Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0219/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/02/2014 - 10.7
CRE 27/02/2014 - 10.7

Testi adottati :

P7_TA(2014)0170

Testi adottati
PDF 234kWORD 73k
Il-Ħamis, 27 ta' Frar 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fl-Ukraina
P7_TA(2014)0170B7-0219, 0220, 0222, 0223 u 0224/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2595(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Politika tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(1) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina(2) ,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina fl-20 ta' Frar 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi mid-deċiżjoni tal-President u l-Gvern Ukrain li jissospendi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, mijiet ta' eluf ta' nies niżlu minn jeddhom fit-toroq tal-pajjiż kollu biex jipprotestaw favur l-integrazzjoni Ewropea; billi fi Kiev id-dimostranti qegħdin jokkupaw paċifikament Pjazza Indipendenza (Maidan Nezalezhnosti), u qed jappellaw għal bidla politika qawwija bil-għan li jġiegħlu lill-gvern jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu;

B.  billi l-awtoritajiet taħt il-President Yanukovych ksiru l-liġi b'mod ċar meta awtorizzaw lill-forzi ta' sigurtà jagħmlu użu minn munizzjoni attiva kontra d-dimostranti u skjeraw tiraturi magħżula fuq il-bjut fi Pjazza Maidan u madwarha, li minn nofs Novembru 'l hawn kienet l-epiċentru ta' protesti kontra l-gvern u favur l-Ewropa; billi inqatlu kemm dimostranti kif ukoll persuni li kienu jinsabu fit-toroq ta' Kiev, u dan ipprovoka għadab u kundanni fil-livell internazzjonali;

C.  billi fl-istess waqt, tliet ministri għall-affarijiet barranin mill-UE vvjaġġaw lejn Kiev fi sforz ta' medjazzjoni biex tinstab soluzzjoni ta' kompromess bejn il-President Yanukovych u l-oppożizzjoni; billi dawn irnexxielhom jiksbu ftehim dwar pjan direzzjonali għal ħruġ paċifiku u demokratiku mill-kriżi; billi l-mibgħut speċjali Russu wkoll iffaċilita l-ftehim, iżda mingħajr ma kien kofirmatarju;

D.  billi, bħala konsegwenza, l-UE ddeċidiet li timponi sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-għoti tal-viża, fuq dawk il-persuni responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza u użu ta' forza eċċessiva; billi l-Istati Membri qablu, barra min hekk, li jissospendu l-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna u li jerġgħu jeżaminaw il-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

E.  billi ċ-ċittadini ta' Lviv u Donetsk ħadu l-inizjattiva li jużaw il-lingwa Russa u dik Ukraina rispettivament fin-negozju tagħhom ta' kuljum fis-26 ta' Frar 2014 bħala ġest ta' solidarjetà u unità għall-pajjiż kollu;

F.  billi l-Verkhovna Rada adottat riżoluzzjoni fil-21 ta' Frar 2014 li fiha tiddenunzja l-operazzjonijiet ta' kontra t-terroriżmu u titlob li l-forzi tas-sigurtà joħorġu miċ-ċentru ta' Kiev; billi, b'dan il-mod, il-parlament wera d-determinazzjoni tiegħu li jkollu rwol ċentrali u jieħu kontroll tas-sitwazzjoni fil-pajjiż; billi, il-ġurnata ta' wara, il-parlament ivvota favur it-tkeċċija tal-President Yanukovych, ir-ritorn tal-Kostituzzjoni tal-2004, elezzjonijiet bikrija fil-25 ta' Mejju 2014 u r-rilaxx tal-ex-Prim Ministru' Yulia Tymoshenko;

1.  Jagħti ġieħ lil dawk li ġġieldu u mietu għall-valuri Ewropej, u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-familji tal-vittmi, jikkundanna bil-qawwa kull att ta' vjolenza u jitlob liċ-ċittadini Ukraini kollha biex, flimkien mal-mexxejja politiċi u ċiviċi, jaġixxu bl-ikbar responsabbiltà f'dan il-waqt storiku għall-Ukraina;

