Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2246(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0117/2013

Testi mressqa :

A7-0117/2013

Dibattiti :

PV 20/05/2013 - 22
CRE 20/05/2013 - 21

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2013 - 6.13
CRE 21/05/2013 - 6.13

Testi adottati :

P7_TA(2013)0203

Testi adottati
PDF 307kWORD 150k
It-Tlieta, 21 ta' Mejju 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Karta tal-UE: Regoli komuni għal-Libertà tal-Midja fl-UE kollha
P7_TA(2013)0203A7-0117/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-midja fl-UE kollha (2011/2246(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dikjarazzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u d-dokumenti tal-Kummissjoni ta’ Venezja u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-libertà tal-espressjoni, tal-informazzjoni u tal-midja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, l-Artikoli 2, 7 u 9 sa 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-artikoli tat-Trattati marbutin mal-libertà tal-istabbiliment, il-libertà tal-għoti tas-servizzi, il-moviment liberu tal-persuni u l-merkanzija, il-kompetizzjoni u l-għajnuniet tal-Istat, u l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kultura),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-Protokoll ta’ Amsterdam,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolamentazzjoni jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva)(1) ,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (SEC(2007)0032),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Libertà tal-Istampa(2) ,

–  wara li kkunsidra t-twaqqif min-naħa tal-Kummissjoni ta’ Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libertà u l-Pluraliżmu tal-Midja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2002 dwar il-konċentrazzjoni tal-midja(3) , tal-4 ta’ Settembru 2003 dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2002)(4) , tal-4 ta’ Settembru 2003 dwar Televiżjoni mingħajr Fruntieri(5) , tas-6 ta' Settembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KEE (‘Televiżjoni mingħajr fruntieri’), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE, għall-perijodu 2001-2002(6) , tat-22 ta’ April 2004 dwar ir-riskji ta' ksur, fl-UE, u b' mod partikolari fl-Italja, tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni (Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)(7) , tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu fil-midja fl-Unjoni Ewropea(8) , tal-25 ta' Novembru 2010 dwar 'ix-xandir għas-servizz tal-pubbliku fl-era diġitali: il-futur tas-sistema doppja(9) , u tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar il-liġi tal-midja fl-Ungerija(10) ,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Ewropea għall-Pluraliżmu tal-Midja(11) li ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni Ewropea u li għandha l-għan li tipproteġi l-pluraliżmu tal-midja permezz ta' armonizzazzjoni parzjali tar-regoli nazzjonali dwar is-sjieda u t-trasparenza tal-midja, il-konflitti ta' interess ma' karigi politiċi u l-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji tal-midja,

–  wara li kkunsidra l-Premessi 8 u 94 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, li jiddelineaw il-ħtieġa għall-Istati Membri li jipprevjenu kull azzjoni li toħloq pożizzjonijiet dominanti jew tirrestrinġi l-pluraliżmu, u li jippermettu lill-korpi regolatorji indipendenti jwettqu xogħolhom b’mod trasparenti u imparzjali,

–  wara li kkunsidra x-xogħol magħmul mill-OSKE f’dak li għandu x’jaqsam mal-libertà tal-midja, b’mod partikolari r-Rappreżentant tagħha għal-Libertà tal-Midja, wara li kkunsidra r-rapporti relatati, u wara li kkunsidra d-diskors mogħti b’vidjo fis-smigħ dwar il-libertà tal-midja li sar mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern nhar is-6 ta’ Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-NGOs dwar il-midja, bħal dawk tar-Reporters Without Borders (Press Freedom Indexes) u ta’ Freedom House (ir-rapporti Freedom of the Press),

–  wara li kkunsidra l-istudji dwar il-kwestjonijiet marbutin mal-midja ppubblikati mill-Parlament(12) , u miċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja tal-Istitut Universitarju Ewropew(13) ,

–  wara li kkunsidra l-istudju indipendenti ‘The indicators for media pluralism in the Member States - Towards a risk-based approach’ magħmul fuq talba tal-Kummissjoni fl-2007 u ppubblikat fl-2009(14) , li fih Għodda għall-Monitoraġġ tal-Midja hija definita b’indikaturi sabiex jiġi enfasizzat it-theddid għall-pluraliżmu tal-midja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0117/2013),

Α.  billi l-midja għandha rwol fundamentali bħala ‘kelb tal-għassa pubbliku’ f’demokrazija, billi tippermetti liċ-ċittadini jeżerċitaw jeddhom li jkunu infurmati, li jiskrutaw u jiġġudikaw l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ dawk li jeżerċitaw jew għandhom is-setgħa jew l-influwenza, b’mod partikolari meta jkun hemm konsultazzjonijiet pubbliċi elettorali; billi jista’ jkollha wkoll parti fl-istabbiliment tal-aġenda pubblika billi tuża l-awtorità tagħha bħala kustodja tal-informazzjoni u għaldaqstant taġixxi bħala dik li ssawwar l-opinjonijiet;

B.  billi l-libertà tal-espressjoni fl-isfera pubblika wriet li hija ta’ kontribut għall-iżvilupp tad-demokrazija u l-istat tad-dritt innifsu, u fundamentali għall-eżistenza u s-sopravivenza tagħha; billi l-midja ħielsa u indipendenti u l-iskambju liberu tal-informazzjoni għandhom rwol deċiżiv fit-trasformazzjonijiet demokratiċi li jseħħu f’reġimi mhux demokratiċi, u l-Kummissjoni hi mitluba tissorvelja mill-qrib il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fil-pajjiżi li se jaderixxu u tagħti attenzjoni suffiċjenti lir-rwol tal-midja libera fil-promozzjoni tad-demokrazija madwar id-dinja;

C.  billi l-libertà tal-midja hija pedament tal-valuri minquxin fit-Trattati, fosthom id-demokrazija, il-pluraliżmu, u r-rispett għall-jeddijiet tal-minoranzi; billi l-istorja tagħha, bl-isem ta’ ‘libertà tal-istampa’, kienet kostitwenti tal-progress tal-ideat demokratiċi u l-iżvilupp tal-ideal Ewropew fl-istorja;

D.  billi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u l-ġurnaliżmu indipendenti huma elementi essenzjali għall-eżistenza nfisha tal-attività tal-midja madwar l-Unjoni kollha, u b’mod partikolari fis-suq uniku; billi, għalhekk, kwalunkwe restrizzjoni indebita tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u l-indipendenza tal-ġurnaliżmu hi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ opinjoni u anki fuq il-libertà ekonomika; billi l-ġurnalisti għandhom ikunu ħielsa mill-pressjoni tal-proprjetarji, tal-maniġers u l-gvernijiet kif ukoll mit-theddidiet finanzjarji;

E.  billi sfera pubblika awtonoma u b’saħħitha, ibbażata fuq midja indipendenti u pluralista, tikkostitwixxi l-ambjent essenzjali fejn il-libertajiet kollettivi tas-soċjetà ċivili, bħad-dritt ta’ għaqda u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll il-libertajiet individwali, bħalma huma d-dritt tal-libertà ta' espressjoni u d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni jistgħu jiffjorixxu;

