Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2837(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0442/2013

Testi mressqa :

B7-0442/2013

Dibattiti :

PV 09/10/2013 - 4
CRE 09/10/2013 - 4

Votazzjonijiet :

PV 09/10/2013 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0414

Testi adottati
PDF 230kWORD 71k
L-Erbgħa, 9 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jiġi affrontat il-fluss tar-refuġjati li rriżulta mill-konflitt fis-Sirja
P7_TA(2013)0414B7-0442/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' rifuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja (2013/2837(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b’mod partikolari dawk tas-16 ta’ Frar 2012(1), tat-13 ta’ Settembru 2012(2), tat-23 ta’ Mejju 2013(3) u tat-12 ta’ Settembru 2013(4), u dwar ir-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kunflitt armat,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tat-23 ta’ Jannar, tat-18 ta’ Frar, tal-11 ta’ Marzu, tat-22 ta’ April, tas-27 ta’ Mejju, tal-24 ta’ Ġunju, u tad-9 u tat-22 ta’ Lulju 2013; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tat-8 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, tal-21 ta' Awissu 2013 rigward l-aħħar rapporti dwar l-użu ta’ armi kimiċi f’Damasku, tat-23 ta' Awissu 2013 dwar l-urġenza kbira li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt Sirjan (li tirrifletti l-pożizzjoni tal-UE li sar qbil dwarha rigward is-Sirja tas-7 ta' Settembru 2013), tal-10 ta' Settembru 2013 dwar il-proposta li l-armi kimiċi tas-Sirja jitqiegħdu taħt kontroll internazzjonali, u tal-14 ta’ Settembru 2013 wara l-ftehim milħuq bejn l-Istati Uniti u r-Russja dwar l-armi kimiċi fis-Sirja, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet li saru mill-VP/RGħ waqt id-dibattitu tal-Parlament fil-plenarja fi Strasburgu fil-11 ta’ Settembru 2013;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Reazzjoni għall-Kriżijiet, Kristalina Georgieva, dwar ir-rifuġjati Sirjani u r-reazzjoni tal-UE, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni tagħha tat-3 ta’ Settembru 2013 dwar l-aħħar ċifri rigward ir-refuġjati li qed jaħarbu mill-kriżi Sirjana, u r-rapporti dwar is-sitwazzjoni u l-iskedi informattivi dwar is-Sirja maħruġa mill-ECHO (DĠ Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili),

–  wara li kkunsidra r-rimarki li saru mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, António Guterres, waqt il-Laqgħa Informali tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni f’Vilnius, fit-18 ta’ Lulju 2013(5),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta’ informazzjoni u istruzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-Sirja maħruġa mis-Sottosegretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tal-Għajnuna ta’ Emerġenza, Valerie Amos, b’mod partikolari dak tat-18 ta’ April 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Laqgħa Ministerjali tal-Pajjiżi li Jmissu mas-Sirja organizzata mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati fl-4 ta’ Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Economiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv ta’ magħha dwar l-Involviment tat-Tfal fil-Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju, li tagħhom kollha s-Sirja hija firmatarja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 78, 79 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali marbuta magħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi sal-20 ta’ Settembru 2013 l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) kellu rreġistrati total ta’ 1 929 227 rifuġjat Sirjan fil-pajjiżi ġirien u fl-Afrika ta’ Fuq; billi l-għadd totali ta’ rifuġjati, inklużi dawk li mhumiex irreġistrati, huwa stmat li hu ta’ 2 102 582; billi skont l-istess għejun 76 % tal-popolazzjoni tar-rifuġjati Sirjani huma nisa u tfal; billi mit-tfal rifuġjati Sirjani 410 000 huma ta’ età tal-iskola primarja (bejn il-5 snin u l-11-il sena); billi skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) l-għadd ta’ persuni spustati f’pajjiżhom (IDPs) fid-data tad-9 ta’ Settembru 2013 kien ta’ 4.25 miljun ruħ;

B.  billi skont l-UNHCR il-għadd ta’ rifuġjati (inklużi dawk li kienu qed jistennew li jiġu rreġistrati) li kienu jinsabu fil-pajjiżi ospitanti fid-data tal-20 ta’ Settembru 2013 kien kif ġej: it-Turkija, 492 687; il-Libanu, 748 608; il-Ġordan, 531 768; l-Iraq, 190 857; l-Eġittu, 124 373; il-Marokk, l-Alġerija u l-Libja, 14 289 (irreġistrati); billi eluf ta’ Sirjani qed jaħarbu kuljum lejn pajjiżi ġirien u l-Pjan ta’ Rispons Reġjonali tan-NU għas-Sirja qed ibassar total ta’ 3,5 miljun rifuġjat mis-Sirja sa tmiem l-2013;

