Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2082(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0203/2013

Testi mressqa :

A7-0203/2013

Dibattiti :

PV 12/06/2013 - 17
CRE 12/06/2013 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2013 - 7.8
CRE 13/06/2013 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0279

Testi adottati
PDF 323kWORD 30k
Il-Ħamis, 13 ta' Ġunju 2013 - Strasburgu
Il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin
P7_TA(2013)0279A7-0203/2013

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin (2013/2082(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, ta’ Laima Liucija Andrikienė f’isem il-Grupp PPE, dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin (B7-0164/2013),

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija ta' Kull Xorta ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni Abbażi ta' Reliġjon jew Twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Kumment Ġenerali 22 mill-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi ta' reliġjon jew twemmin tal-2009 u l-2011(2),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2011: “Id-drittijiet tal-bniedem u demokrazija fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE –lejn approċċ aktar effettiv’ (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem(4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/440/PESK tal-25 ta' Lulju 2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu li jirreferu għar-rapporti annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin (“il-Linji Gwida’),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0203/2013)

A.  billi, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali huma l-prinċipji li jiggwidaw l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE;

B.  billi d-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, inkluż twemmin teistiku, nonteistiku u ateistiku, id-dritt li wieħed ma jemminx u d-dritt li dak li jkun ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, huwa dritt universali tal-bniedem u libertà fundamentali ta’ kull bniedem, interrelatat ma' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħrajn kif inklużi fl-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

C.  billi l-Parlament Ewropew talab ripetutament li jinħoloq sett ambizzjuż ta' strumenti biex id-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin jiġi promoss bħala parti mill-politika esterna tal-UE;

D.  billi l-Parlament Ewropew laqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, l-impenn tal-UE li tiżviluppa linji gwida dwar il-liberta' ta' reliġjon jew ta' twemmin bi qbil mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, u saħaq fuq il-ħtieġa li l-Parlament u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fit-tħejjija ta' dawn il-linji gwida;

E.  billi, skont l-istandards tad-dritt internazzjonali, l-istati kollha għandhom id-dmir li jipprovdu protezzjoni effikaċi liċ-ċittadini kollha tagħhom u lil kull persuna oħra fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom; billi l-persekuzzjoni kontra persuni u l-familji tagħhom, kontra komunitajiet, kontra postijiet ta’ qima u istituzzjonijiet, abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża partikolari tagħhom, il-konvinzjoni tagħhom jew kwalunkwe espressjoni pubblika leġittima tar-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, huma rappurtati b’mod mifrux f'xi reġjuni tad-dinja; billi d-diskriminazzjoni abbażi ta' reliġjon jew ta' twemmin għadha teżisti fir-reġjuni kollha tad-dinja, fosthom fl-Ewropa u fil-pajjiżi ġirien tagħha, u billi persuni li jappartjenu għal komunitajiet reliġjużi partikolari, inklużi minoranzi reliġjużi, jew persuni li ma jemmnux, għadhom mċaħħda mid-drittijiet tal-bniedem tagħhom f'bosta pajjiżi u regolarment issir diskriminazzjoni kontrihom, jiġu arrestati, misjuba ħatja u f’ħafna pajjiżi xi drabi anke saħansitra jiġu ġġustizzjati minħabba r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

Raġuni għalfejn għandha tittieħed azzjoni

(a)  Il-promozzjoni tad-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u l-prevenzjoni tal-ksur tiegħu jridu jkunu prijorità fil-politiki esterni tal-UE;

(b)  Il-vjolenza, il-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu għal komunitajiet u minoranzi reliġjużi, jew kontra persuni bi twemmin nonreliġjuż, jippersistu f'bosta nħawi tad-dinja; in-nuqqas ta’ tolleranza reliġjuża u ta’ rieda għal djalogu, flimkien man-nuqqas ta’ koeżistenza ekumenika sikwit iwasslu għal inkwiet politiku, vjolenza u kunflitti armati, li jipperikolaw il-ħajjiet tan-nies u jdgħajfu l-istabilità reġjonali; kundanna ċara u immedjata mill-Unjoni Ewropea ta' kull xorta ta' vjolenza u diskriminazzjoni għandha tkun element bażiku tal-politika tal-UE fil-qasam tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-qagħda ta' dawk li jibdlu r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, peress li fil-prattika, f’għadd ta’ pajjiżi dawn il-persuni jiġu soġġetti għal pressjoni soċjali, intimidazzjoni jew vjolenza;

