Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2033(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0318/2013

Testi mressqa :

A7-0318/2013

Dibattiti :

PV 21/10/2013 - 20
CRE 21/10/2013 - 20

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2013 - 8.7

Testi adottati :

P7_TA(2013)0434

Testi adottati
PDF 586kWORD 50k
It-Tlieta, 22 t'Ottubru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Fondi tal-Unjoni Ewropea ta' qabel l-adeżjoni fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati
P7_TA(2013)0434A7-0318/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar il-ġestjoni baġitarja tal-fondi tal-Unjoni Ewropea ta' qabel l-adeżjoni fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati (2011/2033(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin għas-snin 2007-2008, 2008-2009, 2009-2010, 2010-2011, 2011-2012 u 2012-2013,

–  wara li kkunsidra l-oqsfa finanzjarji pluriennali indikattivi, id-dokumenti tal-ippjanar pluriennali indikattivi, il-programmi nazzjonali u l-fajls tal-proġetti negozjati bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati rispettivi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 12/2009 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-effettività tal-proġetti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni għall-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 16/2009 mill-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni għat-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 14/2011 mill-Qorti tal-Awdituri dwar jekk l-assistenza tal-UE tejbitx il-kapaċità tal-Kroazja li tiġġestixxi l-finanzjament ta' wara l-adeżjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 18/2012 mill-Qorti tal-Awdituri dwar l-assistenza mill-UE lill-Kosovo(1) fir-rigward tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra l-'Evalwazzjoni Tematika dwar id-Drittijiet Ġudizzjarji u Fundamentali fit-Turkija' tal-Kummissjoni, ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra l-'Evalwazzjoni Tematika dwar l-Istat tad-Dritt, ir-Riforma Ġudizzjarja u l-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata fil-Balkani tal-Punent' tal-Kummissjoni, (Lots 2 u 3, ta' Mejju 2012 u Frar 2013),

–  wara li kkunsidra nota ta' informazzjoni ta' Marzu 2013 mill-Kummissjoni(2) dwar l-użu tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti ta' Progress 2012 tal-Kummissjoni dwar il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0318/2013),

A.  billi l-pajjiżi kandidati potenzjali u l-pajjiżi kandidati għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu s-sistemi ġudizzjarji tagħhom u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni jekk dan jitqies li huwa meħtieġ għall-adeżjoni, anke meta jkunu saru Stati Membri tal-UE; billi fis-Samit ta' Ħelsinki tal-1999, il-Kunsill Ewropew ta status ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni fl-UE lit-Turkija, filwaqt li fl-2001 ġiet adottata s-sħubija għall-adeżjoni UE-Turkija, u billi fil-Kunsill Ewropew ta' Salonka fl-2003 l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ġie kkonfermat bħala l-politika tal-UE għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u b'hekk għamilhom eleġibbli għal adeżjoni fl-UE; billi l-Istrument għall-Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni (IPA) mhuwiex l-uniku mezz li bih l-UE qed tappoġġa r-riforma tal-istat tad-dritt fil-Bosnja-Ħerzegovina u fil-Kosovo, għax l-appoġġ għar-riforma tas-settur ġuridiku fil-Kosovo hu provdut ukoll mill-EULEX, filwaqt li twettqet missjoni tal-pulizija fil-Bosnja-Ħerzegovina bejn l-2003 u l-2012;

B.  billi l-eżekuzzjoni tal-istat tad-dritt, notevolment permezz tar-riforma ġudizzjarja, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u fit-Turkija huma meqjusa bħala prijoritajiet ewlenin mill-Kummissjoni, u billi mill-2012 "l-Approċċ il-Ġdid" ġie applikat fl-ambitu tal-politika ta' tkabbir biex jindirizza r-riformi fil-ġustizzja u fl-affarijiet interni fi stadju bikri tal-proċess ta' adeżjoni permezz tal-istabbiliment ta' metodoloġija ġdida ta' negozjar li tinkludi prijoritajiet ċari u kundizzjonalitajiet fl-oqsma tal-Kapitoli 23 u 24, u b'hekk jimmiraw lejn prijoritizzazzjoni aqwa tal-assistenza finanzjarja taħt l-IPA II;

C.  billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi assistenza finanzjarja lill-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) li ssostitwixxa l-programmi TPA, PHARE u CARDS mill-2007, u billi, bl-eċċezzjoni tal-Islanda, il-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati kollha jibbenefikaw minn fondi tal-UE ta' qabel l-adeżjoni fil-qafas tar-riforma tas-sistema ġuridika tagħhom u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

D.  billi l-istrument il-ġdid ta' qabel l-adeżjoni IPA II irid ikun aktar strateġiku, effiċjenti u mmirat aħjar mill-predeċessuri tiegħu, bl-għan li jinkisbu riżultati iktar sostenibbli fit-titjib tat-tlestija tal-pajjiżi għall-adeżjoni, u fejn possibbli jiffavorixxi l-approċċ settorjali biex jappoġġa l-istrateġiji ta' riforma komprensivi tal-pajjiżi benefiċjarji,

E.   billi l-appoġġ tal-UE għar-riformi relatati mal-istat tad-dritt fil-Bosnja-Ħerzegovina u fil-Kosovo mhux limitat għall-assistenza tal-IPA – fil-Bosnja-Ħerzegovina, twettqet missjoni tal-pulizija bejn l-2003 u l-2012, filwaqt li l-appoġġ lill-Kosovo ngħata wkoll fil-forma tal-Missjoni tal-UE għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX) li ġiet skjerata fl-2008 – u billi b'total ta' aktar minn 2 000 membru tal-persunal fl-1 ta' Lulju 2013 (li minnhom aktar minn 730 ġew sekondati minn Stati Membri tal-UE) u b'baġit annwali ta' ftit aktar minn EUR 100 miljun (Ġunju 2012-Ġunju 2013), il-EULEX għandha rwol sostanzjali fl-appoġġ favur l-istituzzjonijiet tal-Kosovo fil-qasam tal-istat tad-dritt, fosthom għar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

F.   billi mill-2007 l-proġetti reġjonali li jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn il-benefiċjarji fil-pajjiżi differenti u l-proġetti orizzontali li jindirizzaw il-ħtiġijiet maqsuma bejn numru ta' benefiċjarji huma eleġibbli taħt il-programmi multibenefiċjarji tal-IPA;

1.  Ifakkar li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata hija waħda mill-aktar prijoritajiet importanti għal kull pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali li jixtieq jissodisfa l-prospettiva Ewropea tiegħu;

