Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0436/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2014 - 9.13
CRE 17/04/2014 - 9.13

Testi adottati :

P7_TA(2014)0457

Testi adottati
PDF 248kWORD 83k
Il-Ħamis, 17 ta' April 2014 - Strasburgu
Il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina
P7_TA(2014)0457RC-B7-0436/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina (2014/2699(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(1) u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-3 ta' April 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw mill-Ukraina(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina tat-3 ta' Marzu 2014 u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Marzu u tal-14 ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar l-Ukraina fil-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tal-20 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit ta' Vilnjus li sar fit-28 u d-29 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tad-9 ta' April 2014 dwar 'żviluppi reċenti fl-Ukraina: theddidiet għall-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi',

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 bl-isem 'L-integrità territorjali tal-Ukraina'(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-mexxejja tal-G7 wara l-laqgħa tagħhom fl-Aja fl-24 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-16 ta' Marzu 2014, fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol ġie organizzat referendum illegali u illeġittimu, li sar taħt il-kontroll ta' truppi Russi; billi, minkejja l-kundanna internazzjonali tar-referendum, l-awtoritajiet u l-leġiżlaturi Russi wettqu bil-ħeffa l-annessjoni tal-peniżola Ukraina, kontra d-dritt internazzjonali;

B.  billi f'dawn l-aħħar jiem seħħew għadd limitat ta' dimostrazzjonijiet pro-Russi fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Ukraina; billi separatisti pro-Russi, fil-parti l-kbira tal-każi mmexxija minn forzi speċjali Russi, attakkaw binjiet amministrattivi lokali f'Kharkiv, Luhansk u Donetsk; billi dawn in-nies, taħt it-tmexxija ta' grupp jismu 'is-Settur Russu', okkupa l-binja tal-gvern lokali f'Donetsk, ipproklamaw il-ħolqien ta' 'Repubblika Popolari ta' Donetsk' sovrana u indipendenti minn Kiev, u ħabbru referendum dwar is-seċessjoni tar-reġjun, li għandu jsir mhux aktar tard mill-11 ta' Mejju 2014;

C.  billi fit-12 u t-13 ta' April 2014, għases tal-pulizija u binjiet tal-gvern fi Slovyansk, Kramatorsk, Krasny Lyman, Mariupol, Yenakiyeve u bliet oħra fir-reġjun ta' Donetsk ġew attakkati u maħtufa minn irġiel armati tajjeb, mhux identifikati u mgħammda, li huwa maħsub li kienu taħt it-tmexxija ta' forzi speċjali Russi, f'sensiela ta' attakki koordinati; billi tul il-ġlied miet tal-anqas uffiċjal wieħed u bosta persuni sfaw midruba;

D.  billi kwalunkwe eskalazzjoni ulterjuri tad-destabbilizzazzjoni vjolenti fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Ukraina ġġib magħha r-riskju li r-Russja tużaha bħala pretest falz għal aktar aggressjoni b'mezzi militari, tipprevjeni l-elezzjonijiet presidenzjali, u tisforza l-federalizzazzjoni tal-Ukraina bħala prekursur għall-partizzjoni ta' dan il-pajjiż;

E.  billi r-Russja għadha żżomm għadd kbir ta' truppi lesti għall-ġlied tul il-fruntiera tagħha mal-Ukraina, minkejja li wiegħdet li tirtirahom biex tbaxxi t-tensjoni; billi hemm possibbiltà serja li r-Russja tipprova tirrepeti x-'xenarju tal-Krimea';

F.  billi r-Russja qed tissokta tikser l-obbligi internazzjonali tagħha, bħalma huma dawk taħt il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u, b'mod partikolari, il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar garanziji ta' sigurtà għall-Ukraina;

G.  billi l-UE adottat pakkett ekonomiku b'appoġġ għall-Ukraina li jinkludi wkoll għajnuna makrofinanzjarja u miżuri kummerċjali awtonomi; billi l-Ukraina appik li tiffinalizza ftehim mal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar pjan ta' għajnuna; billi l-kundizzjonijiet assoċjati ma' dan il-ftehim sal-lum inżammu kunfidenzjali;