F.  billi l-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni jistgħu jiġu ggarantiti biss permezz tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, li permezz tagħhom il-ġurnalisti u l-midja jistgħu jeżerċitaw jeddhom u dmirhom li jinfurmaw b’mod ġust u newtrali u jirrapportaw b’mod imparzjali liċ-ċittadini dwar il-ġrajjiet u d-deċiżjonijiet ta’ interess pubbliku; billi l-membri kollha tas-soċjetà għandhom il-jedd ileħħnu fehmiethom b’mod demokratiku u paċifiku;

G.  billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li hemm obbligu pożittiv għall-Istati Membri biex tiżgura l-pluraliżmu tal-midja, naxxenti mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jinkludi dispożizzjonijiet simili għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tagħmel parti mill-acquis communautaire;

H.  billi l-informazzjoni fin-natura tagħha stess, u wkoll u b’mod partikolari b’riħet il-bidliet teknoloġiċi li seħħew matul dawn l-aħħar deċennji, tmur lil hinn mill-fruntieri ġeografiċi u għandha rwol kruċjali fl-għoti ta’ informazzjoni lill-komunitajiet nazzjonali li jgħixu barra mill-pajjiż, waqt li tagħti l-għodod li jippermettu l-għarfien u l-fehim reċiproku bejn il-fruntieri u l-pajjiżi; billi permezz ukoll tal-faċilitajiet onlajn, iżda mhux b'limitazzjoni għal dan biss, il-midja kisbet karattru globali li minnu issa jiddependu l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-pubbliku, u b’mod partikolari l-konsumaturi tal-informazzjoni; billi l-bidliet fid-dinja tal-midja u fit-tekonoloġiji tal-komunikazzjoni ddefinixxew mill-ġdid l-arena tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-mod li bih tiġi infurmata n-nies u tissawwar l-opinjoni pubblika;

I.  billi sfera pubblika fl-Ewropa kollha bbażata fuq rispett kontinwu u bla interruzzjoni għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja hija element kruċjali għall-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni, skont il-valuri minquxa fit-Trattati, mal-obbligu tar-responsabilità politika tal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-iżvilupp tad-demokrazija Ewropea, pereżempju fil-każ tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew; billi l-pajsaġġ vibranti, kompetittiv u pluralistiku tal-midja, kemm dik stampata kemm dik awdjoviżiva, jistimula l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-dibattiti pubbliċi, li hi essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema demokratika;

J.  billi l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet li jimmonitorjaw il-libertà tal-midja, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, kif ukoll il-Parlament Ewropew fl-istudji u r-riżoluzzjonijet tiegħu, irrappurtaw u wissew dwar it-theddidiet għall-midja libera u indipendenti min-naħa tal-gvernijiet, inklużi l-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE(15) ;

K.  billi l-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE ttrattaw id-dimensjoni umana u demokratika tal-komunikazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet, riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet u rapporti lkoll dettaljati dwar il-libertà, il-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni tal-midja, u b’hekk ħolqu korp sinifikanti ta' standards komuni minimi pan-Ewropej f'dan il-qasam;

L.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tipproteġi u tippromwovi l-pluraliżmu tal-midja bħala pilastru essenzjali tal-jedd għall-informazzjoni u l-jedd għal-libertà tal-espressjoni, li huma kisbiet sinifikattivi essenzjali għaċ-ċittadinanza attiva u d-demokrazija parteċipattiva, u huma mnaqqxin fl-Artikolu 11 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali;

M.  billi l-libertà tal-midja hi kriterju kwalifikanti għall-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati għall-UE skont il-kriterji ta’ Kopenħagen, u hija wkoll wieħed mill-prinċipji promossi mill-UE fil-politika barranija tagħha; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom b’konsegwenza ta’ hekk imexxu bl-eżempju internament, biex b’hekk jiżguraw il-kredibilità u l-koerenza;

N.  billi l-Parlament ripetutament fisser it-tħassib tiegħu dwar il-libertà, il-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni tal-midja, u talab lill-Kummissjoni, bħala l-għassies tat-Trattati, tieħu miżuri xierqa, inkluż billi tipproponi inizjattiva leġiżlattiva fuq il-materja;

O.  billi nhar is-16 ta’ Jannar 2007 l-Kummissjoni nediet ‘approċċ bi tliet stadji’, li jikkonsisti f’dan li ġej: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Pluraliżmu tal-Midja; studju indipendenti dwar il-pluraliżmu fil-midja fl-Istati Membri tal-UE, b'indikaturi għall-valutazzjoni tal-pluraliżmu tal-midja u l-identifikazzjoni tar-riskji potenzjali fl-Istati Membri (li kellu joħroġ fl-2007); u komunikazzjoni tal-Kumimssjoni dwar l-indikaturi għall-pluraliżmu fil-midja tal-Istati Membri (li kellha toħroġ fl-2008), segwita minn konsultazzjoni pubblika(16) ; billi l-għodda għall-pluraliżmu tal-midja deskritta fl-istudju indipendenti għadha trid tiġi implimentata;

P.  billi dan l-approċċ sfortunatament ma tkompliex mill-Kummissjoni, billi la l-komunikazzjoni u lanqas il-konsultazzjoni pubblika qatt ma tnedew;

Q.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali saret torbot; billi l-Karta hija l-ewwel dokument internazzjonali li espliċitament jiddikjara li l-‘libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rispettati’ (Artikolu 11(2)); billi t-Trattati jagħtu lill-UE mandat u setgħat ħalli tiżgura li l-jeddijiet fundamentali kollha jkunu mħarsa fl-Unjoni, l-aktar fuq il-bażi tal-Artikoli 2 u 7 tat-TUE;

R.  billi l-Istati Membri għandhom dmir li kostantement jippromwovu u jipproteġu l-libertà tal-opinjoni, l-espressjoni, l-informazzjoni u l-midja, peress li dawn il-prinċipji huma assigurati wkoll fil-kostituzzjonijiet u l-liġijiet tagħhom, u anki li jipprovdu liċ-ċittadini aċċess ġust u ekwu għal sorsi ta’ informazzjoni differenti u għaldaqstant għal aspetti u opinjonijiet li jvarjaw; billi barra minn hekk għandhom id-dmir li jirrispettaw u jipproteġu l-ħajja privata u dik tal-familja, id-djar u l-komunikazzjonijiet kif ukoll id-data personali taċ-ċittadini skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta; billi, jekk kemm-il darba dawn il-libertajiet jitqiegħdu f’riskju gravi jew jiġu vvjolati fi Stat Membru, l-Unjoni Ewropea tkun marbuta tintervjeni b’mod f’waqtu u effikaċi fuq il-bażi tal-kompetenzi tagħha kif minquxin fit-Trattati u fil-Karta, ħalli tħares l-ordni demokratiku u pluralistiku u l-jeddijiet fundamentali Ewropej;