C.  billi t-talbiet minn Sirjani għall-asil fl-UE komplew jiżdiedu fl-2013, fejn intlaħaq total ta' 52 000 talba għall-asil li bdew isiru mill-bidu tal-kunflitt fl-2011 fl-UE u fil-ġirien l-aktar qrib tiegħu (l-Isvizzera u n-Norveġja);

D.  billi, fi ħdan l-UE-28, il-Ġermanja (14 842) u l-Isvezja (14 083) rċevew 59% tat-talbiet li tressqu; billi, filwaqt li pajjiżi oħra esperjenzaw żidiet sinifikanti fl-applikazzjonijiet, huwa biss Stat Membru wieħed ieħor li rċieva aktar minn 2 000 talba (ir-Renju Unit, b'2 634 talba);

E.  billi hemm nuqqas ta’ dejta għalkollox eżatta u affidabbli dwar il-għadd totali ta' Sirjani ġejjin l-Ewropa, kif ukoll nuqqas ta' tagħrif dwar in-numri li qed ifittxu asil f'pajjiżi Ewropej, u dwar l-għadd totali preżenti; billi, skont il-UNHCR, minkejja dawn il-lakuni, u l-fatt li l-istatistika u d-dejta dwar il-prattiki tal-aġġudikazzjoni fir-rigward tat-talbiet għall-asil fl-Istati Membri tal-UE huma difettużi, hemm indikazzjonijiet li għad hemm lakuni fil-protezzjoni tas-Sirjani fi ħdan l-UE;

F.  billi l-kriżi tar-rifuġjati Sirjani tikkostitwixxi l-ewwel prova tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (CEAS);

G.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tipprovdi xi għodod, bħalma hu l-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi(6) u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen(7), li jagħmluha possibbli li jingħataw viżi umanitarji;

H.  billi l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jagħmlu użu mill-fondi li se jkunu disponibbli taħt il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u l-fondi disponibbli taħt l-Azzjoni Preparatorja “Il-possibilità tar-risistemazzjoni ta' refuġjati f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza” li tkopri, fost ħwejjeġ oħra, il-miżuri li ġejjin: appoġġ lill-persuni li diġà huma rikonoxxuti bħala rifuġjati mill-UNHCR; appoġġ għal azzjoni ta’ emerġenza fil-każ ta’ gruppi ta’ rifuġjati, identifikati bħala prijoritarji, li jinsabu taħt attakk armat u li jiffaċċjaw ċirkostanzi ta’ vulnerabilità estrema u ta’ natura li thedded il-ħajja tagħhom; l-għoti, fejn meħtieġ, ta' appoġġ finanzjarju ulterjuri waqt l-emerġenzi lill-UNHCR u lill-organizzazzjonijiet marbuta magħha fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE;

I.  billi t-traġedja l-aktar riċenti li seħħet ’il barra minn Lampedusa, fit-3 ta’ Ottubru 2013, ħalliet 130 migrant mejjet, filwaqt li mijiet oħra jinsabu nieqsa; billi għaxriet ta’ eluf ta’ migranti sfaw mejta huma u jippruvaw jaslu l-UE; filwaqt li għal darba oħra jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jsir dak kollu li hu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f’periklu u lejn il-ħtieġa li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward is-salvataġġ fuq il-baħar;

1.  Jinsab imħasseb serjament dwar il-kriżi umanitarja li għaddejja bħalissa fis-Sirja u l-pressjoni qawwija li qed titfa’ fuq il-pajjiżi ġirien; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-eżodu ta’ rifuġjati għadu qed jaċċelera mingħajr ebda sinjal li dan il-ħruġ ta’ nies se jintemm dalwaqt;

2.  Ifaħħar l-isforzi u s-solidarjetà tal-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi u l-ġenerożità tal-popolazzjonijiet tagħhom fil-għajnuna li qed jagħtu lir-rifuġjati mis-Sirja;

3.  Jilqa’ l-politika ta’ bieb miftuħ tal-pajjiżi ġirien tas-Sirja u jħeġġiġhom iżommu l-fruntieri tagħhom miftuħa għar-rifuġjati kollha li qed jaħarbu mis-Sirja;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li għadd dejjem akbar ta’ Sirjani qed jissugraw ħajjithom billi jitilqu fuq vjaġġi perikolużi bid-dgħajjes biex jaqsmu l-Mediterran lejn l-UE;

5.  Jilqa’ l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw aktar minn EUR 1 biljun f’għajnuna umanitarja u mhux umanitarja lis-Sirjani kemm ġewwa s-Sirja u kemm barra minnha; jinnota li l-UE hija l-akbar donatriċi ta’ għajnuna umanitarja lill-kriżi Sirjana; jistieden ukoll lill-UE tissorvelja t-tqassim ta’ dak il-finanzjament;