2.  Itenni l-importanza li jkun hemm ġudikatura indipendenti, ħarsien u promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u ġlieda effikaċi kontra l-korruzzjoni fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija; jilqa' l-approċċ il-ġdid ta' negozjar tal-UE, li jankra fis-sod dawn l-oqsma ewlenin fil-qalba tal-proċess ta' adeżjoni u jinkludi ftuħ bikri tal-Kapitoli 23 u 24 abbażi ta' pjanijiet ta' azzjoni ċari u dettaljati, li jistimulaw l-istabbiliment tal-leġiżlazzjoni, l-istituzzjonijiet u r-riżultati tajbin ta' implimentazzjoni meħtieġa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffissati punti ta' referenza trasparenti u ġusti matul għall-proċess kollu, li jistgħu jittraduċu l-kriterji f'passi konkreti lejn l-adeżjoni;

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

Riforma ġudizzjarja

3.  Jinnota li sa mill-2001, l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni mingħand l-UE lit-Turkija fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja kienet tammonta għal EUR 128 938 935 għal 30 proġett, li minnhom EUR 66 645 666 tħallsu sal-31 ta' Diċembru 2012; jenfasizza li fil-preżent disa' proġetti twettqu, 11-il proġett għadhom għaddejjin filwaqt li 10 għadhom se jinbdew(3) ;

4.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni, fi Frar 2012, nediet proċedura ta' rkupru fir-rigward ta' żewġ proġetti żviluppati fit-Turkija, jiġifieri l-bini ta' tliet Qrati tal-Appell f'Ankara, Erzurum u Diyarbakır(4) u l-appoġġ għall-istabbiliment tal-Qrati tal-Appell fit-Turkija(5) ; jinnota li f'April 2013 ġew irkuprati EUR 21 767 205,29 u li l-ammont jikkorrispondi mal-pagamenti li saru mill-Kummissjoni għaż-żewġ proġetti; jinnota li l-evalwaturi esterni rrikużaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għal irkupru sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, sa Diċembru 2013, informazzjoni dettaljata fir-rigward ta' din il-kwistjoni u tispjega l-għażla ta' rkupru sħiħ;

5.  Jinnota li sa mill-2005, l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni mingħand l-UE lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja kienet tammonta għal EUR 240 064 387,48 għal 124 proġett, li minnhom EUR 85 749 243,96 tħallsu sal-31 ta' Diċembru 2012; jenfasizza li fil-preżent, 53 proġett twettqu, 47 proġett għadhom għaddejjin filwaqt li 23 proġett għadhom se jinbdew(6) ;

Tabella 1: Assistenza ta' qabel l-adeżjoni lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja

li tkopri proġetti tal-PHARE, CARDS u IPA

Pajjiż

Total ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni mingħand l-UE (f'EUR)

Pagamenti sal-31/12/12

(f'EUR)

Għadd ta' proġetti

Status tal-proġetti

Għadhom se jinbdew

Għadhom għaddejjin

Twettqu

Albanija

46 954 563.08

12 681 306.32

17

2

14

1

Bosnja-Ħerzegovina

35 918 893.00

14 148 643.76

26

4

13

8

Kroazja

34 443 208.36

12 356 399.21

17

4

6

7

dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

11 295 000.00

3 236 000.00

13

2

1

10

Kosovo

63 613 000.00

25 641 584.77

15

6

6

3

Montenegro

4 790 085.00

3 406 910.19

9

0

2

7

Serbja

43 049 638.04

14 278 399.71

27

5

5

17

Total

240 064 387.48

85 749 243.96

124

23

47

53

Ġlieda kontra l-korruzzjoni

6.  Jinnota li sa mill-2001, l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni lit-Turkija mingħand l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienet tammonta għal EUR 6 160 000 għal 5 proġetti, li minnhom EUR 1 661 732 tħallsu sal-31 ta' Diċembru 2012; jenfasizza l-fatt li fil-preżent proġett wieħed twettaq, 2 proġetti għadhom għaddejjin filwaqt li 2 oħra għadhom se jinbdew;

7.  Jinnota li sa mill-2005, l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mingħand l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienet tammonta għal EUR 55 160 227,76 għal 45 proġett, li minnhom EUR 16 060 007,57 tħallsu sal-31 ta' Diċembru 2012; jenfasizza l-fatt li fil-preżent, 18-il proġett twettqu diġà, 17-il proġett għadhom għaddejjin filwaqt li 10 proġetti għadhom se jinbdew(7) ;

Tabella 2: Assistenza ta' qabel l-adeżjoni lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni

covering PHARE, CARDS and IPA projects

Pajjiż

Total ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni mingħand l-UE (f'EUR)

Pagamenti sal-31/12/12

(f'EUR)

Għadd ta' proġetti

Status tal-proġetti

Għadhom se jinbdew

Għadhom għaddejjin

Twettqu

Albanija

3 500 000.00

3 184 112.00

2

0

1

1

Bosnja-Ħerzegovina

4 553 791.00

1 878 730.36

16

1

9

6

Kroazja

9 684 397.12

3 753 821.95

9

2

2

5

dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

14 647 000.00

1 182 000.00

5

3

0

2

Kosovo

6 500 000.00

1 394 670.10

4

2

1

1

Montenegro

6 391 722.00

2 690 106.00

5

1

2

2

Serbja

3 383 317.64

1 976 567.16

4

1

2

1

Total

55 160 227.76

16 060 007.57

45

10

17

18

8.  Jenfasizza l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni għall-indirizzar tar-riformi tal-ġustizzja u l-affarijiet interni fi stadju bikri fil-proċess tal-adeżjoni; josserva, madankollu, li bħala medja, 3,13 % biss tal-pakkett ta' assistenza totali tal-UE ta' qabel l-adeżjoni bejn l-2012 u l-2013 ġie ddedikat għall-ġustizzja, filwaqt li 0,52 % biss huwa ddedikat għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jinnota li għall-istess perjodu, l-ammont totali allokat għall-oqsma kollha tal-politika koperti mill-Kapitoli 23 u 24 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja, Libertà u Sigurtà) hu madwar 7,41 % tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni ; jinnota wkoll li madwar 16,29% tal-fondi allokati lill-Komponent I jimmiraw li jsaħħu l-istat tad-dritt f'pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

9.   Jirrikonoxxi li l-kuntratt tal-proġett tal-IPA tal-2007 "Appoġġ għall-kapaċitajiet fil-Ministeri tal-Ġustizzja fil-Bosnja-Ħerzegovina għall-Ippjanar tal-Istrateġiji, Koordinazzjoni tal-Għajnuna u Integrazzjoni mal-UE" ġie sospiż; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni dettaljata fir-rigward tas-sospensjoni tal-kuntratt u tal-istat tal-ħidma tal-proġett sa Diċembru 2013;