H.  billi s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-pajjiż qed tkompli sejra għall-agħar, fost l-oħrajn minħabba d-destabbilizzazzjoni u restrizzjonijiet tal-kummerċ min-naħa tar-Russja; billi l-faqar mifrux għadu wieħed mill-aktar problemi soċjoekonomiċi akuti fl-Ukraina; billi, skont rapport reċenti tan-NU, ir-rata tal-faqar fl-Ukraina issa laħqet madwar 25 %, bi 11-il miljun persuna jaqilgħu anqas mill-istandards soċjali lokali;

I.  billi fil-21 ta' Marzu 2014 l-UE u l-Ukraina ffirmaw id-dispożizzjonijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA) bl-impenn li jiffirmaw il-bqija tal-ftehim, li jinkludi ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), mill-aktar fis possibbli;

J.  billi hemm il-ħtieġa ta' azzjoni diplomatika internazzjonali qawwija fil-livelli kollha u ta' proċess negozjat bil-għan li jnaqqsu l-intensità tas-sitwazzjoni, itaffu t-tensjonijiet, jipprevjenu li l-kriżi tkompli tikber bla kontroll u jiksbu eżitu paċifiku; billi l-UE jeħtiġilha twieġeb b’mod effikaċi biex tħalli lill-Ukraina u lill-pajjiżi l-oħra kollha tal-viċinat tal-Lvant jeżerċitaw bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tagħhom, ħielsa minn pressjoni esterna mhux f'lokha;

K.  billi, immedjatament wara l-annessjoni tal-Krimea, is-Sovjet Suprem tar-reġjun separatist tat-Transnistrija fil-Moldova bagħat talba uffiċjali lill-Federazzjoni Russa biex din tikkunsidra l-annessjoni tat-Transnistrija;

L.  billi r-Russja għadha qed tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani ta' Abkażja u Tskhinvali / Ossezja t'Isfel, bi ksur tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi seħħew tindif etniku u bidlet demografiċi furzati fl-inħawi taħt il-kontroll effettiv tal-forza ta' okkupazzjoni, li terfa' r-responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-inħawi;

M.  billi r-Russja għolliet il-prezzijiet tal-gass għall-Ukraina minn USD 268 għal USD 486 kull elf metru kubu mill-1 ta' April 2014, b'tali mod li unilateralment temmet l-iskont li l-Ukraina kienet tirċievi bħala parti mill-Ftehimiet ta' Kharkiv dwar il-kiri tal-bażi navali ta' Sevastopol, u f'dawn l-aħħar ġranet ipprojbiet li prodotti tal-ħalib mill-Ukraina jidħlu fit-territorju Russu; billi l-Federazzjoni Russa applikat ukoll, b'mod arbitrarju, restrizzjonijiet kummerċjali unilaterali fuq prodotti mill-Ġeorġja u mill-Moldova;

N.  billi l-annessjoni tal-peniżola tal-Krimea tirrappreżenta, mingħajr ebda dubju, ksur gravi tad-dritt internazzjonali li jimmina l-fiduċja fl-istrumenti internazzjonali, inklużi l-ftehimiet dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari; billi tellieqa ġdida għall-armi tista' twassal għal eskalazzjoni ulterjuri; billi huwa essenzjali li tiġi prevenuta sitwazzjoni daqstant perikoluża, li faċilment tista' ssir inkontrollabbli;

1.  Jikkundanna bl-akbar qawwa d-destabbilizzazzjoni u l-provokazzjonijiet li qed jeskalaw fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Ukraina; jirrifjuta kwalunkwe tħejjija għal referenda illegali 'bħal tal-Krimea'; iwissi li d-destabbilizzazzjoni u s-sabotaġġ ikkawżati minn separatisti pro-Russi armati, imħarrġa, ikkoordinati tajjeb u mmexxija mir-Russi jistgħu jintużaw bħala pretest falz biex ir-Russja tintervjeni bil-militar, tipprevjeni l-elezzjonijiet presidenzjali u tisforza l-federalizzazzjoni bħala prekursur għall-partizzjoni tal-Ukraina;

