Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2066(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0317/2015

Testi mressqa :

A8-0317/2015

Dibattiti :

PV 24/11/2015 - 10
CRE 24/11/2015 - 10

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2015 - 9.5
CRE 25/11/2015 - 9.5

Testi adottati :

P8_TA(2015)0408

Testi adottati
PDF 912kWORD 523k
L-Erbgħa, 25 ta' Novembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili
P8_TA(2015)0408A8-0317/2015
Riżoluzzjoni
 Anness
 Anness
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (2015/2066(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 107, 108, 113, 115, 116, 175 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, is-setgħat, is-saħħa numerika u l-mandat tiegħu(1) ,

–  wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet tal-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u prattiki dannużi oħra fil-Lussemburgu, li saru magħrufa bħala 'Luxleaks',

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-Summits tal-G7, il-G8 u l-G20 dwar kwistjonijiet internazzjonali fil-qasam tat-taxxa, b'mod partikolari s-Summit ta' Elmau tas-7-8 ta' Ġunju 2015, is-Summit ta' Brisbane tal-15-16 ta' Novembru 2014, is-Summit ta' San Pietruburgu tal-5-6 ta' Settembru 2013, is-Summit ta' Lough Erne tas-17-18 ta' Ġunju 2013 u s-Summit ta' Pittsburgh tal-24-25 ta' Settembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) "Kompetizzjoni fiskali dannuża: problema li qed titfaċċa fuq livell globali" tal-1998,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD "Nindirizzaw l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitti" (BEPS) tal-2013, il-pjan ta' azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS u l-pubblikazzjonijiet suċċessivi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill Ewropew dwar il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (14 ta' Marzu 2013), dwar it-tassazzjoni (22 ta' Mejju 2013), dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni (18 ta' Diċembru 2014), dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS), dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fil-livell globali u l-miżuri dannużi ta' tassazzjoni (18 ta' Diċembru 2014) u dwar l-evażjoni tat-taxxa (27 ta' Ġunju 2014),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) u r-rapport tiegħu lill-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta' taxxa tat-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta' kull sitt xhur mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Impriżi) lill-Kunsill dwar il-Kodiċi tal-Kondotta,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva(2) , id-Direttiva dwar Pagamenti ta' Mgħax u ta' Royalties(3) u l-proposti leġiżlattivi l-aktar reċenti tal-Kummissjoni biex dawn jiġu emendati,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti(4) (id-Direttiva dwar kumpaniji prinċipali u sussidjarji), kif emendata l-aħħar fl-2015,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati(5) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE(6) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums tal-assigurazzjoni(7) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE(8) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2007 lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-ħidma tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment fil-qasam tal-evitar ta' tilwim u l-proċeduri ta' riżoluzzjoni u dwar il-Linji Gwida għal Arranġament Preliminari ta' Prezzijiet ta' Trasferiment fi ħdan l-UE (COM(2007)0071),

–  wara li kkunsidra l-avviż tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 1998 fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett(9) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 intitolata "Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni" (COM(2015)0302),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2015 dwar it-trasparenza fiskali kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2015)0136),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 intitolata "Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa" (COM(2012)0722),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva (C(2012)8806),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (C(2012)8805),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2012 dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi (COM(2012)0351),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-2011 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB) (COM(2011)0121), u l-pożizzjoni tal-Parlament tad-19 ta' April 2012 dwarha(10) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-1 ta' Diċembru 1997 dwar kodiċi ta' kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi(11) u r-rapporti regolari lill-Kunsill mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Impriżi),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tat-30 ta' April 2014 adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-informaturi,

–  wara li kkunsidra r-rapport Simmons & Simmons tal-1999 dwar il-prattiki amministrattivi msemmija fil-paragrafu 26 tar-rapport tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta, ir-rapport Primarolo (SN 4901/99) u l-aġġornament ta' dan ir-rapport fl-2009;

–  wara li kkunsidra l-emendi adottati mill-Parlament fit-8 ta' Lulju 2015 għall-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva(12) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(13) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar it-Taxxa(14) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi(15) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus(16) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali(17) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali(18) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-Taxxa u l-Iżvilupp – kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali(19) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali(20) ,

–  wara li kkunsidra d-diversi seduti ta' smigħ parlamentari u r-rapporti suċċessivi dwar l-istess suġġett li saru fil-parlamenti nazzjonali u b'mod partikolari fil-Kamra tal-Komuni tar-Renju Unit, fis-Senat tal-Istati Uniti u fl-Assemblea Nazzjonali ta' Franza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (A8-0317/2015),

LuxLeaks: fatti u ċifri

A.  billi l-iskandlu LuxLeaks, li faqqa' nhar il-5 ta' Novembru 2014 grazzi għall-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi li rrilaxxa madwar 28 000 paġna ta' dokumenti kunfidenzjali li ddeskrivew aktar minn 500 arranġament fiskali privat bejn l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża u aktar minn 300 korporazzjoni multinazzjonali bejn l-2002 u l-2010, żvela kemm hu mifrux l-użu ta' akkordji sigrieti kkaratterizzati minn strutturi finanzjarji kumplessi ddisinjati biex jinkiseb tnaqqis fiskali drastiku; billi f'ħafna każijiet dawn is-sussidjarji Lussemburgiżi, li jgħaddu minn idejhom mijiet ta' miljuni ta' euro f'kummerċ, ftit iżommu preżenza u ftit iwettqu attività ekonomika fil-Lussemburgu;