Skop u kamp ta' applikazzjoni

(c)  L-iskop u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE għandhom ikunu l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin f'pajjiżi terzi, l-integrazzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin f'kull azzjoni esterna u politika tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ta' parametri ta' referenza, ta’ kriterji u ta’ standards ċari, u orjentament prattiku għat-tisħiħ tal-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin fil-ħidma tal-uffiċjali mill-istituzzjoni u l-Istati Membri tal-UE, u b’hekk jingħata kontribut għal aktar koerenza, effikaċja u viżibilità min-naħa tal-UE fir-relazzjonijiet esterni tagħha;

Definizzjonijiet

(d)  Peress li l-implimentazzjoni b'suċċess tagħhom se tiddependi fuq dan l-element, il-Linji Gwida għandhom joffru ċarezza fid-definizzjonijiet li jintużaw u l-protezzjoni xierqa u sħiħa tad-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, skont id-dritt internazzjonali, fl-espressjonijiet privati u pubbliċi tiegħu, kif ukoll fid-dimensjonijiet individwali, kollettivi u istituzzjonali tiegħu, fosthom id-dritt li temmen jew li ma temminx, id-dritt li persuna tibdel ir-reliġjon jew twemmin, il-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jedukaw lil uliedhom skont il-konvinzjonijiet morali tagħhom – jiġifieri, reliġjużi jew nonreliġjużi; huma meħtieġa wkoll definizzjonijiet ċara u ħarsien sħiħ rigward ir-rikonoxximent tal-personalità ġuridika ta’ istituzzjonijiet reliġjużi u dawk imsejsa fuq it-twemmin u rispett tal-awtonomija tagħhom, id-dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza, id-dritt għall-asil, id-dritt għall-osservanza tal-jiem ta' mistrieħ u għaċ-ċelebrazzjoni ta' vaganzi u ċerimonji bi qbil mal-preċetti tar-reliġjon jew it-twemmin proprji u d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà proprja;

Linji Gwida Operattivi

(e)  Il-Linji Gwida għandhom ikunu bbażati fuq id-dritt internazzjonali u t-trattati rikonoxxuti u ratifikati mill-komunità internazzjonali;

Proporzjonalità

(f)  Kif mistqarr fl-abbozz tal-Linji Gwida, bi qbil mal-prinċipji aċċettati mill-komunità internazzjonali, il-libertà li dak li jkun ma jiġix imġiegħel ikollu jew jadotta reliġjon jew twemmin u l-libertà tal-ġenituri u l-kustodji li jiżguraw edukazzjoni reliġjuża u morali ma jistgħux jitrażżnu. Kull manifestazzjoni oħra tad-dritt għal libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin tista' tiġi soġġetta biss 'għat-tali limitazzjonijiet li jkunu stabbiliti mil-liġi u li jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tas-sikurezza, l-ordni, is-saħħa jew il-morali pubbliċi, jew id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' ħaddieħor'(8); fl-istess ħin, il-limitazzjonijiet iridu jiġu intepretati b'mod strett, ikunu direttament relatati u jkunu proporzjonati fir-rigward tad-drittijiet protetti ta' ħaddieħor u jrid jinstab il-bilanċ xieraq; għaldaqstant, il-kriterju ta' proporzjonalità għandu jiġi enfasizzat fil-Linji Gwida;

Libertà ta' espressjoni

(g)  Waqt li l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u l-libertà ta' espressjoni huma drittijiet li jqawwu lil xulxin b'mod reċiproku, fil-każijiet fejn dawn iż-żewġ drittijiet jiġu invokati fil-konfront ta' xulxin, l-UE għandha tqis ukoll li l-għodda moderni tal-midja jagħtu lok għal aktar interkonnessjoni bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet; għaldaqstant hemm bżonn li jittieħdu passi biex tiġi evitata l-vjolenza interkulturali bħala reazzjoni għal atti ta' libertà ta' espressjoni relatati mal-kritika u speċjalment maż-żufjett u t-tmasħir; f'dan il-kuntest, l-UE għandha tgħin biex jitnaqqsu tali tensjonijiet, pereżempju billi tippromwovi l-komprensjoni reċiproka u d-djalogu, u tikkundanna b’mod inekwivoku kwalunkwe att ta' vjolenza b'reazzjoni għal diskors ta' dan it-tip, u għandha topponi b'mod sod kwalunkwe tentattiv li tiġi kkriminalizzata l-libertà tal-kelma fir-rigward ta' kwistjonijiet reliġjużi, bħal liġijiet dwar id-dagħa;