2.  Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora rapidament u t-tixrid ta' demm fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Ukraina; iħeġġeġ lir-Russja biex minnufih tirtira l-preżenza tagħha b'appoġġ għas-separatisti u l-milizji armati li ħadu taħt idejhom binjiet tal-gvern fi Slovyansk, Donetsk u bliet oħra, ittemm kull azzjoni provokanti maħsuba biex ixxewwex l-inkwiet u tiddestabbilizza s-sitwazzjoni ulterjorment, twarrab it-truppi mill-fruntiera tal-Lvant tal-Ukraina, u taħdem biex tilħaq riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi b'mezzi politiċi u diplomatiċi; jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà sħaħ tiegħu mal-Gvern tal-Ukraina huwa u jipprova jerġa' jistabbilixxi l-awtorità fil-bliet okkupati, jilqa' l-mod imrażżan u meqjus li bih il-Gvern Ukrain ittratta l-fażi kurrenti tal-kriżi sal-lum, u jfakkar li l-awtoritajiet Ukraini għandhom kull dritt jużaw il-mezzi kollha meħtieġa, inkluż id-dritt tal-awtodifiża kif definit fl-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; iwissi lir-Russja biex ma tużax id-dritt leġittimu tal-Ukraina li tiddefendi l-integrità territorjali tagħha bħala pretest biex tvara invażjoni militari sħiħa;

3.  Itenni bil-qawwa l-appoġġ tiegħu għas-sovranità, l-integrità territorjali, u l-indipendenza politika tal-Ukraina u tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant; iqis l-azzjonijiet tar-Russja bħala ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-obbligi internazzjonali proprji tagħha li jirriżultaw mill-Karta tan-NU, mill-Att Finali ta' Ħelsinki, mill-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar garanziji ta' sigurtà, kif ukoll mill-obbligi bilaterali li jirriżultaw mit-Trattat Bilaterali tal-1997 dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija;

4.  Jenfasizza li dan l-aħħar ma kien ġie rrappurtat fl-Ukraina l-ebda attakk, intimidazzjoni jew diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip kontra ċittadini Russi jew Russi etniċi jew minoranzi oħra, kif ikkonfermaw entitajiet internazzjonali ta' monitoraġġ bħan-NU, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Kunsill tal-Ewropa;

5.  Jinsab konvint li l-asserzjoni tar-Russja tad-dritt li tuża l-mezzi kollha biex tipproteġi l-minoranzi Russi f'pajjiżi terzi, kif ħabbar il-President Putin fid-diskors tiegħu tat-18 ta' Marzu 2014, mhijiex fundata fid-dritt internazzjonali u tmur kontra l-prinċipji tal-kondotta internazzjonali fis-seklu 21, filwaqt li thedded ukoll li timmina l-ordni Ewropew ta' wara l-gwerra; jistieden lill-Kunsill tal-Federazzjoni biex jirtira immedjatament il-mandat għall-użu tal-forza fit-territorju Ukrain;

6.  Itenni l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkellmu lir-Russja b'vuċi waħda magħquda; iqis li s-sitwazzjoni tal-lum tirrikjedi li l-Kunsill iqawwi t-tieni fażi ta' sanzjonijiet u jkun lest għat-tielet fażi (sanzjonijiet ekonomiċi), li jridu jiġu applikati minnufih; itenni, barra minn hekk, is-sejħa tiegħu biex il-Kunsill japplika bil-ħeffa embargo tal-armi u tat-teknoloġiji b'użu doppju;

7.  Jitlob li jittieħdu miżuri kontra kumpaniji Russi u s-sussidjarji tagħhom, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija, kif ukoll investimenti u assi Russi fl-UE, u li jsir rieżami tal-ftehimiet kollha mar-Russja bil-ħsieb tas-sospensjoni possibbli tagħhom;

8.  Iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-Ukraina fil-korpi internazzjonali, b'mod partikolari fil-korpi ġudizzjarji internazzjonali, jekk l-Ukraina tiddeċiedi li tiftaħ kawżi kontra r-Russja għall-ksur tas-sovranità u tal-integrità territorjali tagħha;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li r-Russja timpenja ruħha fi djalogu kostruttiv mal-gvern leġittimu tal-lum tal-Ukraina, u tappoġġja l-ħidma attiva tal-UE fi sforzi diplomatiċi biex jikkalmaw il-kriżi; jistenna bil-ħerqa l-laqgħa kwadripartitika bejn ir-Rappreżentant Għoli tal-UE, is-Segretarju tal-Istat Amerikan u l-Ministri Barranin tar-Russja u tal-Ukraina, u jittama li din il-laqgħa tista' tikkontribwixxi biex tbaxxi t-tensjoni u twitti t-triq għal soluzzjoni diplomatika komprensiva u dejjiema tal-kriżi; jenfasizza, madankollu, li l-għażliet tal-Ukraina fil-ġejjieni jista' jagħmilhom biss il-poplu Ukrain innifsu, permezz ta' proċess demokratiku, inklussiv u trasparenti;