2.  Jikkundanna bis-saħħa l-azzjoni brutali u sproporzjonata tal-forzi kontra l-irvellijiet bħal Berkut, it-tiraturi magħżula u oħrajn, li wassal għal eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza; jiddeplora l-imwiet u l-feriment li saru fin-naħat kollha u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; iwissi li kull eskalazzjoni ulterjuri ta' vjolenza tkun diżastruża għan-nazzjon Ukrain u tista' timmina l-unità u l-integrità territorjali tal-pajjiż; jenfasizza li issa importanti ħafna li l-partijiet kollha juru sens ta' responsabbiltà, rażan u impenn għal djalogu politiku inklużiv, u jeskludu ritaljazzjoni extraġudizzjarja; iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien f'dan il-punt kritiku għall-Ukraina u jiffaċilitaw soluzzjonijiet ta' kompromess, iżommu 'l bogħod mill-estremisti u jevitaw provokazzjoni u azzjonijiet vjolenti li jistgħu jwasslu għal inizjattivi tas-separatisti;

3.  Jilqa' r-rwol responsabbli li kellha l-Verkhovna Rada fl-eżerċitar tal-funzjonijiet kostituzzjonali tagħha bis-sħiħ, billi pattiet għan-nuqqasijiet politiċi u istituzzjonali maħluqa mir-riżenja tal-gvern u t-tkeċċija tal-President, li mbagħad tneħħa mill-Parlament; jieħu nota tal-miżuri adottati s'issa mill-parlament, b'mod partikolari fir-rigward tar-ritorn għall-Kostituzzjoni tal-2004, id-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014, id-deċiżjoni tal-irtirar tal-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà, u tal-ħelsien mill-ħabs ta' Yulia Tymoshenko; jenfasizza kemm huwa importanti li l-Parlament Ukrain u l-membri tiegħu jibqgħu jirrispettaw l-istat tad-dritt;

4.  Ifaħħar lill-poplu Ukrain għall-bidla bl-ordni fil-poter u r-reżiljenza ċivika li wera f'dawn l-aħħar xhur, u jenfasizza l-fatt li din il-protesta ċivika u popolari għandha sservi ta' eżempju u se tibqa' titfakkar bħala waqt importanti fl-istorja tal-Ukraina; jenfasizza li din ir-rebħa demokratika u ċivika m'għandhiex titħassar bi spirtu ta' tpattija jew atti ta' retribuzzjoni lejn l-avversarji, jew bi ġlied politiku intern; jenfasizza li dawk li wettqu reati kontra ċ-ċittadini tal-Ukraina u li għamlu użu ħażin mill-poter tal-istat għandhom jiffaċċjaw proċessi indipendenti; jitlob li titwaqqaf kummissjoni indipendenti ta' investigazzjoni, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ sa mill-bidu tal-protesti;

5.  Jappoġġja l-approċċ tal-UE, li jgħaqqad flimkien l-isforzi diplomatiċi intensifikati ma' sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli li ordnaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati ma' opressjoni politika; jitlob l-adozzjoni tas-sanzjonijiet immirati kif miftiehem mill-Kunsill "Affarijiet Barranin" u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess kontra l-ħasil tal-flus biex iwaqqfu l-fluss ta' flus illeċitu mill-Ukraina, u biex jiżguraw ir-ritorn ta' assi misruqa depożitati fl-UE; iqis li investigazzjoni verament indipendenti tad-delitti mwettqa għandha tibda immedjatament u li s-sanzjonijiet immirati għandhom jitneħħew malli s-sitwazzjoni fl-Ukraina titjieb u tali investigazzjoni tad-delitti kommessi tibda tħalli l-frott; jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-approprjazzjoni massiva ta' fondi u assi tal-istat mill-ħbieb u l-"familja" tal-President li tneħħa Yanukovych, għall-iffriżar tal-assi kollha tagħhom sakemm tingħata kjarifika dwar kif akkwistawhom u, jekk ikun ippruvat li dawn kienu misruqa, għar-ritorn ta' dawn l-assi mill-gvernijiet ta' Stati Membri tal-UE bħar-Renju Unit, il-Latvja u l-Awstrija, li hu maħsub li huma l-benefiċjarji ewlenin;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet umanitarji jistabbilixxu għajnuna medika u umanitarja rapida, robusta u diretta għall-vittmi kollha;