S.  billi l-UE għandha kompetenzi fl-oqsma marbutin mal-midja bħalma huma s-suq intern, il-politika awdjoviżiva, il-kompetizzjoni (inklużi s-sussidji statali), it-telekomunikazzjonijiet u l-jeddijiet fundamentali; billi l-Parlament iddikjara li l-istandards minimi essenzjali għandhom ikunu definiti fuq din il-bażi, ħalli jkunu assigurati, iggarantiti u promossi l-libertà tal-informazzjoni u livell adegwat ta’ pluraliżmu fil-midja u governanza medjatika indipendenti(17) ; billi l-Kummissjoni fdat lis-Centre for Media Pluralism and Media Freedom tal-European University Institute bil-kompitu li jagħmel analiżi dwar l-ambitu tal-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-libertà tal-midja;

T.  billi tqajjem xi tħassib b’rabta mal-isfidi u l-pressjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom is-servizzi medjatiċi, b’mod partikolari x-xandara tas-servizz pubbliku f’termini ta’ indipendenza editorjali, reklutaġġ tal-persunal, prekarjat fl-impjiegi, awto-ċensura, pluraliżmu, newtralità u kwalità tal-informazzjoni, aċċess u finanzjament, ikkawżati minn interferenza politika u finanzjarja mhux xierqa, kif ukoll mill-kriżi ekonomika;

U.  billi jitqanqal ċertu tħassib fir-rigward tar-rata għolja ta' qgħad tal-ġurnalisti fl-Ewropa, u fir-rigward tal-proporzjon għoli tagħhom li jaħdmu bħala ġurnalisti indipendenti, bi stabilità u appoġġ limitati, u fi kliem ta’ inċertezza kbira;

V.  billi l-midja privata tħabbat wiċċha ma' konċentrazzjoni kulma qed tikber kemm domestika kemm transfrunterjali li qed tikber, bil-konglomerati tal-midja jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom f'pajjiżi differenti, billi jkabbru l-investiment fil-midja intra-UE, u l-investituri u l-midja mhux Ewropej jeżerċitaw influwenza kulma jmur qed tikber fl-Ewropa li twassal għall-monopolizzazzjoni tal-informazzjoni filwaqt li jiddgħajjef il-plurliżmu tal-opinjonijiet; billi hemm ċertu tħassib rigward il-għejun tal-finanzjament ta’ xi midja privata, inkluż ta’ xi wħud fl-Unjoni Ewropea;

W.  billi l-pubbliku Ewropew, kif intwera permezz ta’ bosta inkjesti, studji tal-opinjoni u inizjattivi pubbliċi, leħħen it-tħassib tiegħu fir-rigward tad-deterjorament tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, u talab ripetutament li l-UE tieħu azzjoni għaż-żamma tal-libertà tal-midja u l-iżvilupp ta’ pajsaġġ medjatiku b’saħħtu, indipendenti u pluralista;

X.  billi t-tħaffif taċ-ċiklu tal-aħbarijiet wassal għal nuqqasijiet serji min-naħa tal-ġurnalisti, bħalma huma n-nuqqas ta’ kontroll u verifiki doppji tal-għejun ġurnalistiċi;

Y.  billi l-iżvilupp tal-ambjent diġitali jista’ jkollu rwol essenzjali għall-aċċess għall-informazzjoni online taċ-ċittadini Ewropej;

Z.  billi l-pajsaġġ medjatiku għaddej minn bidliet fundamentali; billi, partikolarment f’dan il-mument ta’ kriżi ekonomika, proporzjon li kulma jmur qed jikber ta’ ġurnalisti qed jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji ta’ impjieg u qed jiffaċċaw nuqqas ta’ sigurtà soċjali, apparagun tal-istandards tas-suq tax-xogħol, u jridu wkoll jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi marbutin għall-futur tal-ġurnaliżmu;

AA.  billi intbagħtu petizzjonijiet lill-Parlament dwar l-istess tħassib u talbiet taċ-ċittadini, li jixhdu talba għal azzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari l-Parlament;

AB.  billi l-bidliet teknoloġiċi li ġabu magħhom l-Internet, is-sistemi tal-informatika personali, u iktar riċenti s-sistemi tal-informatika mobbli biddlu b’mod radikali l-infrastruttura tal-informazzjoni b’tali mod li kellhom konsegwenzi fuq il-mudell kummerċjali tal-midja iktar tradizzjonali, b’mod partikolari d-dipendenza tagħha fuq is-suq tar-riklami, u b’hekk ipperikolaw is-sopravivenza tal-midja tal-istampa li twettaq rwol ciċviku u demokratiku importanti; billi għaldaqstant huwa l-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi, kemm fil-livell tal-Istat Membri kif ukoll f’dak tal-Unjoni, li joħolqu sett ta’ għodod li jkun disponibbli matul il-perjodu preżenti ta’ tranżizzjoni u li jgħin biex tiġi garantita s-sopravvivenza tal-valuri u r-responsabilitajiet tal-midja indipendenti, irrispettivament mill-pjattaforma teknoloġika li se jassumu issa jew fil-futur; f’dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju dwar l-effetti tal-bidla teknoloġika fuq il-mudell kummerċjali tal-midja u l-konsegwenzi tagħha għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

AC.  billi l-kriżi ekonomika riċenti kompliet aggravat id-diffikultajiet tal-midja tal-istampa u, minħabba l-prekarjetà kulma qed tikber tar-rwol tal-ġurnalisti, wasslet biex il-pajsaġġ medjatiku jisfa aktar vulnerabbli għall-pressjoni ekonomika u politika, u saret ukoll iktar fraġli fiha nnifisha; dawn il-fenomeni kellhom konsegwenzi partikolari għal dawk il-ġeneri ġurnalistiċi li huma aktar għaljin jew li jieħdu aktar ħin biex jiġu żviluppati, bħalma hu l-ġurnaliżmu investigattiv, ir-rapportaġġ, u l-kollokazzjoni ta’ korrispondenti internazzjonali u Ewropej; billi dawn it-tipi ta’ ġurnaliżmu huma essenzjali biex jiġu garantiti r-responsabilizzazzjoni u r-responsabilità politika tal-awtoritajiet pubbliċi u politiċi, biex jintemmu l-abbużi tas-setgħa ekonomika u istituzzjonali, u biex jiġu żgurati l-iżvelar u l-prosekuzzjoni tal-attività kriminali fl-oqsma soċjali, ambjentali u umanitarji; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-effetti tal-kriżi u tal-impjieg prekarju fuq il-komunità ġurnalistika, bl-għan li jiġu analizzati u jsir tentattiv biex jiġu rrimedjati l-konsgwenzi tagħhom fuq il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

AD.  billi t-tibdil teknoloġiku, popolazzjoni diversa ta’ ġurnalisti professjonisti indipendenti, u l-kisba tal-kompetenzi varji meħtieġa biex tinġabar u tiġi prodotta informazzjoni ta’ kwalità llum joħolqu wkoll opportunitajiet għall-ħolqien ta’ impriżi ġurnalistiċi ġodda transnazzjonali u li jistgħu joperaw fuq pjattaformi differenti li jistgħu jiġu appoġġati permezz ta’ politiki pubbliċi kif ukoll ibbażati fuq is-suq;