10.  Jirrimarka li s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tad-delegazzjoni Russa mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, flimkien mar-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU li tikkundanna lir-Russja għall-annessjoni tal-Krimea, huma sinjali ċari u bla ekwivoċi tal-iżolament dejjem akbar tal-Federazzjoni Russa fil-livell internazzjonali, li l-awtoritajiet Russi għandhom iqisuhom debitament jekk ir-Russja trid tibqa' protagonista internazzjonali kredibbli;

11.  Jitlob l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u finanzjarji fir-rigward tal-Krimea u t-tmexxija separatista tagħha; huwa tal-fehma li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu implimentati malajr abbażi ta' analiżi tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi legali tal-annessjoni tal-Krimea;

12.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar x'se jiġri mill-komunità tat-Tatar li tgħix fil-Krimea, u s-sikurezza u l-aċċess għad-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għall-komunità lingwistika Ukraina; jisħaq fuq ir-responsabbiltà tal-Federazzjoni Russa, skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, li tipproteġi lill-popolazzjoni fit-territorji okkupati;

13.  Jilqa' l-iskjerament ta' Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE inkarigata biex tiġbor informazzjoni dwar attività militari u azzjonijiet provokanti atipiċi maħsuba biex jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni, kif ukoll twettaq monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi fl-Ukraina, u jappella biex il-missjoni tespandi; jiddispjaċih, madankollu, li l-missjoni ma rnexxilhiex tikseb aċċess għall-Krimea fejn ġew rappurtati bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi każijiet ta' vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-familji tagħhom; jiddeplora l-fatt li issa qed jiġu rappurtati attakki kontra l-ġurnalisti fil-Lvant tal-Ukraina wkoll;

14.  Jappella, barra minn hekk, għal missjoni ta' osservazzjoni elettorali fil-fond mill-Uffiċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODHIR) tal-OSKE, kif ukoll mill-Parlament u l-UE, biex isir monitoraġġ estensiv tal-elezzjonijiet; jappella biex l-elezzjonijiet presidenzjali tal-25 ta' Mejju 2014 isiru f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali; jirrifjuta kull pressjoni esterna biex dawn l-elezzjonijiet jiġu posposti;

15.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Gvern Ukrain li jsejjaħ elezzjonijiet parlamentari bikrin;

16.  Jilqa', fil-prinċipju, l-idea li jiġi organizzat referendum li jinvolvi n-nazzjon kollu dwar l-istatus u l-organizzazzjoni territorjali futuri tal-Ukraina, kif issuġġerixxa l-Aġent President Oleksandr Turchynov f'xandira televiżiva fl-14 ta' April 2014;

17.  Jilqa' r-riżoluzzjoni reċenti tal-parlament Ukrain li titlob id-diżarm immedjat tal-forzi ta' awtodifiża illegali kollha, u jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni tagħha;

18.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill huwa lest jgħin lill-Ukraina fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili u jipprovdi appoġġ għall-pulizija u għall-istat tad-dritt, u jistudja l-alternattivi kollha, inkluża l-possibbiltà ta' missjoni tal-PSDK, kif ukoll dik ta' missjoni ta' monitoraġġ tal-UE;

19.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Ukraina u għall-poplu tagħha f'dawn iż-żminijiet diffiċli; jilqa' l-iffirmar tal-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-adozzjoni sussegwenti tal-miżuri kummerċjali unilaterali; jappella biex l-AA/DCFTA sħiħ jiġi ffirmat mill-aktar fis u qabel jiskadu l-miżuri kummerċjali unilaterali;