Finanzjament, prijoritajiet tat-tkabbir u kofinanzjament

10.  Jenfasizza l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni għall-indirizzar tar-riforma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni fi stadju bikri fil-proċess tal-adeżjoni; josserva, madankollu, li bħala medja, 2,87 % biss tal-pakkett ta' assistenza totali tal-UE ta' qabel l-adeżjoni għall-perjodu 2007-2013 huwa ddedikat għall-ġustizzja, filwaqt li 0,52 % biss huwa ddedikat għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

Tabella 3: Livell ta' fondi investiti fi proġetti speċifiċi b'attenzjoni fuq ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni mqabbel mal-pakkett totali ta' assistenza tal-UE ta' qabel l-adeżjoni fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għall-perjodu 2007-2012 (8)

Pajjiż

Total ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni mingħand l-UE (f'Euro)

Fondi investiti fir-riforma ġudizzjarja

%

Fondi investiti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni

%

Albanija

591 200 000,00

46 954 563,08

7.94

3 500 000,00

0.59

Bosnja-Ħerzegovina

655 300 000,00

35 918 893,00

5.48

4 322 690,00

0.66

Kroazja

998 000 000,00

28 124 764,60

2.81

9 552 355,11

0.96

dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

615 100 000,00

8 903 000,00

1.45

13 285 000,00

2.16

Kosovo

635 300 000,00

63 613 000,00

10.01

6 500 000,00

1.02

Montenegro

235 600 000,00

4 377 111,00

1.86

6 391 722,00

2.71

Serbja

1 385 400 000,00

43 049 638,04

3.11

3 383 317,64

0.24

It-Turkija

4 799 000 000,00

79 287 735,00

1.65

4 810 000,00

0.10

11.   Jinnota li l-livell ta' kofinanzjament mill-awtoritajiet nazzjonali huwa differenti ħafna minn pajjiż għall-ieħor, fejn il-Kroazja u t-Turkija jikkofinanzjaw il-maġġoranza tal-proġetti tagħhom filwaqt li s-Serbja għandha l-proġetti tagħha koperti b'mod sħiħ mill-assistenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE; jemmen li l-proġetti kofinanzjati, speċjalment fl-oqsma tal-ġudikatura u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, iwasslu għal livell ogħla ta' sjieda mill-benefiċjarji; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex iżżid, taħt l-IPA II, in-numru ta' proġetti kofinanzjati mill-awtoritajiet nazzjonali;

12.  Hu tal-fehma li l-livell ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni investit fir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma jirriflettix il-prijorità stabbilita mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward; minħabba l-importanza tal-kwistjonijiet relatati mal-ġudikatura u l-korruzzjoni, il-gravità tal-problemi fil-post, kif ukoll l-effetti pożittivi u s-sinerġiji li jistgħu jgawdu minnhom setturi oħra jekk ir-riformi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jitwettqu u jiġu implimentati kif jixraq, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi benefiċjarji jallokaw livell ta' finanzjament aktar sostanzjali u adegwat għal dawn iż-żewġ setturi; jinnota madankollu li fatturi oħra bħad-djalogi strutturati speċifiċi għall-pajjiżi dwar l-istat tad-dritt u l-ġudikatura, għandhom impatt sostanzjali fuq l-effiċjenza tal-assistenza tal-UE ta' qabel l-adeżjoni fir-riforma tas-sistemi ġudizzjarji u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jirrikonoxxi għaldaqstant li s-sehem tal-finanzjament ġenerali mhuwiex l-uniku kriterju għall-effiċjenza tal-isforzi tal-UE biex isaħħu l-istat tad-dritt u l-prattiki kontra l-korruzzjoni;

13.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-finanzjament taħt l-IPA I jidher li hu limitat meta titqies l-importanza ta' dawn l-oqsma; josserva, madankollu, il-kapaċità ta' assorbiment dgħajfa tal-IPA I fil-qasam tal-istat tad-dritt f'xi pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; iqis li hu essenzjali li titjieb il-ġestjoni tal-finanzjament ta' qabel l-adeżjoni f'dan il-qasam taħt l-IPA II, u jenfasizza li l-progress fl-ilħuq tal-objettivi speċifiċi dwar ġudikatura indipendenti u effiċjenti, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluża l-implimentazzjoni tagħhom, għandhom ikunu mmonitorjati u evalwati abbażi ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi; iqis li hu importanti wkoll li jiġi offrut inċentiv ta' rendiment taħt l-IPA II sabiex jiġi ppremjat ir-rendiment fejn isir progress sostanzjali fl-ilħuq tal-objettivi speċifikati fid-dokumenti ta' strateġija;

14.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni m'għandhiex għodda biex tipprovdi rata ta' eżekuzzjoni b'mod awtomatiku għall-proġetti tal-UE ta' qabel l-adeżjoni u jenfasizza li hu kruċjali li nkunu nafu r-rata ta' eżekuzzjoni biex tkun monitorjata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-proġetti u, għaldaqstant, biex kwalunkwe magħlaq jiġi indikat fi stadju bikri; jistieden lill-Kummissjoni tiċċentralizza d-dejta fuq bażi ta' sitt xhur dwar ir-rata ta' eżekuzzjoni tal-proġetti li għalihom teżisti allokazzjoni ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE;

15.   Jinnota li l-kooperazzjoni dwar ir-riforma tas-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni sseħħ ukoll fil-livell politiku permezz ta' djalogi strutturati għal kull pajjiż dwar l-istat tad-dritt u l-ġudikatura li jiġu stabbiliti mal-kandidati u mal-pajjiżi kandidati;

Rimarki ġenerali

16.  Jenfasizza li l-effikaċja tal-proġetti ta' qabel l-adeżjoni implimentati fl-oqsma tal-ġudikatura u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni tiddependi primarjament fuq ir-rieda tal-awtoritajiet politiċi li jadottaw u jimplimentaw b'mod sħiħ ir-riformi; jiddeplora li fil-maġġoranza tal-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati jeżisti nuqqas ta' appoġġ politiku b'saħħtu biex jiġu implimentati riformi effettivi li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata jew ġudikatura indipendenti b'mod sħiħ; jindika li l-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati jirċievu assistenza ta' qabel l-adeżjoni mill-UE biex jagħmlu s-sistemi legali tagħhom, kemm fil-qafas leġiżlattiv kif ukoll fil-prattika, konformi mal-istandards Ewropej;