Dimensjoni kollettiva tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin

(h)  Fil-Linji Gwida għandu jiġi enfasizzat li parti indispensabbli mil-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin hi d-dritt ta' kull individwa li jimmanifesta l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin waħdu jew f'komunità ma' ħaddieħor;dan id-dritt jinkludi:

   il-libertà ta' qima jew għaqda f'rabta ma' reliġjon jew twemmin, u li jiġu stabbiliti u miżmuma postijiet u siti reliġjużi għal dawn il-finijiet,
   il-libertà li wieħed ma jipparteċipa f’ebda attività jew avveniment reliġjuż partikolari,
   il-libertà li jiġu stabbiliti u miżmuma l-istituzzjonijiet reliġjużi, medjatiċi, edukattivi, tas-saħħa, soċjali, karitattivi jew umanitarji xierqa;
   il-libertà li jintalbu u jiġu aċċettati kontribuzzjonijiet volontarji finanzjarji u ta' tip ieħor minn individwi u istituzzjonijiet,
   il-libertà li jiġu mħarrġa, maħtura, eletti jew magħżula b'suċċessjoni l-mexxejja xierqa rikjesti mir-rekwiżiti u l-istandards ta' kwalunkwe reliġjon jew twemmin,
   il-libertà li jiġu stabbiliti u miżmuma komunikazzjonijiet ma' individwi u komunitajiet dwar kwistjonijiet ta' reliġjon u ta' twemmin fil-livelli nazzjonali u internazzjonali; bl-istess mod, għandu jiġi nnutat fil-Linji Gwida li l-dritt li r-reliġjon tiġi eżerċitata f'komunità ma' ħaddieħor (li fil-kuntest tiegħu jridu dejjem jiġu rispettati l-libertajiet individwali) m'għandux ikun limitat bla bżonn għall-postijiet ta' qima rikonoxxuti uffiċjalment, u li kull limitazzjoni mhux dovuta fuq il-libertà tal-għaqda għandha tiġi kkundannata mill-UE; il-Linji Gwida għandhom jissottolinjaw li l-Istati għandhom dmir li jibqgħu newtri u imparzjali lejn gruppi reliġjużi, anke fir-rigward ta' appoġġ simboliku jew finanzjarju;
   (i) iqis li s-sekulariżmu, definit bħala s-separazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet reliġjużi u politiċi, ifisser ir-rifjut ta' kull interferenza reliġjuża fil-funzjonament tal-gvern u ta' kull interferenza pubblika fl-affarijiet reliġjużi ħlief għall-iskop li jiġu ppreservati r-regoli tas-sikurezza u l-ordni pubbliku (inkluż ir-rispett għal-libertà ta' ħaddieħor), kif ukoll li tiġi ggarantita l-libertà ugwali tal-kuxjenza għal kulħadd, sew jekk fidili, anjostiċi jew atei;

Rekwiżiti ta' reġistrazzjoni

(j)  L-UE għandha tieħu azzjoni meta r-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni għall-organizzazzjonijiet reliġjużi jew relatati ma' twemmin jillimitaw b'mod mhux dovut il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin. Ir-reġistrazzjoni m'għandhiex tinftiehem bħala prerekwiżit għat-tgawdija tad-dritt tal-bniedem proprju għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, peress li dak id-dritt ma jistax ikun ikkondizzjonat b’rekwiżiti amministrattivi jew ġuridiċi; l-UE għandha titlob li tkun abolita kwalunkwe leġiżlazzjoni, bħar-reġistrazzjoni mandatorja tar-reliġjon ta' dak li jkun fid-dokumenti ta' status ċivili, jekk din il-leġiżlazzjoni tkun twassal għal diskriminazzjoni kontra min ikollu twemmin mhux reliġjuż jew min ikun biddel ir-reliġjon jew twemmin tiegħu;

