) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 26.
(16) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 43.
(17) ĠU C 146E, 12.6.2008, p. 370.
(18) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
(19) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.
(20) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(21) ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 109.
(22) ĠU C 305E, 14.12.2006, p.247.
(23) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(24) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(25) http://www.un.or.at/unictral
(26) ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16.
(27) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(28) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(29) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(30) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.7.2000, p.1)
(31) Id-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, 18.12.2009, p.11) u d-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, 18.12.2009, p.37).

Avviż legali - Politika tal-privatezza