Riforma ġudizzjarja

17.  Jilqa' dawk il-bidliet li jallinjaw aktar il-qafas ġuridiku u istituzzjonali mal-acquis tal-UE, kif ukoll il-modernizzazzjoni tal-istabbiliment istituzzjonali tal-ġudikatura; jirrikonoxxi, pereżempju, l-impatt pożittiv fuq l-imparzjalità u l-effiċjenza tal-qrati tal-introduzzjoni tas-Sistema ta' Ġestjoni ta' Każijiet (CMS), għalkemm il-finzjonament u l-effikaċja tagħha huma spiss imxekkla minn objettivi ambizzjużi żżejjed bħal fil-Kosovo;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq definizzjoni aktar ċara tal-ambitu tal-proġetti fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tagħti lok għal monitoraġġ u rappurtar aktar konsistenti f'dawn l-oqsma;

19.  Jenfasizza li l-Parlament għandu jkun involut b'mod attiv fis-superviżjoni tal-allokazzjoni u l-infiq tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali fl-oqsma kollha, inklużi s-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza, għaldaqstant, li l-Parlament għandu jinżamm infurmat dwar l-implimentazzjoni tal-IPA u l-allokazzjoni tal-fondi għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

20.  Ifakkar li l-istat tad-dritt hu l-pedament tad-demokrazija u kundizzjoni preliminari għal ekonomija tas-suq funzjonanti u jenfasizza l-ħtieġa li r-riformi ġudizzjarji jiġu meqjusa f'kuntest usa'; jinsisti dwar il-fatt li s-sistema tal-ġustizzja għandha tkun indipendenti għalkollox, aktar prevedibbli, effiċjenti u ġusti sabiex ikun żgurat li l-poplu u l-komunità tan-negozju jafdaw il-ġudikatura; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tkun stabbilita d-distribuzzjoni aleatorja tal-każijiet fil-qrati kollha u li tkun żgurata ġustizzja f'waqtha flimkien mal-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha immedjatament wara l-adozzjoni u aċċess faċli għalihom, kif ukoll il-vantaġġi, fosthom dawk finanzjarji, tal-użu tal-ġustizzja elettronika; jindika li t-taħriġ adegwat u kontinwu tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-iskrivani huwa essenzjali; jinnota li "l-Approċċ il-Ġdid" għandu jiffoka fuq dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni;

21.  Iqis li huwa essenzjali li l-assistenza finanzjarja tal-UE tintrabat aktar mill-qrib mal-prijoritajiet tal-politika tat-tkabbir, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt, sabiex jitjiebu l-indipendenza, ir-responsabilità, l-imparzjalità, il-professjonalità, it-trasparenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji; jenfasizza li l-finanzjament prevedibbli u suffiċjenti huwa rekwiżit preliminari ewlieni għal riformi ġudizzjarji sostenibbli; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ professjonali kontinwu għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-uffiċjali; Jappella biex jingħata finanzjament ulterjuri lill-atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili u jkun hemm aktar ħidma magħhom sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tal-ġudikatura u jitjiebu l-kapaċitajiet fuq żmien fit-tul tagħha, kif ukoll lil dawk li jaġixxu bħala għassiesa u informaturi fir-rigward tal-użu ħażin tal-fondi;

22.  Jiddeplora l-fatt li l-impatt u s-sostenibbiltà tal-assistenza finanzjarja tal-UE huma ostakolati minħabba nuqqas ta' sistemi ġudizzjarji prevedibbli u ta' finanzjament nazzjonali prevedibbli u suffiċjenti;

23.  Jinnota li "l-Approċċ il-Ġdid" għandu l-intenzjoni li jiffoka fuq dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni;

Ġlieda kontra l-korruzzjoni

24.  Jinnota li l-korruzzjoni hija sfida ewlenija għall-maġġoranza tal-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati; huwa mħasseb li f'bosta pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, ir-rapporti dwar il-progress jinnutaw li r-rabtiet li ġew stabbiliti bejn il-kriminali, in-netwerks tal-kriminalità organizzata u l-élites politiċi matul il-kunflitti fir-reġjun għadhom jeżistu fis-soċjetajiet tal-lum; jinsab imħasseb ferm dwar il-fenomenu ta' "manipulazzjoni tal-istat" li huwa preżenti f'uħud minn dawk il-pajjiżi;

25.  Jinnota li implimentazzjoni ġenwina u riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikulari fil-każijiet ta' korruzzjoni politika f'livell għoli u l-korruzzjoni fil-ġudikatura, għadhom sfida kbira, u li għandha tinkiseb sensiela ta' esperjenzi konvinċenti ta' każijiet ta' prosekuzzjoni u kundanni biex ikun jista' jitkejjel il-progress; jilqa' l-fatt li "l-Approċċ il-Ġdid" ser jiffoka fuq dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa għal ippjanar u finanzjament aħjar tal-attivitajiet kontra l-korruzzjoni, abbażi ta' kooperazzjoni bejn firxa wiesgħa ta' partijiet konċernati; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa perspettiva strateġika aktar fit-tul u b'bażi usa' tal-finanzjament tal-UE għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jaħdmu fl-oqsma tat-trasparenza u ta' kontra l-korruzzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE; jinnota li "l-Approċċ il-Ġdid" għandu l-intenzjoni li jiffoka fuq dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni;

26.  Jixtieq li jkun hemm riżultati ta' prosekuzzjonijiet u deċiżjonijiet tal-qorti li jkunu imparzjali u li jkollhom suċċess fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż f'kawżi ta' profil għoli, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istat tad-dritt u fl-istituzzjonijiet pubbliċi; jistieden l-awtoritajiet rilevanti jtejbu l-kooperazzjoni interistituzzjonali, speċjalment bi strutturi ta' infurzar tal-liġi, iqajmu l-kuxjenza pubblika u jiżviluppaw il-kapaċitajiet għall-ippjanar, l-infurzar u l-monitoraġġ ta' regoli u attivitajiet kontra l-korruzzjoni, kif ukoll sabiex jikkooperaw mill-qrib mal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u sabiex jaħdmu mill-qrib mal-entitajiet indipendenti tal-istat, bħall-aġenziji kontra l-korruzzjoni; jappella għall-implimentazzjoni ta' strateġiji li jipprevjenu u jiġġieldu l-korruzzjoni fuq livell nazzjonali u internazzjonali;

27.  Jemmen li l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-midja u dik diġitali jirrappreżentaw kontroll kruċjali fuq is-setgħa u komponent importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kemm billi tingħata pjattaforma għal-libertà tal-espressjoni u jingħata lill-pubbliku aċċess għal informazzjoni; jitlob, għaldaqstant, li dawn il-libertajiet jiġu segwiti b'mod attiv permezz ta' programmi taħt l-IPA, maħsuba għall-gvernijiet, iċ-ċittadini u l-istampa kif ukoll lejn l-uffiċjali tal-midja;