1.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea jirrispettaw, jiggarantixxu, iħarsu u jippromwovu l-jedd fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu, u b’hekk iżommu lura milli jeżerċitaw, u jiżviluppaw mekkaniżmi li jimpedixxu, it-theddid għal-libertà tal-midja bħalma huma t-tentattivi għall-influwenzar indebitu u politiku u l-impożizzjoni ta’ kontroll u ċensura partiġjani fuq il-midja, jew il-limitazzjoni jew ir-restrizzjoni ħażina tal-libertà u l-indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa fis-servizz tal-interessi privati jew politiċi, jew it-theddid finanzjarju għax-xandara tas-servizz pubbliku;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jiżguraw li jkun hemm proċeduri u mekkaniżmi legalment vinkolanti għall-għażla u l-ħatra tal-kapijiet tal-midja pubbliċi, tal-bordijiet tal-ġestjoni, tal-kunsill tal-midja u tal-korpi regolatorji, li jkunu trasparenti, imsejsin fuq il-mertu u fuq l-esperjenza indiskussa u li jiżguraw l-professjonalità, l-integrità u l-indipendenza, kif ukoll il-kunsens massimu f’termini ta’ rappreżentanza tal-ispettru politiku u soċjali sħiħ, iċ-ċertezza tal-liġi u l-kontinwità tal-liġi aktar milli l-kriterji politiċi jew partiġjani li huma msejsin fuq sistema ta’ ‘bottin u rikompensa’ marbuta mar-riżultati elettorali jew soġġetti għal dak li jkunu fil-poter; jinnota l-fatt li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi ġabra ta’ kriterji għall-ħatra ta’ kapijiet jew bords tal-midja statali, b’konformità mal-prinċipji ta’ indipendenza, integrità, esperjenza u professjonaliżmu; jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu garanziji biex tiġi pprovduta l-indipendenza tal-kunsilli medjatiċi u l-korpi regolatorji mill-influwenza politika tal-gvern, tal-maġġoranza parlamentari jew ta’ kwalunkwe grupp ieħor tas-soċjetà;

3.  Jenfasizza li l-pluraliżmu fil-midja u l-indipendenza ġurnalistika u editorjali huma pilastri tal-libertà tal-midja, f’termini ta’ żgurar li l-midja jkunu diversifikati, tal-għoti tal-aċċess għall-atturi soċjali u politiċi differenti, għall-opinjonijiet u veduti differenti (inklużi tal-NGOs, tal-għaqdiet taċ-ċittadini, tal-minoranzi, eċċ) u l-offerta ta’ gamma wiesgħa ta’ veduti;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-komunitajiet kulturali li huma maqsuma f’diversi gvernijiet reġjonali u Stati Membri jkun jista’ jkollhom aċċess għal midja f’ilsienhom, u li l-ebda deċiżjoni politika ma tittieħed li tkun tista’ ttemm dan l-aċċess;

5.  Ifakkar li, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istati li huma parti għall-Konvenzjoni marbutin jiggarantixxu l-pluraliżmu tal-midja skont it-termini tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka li l-Artikolu 10 ta’ dik il-Konvenzjoni fih dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tifforma parti mill-acquis Komunitarju;

6.  Jinsisti li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Istati Membri jiggarantixxu f'pajjiżhom applikazzjoni kif suppost tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif espressa permezz tal-pluraliżmu tal-midja, l-aċċess ugwali għall-informazzjoni u r-rispett għall-indipendenza tal-istampa permezz tan-newtralità;

7.  Jinnota li, skont il-kriterji ta' Kopenħagen, il-pajjiżi li jixtiequ jaderixxu mal-Unjoni Ewropea jridu jkunu konformi mal-acquis tal-Unjoni li jinkludi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, b'mod aktar partikolari, l-Artikolu 11 tagħha li jirrikjedi rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; jinnota, bil-kontra, li għalkemm l-Istati Membri eżistenti huma wkoll obbligati jikkonformaw mal-Karta, ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu biex jiżgura li qed jikkonformaw;

8.  Jissottolinja r-rwol fundamentali ta’ sistema dwali Ewropea li tkun ġenwinament ekwilibrata, li fiha l-midja tas-servizzi privati u pubbliċi jkollhom ir-rwoli rispettivi tagħhom li jkun ippreżervati, kif mitlub mill-Parlament, mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-Ewropa; jinnota li f’soċjetà multimedjali li fiha issa hawn numri kulma jmur jikbru ta’ atturi tas-suq globali mmexxija minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali, il-midja tas-servizz pubbliku huma essenzjali; ifakkar fir-rwol importanti tal-midja tas-servizz pubbliku ffinanzjat miċ-ċittadin permezz tal-istat biex ikunu sodisfatti ħtiġiethom, kif ukoll id-dmir istituzzjonali tagħhom li jagħtu informazzjoni ta’ kwalità għolja, preċiża u affidabbli għal gamma wiesgħa ta’ udjenzi, li jkunu indipendenti minn pressjonijiet esterni u interessi privati jew politiċi, filwaqt li joffru spazju għal niċeċ li għandu mnejn ma jkunux iħallu profitt għall-midja privati; jisħaq li l-midja privati għandhom dmirijiet simili b’rabta mal-informazzjoni, b’mod partikolari l-informazzjoni ta' natura istituzzjonali u politika, eż., fil-kuntest bħal dak tal-elezzjonijiet, referenda, eċċ.; jisħaq dwar il-ħtieġa li tkun iggarantita l-indipendenza professjonali tal-aġenziji nazzjonali tal-aħbarijiet ħalli jkun evitat il-ħolqien tal-monopolji tal-aħbarijiet;

9.  Jirrikonoxxi li awtoregolamentazzjoni kontinwa u inizjattivi mhux leġiżlattivi, li jkunu indipendenti, imparzjali u trasparenti, għandhom rwol importanti fl-iżgurar tal-libertà tal-midja; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tappoġġa l-indipendenza tal-midja u l-aġenziji regolatorji tagħha kemm mill-istat (inkluż fil-livell Ewropew) kif ukoll minn interessi kummerċjali qawwija;

10.  Ifakkar fir-rwol speċifiku u distint tal-midja tas-servizz pubbliku, kif jingħad fil-Protokoll ta’ Amsterdam dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri;

11.  Ifakkar li l-Protokoll 29 tat-Trattati jirrikonoxxi li s-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri hi direttament marbuta mal-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà u mal-ħtieġa tal-preżervazzjoni tal-pluraliżmu tal-midja; għaldaqstant jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi tax-xandir biss sa kemm dan jingħata għas-sodisfaċiment tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, u mingħajr ma jintlaqtu l-kondizzjonijiet tal-kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni;

12.  Jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament xieraq, proporzjonat u stabbli għall-midja tas-servizz pubbliku sabiex tkun garantita l-indipendenza politika u ekonomika ħalli jkunu jistgħu jwettqu l-mandat sħiħ tagħhom – inkluż ir-rwol soċjali, edukattiv, kulturali u demokratiku tagħhom – u jkun jistgħu jadattaw għall-bidliet diġitali u jikkontribwixxu għal soċjetà tal-informazzjoni u tal-għarfien inklużiva, li fiha l-midja rappreżentattivi u ta' kwalità għolja jkunu disponibbli għal kulħadd; ifisser it-tħassib tiegħu dwar it-tendenza kurrenti f’xi Stati Membri li japplikaw il-qtugħ baġitarja jew inaqqsu l-attivitajiet tal-midja tas-servizz pubbliku, billi dan inaqqsilhom ħilithom li jwettqu l-missjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jreġġgħu lura din it-tendenza u jiżguraw li l-midja tas-servizz pubbliku jirċievu finanzjament adegwat, sostenibbli u prevedibbli;