7.  Jistieden lill-partijiet kollha u lill-pajjiżi terzi biex jirrispettaw u jappoġġjaw l-unità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; Jistieden lill-forzi politiċi kollha fl-Ukraina u l-atturi kollha internazzjonali involuti, sabiex jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu għall-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Ukraina, waqt li jieħdu kont tal-kompożizzjoni kulturali u lingwistika tal-pajjiż u l-istorja tiegħu; jistieden lill-Parlament Ukrain u lill-gvern il-ġdid jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi fil-pajjiż u l-użu tar0Russu u l-lingwi minoritarji l-oħra; Jitlob l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida f'konformità mal-obbligi tal-Ukraina fl-ambitu tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;

8.  Ifakkar li l-fruntieri eżistenti tal-Ukraina kienu ggarantiti mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Federazzjoni Russa u r-Renju Unit fil-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà meta l-Ukraina rrinunzjat għall-armi nukleari tagħha u ssieħbet fit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP); ifakkar lill-Federazzjoni Russa li, flimkien maż-żewġ pajjiżi msemmija hawn fuq, impenjat ruħha fl-istess att biex toqgħod lura mill-pressjoni ekonomika maħsuba biex tissubordina l-eżerċitar mill-Ukraina tad-drittijiet inerenti fis-sovranità tagħha għall-interess tagħha stess u b'hekk tikseb kull tip ta' benefiċċju;

9.  Jenfasizza l-importanza li ma tintilifx id-dinamika fl-ittrattar tal-kawżi fundamentali tal-kriżi, u tiġi stabbilita l-fiduċja tan-nies fil-politika u fl-istituzzjonijiet; jemmen, barra minn hekk, li dan jeħtieġ riformi kostituzzjonali u strutturali bil-għan li tinħoloq sistema effettiva ta' kontrolli u bilanċi, rabta eqreb bejn il-politika u s-soċjetà, l-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà u sistema ġudizzjarja verament indipendenti u imparzjali u elezzjonijiet kredibbli;

10.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill straordinarju tal-Affarijiet Barranin tal-20 ta' Frar 2014 u, b'mod partikolari, id-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-għoti tal-viża kontra l-persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-vjolenza u l-użu eċċessiv tal-forza, u s-sospensjoni ta' liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna; jinnota l-impatt enormi li kellhom dawn is-sanzjonijiet fuq l-opinjoni publika fl-Ukraina, u huwa tal-fehma li dawn il-miżuri setgħu ġew adottati qabel; huwa tal-fehma, madankollu, li dawn is-sanzjonijiet għandhom jinżammu bħala parti mill-politika tal-UE lejn l-Ukraina waqt dan il-perjodu tranżitorju;

11.  Jilqa' r-rilaxx tal-ex-Prim Ministru Yulia Tymoshenko mill-ħabs, u jittama li r-rilaxx tagħha se jissimbolizza t-tmiem ta' ġustizzja selettiva u motivata politikament fl-Ukraina; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-dimostranti u l-priġunieri politiċi kollha li ġew detenuti b'mod illegali, it-tneħħija tal-akkużi kollha kontrihom u r-riabilitazzjoni politika tagħhom;

12.  Iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien f'dan il-punt kritiku għall-Ukraina, favur tranżizzjoni politika paċifika, aġenda ta' riforma ambizzjuża u fuq skala wiesgħa u gvern orjentat lejn l-istandards Ewropej, biex jiddefendu l-unità u l-integrità territorjali tal-pajjiż, u jiffaċilitaw soluzzjonijiet ta' kompromess għall-futur tal-Ukraina; jistieden lill-awtoritajiet intermedjarji biex jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi lill-forzi politiċi demokratiċi kollha u biex jipprevjenu attakki kontra kull wieħed minnhom;

13.  Jenfasizza li hu l-poplu tal-Ukraina, u huwa biss, li jista' jiddeċiedi, ħieles minn kwalunkwe interferenza barranija, dwar l-orjentament ġeopolitiku tal-pajjiż u liema ftehimiet u komunitajiet li l-Ukraina għandha tingħaqad magħhom;