20.  Jilqa' l-fatt li l-Gvern Ukrain ħabbar aġenda ta' riforma ekonomika u soċjali ambizzjuża, u jenfasizza l-importanza kruċjali li tiġi implimentata malajr sabiex il-qagħda finanzjarja kritika tal-pajjiż tiġi stabbilizzata u jinstab tarf tagħha; jilqa' d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u tal-UE li jagħtu lill-Ukraina għajnuna finanzjarja sostanzjali fl-immedjat u fit-tul; ifakkar fil-bżonn li tiġi organizzata u kkoordinata konferenza internazzjonali tad-donaturi, li għandha tissejjaħ mill-Kummissjoni u ssir malajr kemm jista' jkun;

21.  Jappoġġja l-kondizzjonalità stabbilita mill-UE fir-rigward tar-riformi strutturali tant meħtieġa li se jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijet aktar favorevoli għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, itejbu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, jiżviluppaw sistema ta' protezzjoni soċjali, u jiġġieled il-korruzzjoni; jitlob trasparenza fin-nefqa tal-fondi tal-UE u monitoraġġ effikaċi mill-Kummissjoni;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali gravi fil-pajjiż; jappella biex flimkien mar-riformi strutturali jittieħdu miżuri bil-għan li tittaffa s-sitwazzjoni attwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-partijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni;

23.  Iħeġġeġ lill-Ukraina tkompli bil-mixja tagħha lejn riforma politika, b'mod partikolari riforma kostituzzjonali, li dwarha għandha ssir diskussjoni wiesgħa u fil-fond fost il-komponenti kollha tas-soċjetà Ukraina; jilqa' r-rieda tal-Gvern Ukrain li jimplimenta l-impenn tiegħu li jiżgura n-natura rappreżentattiva tal-istrutturi governattivi, billi jkunu jirriflettu d-diversità reġjonali, li jiżgura l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi nazzjonali, li jallinja l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni mal-istandards tal-UE, li jinvestiga l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-atti ta' vjolenza, u li jiġġieled l-estremiżmu;

24.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummisjsoni li toħloq Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina li sejjer jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-'Aġenda Ewropea għal Riforma';

25.  Jappoġġja l-isforzi tal-Gvern Ukrain, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jiżgura r-rispett dovut għad-drittijiet leġittimi tal-popolazzjoni ta' lsien Russu u tal-minoranzi kulturali, nazzjonali u lingwistiċi oħra, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji u l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali;

26.  Itenni l-appell tiegħu biex titwaqqaf kummissjoni indipendenti li tinvestiga l-isparaturi fi Kiev u l-ġrajjiet traġiċi fil-Maidan, bl-inklużjoni ta' komponent internazzjonali qawwi u taħt is-superviżjoni tal-Panel Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa; jilqa' l-ħatra tat-tielet membru fuq dan il-panel u l-organizzazzjoni tal-ewwel laqgħa tiegħu fid-9 ta' April 2014;

27.  Jilqa' l-iffirmar tad-dispożizzjonijiet provviżorji tal-AA u jistenna l-implimentazzjoni rapida tal-preferenzi kummerċjali awtonomi adottati mill-UE bil-għan li jkopru l-perjodu sa ma jiġi ffirmat il-bqija tal-ftehim, li jinkludi d-DCFTA;

28.  Jilqa' l-miżuri inizjali adottati mill-Kummissjoni biex l-Ukraina tkun tista' tindirizza kriżi tal-enerġija kemm-il darba r-Russja taqta' l-provvisti tal-gass lill-pajjiż, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jassistu u jappoġġjaw lil Kiev fl-isforzi tagħha biex issolvi t-tilwima mar-Russja dwar il-gass, li ilha għaddejja; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' politika komuni b'saħħitha dwar is-sigurtà tal-enerġija (Unjoni tal-Enerġija), bil-għan li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq iż-żejt u l-gass mir-Russja, inkluża d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u l-possibbiltà li, meta jkun hemm bżonn, tiġi sospiża l-importazzjoni tal-gass; huwa tal-fehma li l-pipeline South Stream m'għandux jinbena, u li għandhom isiru disponibbli sorsi oħra ta' provvista; jinsab konvint li l-għajnuna tal-UE lill-Ukraina biex tiżgura l-provvista fid-direzzjoni opposta permezz ta' aktar diversifikazzjoni, titjib fl-effiċjenza enerġetika u interkonnessjonijiet effikaċi mal-UE għandha ssaħħaħ lill-Ukraina fil-konfront ta' pressjonijiet politiċi u ekonomiċi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li l-Ukraina għandha l-Presidenza tagħha fl-2014;