28.  Jinsab imħasseb li l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE mhux dejjem tintuża f'manjiera konsistenti minħabba n-nuqqas ta' approċċ u strateġija reġjonali; jenfasizza pereżempju li filwaqt li fil-Kroazja l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE ffinanzjat aġenzija kontra l-korruzzjoni b'setgħat investigattivi, fil-Kosovo ffinanzjat aġenzija kontra l-korruzzjoni mingħajr dawn is-setgħat u b'hekk qajmet dubji dwar l-effiċjenza tagħha; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi strateġija reġjonali ċara sabiex tevita li tiffinanzja mudelli kontradittorji fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati;

Implimentazzjoni tal-proġetti

29.  Jinnota li l-proġetti ta' qabel l-adeżjoni għandhom tul ta' bejn sena u tliet snin u nofs; jirrikonoxxi, abbażi ta' evalwazzjonijiet tematiċi esterni, li tali skadenzi joħolqu sfida, u aktarx huma ambizzjużi żżejjed, meta nqisu l-kamp ta' applikazzjoni wiesgħa ta' ħafna mill-proġetti u d-diversi komponenti tagħhom, li spiss ikunu kkumplikati; minħabba l-kumplessità tar-riformi fl-oqsma tal-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-ħin ikkonsmat fl-attivitajiet ta' qabel il-programmazzjoni, jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu miżuri adegwati fil-qafas ta' programmazzjoni tal-IPA II u proġetti li jwasslu għal skala ta' żmien itwal (ħames sa seba' snin), filwaqt li jiġu inkorporati eżerċizzji ta' reviżjoni predeterminati u perjodiċi li jagħtu lok għal aġġustamenti iktar flessibbli, fosthom fil-pakkett finanzjarju;

30.  Jinsab imħasseb dwar dewmien kroniku fl-implimentazzjoni tal-proġetti u, fl-aħħar mill-aħħar, l-effiċjenza tagħhom; jinnota, pereżempju, li l-proġetti fit-Turkija bħala medja jaqgħu lura b'sena qabel ma jiġu eżegwiti l-kuntratti, minħabba li jinħoloq magħlaq fis-sejħiet għall-offerti u l-ikkuntrattar, filwaqt li fil-Kroazja l-kuntratti tal-programmi PHARE bħala medja ġew iffirmati aktar minn sena wara d-data skedata għall-iffirmar, ftit jiem biss qabel l-iskadenza għall-ikkuntrattar stabbilita fil-Ftehim Finanzjarju;

31.   Jinsab imħasseb ulterjorment li l-kumplessità tar-regoli dwar l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u r-riġidità tagħhom f'każ meta jkun hemm il-ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet ġodda f'proġett eventwalment joħolqu inċentiv kontroproduċenti biex tiġi ripetuta attività jew jiġi aċċettat disinn ta' proġett mhux sodisfaċenti; jemmen madankollu li għad irid jinstab il-bilanċ ġust bejn il-flessibilità li sservi l-effiċjenza fil-proġetti u l-ħtieġa li jiġu evitati l-irregolaritajiet u jiġi żgurat li l-aħjar valur għall-flus għad irid jinkiseb u jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi f'dan ir-rigward skont l-IPA II;

32.  Jemmen li għandhom dejjem jiġu mwettqa l-attivitajiet ta' tħejjija ("pilota") f'każijiet ta' proġetti wiesa' qabel ma jiġu skjerati b'mod sħiħ sabiex jiġu identifikati u jittaffew in-nuqqasijiet potenzjali, jiġu limitati d-dewmien evitabbli u d-diffikultajiet u mkejla r-riżultati li jistgħu jinkisbu;

33.  Jinnota li approċċ settorjali aktar komprensiv fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tinvolvi bidliet pożittivi, bħal pereżempju sforzi għal riforma nazzjonali ffukati aħjar, koordinament imtejjeb bejn id-donaturi u interazzjoni aħjar bejn proġetti individwali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-approċċi settorjali jiġu introdotti skont il-linji gwida dwar l-approċċ settorjali fl-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u li jiġu mtejba l-kapaċitajiet tal-pajjiżi benefiċjarji biex ifasslu u jimplimentaw l-istrateġiji settorjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi gwida dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ settorjali matul il-fażijiet ta' ppjanar u programmazzjoni tal-IPA II, iqis li f'ħafna pajjiżi benefiċjarji la l-qafas istituzzjonali u lanqas il-proċessi baġitarji m'huma f'livell xieraq għall-appoġġ baġitarju settorjali u jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi t-titjib istituzzjonali u proċedurali meħtieġ fil-pajjiżi benefiċjarji;

34.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni u l-koordinament ma' donaturi u ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra huma ta' importanza kbira biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, tiġi żgurata l-effettività tal-għajnuna u jitrawwem il-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi potenzjalment kandidati; jiddispjaċih li r-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Qafas tal-Investiment għall-Punent tal-Balkani, inizjattiva konġunta tal-UE, tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, tad-donaturi bilaterali u tal-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent li jsaħħu l-koerenza fl-appoġġ tad-donaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab tagħha jistabbilixxu mekkaniżmu fl-istess spirtu tal-Qafas tal-Investiment għall-Punent tal-Balkani fejn sabiex isaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u biex iżommu lill-Parlament informat dwar il-progress kollu miksub;

Prestazzjoni u sostenibilità

35.  Jirrikonoxxi li, wara l-awditjar tagħha tal-proġetti ta' qabel l-adeżjoni għall-perjodu 2001-2005, il-Qorti tal-Awdituri qalet li s-sostenibilità tal-proġetti tista' titjieb: (i) kieku jiżdied l-involviment tal-benefiċjarji; (ii) kieku l-proġetti ma jitnedewx mingħajr ma jkollhom pjan ta' manutenzjoni; (iii) kieku l-Kummissjoni kellha ssegwi d-distribuzzjoni aktar mill-qrib u tevalwa l-użu tat-tagħmir u l-infrastruttura ffinanzjata mill-UE; u (iv) kieku l-assistenza teknika kellha tkun akkumpanjata b'inkoraġġiment attiv għal bidla istituzzjonali; jenfasizza l-fatt li minkejja t-titjib fl-ambitu tal-programm IPA għad baqa' xi nuqqasijiet, b'mod partikolari f'termini ta' involviment u manutenzjoni min-naħa tal-partijiet konċernati, u jinnota, pereżempju, li waqt il-proċess ta' programmazzjoni tal-2011 fit-Turkija, il-benefiċjarji bilkemm kienu involuti fl-aħħar 12-il xahar;