14.  Jikkundanna l-attakk fuq u d-distruzzjoni tal-kwartieri ġenerali tal-Partit Komunista tal-Ukraina u ta' partiti oħra, u t-tentattivi ta' projbizzjoni tal-Partit Komunista tal-Ukraina;

15.  Itenni li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA) huwa lest biex jiġi ffirmat mal-gvern il-ġdid, malajr kemm jista' jkun u hekk kif il-gvern il-ġdid ikun lest biex jagħmel dan;

16.  Jilqa' l-fatt li minn tliet punti ta' referenza stabbiliti mill-Kunsill "Affarijiet Barranin" fl-2012, il-punt dwar it-tmiem ta' ġustizzja selettiva (inkluża l-priġunerija ta' Yulia Tymoshenko) intlaħaq, filwaqt li t-tnejn l-oħra, dwar il-ġustizzja u s-sistemi elettorali, li huma t-talbiet tal-moviment ta' protesta, huma diġà s-suġġett ta' bidla u riforma profonda, li wieħed jittama li jintlaħqu dalwaqt mill-gvern ta' koalizzjoni l-ġdid u appoġġjati mill-maġġoranza parlamentari l-ġdida;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-awtoritajiet Ukraini bil-għan li jinstabu modi kif jiġu kontrobilanċjati l-effetti tal-miżuri ta' ritaljazzjoni adottati mir-Russja biex twaqqaf l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, kif ukoll ta' miżuri ġodda possibbli; jilqa' l-aħbar mill-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, Olli Rehn, tar-rieda tal-UE li tipprovdi pakkett ta' għajnuna finanzjarja sostanzjali, ambizzjuż kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil, sakemm tinstab soluzzjoni politika bbażata fuq prinċipji demokratiċi, impenn għal riforma u l-ħatra ta' gvern leġittimu; jistieden lir-Russja tadotta attitudni kostruttiva sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-Ukraina tibbenefika minn relazzjonijiet bilaterali kemm mal-UE kif ukoll mar-Russja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jitkellmu mar-Russja b’vuċi waħda b’appoġġ għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina u tal-pajjiżi oħra tas-SL li b’mod liberu jagħżlu li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE;

18.  Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni, flimkien mal-FMI, il-Bank Dinji, jaġixxu malajr kemm jista' jkun b'assistenza finanzjarja fuq terminu ta' żmien qasir u bilanċ ta' faċilità ta' pagamenti, ikkomplementat b'pakkett fuq terminu ta' żmien twil, flimkien mal-BERŻ u l-BEI, ta' sostenn finanzjarju biex l-Ukraina tingħata l-għajnuna ħalli taffronta s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħha li qiegħda tmur għall-agħar kif ukoll jagħtu sostenn ekonomiku biex tagħti bidu għal riformi profondi u komprensivi neċessarji għall-ekonomija Ukraina; Jitlob, għalhekk, li tiġi organizzata konferenza tad-donaturi mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE jagħmlu l-aħjar użu tal-fondi disponibbli għall-Ukraina fil-qafas tal-istrumenti finanzjarji eżistenti u biex, mill-iktar fis possibli, jikkunsidraw jagħmlu riżorsi addizzjonali disponibbli għall-Ukraina;

19.  Jirrikonoxxi li l-korruzzjoni mifruxa fil-livelli kollha tal-gvern għadha qed tostakola l-potenzjal tal-Ukraina għall-iżvilupp u qed tipperikola l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom stess; Iħeġġeġ, għalhekk, lill-gvern il-ġdid iqiegħed il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq quddiem nett fil-prijoritajiet tal-programm tiegħu u jitlob li l-UE tgħin dawn l-isforzi;

20.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi stabbilita sistema ġudizzjarja verament indipendenti u imparzjali;