29.  Jistieden lill-Kunsill jawtorizza minnufih lill-Kummissjoni biex tħaffef il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Ukraina, sabiex tkompli l-mixja lejn l-introduzzjoni ta' reġim bla viża, fuq l-eżempju tal-Moldova; jappella, sadanittant, biex jiġu introdotti minnufih proċeduri ta' għoti ta' viża temporanji, sempliċi ħafna u rħas fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

30.  Jenfasizza li t-tħassib tar-Russja fir-rigward tal-proċess ta' assoċjazzjoni tal-Ukraina u tal-ġirien l-oħrajn tal-Lvant mal-UE għandu jiġi indirizzat u spjegat b'mod adegwat, sabiex tittaffa l-biża' ta' linji ġodda ta' qasma ġeopolitika fil-kontinent Ewropew; jirrimarka li kull pajjiż għandu kull dritt jagħmel l-għażliet politiċi tiegħu, iżda li d-djalogu tal-UE mas-sħab tal-Lvant għandu l-għan li jxerred il-ġid u jqawwi l-istabbiltà politika, ħaġa li l-Federazzjoni Russa se tgawdi minnha wkoll;

31.  Itenni li l-AAs mal-Ukraina u mal-pajjiżi l-oħra tas-SL ma jikkostitwixxux l-għan aħħari fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE: jirrimarka, f'dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandhom perspettiva Ewropea u jistgħu japplikaw sabiex isiru membri tal-Unjoni, dment li jaderixxu mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u jiżguraw l-istat tad-dritt;

32.  Jistieden lill-Kunsill jiffirma l-AAs/DCFTAs bejn l-UE – u l-Istati Membri tagħha – u r-Repubblika tal-Moldova u l-Ġeorġja, rispettivament; jesprimi l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-AAs UE–Repubblika tal-Moldova u UE–Ġeorġja immedjatament mal-iffirmar; iħeġġeġ lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jnaqqas il-proċeduri ta' notifika li jsegwu l-iffirmar tal-AAs, sabiex l-applikazzjoni provviżorja tkun tista' ssir effettiva malajr kemm jista' jkun wara l-iffirmar; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li, jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha u sussegwentement jiġu ffirmati l-AAs, jgħaddi għar-ratifika sħiħa tal-AAs UE–Moldova u UE–Ġeorġja malajr kemm jista' jkun u qabel tmiem il-mandat attwali tal-Kummissjoni; jappella biex dawn il-pajjiżi tingħatalhom l-għajnuna finanzjarja addizzjonali meħtieġa; jitlob, barra minn hekk, djalogu onest u miftuħ mal-Federazzjoni Russa bil-għan li jsir kull sforz sabiex jiġu żviluppati sinerġiji mmirati għall-benefiċċju tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

33.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar l-instabbiltà li reġgħet feġġet fir-reġjun separatist tat-Transnistrija fil-Moldova; jemmen li t-talba reċenti tas-16 ta' April 2014 mill-awtoritajiet awtonominati ta' Tiraspol biex Transnistrija tkun rikonoxxuta mir-Russja bħala stat indipendenti tirrappreżenta pass perikoluż u irresponsabbli; ifakkar li l-hekk imsejjaħ referendum fl-Unità Territorjali Awtonoma tal-Gagauzia jmur kontra l-kostituzzjoni tal-Moldova u għalhekk huwa illegali; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-integrità territorjali tal-Moldova, u jistieden lill-partijiet kollha biex b'urġenza jerġgħu jidħlu fi djalogu skont il-qafas 5+2, u jitlob għal status imtejjeb tal-UE għal dak ta' sieħeb fin-negozjati, bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni paċifika u sostenibbli dwar il-kwistjoni;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Ukraina, tal-Ġeorġja u tal-Moldova, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0170.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0248.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0285.
(4) A/RES/68/262.

Avviż legali - Politika tal-privatezza