Edukazzjoni

(k)  Kif inhu rikonoxxut minn standards aċċettati f'livell internazzjonali, il-ġenituri jew il-kustodji legali tat-tfal għandhom il-libertà li jiżguraw li wliedhom jirċievu edukazzjoni reliġjuża u morali b'mod konformi mal-konvinzjonijiet tagħhom, u t-tifel/tifla m'għandux jiġi mġiegħel jirċievi tagħlim dwar reliġjon jew twemmin kontra x-xewqat tal-ġenituri jew il-kustodji legali tiegħu, peress li l-prinċipju ta' gwida għandu jkun l-aħjar interessi tat-tifel/tifla; id-dritt tal-ġenituri li jedukaw lil uliedhom skont il-konvinzjonijiet reliġjużi jew mhux reliġjużi tagħhom jinkludi d-dritt tagħhom li jirrifjutaw kwalunkwe ndħil mhux dovut minn atturi statali jew nonstatali fl-edukazzjoni tagħhom kontra l-konvinzjonijiet reliġjużi jew nonreliġjużi tagħhom; il-Linji Gwida għandhom jisħqu fuq dawn l-aspetti tad-dritt tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, u għandhom ukoll jiggarantixxu s-sekularizzazzjoni fl-edukazzjoni pubblika. Id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa jekk dan il-prinċipju jinkiser;

Liġijiet familjari u soċjali

(l)  L-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari għad-diskriminazzjoni abbażi ta' reliġjon jew ta' twemmin fil-liġijiet tal-familja u soċjali ta' pajjiżi terzi, b'mod speċjali imma mhux esklużivament fil-kuntest tad-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għal kustodja tat-tfal.

Dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza

(m)  Il-Linji Gwida għandhom jinkludu d-dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza għas-servizz militari bħala eżerċizzju leġittimu tal-libertà ta' ħsieb, kuxjenza u reliġjon; L-UE għandha tappella lil dawk l-istati b'sistema ta' servizz militari obbligatorju biex jippermettu servizz alternattiv li n-natura tiegħu tkun waħda ċivili u mhux kumbattanti, li jkun fl-interess pubbliku u mhux ta' tip punittiv, u joqogħdu lura milli jikkastigaw, inkluż permezz ta' kundanni l-ħabs, lill-objetturi ta' kuxjenza talli jonqsu milli jwettqu servizz militari;

Asil

(n)  L-UE għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi terzi jaċċettaw lir-rifuġjuti ppersegwitati abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin tagħhom, u jipprovdulhom protezzjoni ta' asil, speċjalment fil-każijiet fejn ir-rifuġjati jkunu mhedda b'mewt jew vjolenza. L-Istati Membri tal-UE għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jaċċettaw lir-rifuġjati ppersegwitati abbażi tar-reliġjon jew twemmin tagħhom;

Appoġġ għas-soċjetà ċivili u involviment magħha

(o)  L-appoġġ u l-involviment ma' firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi reliġjużi u dawk ibbażati fuq twemmin, waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida, se jkunu importanti ħafna għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, u għalhekk, il-punti fokali għad-drittijiet tal-bniedem fid-delegazzjonijiet tal-UE għandhom iżommu kuntatti regolari ma' dawn l-organizzazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw, kemm jista' jkun malajr, il-problemi li jinqalgħu fil-qasam tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

Monitoraġġ u evalwazzjoni

(p)  Monitoraġġ u valutazzjoni xierqa u kontinwi tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin fid-dinja jridu jiġu żgurati mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, taħt ir-responsabilità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u, fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja, għandu jkompli jkun hemm taqsima ddedikata għal din il-kwistjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet għal titjib; il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin għandu jkun waħda mill-kwistjonijiet fundamentali fost id-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra fir-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi, speċjalment fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; dan għandu jkun rifless fil-ftehimiet kollha u fid-dokumenti ta' rieżami u ta' rapportar; ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-kwistjonijiet relatati mal-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin matul kull attività tiegħu u għandu jkollu rwol viżibbli fil-promozzjoni ta’ din il-libertà permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE; hu (jew hi) għandu wkoll iżomm kuntatt kontinwu mal-Parlament Ewropew u l-kumitati relevanti tiegħu dwar l-oqsma ta' tħassib u l-progress miksub u jinvolvi ruħu mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti;