21.  Jistieden lill-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tħaffef id-djalogu dwar il-viża mal-Ukraina; jenfasizza l-finalizzazzjoni malajr tal-ftehim liberalizzazzjoni tal-viża – wara l-eżempju tal-Moldova – bejn l-UE u l-Ukraina hija l-aħjar mod kif għandha tingħata tweġiba għall-aspettattivi tas-soċjetà ċivili u taż-żgħażagħ Ukraini; jitlob, sadattant, l-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viża temporanji, sempliċi ħafna u bi ħlas baxx fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, flimkien ma' kooperazzjoni msaħħa għar-riċerka, skambji ta' studenti aktar wesgħin u boroż ta' studju aktar disponibbli;

22.  Huwa tal-fehma li l-dispożizzjonijiet tad-DCFTA ma jirrappreżentaw l-ebda sfida kummerċjali għall-Federazzjoni Russa u li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhuwiex ta' impediment għar-relazzjonijiet tajba bejn l-Ukraina u l-ġar tagħha fil-Lvant; jenfasizza li l-instabilità fil-viċinat konġunt mhu la fl-interess tal-UE u lanqas tar-Russja; jenfasizza li l-applikazzjoni ta' pressjoni politika, ekonomika jew pressjoni oħra hija bi ksur tal-Att Finali ta' Ħelsinki;

23.  Jinnota d-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-elezzjonijiet isiru b'mod ħieles u ġust; iħeġġeġ bil-qawwa li l-Verkhovna Rada tadotta l-leġiżlazzjoni elettorali neċessarja f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezia, inkluża liġi mġedda dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi li tindirizza l-kwistjonijiet identifikati minn GRECO u OSKE/ODIHR; iħeġġeġ li jkun hemm osservazzjoni internazzjonali tal-elezzjonijiet li ġejjin u jiddikjara r-rieda tiegħu li tiġi stabbilita missjoni ta' osservazzjoni tiegħu stess għal dan il-għan permezz ta' missjoni sostanzjali ta' osservazzjoni mill-Parlament Ewropew; jemmen li l-elezzjonijiet leġiżlattivi għandhom jiġu organizzati malajr wara l-elezzjonijiet presidenzjali u qabel l-aħħar tas-sena; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE/ODIHR jipprovdu appoġġ imsaħħaħ pre-elettorali u missjoni sostanzjali ta' monitoraġġ fit-tul tal-elezzjonijiet sabiex l-elezzjonijiet presidenzjali skedati għall-25 ta' Mejju 2014 ikunu jistgħu jsiru skont l-ogħla standards u jipproduċu riżultat li jkunu jistgħu jaċċettawh ir-rivali kollha; jitlob li persunal mill-Parlament Ewropew jintbagħat fid-delegazzjoni tal-UE fi Kiev għal perjodu tranżitorju sa ma jsiru l-elezzjonijiet;

24.  Jilqa' r-rikonoxximent riċenti mill-Kunsill li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż DCFTA, ma jikkostitwix l-għan aħħar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka li l-UE tinsab lesta li tiffirma l-AA/DCFTA hekk kif il-kriżi politika attwali tiġi solvuta u l-awtoritajiet Ukraini ġodda jkunu lesti għal perspettiva Ewropea serja; ; jenfasizza wkoll li l-Artikolu 49 TUE jirreferi għall-Istati Ewropej kollha, inkluża l-Ukrajna, li tista' tapplika biex issir Membru ta' l-Unjoni, sakemm hija taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-minoranzi, u tiżgura l-istat tad-dritt;

25.  Jenfasizza l-importanza ta ' provvista tal-enerġija sikura, diversifikata u affordabbli bħala pilastru ta' tranżizzjoni ekonomika, soċjali u politika u ta' garanzija ta' ekonomija kompetittiva u prospera għall-Ukrajni kollha; f'dan ir-rigward jenfasizza r-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li tagħha l-Ukraina għandha l-presidenza fl-2014, bħala l-uniku trattat li bħalissa jgħaqqad l-Ukraina mal-Unjoni Ewropea;

26.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva mhux partitika tas-soċjetà ċivili li titwaqqaf 'Pjattaforma ta' Maidan', għall-iżvilupp ta' strateġija biex tintemm il-korruzzjoni endemika fl-Ukraina;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Aġent President , lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0098.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0595.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Ġunju 2017Avviż legali