6.  Jitlob li l-UE tkompli bil-finanzjament ġeneruż tagħha tal-isforzi kemm umanitarji u kemm mhux umanitarji bħala rispons għall-ħtiġijiet tan-nies fis-Sirja u tar-rifuġjati mis-Sirja li jinsabu fil-pajjiżi ġirien;

7.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet akuti permezz tar-risistemazzjoni b’żieda mal-kwoti nazzjonali eżistenti u permezz tal-ammissjoni umanitarja; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-fondi li għadhom disponibbli taħt l-azzjoni preparatorja / il-proġett pilota dwar ir-risistemazzjoni;

8.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu appoġġ b'rispons għall-din il-kriżi umanitarja eċċezzjonali u jimpenjaw ruħhom li jagħtu għajnuna effettiva lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja;

9.  Jistieden lill-UE tlaqqa’ konferenza umanitarja dwar il-kriżi tar-rifuġjati Sirjana, fejn il-prijorità tingħata lill-azzjonijiet indirizzati lill-pajjiżi ospitanti fir-reġjun (b’mod partikolari l-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija u l-Iraq) bil-għan li tagħtihom appoġġ fl-isforz tagħhom li jospitaw popolazzjonijiet dejjem akbar ta’ rifuġjati u jżommu għaddejja politika ta’ bieb miftuħ; jenfasizza li tali konferenza għandha tinvolvi lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili u tiffoka fuq l-isforzi umanitarji u fuq it-tisħiħ tar-rwol u tal-involviment tal-UE fl-isforzi diplomatiċi biex tgħin ħalli jintemm il-kunflitt fis-Sirja;

10.  Jenfasizza kemm hu importanti f’dan l-istadju li jiġi esplorat b’mod konkret jekk, kif u meta l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu aktar biex isaħħu r-rispons ta’ protezzjoni tagħhom għas-Sirja; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jkun hemm solidarjetà u li jsir tisħiħ proattiv tar-rispons ġenerali ta’ protezzjoni fl-UE permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib, il-qsim ta’ informazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet u d-djalogu rigward politiki;

11.  Jilqa’ l-kunsens ġenerali li jeżisti fost l-Istati Membri li ċ-ċittadini Sirjani ma għandhomx jitreġġgħu lura s-Sirja; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa approċċ aktar koerenti u solidarjetà akbar mal-Istati Membri li qed jiffaċċjaw pressjoni partikolari biex jilqgħu għandhom ir-rifuġjati mis-Sirja; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-istrumenti differenti tas-SEKA jiġu implimentati b’mod korrett;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jesploraw il-liġi u l-proċeduri kollha tal-UE għall-provvediment ta' dħul sikur fl-UE bil-għan li temporanjament jaċċettaw għandhom Sirjani li jkunu qed jaħarbu minn pajjiżhom; jinnota li huwa ppreferut li wieħed jidħol legalment fl-UE milli jidħol b’mod irregolari u aktar perikoluż, li jista’ jinvolvi riskji ta’ ttraffikar tan-nies; jinnota li xi wħud mill-Istati Membri taw lis-Sirjani jew residenza permanenti (eż. l-Isvezja) jew ammissjoni temporanja (eż. l-Ġermanja);

13.  Ifakkar lill-Istati Membri li s-Sirjani li qed jaħarbu l-kunflitt li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-asil u għandu jkollhom aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti;

14.  Jistieden lill-UE tieħu miżuri responsabbli xierqa rigward influss ta’ rifuġjati li jista’ jseħħ fl-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jimmoniterjaw is-sitwazzjoni attwali u jaħdmu fuq ippjanar ta’ kontinġenza, inkluża l-possibilità li japplikaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja(8), jekk u meta l-kundizzjonijiet jirrikjedu hekk;

15.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-Istati Membri huma rekwiżiti joħorġu jgħinu lill-migranti li jinsabu fuq il-baħar, u jistieden lill-Istati Membri li naqsu milli jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom ħalli jieqfu milli jibagħtu lura d-dgħajjes bil-migranti abbord;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, skont id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-UE eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu b’effett immedjat kwalunkwe prattiki ta' detenzjoni li jkunu mhux xierqa jew estiżi bi ksur tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew, u jirrimarka li l-miżuri biex migranti jiġu detenuti għandhom dejjem ikunu soġġetti għal deċiżjoni amministrattiva, u għandhom ikunu sostanzjati kif dovut u temporanji;

17.  Jistieden lill-kumitati rilevanti tiegħu jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien u l-miżuri meħuda mill-Istati Membri f’dan ir-rigward;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-Parlament u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija Sirjana, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta’ dawk il-pajjiżi ġirien tas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

(1) ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 37.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0351.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0223.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0378.
(5) http://www.unhcr.org/51b7149c9.html
(6) Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).
(7) Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 121, 7.8.2001, p. 12).

Avviż legali - Politika tal-privatezza