13.  Jisħaq li l-miżuri għar-regolament tal-aċċess tal-mezzi tal-midji għas-suq permezz ta' liċenzjar tax-xandira u proċeduri ta' awtorizzazzjoni, regoli dwar il-ħarsien tas-sigurtà statali, nazzjonali u militari u l-ordni pubbliku u r-regoli dwar il-morali pubblika u l-ħarsien tat-tfal ma għandhomx ikunu abbużati għall-iskop li jkunu imposti kontrolli jew ċensura politiċi jew partiġjani fuq il-midja jew ikun impedit il-jedd fundamentali taċ-ċittadini li jkunu infurmati dwar kwestjonijiet ta’ interess u importanza pubbliċi; jisħaq li għandu jiġi żgurat ekwilibriju xieraq f’dan ir-rigward; iwissi li l-midja ma għandhomx ikunu mheddin bl-influwenza ta’ gruppi ta’ interess speċifiku jew lobbies, atturi ekonomiċi, jew gruppi reliġjużi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni u tal-midja ħalli jiżguraw il-kompetizzjoni biex ikunu indirizzati u prevenuti l-pożizzjoinijiet dominanti, possibilment billi jsiru livelli massimi aktar baxxi ta' kompetizzjoni fl-industrija tal-midja milli fi swieq oħrajn, ħalli jkun iggarantit l-aċċess ta' atturi ġodda għas-suq, ħalli jkun hemm intervent meta l-midja tkun eċċessivament ikkonċentrata u fejn il-pluraliżmu, l-indipendenza u l-libertà tal-midja jkunu fil-periklu, ħalli jkun żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għal midja liberi u diversifikati fl-Istati Membri kollha, u jirrakkomandaw it-titjib fejn ikun meħtieġ; jagħmel enfasi li l-eżistenza ta’ gruppi tal-istampa li s-sidien tagħhom ikunu impriżi li jkollhom is-setgħa jaġġudikaw kuntratt ta' akkwist pubbliku tirrappreżenta theddida għall-indipendenza tal-midja; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif ir-regoli eżistenti tal-kompetizzjoni jirrelataw mal-konċentrazzjoni kulma jmur tikber tal-midja kummerċjali fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti għas-salvagwardja tal-pluraliżmu fil-midja u għall-prevenzjon ta' konċentrazzjoni eċċessiva tal-midja;

15.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni għal-livell ta’ konċentrazzjoni fil-proprjetà tal-midja fl-Istati Membri, filwaqt li jkun sottolinjat li l-kunċett tal-pluraliżmu tal-midja jkopri spettru usa’ ta’ kwestjonijiet, bħalma hi l-projbizzjoni taċ-ċensura, il-protezzjoni tal-għejun u tal-whistleblowers, kwestjonijiet marbutin mal-pressjoni mill-atturi politiċi u l-forzi tas-suq, it-trasparenza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti, l-awtoritajiet ta' kontroll tal-midja, id-diversità kulturali, l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-aċċess mhux iċċensurat għall-Internet u d-distakk diġitali; jemmen li l-proprjetà u l-ġestjoni tal-midja għandhom ikunu trasparenti u ma jkunux ikkonċentrati; jisħaq li l-konċentrazzjoni tal-proprjetà tagħmel ħsara lill-pluraliżmu u lid-diversità kulturali u twassal għal uniformità fil-kontenut tal-midja;

16.  Jitlob li jkun hemm regoli li jiżguraw li l-kunflitti ta’ interess bħal dawk li jirriżultaw mill-amalgamazzjoni tal-kariga politika mal-kontroll fuq il-mezzi tal-midja jkunu indirizzati u riżolti kif jixraq, u b'mod partikolari li l-proprjetarji benefiċjarji tal-konglomerati tal-midja jkunu dejjem pubbliċi ħalli ma jkunx hemm kunflitti ta' interess; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni effettiva ta' regoli ċari ħalli jkunu żgurati proċeduri trasparenti u ġusti għall-finanzjament tal-midja u għall-allokazzjoni tar-reklami u l-isponsorizzazzjonijiet tal-Istat, ħalli jkun iggarantit li dawn ma jikkawżawx interferenzi mal-libertà tal-informazzjoni u l-espressjoni, mal-pluraliżmu jew mal-linja editorjali tal-midja, u jitlob lill-Kummissjoni illi timmonitorjah dan;

17.  Jenfasizza li minkejja l-użu tal-politika tal-kompetizzjoni fir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet u, b'mod partikulari, l-Artikolu 21(18) , intwera tħassib li dawn l-istrumenti ma jikkontrollawx b'mod adegwat il-konċentrazzjoni tal-midja minħabba problemi ta' delimitazzjoni tas-swieq, u f'xi każijiet mergers kbar transmidja ma jilħqux il-livell minimi ta' introjtu stipulati fil-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u ta' pluraliżmu tal-midja;

18.  Jenfasizza li s-setgħa tas-suq fl-industrija tal-midja ġejja mhux biss minn pożizzjoni ta' monopolju li tippermettilhom li jiffissaw il-prezzijiet iżda wkoll mill-influwenza politika li twassal għall-kontroll tar-regolamentazzjoni, bir-riżultat li jkun aktar diffiċli li jitħattew il-pożizzjonijiet dominanti ladarba jiġu stabbiliti; jappella biex jiġu ffissati livelli minimi ta' kompetizzjoni aktar baxxi fl-industrija tal-midja milli fi swieq oħrajn;

19.  Ifakkar lill-Kummissjoni li f'diversi okkażjonijiet fl-imgħoddi hija ġiet mistoqsija dwar il-possibilità li jiġi intorodott qafas legali biex jipprevjeni l-konċentrazzjoni tas-sjieda u l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti biex tissalvagwardja l-pluraliżmu tal-midja inkluż qafas leġiżlattiv dwar ir-regoli tas-sjieda tal-midja u l-introduzzjoni ta' standards minimi għall-Istati Membri;

20.  Jissottolinja l-importanza li tkun żgurata l-indipendenza tal-ġurnalisti, kemm minn pressjonijiet interni mill-edituri, mill-pubblikaturi jew mis-sidien u b’mod estern mil-lobbies politiċi jew ekonomiċi jew minn gruppi ta’ interess oħrajn, u jisħaq dwar l-importanza tal-karti editorjali jew kodiċijiet ta’ mġiba dwar l-indipendenza editorjali billi dawn ma jħallux lis-sidien, gvernijiet jew partijiet interessati esterni jinterferixxu fil-kontenut tal-aħbarijiet; jenfasizza l-importanza tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni mingħajr kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni u abbażi ta’ ugwaljanza u trattament ugwali; jaċċentwa l-fatt li l-jedd għall-aċċess għal dokumenti u informazzjoni pubbliċi huwa fundamentali għall-ġurnalisti u ċ-ċittadini, u jitlob lill-Istati Membri jwaqqfu qafas legali robust u estensiv fir-rigward tal-libertà tal-informazzjoni mill-gvern u l-aċċess għal dokumenti ta’ interess pubbliku; jappella lill-Istati Membri jagħtu garanziji ġuridiċi fir-rigward tal-ħarsien sħiħ tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-għejun, u jappella għal applikazzjoni stretta tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan il-qasam, inkluż b’rabta mal-whistle-blowing;