(q)  Għandu jiġi adottat sett ta’ strumenti għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-appoġġ għall-Linji Gwida tal-UE, b’fokus fuq għodod operattivi biex jirriflettu aħjar l-oqsma ta’ azzjoni ta’ prijorità deskritti fil-Linji Gwida u għandu, fost affarijiet oħra:

   jipprovdi lista ta' kontroll għal analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni għal segwitu u monitoraġġ tal-qagħda fir-rigward tad-dritt tal-libertà ta’ reliġjon u ta’ twemmin fil-pajjiż rispettiv biex jiġi identifikat kwalunkwe żvilupp ġdid, kemm pożittiv kif ukoll negattiv;
   jesiġi li l-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE jirrapportaw regolarment dwar kwistjonijiet relatati mal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, b’valutazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni, kif ukoll l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u ripressjoni kontra d-difensuri tagħha jew individwi oħra, filwaqt li jiġu identifikati każijiet partikolari ta’ ksur apparenti tad-dritt tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; dawn ir-rapporti mill-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE għandhom ikunu standardizzati kemm jista' jkun biex ikunu kumparabbli;
   jenfasizza azzjoni konkreta fil-forums internazzjonali, jew fl-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp li kienu strumentali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-dritt tal-libertà ta’ religion jew twemmin, inkluż l-indirizzar b’suċċess ta’ każijiet partikolari (individwi, gruppi, minoranzi, istituzzjonijiet) ta’ diskriminazzjoni jew persekuzzjoni għal raġunijiet ta’ reliġjon jew konvinzjonijiet;
   ifakkar li l-appoġġ mogħti lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni jew persekuzzjoni abbażi ta’ reliġjon jew konvinzjonijiet jista’ jieħu diversi forom, fosthom li l-vittmi jiġu mistiedna jżuru l-istituzzjonijiet tal-UE biex jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom;

Dan is-sett ta’ strumenti (circulaire) għandu jitħejja b’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, qabel tmiem l-2013;
Użu ta' strumenti finanzjarji esterni

(r)  L-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE għandhom jintużaw kemm bħala inċentivi kif ukoll bħala deterrenti (pereżempju, l-iffriżar ta' fondi) fir-rigward tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin f'pajjiż partikolari, peress li din tifforma parti integrali mill-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; fil-każ ta' deterjorament serju tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, anke fir-rigward tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, l-UE għandha tapplika l-klawżoli eżistenti relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet esterni tal-UE mal-pajjiż ikkonċernat; l-użu ta' klawżoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet esterni tal-UE għandu jkun vinkolanti u integrat sistematikament fil-ftehimiet kollha tal-UE ma’ pajjiżi terzi;

Azzjoni tal-UE fil-forums multilaterali

(s)  L-UE għandha tkompli bl-inizjattivi tagħha fid-diversi forums multilaterali sabiex tippromwovi u tipproteġi l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; meta jkun xieraq, u fuq talba, l-UE għandha tassisti lill-pajjiżi terzi fit-tfassil ta' leġiżlazzjoni għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin;

Valutazzjoni

(t)  Bi qbil mal-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jkun involut fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida li għandha titwettaq sa mhux aktar tard minn tliet snin minn meta jkunu daħlu fis-seħħ; il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi tar-rispons tal-UE għal sitwazzjonijiet konkreti relatati mal-ksur tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin f'pajjiżi terzi; il-Parlament Ewropew għandu jiġi regolarment informat dwar oqsma ta’ jew żviluppi ta' tħassib, kif jiġu rrapportati mid-delegazzjonijiet tal-UE; il-kumitati rilevanti tiegħu għandhom jirċievu informazzjoni dettaljata.
o
o o

2.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u għal finijiet ta’ informazzjoni, lill-Kummissjoni.

(1) Kumment Ġenerali adottat mill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem skont l-Artikolu 40, paragrafu 4 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi CCPR/C/21/Rev.1/Add.4, 27 ta' Settembru 1993
(2) Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 24.11.2009, 21.02.2011
(3) Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11855/12
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0250.
(5) ĠU L 200, 27.7.2012, p. 21.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0504.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0489, P7_TA(2012)0126, P7_TA(2012)0503.
(8) Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija ta' Kull Xorta ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni Abbażi ta' Reliġjon jew Twemmin, Art. 1, par. 3, A/RES/36/55

Avviż legali - Politika tal-privatezza