36.  Jinnota li l-proġetti ta' qabel l-adeżjoni huma bbażati fuq il-fajls tal-proġetti li jippreżentaw l-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħhom, l-attivitajiet previsti li għandhom jiġu implimentati, l-iskeda taż-żmien tagħhom, l-ispejjeż u l-mezzi ta' implimentazzjoni u l-indikaturi li fuqhom jista' jiġi mkejjel is-suċċess tal-proġetti;

37.  Jindika li l-Artikolu 30 tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 – ir-Regolament Finanzjarju) jirrikjedi li jiġu stabbiliti objettivi SMART għall-miżuri kollha ta' politika koperti mill-baġit tal-UE u jiġu stabbiliti fir-rapporti annwali dwar l-attività bħala parti mill-proċessi tal-ibbaġitjar u tal-ġestjoni bbażati fuq l-attivitajiet;

38.  Josserva li l-fajls tal-proġetti tjiebu maż-żmien, u ġew inklużi fihom aktar objettivi SMART li huma mfassla aħjar, kif ukoll indikaturi speċifiċi għall-komponenti differenti ta' proġett; jinsab imħasseb, madakollu, li l-evalwazzjoni esterna rrappurtat li xi proġetti ma kellhomx konċentrazzjoni minħabba indikaturi mhux xierqa, b'indikaturi SMART li mhux dejjem kienu adatti għas-settur tal-ġustizzja; jinsisti fuq il-ħtieġa li jitfasslu indikaturi kwalitattivi li kapaċi jkejlu l-impatt fit-tul tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti gwida dwar l-utilizzazzjoni tal-indikaturi tal-prestazzjoni li għandhom jiġu użati għall-finijiet ta' programmazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni tal-qafas finanzjarju 2014-20 relatat mal-IPA II; jemmen li l-indikaturi speċifiċi fis-settur tal-Ġustizzja, Libertà u Sigurtà għandhom jiġu żviluppati u jintużaw skont l-approċċ aktar strateġiku tal-IPA II;

39.  Hu tal-fehma li t-taħriġ ta' kwalità huwa aspett vitali tar-riforma ġudizzjarja u jilqa' l-fatt li iktar minn 30 % tal-attivitajiet tat-TAIEX huma ddedikati lill-Ġustizzja, Libertà u Sigurtà, iżda għandu dubji dwar ir-rilevanza tal-indikaturi tal-oġġettivi definiti fil-fajls tal-proġetti, li jintużaw biex ikejlu l-valur miżjud tal-attivitajiet ta' taħriġ; isemmi l-fatt li indikaturi bħal pereżempju 'kwalità u kwantità ta' attivitajiet ta' taħriġ imwettqa mill-persuni li taw it-taħriġ' jew 'konsulenti ġudizzjarji mħarrġa sodisfatti bit-taħriġ' jiffukaw prinċipalment fuq l-output, u ma jqisux ir-riżultati; jindika, pereżempju, li l-fatt li l-parteċipanti jgħidu fi stħarriġ li t-taħriġ se jkollu impatt fuq ix-xogħol tagħhom mhux minnu nnifsu indikatur tal-impatt; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni ttejjeb aktar l-indikaturi relatati mat-taħriġ u biex torganizza valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt tal-attivitajiet ta' taħriġ implimentati fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

40.  Jiddeplora l-fatt li sikwit, id-data bażi rilevanti li sservi ta' punt tat-tluq għall-kejl tat-titjib hija nieqsa, u li għaldaqstant ma jkunx possibbli li jitkejlu l-bidliet li jsiru bis-saħħa tal-proġetti ta' qabel l-adeżjoni;

41.   Josserva li l-appoġġ għar-riformi leġiżlattivi huwa wieħed mill-iktar proġetti komuni ta' qabel l-adeżjoni; jinnota li l-oqfsa istituzzjonali issa huma konformi mal-istandards Ewropej iżda huwa mħasseb li s-sostenibilità ta' dak it-tibdil fil-liġijiet u fl-oqfsa fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati tinsab f'riskju minħabba n-nuqqas ta' strateġija ġenerali kif indikat mill-evalwaturi esterni; jinnota b'mod partikolari li l-liġijiet sekondarji u r-regolamenti kumplimentari spiss huma neqsin, it-tibdil fir-rwoli u r-responsabbiltajiet mhuwiex indikat b'mod ċar, u l-persunal mhuwiex imħarreġ b'mod xieraq u b'hekk ma jistax japplika l-liġijiet ġodda kif previst; jinsisti li l-appoġġ għar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandu jkun fit-tul u komprensiv bi kriterji ta' valutazzjoni li jkopru l-proċess kollu mill-produzzjoni ta' oqfsa ġodda, liġijiet, liġijiet sekondarji u regolamenti sal-prosekuzzjoni nnifisha f'każijiet ta' livell għoli;

42.  Jinnota li l-prestazzjoni u s-sostenibilità tal-programmi multibenefiċjarji għadhom ma ġewx ivvalutati; jitlob lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jinkludu dawn il-proġetti fil-kamp ta' applikazzjoni ta' Rapport Speċjali futur dwar l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati;

Monitoraġġ u evalwazzjoni

43.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tivvaluta l-impatt u s-sostenibbiltà tal-programmi ta' qabel l-adeżjoni permezz tar-rapporti tal-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (ROM) iżda jiddispjaċih li dawn ir-rapporti mhumiex disponibbli għall-pubbliku; huwa tal-fehma li r-Rapporti ta' Progress (PR) tal-Kummissjoni għandhom jirriflettu fuq is-sejbiet tar-rapporti ROM u jipprovdu valutazzjoni tal-programmi u tal-impatt tagħhom ġaladarba jiġu implimentati; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tintroduċi kapitolu dwar l-inklużjoni tal-konklużjonijiet tar-ROM f'kull Rapport ta' Progress ;

44.  Jindika d-distakk fl-għadd ta' rapporti ta' ROM (monitoraġġ orjentat fuq ir-riżultati): fil-fatt, inkitbu 31 rapport għall-Albanija u l-ebda rapport għall-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja; jindika, barra minn hekk, li l-pajjiżi li jużaw is-sistema ta' implimentazzjoni deċentralizzata (DIS) mhumiex mitluba jwettqu ROM estern, u għaldaqstant fil-Kroazja ma tantx jingħata segwitu indipendenti tal-prestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ estern indipendenti regolari u bir-reqqa tal-programmi ffinanzjati bl-assistenza tal-UE ta' qabel l-adeżjoni fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