21.   Jitlob li l-ġurnalisti jkunu mħarsa mill-pressjonijiet, mill-intimidazzjoni, mill-assillament, mit-theddid u mill-vjolenza, filwaqt li jfakkar li l-ġurnalisti investigattivi spiss jisfaw mheddin, attakkati fiżikament u saħansitra jsofru attentati fuq ħajjithom bħala riżultat tal-attivitajiet tagħhom; jisħaq dwar l-importanza li jkunu żgurati l-ġustizzja u t-taqbid kontra l-impunità għal tali atti, ukoll billi jiġi indikat l-effett tagħhom li jmewwet l-espressjoni libera, li mbagħad iwassal lill-midja għall-awto-ċensura; jagħmel enfasi li l-ġurnaliżmu investigattiv jgħin fil-monitoraġġ tad-demokrazija u tal-governanza t-tajba, kif ukoll jikxef l-irregolaritajiet u r-reati, u b’hekk jisfa ta’ għajnuna għall-awtoritajiet tal-prosekutriċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jappoġġja u jippromwovu l-ġurnaliżmu investigattiv u jippromwovu l-ġurnaliżmu etiku fil-midja billi jiżviluppaw standards professjonali u proċeduri xierqa ta’ rimedju, l-aktar permezz ta’ taħriġ professjonali u kodiċijiet ta’ mġiba magħmulin mill-assoċjazzjonijiet u l-unions tal-midja;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li tipprevjeni li l-kmamar tal-aħbarijiet jiġu infiltrati minn uffiċjali tal-intelligence minħabba li dawn il-prattiki jipperikolaw ferm il-libertà tal-espressjoni peress li jagħtu lok għas-sorveljanza tal-kmamar tal-aħbarijiet u jiġġeneraw klima ta' sfiduċja, jostakolaw il-ġbir tal-informazzjoni, jheddu l-kunfidenzjalità tal-għejun u, fl-aħħar mill-aħħar, huma tentattiv ta' diżinformazzjoni u ta' manipulazzjoni tal-pubbliku, kif ukoll jagħmlu ħsara lill-kredibilità tal-midja;

23.  Jenfasizza li għadd li kulma jmur qed jikber ta' ġurnalisti jsibu lilhom infushom impjegati b'kundizzjonijiet prekarji, mingħajr garanziji soċjali li huma użwali fis-suq normali tal-impjiegi, u jappella għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti tal-midja; jenfasizza li l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti jimxu mad-dispożizzjonijiet tal-Karta Soċjali Ewropea; jenfasizza l-importanza tal-kuntratt kollettivi għall-ġurnalisti u tar-rappreżentanza trejdunjonistika tal-kollettivi tal-ġurnalisti, li għandhom ikunu permess għall-impjegati kollha wkoll jekk membri ta' grupp żgħir, jaħdmu f'kumpaniji żgħar jew ikollhom kuntratti ta' forma mhux standard, bħalma x-xogħol temporanju jew interim, billi s-sigurtà tal-impjieg tippermettilhom li jitkellmu u jaġixxu flimkien u b'aktar faċilità u jiddefendu b'effettività akbar l-istandards professjonali tagħhom;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li fil-midja jiġi promoss il-ġurnaliżmu etiku; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi strument (eż. permezz ta' rakkomandazzjoni, bħalma hi r-rakkomandazzjoni tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem u dwar il-jedd tar-replika b’rabta mal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni onlajn) sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jistiednu lis-settur tal-midja jiżviluppa standards professjonali u kodiċijiet ta' etika li jkunu jinkludu l-obbligu li fir-rappurtar tiġi indikata d-differenza bejn il-fatti u l-opinjonijiet, il-ħtieġa tal-preċiżjoni, l-imparzjalità u l-oġġettività, ir-rispett għall-privatezza tal-persuni, id-dmir li d-diżinformazzjoni tiġi korretta u l-jedd tar-replika; dan il-qafas għandu jipprevedi l-istabbiliment mis-settur tal-midja ta' awtorità regolatorja indipendenti dwar il-midja – li tkun taħdem indipendentement mill-indħil politiku jew estern ieħor – li tkun tista’ tittratta ilmenti dwar l-istampa bbażati fuq l-istandards professjonali u l-kodiċijiet ta' etika, u li jkollha l-awtorità li timponi sanzjonijiet xierqa;

25.  Jitlob lill-Istati Membri kollha li fihom id-diffamazzjoni hija reat li jiddekriminalizzawha kemm jista’ jkun malajr; jiddispjaċih li jsiru l-pressjonijiet, il-vjolenza u l-assilment kontra l-ġurnalisti u l-midja f’bosta Stati Membri, inkluż meta jkunu qed jiġu koperti d-dimostrazzjonijiet u l-avvenimenti pubbliċi, u meta jqanqlu l-preokkupazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali u fost l-akkademiċi u fis-soċjetà ċivili; jagħmel enfasi dwar l-importanza li jkun hemm id-djalogu mal-awtoritajiet ħalli jkun żgurat li l-libertà u l-indipendenza tal-midja ma jitqegħdux fil-periklu, li l-ilħna kritiċi ma jisfawx maħnuqa u li l-persunal tal-eżekuzzjoni tal-liġi jirrispetta r-rwol li għandhom il-midja u jiżguraw li jkunu jistgħu jirrapportaw liberament u fis-sigurtà;

26.  Jissottolinja l-importanza tat-twaqqif ta’ korpi tal-midja li jirregolaw lilhom infushom, bħalma huma l-kummissjonijiet għall-ilmenti u l-ombudspersons, u jappoġġja l-isforzi prattiċi, minn isfel għal fuq mibdija minn ġurnalisti Ewropej biex jiddefendu l-jeddijiet fundamentali tagħhom billi fetħu ċentru ta' depożitu ta' ilmenti biex jiġu ddokumentati vjolazzjonijiet allegati ta' dawk il-jeddijiet, l-aktar jeddhom għall-espressjoni, (inlinja mal-proġett pilota li kien adottat mill-plenarja bħala parti mill-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-baġit 2013 nhar it-23 ta' Ottubru 2012);

27.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' regoli b’rabta mal-informazzjoni politika fis-settur kollu tal-midja awdjoviżiva, ħalli jkun iggarantit l-aċċess ġust lill-kompetituri, opinjonijiet u veduti politiċi differenti, b'mod partikolari fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet u r-referenda, ħalli jkun żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifformaw l-opinjonijiet tagħhom mingħajr influwenza mhux xierqa minn xi poter dominanti wieħed tal-formazzjoni tal-opinjoni; jisħaq li tali regoli jeħtieġ li jkunu eżegwiti kif jixraq mill-korpi regolatorji;