45.  Jinsab imħasseb li r-rapporti ROM huma meqjusa li jxaqilbu strutturalment favur klassifikazzjoni pożittiva u li mhumiex adegwati għal monitoraġġ fit-tul tal-prestazzjoni; jenfasizza li l-monitoraġġ għandu jsegwi l-prestazzjoni tas-setturi, u mhux biss ir-riżultati tal-proġetti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta' azzjoni ta' monitoraġġ komprensiv li jinkludi għodod oħra tal-evalwazzjoni apparti r-rapporti ROM, bħal pereżempju oqsfa tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-setturi b'indikaturi SMART, biex ikun possibbli l-monitoraġġ komprensiv tal-eżiti tal-proġett f'punti differenti; jixtieq li jkun infurmat dwar il-progress li sar qabel tmiem l-2014;

46.  Ifakkar fit-talba tal-Parlament lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt u r-riżultati miksuba permezz tal-allokazzjoni tal-fondi tal-UE fir-riforma tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati(9) ; jilqa' l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni fl-2012/2013 ta' valutazzjoni dwar il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali fit-Turkija u valutazzjoni tal-Istat tad-Dritt, ir-Riforma Ġudizzjarja u l-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata fil-Balkani tal-Punent; jiddispjaċih madankollu li l-valutazzjoni fuq it-Turkija ma inkludietx reviżjoni tal-proġetti relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

47.   Huwa konxju li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri bħalissa qed tipprepara Rapport Speċjali dwar l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni fis-Serbja; jirrakkomanda bil-qawwi li l-proġetti implimentati fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-awditjar tal-prestazzjoni;

Trasparenza

48.  Hu tal-fehma li għandha tinħoloq bażi tad-dejta, li tkun magħmula disponibbli pubblikament, li telenka l-proġetti kollha ffinanzjati fl-ambitu tal-programmi ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżviluppa miżuri biex tiżdied it-trasparenza tal-arranġamenti ġuridiċi u tfassal sistema fejn il-benefiċarji kollha tal-finanzjament tal-UE jiġu ppubblikati fuq l-istess sit elettroniku, indipendentement mill-amministratur tal-fondi, u li tkun ibbażata fuq kategoriji ta' informazzjoni standard li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu, b'mill-inqas waħda mil-lingwi ta' ħidma tal-Unjoni;

49.  Jinnota l-impenn tal-Kummissjoni biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet sal-2015 permezz tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-assistenza tal-IPA f'konformità mal-Inizjattiva Internazzjonali tat-Trasparenza tal-Għajnuna li stabbiliet standards komuni għall-pubblikazzjoni elettronika ta' informazzjoni f'waqtha, komprensiva u prospettiva dwar ir-riżorsi pprovduti permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li tali inizjattiva ser tagħti l-frott tagħha biss jekk l-informazzjoni tiġi aġġornata regolarment; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni taġġorna l-bażi tad-dejta kull xahar kif ippjanat;

Kummenti relatati mal-pajjiżi

Albanija

50.  Jilqa' t-titjib li l-appoġġ tal-UE ġab kemm fil-qafas ġuridiku kif ukoll fil-qafas istituzzjonali u l-infrastruttura tal-ġudikatura fl-Albanija; huwa mħasseb, madankollu, dwar ir-rappurtar mhux suffiċjenti tar-riżultati dwar l-użu effettiv, l-implimentazzjoni u l-impatt konkret ta' dawn it-trasformazzjonijiet kollha;

51.   Jirrikonoxxi r-riżultati f'termini ta' adozzjoni tad-dokumenti strateġiċi fil-qasam ta' kontra l-korruzzjoni, huwa serjament imħasseb, iżda, dwar l-effettività baxxa tal-miżuri li ttieħdu f'dan il-qasam; jenfasizza li fl-2012 l-Albanija ġiet ikklassifikata bħala l-aktar pajjiż korrott tal-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Albaniżi jerġgħu jivvalutaw b'mod urġenti l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni u l-pjanijiet ta' azzjoni f'dan il-pajjiż;

Bosnja-Ħerzegovina

52.  Jiddeplora n-nuqqas ta' applikazzjoni ta' wħud mill-kapaċitajiet imtejba tal-ġudikatura fil-Bosnja-Ħerzegovina; jinsab imħasseb li, fl-awditjar tal-2009 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri nnutat in-nuqqas ta' finanzjament għall-operazzjonijiet u ż-żamma tal-infrastruttura miksuba li jinvolvi riskju li t-titjib ikun nieqes mis-sostenibilità;

53.   Jinsab imħasseb serjament dwar ir-rendiment limitat tal-aġenzija kontra l-korruzzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina u n-nuqqas ta' rappurtaġġ dwar ir-riżultati speċifiċi kontra l-finanzjament tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

Kroazja

54.  Jinnota l-progress miksub mill-Kroazja f'xi oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-implimentazzjoni tagħhom, u l-fatt li s-sostenibilità tagħhom ġiet żgurata permezz ta' proġetti ta' segwitu;

55.   Jinnota xi żviluppi pożittivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni ppreżentati fir-rapporti ta' progress annwali għall-Kroazja; jinsab imħasseb, madankollu, dwar ir-riskju li l-miżuri adottati qabel l-adeżjoni tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea mhumiex irriversibbli u sostenibbli; jenfasizza, pereżempju, li mhuwiex ċar liema istituzzjoni tinsab fil-pożizzjoni ta' tmexxija tas-sorveljanza tar-riformi kollha kontra l-korruzzjoni, li l-membri tal-Kummissjoni dwar il-Kunflitt ta' Interess ġew maħtura biss fil-bidu ta' Frar 2013 u jqajjem dubji dwar l-operabilità u r-riżultati tagħha, u li l-ħatriet politikament motivati fil-ministeri u fil-bordijiet superviżorji tal-kumpaniji għadhom għaddejjin u qegħdin fil-fatt jiżdiedu;

Kosovo

56.  Jinnota li n-nuqqas ta' kontroll tal-awtoritajiet tal-Kosovo bbażati fi Pristina fuq il-parti tat-Tramuntana tat-territorju jfisser li proġetti tal-IPA bħal dak tar-'Riforma tas-Sistema tal-Edukazzjoni Legali' intenzjonati li jkopru l-Kosovo kollu kellhom b'mod ġenerali impatt negliġibbli fit-Tramuntana;

57.  Huwa serjament imħasseb li l-assistenza tal-UE fil-Kosovo fil-qasam tal-istat tad-dritt ġiet ikkonstatata bħala mhux effettiva biżżejjed mill-Qorti tal-Awdituri; jirrikonoxxi li ċ-ċirkostanzi speċifiċi fil-Kosovo, bħall-punt ta' tluq baxx għat-tiswir tal-istat tad-dritt u l-prijorità insuffiċjenti mogħtija f'dan il-qasam mill-awtoritajiet tal-Kosovo jispjegaw sa ċertu punt l-effikaċja limitata tal-azzjoni tal-UE; jenfasizza, madankollu, l-eżistenza ta' oqsma fejn il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jistennew titjib:

   definizzjoni aħjar tal-objettivi tal-bini tal-kapaċità u r-rabta tagħhom ma' punti ta' riferiment speċifiċi li fuqhom jista' jiġi mkejjel il-progress;
   koordinament aħjar tal-objettivi esterni u interni,
   koordinament aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-koordinament tagħhom mal-awtoritajiet tal-Kosovo u l-komunità internazzjonali, biex jiġi żgurat li l-EULEX topera bin-numru awtorizzat sħiħ ta' persunal u li dan jiġi skjerat għall-perjodu ta' żmien meħtieġ u jkollu l-ħiliet xierqa biex ikun effikaċi, u
   jiġi żgurat li d-djalogu dwar il-politika mal-awtoritajiet tal-Kosovo jiffoka b'mod partikolari fuq it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u jkun marbut mal-inċentivi u l-kundizzjonijiet ta' prijorità;

58.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar in-nuqqas ta' progress tanġibbli fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-Kosovo; iqis il-korruzzjoni bħala sfida ewlenija u ostakolu serju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi;

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

59.  Jilqa' l-progress miksub fil-qafas leġiżlattiv għar-riforma ġudizzjarja u t-tibdiliet pożittivi f'termini ta' effiċjenza u imparzjalità li ġabet magħha l-installazzjoni tas-Sistema Awtomatizzata tal-Informazzjoni tal-Ġestjoni tal-Każijiet tal-Qorti; jirrikonoxxi l-approċċ attiv ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fir-riforma tal-ġudikatura tagħha u l-pożizzjoni ewlenija tagħha f'dan il-qasam;

60.   Jinsab imħasseb li mhu disponibbli l-ebda rappurtar dwar l-effikaċja tal-proġetti tal-IPA dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

Montenegro

61.  Jilqa' t-titjib fil-kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, it-tisħiħ tal-qafas ġuridiku meħtieġ biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura u t-titjib fl-effiċjenza tal-ġudikatura fil-Montenegro; jinsab imħasseb dwar il-koordinament dgħajjef bejn id-donaturi u l-klassifikazzjonijiet baxxi tas-sostenibilità tal-proġetti;

62.   Jinnota li l-korruzzjoni hija ta' tħassib serju fil-Montenegro; jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Montenegro fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jilqa', b'mod partikolari, it-tisħiħ tad-Direttorat għall-Inizjattiva Kontra l-Korruzzjoni li seħħ permezz tal-finanzjament tal-UE;

Serbja

63.  Jinsab imħasseb li l-indipendenza tal-ġudikatura għadha kwistjoni ta' tħassib serju fis-Serbja speċjalment minħabba l-influwenza politika żejda; jiddispjaċih barra minn hekk li l-leġiżlazzjoni ġdida la hija infurzata b'mod konsistenti u lanqas b'mod xieraq, u b'hekk tqiegħed f'riskju l-effiċjenza tagħha;

64.  Jilqa' l-evalwazzjoni pożittiva tal-proġett "Appoġġ għall-Istabbiliment tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni" u notevolment il-fatt li l-proġett għandu jkollu impatt sinifikanti fuq il-gruppi kollha fil-mira u fuq is-soċjetà b'mod ġenerali; jinsisti madankollu fuq il-ħtieġa għal monitoraġġ kostanti sabiex jiġi żgurat li l-iżviluppi politiċi ma jxekklux il-proġett;

Turkija

65.  Jirrikonoxxi li l-proġetti implimentati fil-qasam tal-ġudikatura jagħtu prova raġonevoli tas-sostenibilità u jilqa' r-rieda politika mill-awtoritajiet Torok biex ikomplu l-proċess ta' riforma li ġie mniedi kif muri mill-allokazzjoni baġitarja miżjuda għat-taħriġ ġuridiku; jinnota madankollu numru ta' nuqqasijiet fit-tfassil tal-proġetti bħan-nuqqas ta' dejta ta' bażi u n-nuqqas ta' indikaturi SMART li għandhom jiġu indirizzati biex jippermettu l-valutazzjoni xierqa tal-impatt tal-proġetti ta' qabel l-adeżjoni;

66.   Jinnota li fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-assistenza finanzjarja tal-UE bdiet pjuttost reċentement permezz tal-Etika għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni fit-Turkija tal-2006; jirrikonoxxi l-informazzjoni mill-Kummissjoni li ebda fondi tal-UE ma setgħu jiġu pprogrammati qabel il-ħolqien ta' korp indipendenti uniku kontra l-korruzzjoni u l-adozzjoni ta' Strateġija Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni; jinnota li l-proġett imsemmi huwa meqjus bħala moderatament sodisfaċenti imma li m'għandux indikaturi SMART;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat tas-Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF.

(1) Din id-deżinjazzjoni hija bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni ta' Indipendenza tal-Kosovo.
(2) Anness 1 tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-Mistoqsijiet bil-Miktub Nri. E-011447/2012, E-011448/2012, E‑011449/2012, E-011661/2012, E-011662/2012, E-011663/2012, E-011664/2012 u E‑011665/2012.
(3) Anness 1 tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-Mistoqsijiet bil-Miktub Nri E-011447/2012, E-011448/2012, E-011449/2012, E-011661/2012, E-011662/2012, E-011663/2012, E-011664/2012 u E-011665/2012.
(4) Proġett TR0501.07, kontribuzzjoni tal-UE: EUR 22 500 000, pagamenti fil-31/12/2012: EUR 20 559 457.71
(5) Proġett TR0401.02, kontribuzzjoni tal-UE: EUR 1 400 000, pagamenti fil-31/12/2012: EUR 1 207 747.58
(6) Ibid.
(7) Ibid.
(8) Id-dikjarazzjoni dwar il-medji tal-pakkett totali ta' qabel l-adeżjoni għall-perjodu 2007-2013 ddedikat għall-ġustizzja u ġlieda kontra l-korruzzjoni tirrifletti l-allokazzjoni għal dawn l-oqsma sa Frar 2013.
(9) ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 19; ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 106; ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 94.

Aġġornata l-aħħar: 1 t'April 2016Avviż legali