28.  Jisħaq li l-jedd fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja mhuwiex biss riżervat għall-midja tradizzjonali, iżda jkopri wkoll il-midja soċjali u forom oħrajn ta' midja ġodda; jissottolinja l-importanza li tkun żgurata l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fuq l-internet, l-aktar permezz tal-garanzija tan-newtralità tan-net, u għaldaqstant jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li dawn il-jeddijiet u libertajiet jkunu rispettati bis-sħiħ fuq l-internet b'rabta mal-aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni, u mal-għoti u maċ-ċirkolazzjoni tal-istess; iwissi kontra kull tentattiv mill-awtoritajiet li jirrikjedu reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni jew li jrażżnu kontenut li jallegaw li jkun ta’ dannu; jagħraf li l-għoti tas-servizzi tal-internet mill-midja tas-servizz pubbliku jikkontribwixxi għall-missjoni tagħhom li jiżguraw li ċ-ċittadini jkun jista' jkollhom aċċess għall-informazzjoni u jifformaw fehmiethom minn varjetà ta' għejun;

29.  Jagħmel enfasi fuq l-importanza kulma jmur qed tikber tal-aggregaturi tal-aħbarijiet, is-search engines u intermedjarji oħrajn fit-tixrid tal-informazzjoni u l-kontenut tal-aħbarijiet fuq l-internet u l-aċċess għalihom; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dawn l-atturi tal-internet fil-qafas regolatorju tal-UE meta tkun qed tirrevedi d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, ħalli jiġu ttrattati l-problemi tad-diskriminazzjoni tal-kontenut u d-distorsjoni tal-għażla tal-għajn;

30.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-qafas tal-politika tal-Kummissjoni tal-litteriżmu medjatiku, illi jagħtu biżżejjed attenzjoni lill-importanza tal-edukazzjoni dwar il-midja fil-għoti ta’ ħiliet ta’ interpretazzjoni kritika liċ-ċittadini u l-kapaċità li jgħarblu l-volum kulma jmur qed jikber ta' informazzjoni;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-Istati Membri jallokawx il-liċenzji tagħhom tax-xandir abbażi ta' kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati;

32.  Jissottolinja l-importanza u l-urġenza li jkunu mmonitorjati annwalment il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri kollha u r-rapportaġġ fuq bażi ta' kull sena dwar din il-materja, fuq il-bażi ta' standards dettaljati żviluppati mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OSKE u fuq l-approċċ analitiku bbażat fuq ir-riskju u indikaturi żviluppati mill-istudju indipendenti imwettaq għall-Kummissjoni flimkien mal-NGOs, il-partijiet interessati u l-esperti, inkluż billi jsiru monitoraġġ u superviżjoni tal-iżvilupp u tat-tibdiliet fil-leġiżlazzjoni tal-midja u l-impatt ta’ kull leġiżlazzjoni adottata fl-Istati Membri li tolqot il-libertà tal-midja, l-aktar b’rabta mal-interferenza min-naħa tal-gvern, kif ukoll il-prattiki tajba għad-definizzjoni tal-istandards tas-servizz pubblika kemm għall-kanali pubbliċi kemm għal dawk privati; jissottolinja l-importanza li dawn l-istandards komuni Ewropej ikunu magħrufa lill-pubbliku inġenerali; jemmen li l-Kummissjoni, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u/jew iċ-Ċentru għall-Pluraliżmu tal-Midja u l-Libertà tal-Midja tal-Istitut Universitarju Ewropew għandhom iwettqu dan il-kompitu u jippubblikaw rapport annwali bir-riżultati tal-monitoraġġ; jemmen li l-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament u lill-Kunsill u tagħmel proposti għal kwalunkwe azzjonijiet u miżuri li joħorġu mill-konklużjonijiet tagħha dwar ir-rapport;

33.  Jemmen li l-UE għandha l-kompetenzi biex tieħu miżuri leġiżlattivi biex tiggarantixxi, tipproteġi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu, tal-anqas daqs kemm għandha fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni u tad-dinjità tal-bniedem, tad-diversità kulturali, tal-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni dwar u/jew kopertura ta' ġrajjiet importanti, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, tal-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali, id-dritt tat-tweġiba, li huma aspetti ta' interess ġenerali koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi (AVMSD); fl-istess waqt jemmen li kull regolamentazzjoni għandha titwettaq abbażi ta' analiżi dettaljata u bir-reqqa tas-sitwazzjoni fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, tal-problemi li jridu jissolvew u l-aħjar modi biex dawn jiġu indirizzati; jemmen l-inizjattivi mhux leġiżlattivi, bħall-monitoraġġ, l-awtoregolazzjoni, il-kodiċijiet ta' mġiba, kif ukoll l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 TUE, meta jkun il-każ, jiġu persegwiti, kiuf mitlub mill-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati u filwaqt li jitqies li wħud mill-akbar theddidiet għal-libertà tal-midja f'xi Stati Membri ġejjin minn atti leġiżlattivi adottati riċentement;

34.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni illi tirrevedi d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMSD) u twessagħlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-istandards minimi għar-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-jedd fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, u tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem u tal-ġurisprudenza marbuta mal-obbligi pożittivi fil-qasam tal-midja, billi l-objettiv tad-direttiva hu li jinħoloq spazju mingħajr fruntieri interni għas-servizzi tal-midja awdjoviżivi filwaqt li jiġi żgurat, fl-istess ħin, livell għoli ta' protezzjoni tal-objettivi ta' interess ġenerali, bħalma hi l-implimentazzjoni ta’ qafas leġiżlattiv u amministrattiv xieraq biex jiggarantixxu pluraliżmu effettiv(19) ; b’konsegwenza ta’ hekk, jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi u temenda l-AVMSD ħalli tiżgura – kif jiġri għall-mudell tal-awtoritajiet regolatarji fil-qafas tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u abbażi tal-istess – li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu kompletament indipendenti, imparzjali u trasparenti f’dak li għandu x'jaqsam mal-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, l-eżerċizzju ta' dmirjiethom u setgħathom u l-proċess ta' monitoraġġ, effikaċement iffinanzjati ħalli jwettqu l-attivitajiet tagħhom, u jkollhom poteri xierqa ta' sanzjonament ħalli jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu implimentati;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-AVMSD id-dispożizzjonijiet ukoll dwar it-trasparenza tal-proprjetà tal-midja, il-konċentrazzjoni tal-midja, ir-regoli dwar il-kunflitt ta' interess ħalli tkun prevenuta l-influwenza indebita fuq il-midja min-naħa tal-forzi politiċi u ekonomiċi, u l-indipendenza tal-korpi ta' superviżjoni tal-midja; jitlob lill-Kummissjoni tniedi komunikazzjoni li timplimenta l-indikaturi tal-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu fil-Midja għall-pluraliżmu fil-midja fl-Istati Membri tal-UE, kif ġa ġew żviluppati fl-istudju indipendenti ‘The indicators for media pluralism in the Member States - Towards a risk-based approach and on the basis of the proposed “three-step approach”’ ta’ Jannar 2007; dan għandu jkun segwit minn konsultazzjoni pubblika wiesgħa mal-atturi kollha mdaħħlin, inter alia fuq il-bażi tas-segwitu għar-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libertà tal-Midja, u l-aktar permezz tar-redazzjoni ta' proposta għal ġabra ta' Linji-Gwida tal-UE dwar il-Libertà u l-Pluraliżmu tal-Midja;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jipproċedu minnufih bir-riformi biex jilħqu dawn l-objettivi; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi b’mod ċar il-funzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji tal-midja, l-aktar f'termini ta' regolazzjoni u monitoraġġ, u jitlobha timmonitorja –adempjenza tagħhom mar-rekwiżiti tan-neċessità u l-proporzjonalità meta jimponu s-sanzjonijiet; ifakkar fl-importanza li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament jiġi adattat għan-natura speċifika tal-midja individwali;

37.  Jistieden lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali jikkoperaw u jikkordinaw fil-livell tal-UE fil-qasam tal-midja, ngħidu aħna billi jwaqqfu Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Ewropej għas-servizzi tal-midja awdjoviżivi, jarmonizzaw l-istatus tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali previsti fl-Artikoli 29 u 30 tal-AVMSD billi jiżguraw li jkunu indipendenti, imparzjali u trasparenti, kemm fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, u wkoll fil-proċess tal-monitoraġġ, u li jingħatawlhom setgħat adegwati ta' sanzjonar ħalli jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu implimentati;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa u f’waqthom, kif ukoll proporzjonati u progressivi fejn iqum tħassib b’rabta mal-libertà tal-espressjoni, tal-informazzjoni, tal-libertà tal-midja u tal-pluraliżmu fl-UE u fl-Istati Membri tagħha;

39.  Jemmen li fil-każ ta' adeżjonijiet ulterjuri għall-UE, għandu jiżdied l-enfasi fuq il-protezzjoni tal-libertajiet u l-libertà tal-espressjoni, billi dawn huma ġeneralment meqjusa bħala elementi tal-kundizzjonalità tal-jeddijiet tal-bniedem u tad-demokrazija tal-kriterji ta' Kopenħagen; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-prestazzjoni u l-progress tal-pajjiżi kandidati tal-UE fir-rigward tal-protezzjoni tal-libertajiet tal-midja;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kriterji bbażati fuq il-pluraliżmu u s-sjieda tal-midja jkunu inklużi f'kull Studju tal-Impatt imwettaq għal inizjattivi ġodda dwar proposti leġiżlattivi;

41.  Ifisser it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-proprjetà tal-midja fl-Ewropa, u b’konsegwenza ta’ hekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza fil-proprjetà u l-ġestjoni tal-midja u jieħdu inizjattivi f'dan il-qasam, l-aktar billi jitolbu lill-midja tax-xandir, tal-istampa u simili jippreżentaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-midja, lir-reġistri nazzjonali tal-kumpaniji u lill-pubbliku tagħrif suffiċjentement preċiż u aġġornat dwar il-proprjetarji ħalli jippermettu l-identifikazzjoni tal-proprjetarji u l-koproprjetarji benefiċjarji u aħħarin tal-mezzi tal-midja, il-curricula vitae u l-finanzjament tagħhom, billi ngħidu aħna tiġi żviluppata aktar d-database Mavise f'Reġistru Ewropew Uniku ħalli tkun identifikata l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-midja, ikun prevenut li l-organizzazzjonijiet tal-midja jaħbu l-interessi speċjali, u jkun permess liċ-ċittadini jivverifikaw liema interessi jkun hemm wara l-midja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu skrutinju u jimmonitorjaw jekk il-fondi pubbliċi destinati mill-Istati Membri għall-midja tas-servizz pubbliku jintużawx b’mod trasparenti u b’ottemperanza stretta mal-Protokoll 29 tat-Trattati; jemmen li t-trasparenza tal-proprjetà hija komponent essenzjali tal-pluraliżmu tal-midja; jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja u tappoġġja l-progress biex jiġi promoss skambju akbar ta' informazzjoni dwar is-sjieda tal-midja;

42.  Jissottolinja li l-libertà tal-midja għandha tinkludi wkoll il-libertà tal-aċċess għall-midja billi tiġi żgurata l-provvista effettiva u l-aċċess għall-internet bil-broadband għaċ-ċittadini kollha Ewropej, fi żmien u b'nefqa raġonevoli billi jiġu żviluppati ulterjorment it-teknoloġiji wireless inkluż bis-satellita li tippermetti konnettività universali għall-internet;

43.  Jenfasizza li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-awtoritajiet għandhom obbligi pożittivi skont l-Artikolu 10 KEDB li jħarsu l-libertà tal-espressjoni bħala waħda mill-prekundizzjonijiet ta' demokrazija li tiffunzjona, billi "l-eżerċizzju effettiv ġenwin ta' ċerti libertajiet ma jiddipendix biss fuq id-dmir tal-Istat li ma jinterferix, iżda jista' jirrikjedi miżuri pożittivi ta' protezzjoni";

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-OSKE, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Assemblea Parlamentari, il-Kummissjoni ta' Venezja u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(2) http://www.pressfreedom.eu/en/index.php.
(3) ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 205.
(4) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 117.
(5) ĠU C 76 E, 25.3.2004, p.412.
(6) ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 453.
(7) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 1026.
(8) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 75.
(9) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 50.
(10) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 154.
(11) www.mediainitiative.eu
(12) ‘The Citizen’s Right to Information: Law and Policy in the EU and its Member States’, Ġunju 2012, jinstab: http://www.europarl.europa.eu/committees/fr/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=75131
(13) http://cmpf.eui.eu/Home.aspx .
(14) Imfassal mill-K.U.Leuven – ICRI, Jönköping International Business School - MMTC, Central European University - CMCS and Ernst & Young Consultancy Belgium.
(15) Dawn jinkludu: il-kontroll u l-influwenza politiċi partiġjani diretti jew indiretti fuq il-midja jew il-korpi li jikkontrollaw il-midja; il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni tal-aċċess għas-suq għal ċerti pubblikazzjoni medjatiċi permezz ta’ liċenzji għax-xandir u proċeduri ta' awtorizzazzjoni; l-użu ħażin u l-abbuż tar-regoli dwar is-sigurtà nazzjonali jew militari u l-ordni jew il-morali pubblika għall-impożizzjoni taċ-ċensura u l-impediment tal-aċċess għal dokumenti u tagħrif; il-vjolazzjoni tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-għejun; l-assenza ta’ liġijiet dwar il-konċentrazzjoni tal-midja u l-konflitti ta’ interess; u l-użu tar-reklamar biex ikunu influwenzati l-linji editorjali.
(16) http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/07/52
(17) Ara l-paragrafu 6 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar il-liġi tal-midja fl-Ungerija.
(18) Dak l-artikolu jippreskrivi li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jaġixxu biex iħarsu “interess leġittimu” meta jilleġiferaw leġiżlazzjoni nazzjoni għall-preżervazzjoni tal-pluraliżmu medjatiku.
(19) Konvenzjoni Ewropea tal-Drittijiet tal-Bniedem, Centro Europa 7, 7 ta' Ġunju 2012, par. 134.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Novembru 2015Avviż legali