B.  billi l-kwistjonijiet relatati mal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa korporattiva u l-prattiki ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva ilhom minn tal-inqas diversi deċennji magħrufa u jiġu analizzati fuq livell internazzjonali; billi LuxLeaks ġibed l-attenzjoni tal-pubbliku u tal-midja lejn dawn il-kwistjonijiet, u żvela prattiki fiskali dubjużi promossi minn ditti kontabilistiċi fi Stat Membru speċifiku; billi l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-ħidma mwettqa mill-Parlament permezz tal-kumitat speċjali tiegħu wrew li dan mhuwiex l-uniku każ, iżda li l-prattiki li jittieħdu miżuri fiskali biex jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet tat-taxxa kumplessivi ta' xi korporazzjonijiet kbar sabiex il-bażi tat-taxxa nazzjonali tiżdied artifiċjalment għad-detriment ta' pajjiżi oħra, li wħud minnhom huma suġġetti għal miżuri ta' awsterità, hija waħda mifruxa fi ħdan l-Ewropa u lil hinn minnha;

C.  billi mġiba ta' dan it-tip, li ta' spiss tirriżulta biex tintilef il-konnessjoni bejn il-post fejn jiġi ġġenerat il-valur u dak fejn jiġu ntaxxati l-profitti, mhijiex limitata għal deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, iżda tħaddan firxa wiesgħa ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi, li jiġu implimentati minn amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali fi ħdan l-UE u lil hinn minnha;

D.  billi s-sottomissjoni ta' dawn il-prattiki għall-iskrutinju pubbliku hija parti mill-kontroll demokratiku; billi, minħabba l-impatt negattiv tagħhom fuq is-soċjetà kollha kemm hi, jistgħu jippersistu biss sakemm jibqgħu mistura jew jiġu ttollerati; billi l-ġurnalisti investigattivi, is-settur mhux governattiv u l-komunità akkademika kienu strumentali biex jikxfu każijiet ta' evitar tat-taxxa u biex jinformaw lill-pubbliku dwarhom; billi, sakemm dawn ma jistgħux jiġu evitati, l-iżvelar tagħhom m'għandux jiddependi fuq il-kuraġġ u s-sens etiku ta' informaturi individwali, iżda għandu jkun parti minn mekkaniżmi aktar sistematiċi ta' rappurtar u skambju ta' informazzjoni;

L-approċċ tal-Istati Membri għat-tassazzjoni korporattiva

E.  billi d-dħul mit-taxxa fuq l-introjtu korporattiv għat-28 Stat Membru tal-Unjoni ammonta għal medja ta' 2,6 % tal-PDG fl-2012(21) ;

F.  billi, skont it-Trattat, it-tassazzjoni diretta hija prinċipalment kompetenza tal-Istati Membri; billi, waqt li l-UE għandha kompetenza fil-qasam tat-tassazzjoni, l-eżerċitar ta' dik il-kompetenza normalment ikun suġġett għar-rekwiżit ta' unanimità fil-Kunsill; billi, minħabba f'hekk, għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni sinifikanti fil-livell tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva, minkejja l-iżviluppi reċenti fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE fir-rigward tas-suq intern u l-oqsma l-oħra koperti mit-Trattati tal-UE bħall-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali, il-munita unika, il-governanza ekonomika u fiskali u l-prinċipji u l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus; billi jeħtieġ li l-Istati Membri jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kompetizzjoni u jiżguraw li l-leġislazzjoni fiskali tagħhom tkun kompatibbli mal-prinċipji tas-suq intern u ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni; billi, peress li kull Stat Membru ngħata dritt ta' veto, ir-regola dwar l-unanimità fi ħdan il-Kunsill tnaqqas l-inċentiv għal bidla mill-istatus quo lejn soluzzjoni aktar kooperattiva; billi, sakemm ma tintużax il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 116 TFUE, ikun hemm bżonn ta' bidla fit-Trattat biex jinbidel ir-rekwiżit ta' unanimità fi kwistjonijiet relatati mat-tassazzjoni diretta;

G.  billi s-sitwazzjoni attwali ta' kull Stat Membru li għandu d-dritt ta' veto timplika li l-Istati Membri kollha għandhom jaġixxu b'mod deċiż u b'kooperazzjoni biex jindirizzaw il-problema pan-Ewropea tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

H.  billi, apparti xi eċċezzjonijiet lodevoli, ir-rappreżentanti politiċi nazzjonali s'issa ma kinux proattivi biżżejjed biex jindirizzaw il-problema tal-evitar tat-taxxa, inklużi d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;

I.  billi, fis-suq intern Ewropew, il-kapital jiċċirkola liberament u l-kumpaniji l-kbar jirrapportaw l-attivitajiet tagħhom b'mod ikkonsolidat, iżda t-taxxa tinġabar fil-livell nazzjonali minn awtoritajiet tat-taxxa li ftit ferm jiskambjaw informazzjoni bejniethom;

J.  billi, f'suq intern komplut, l-ebda distorsjoni artifiċjali m'għandha taffettwa d-deċiżjonijiet ta' investiment u l-lokalizzazzjoni ta' impriża; billi, madankollu, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-moviment liberu tal-kapital joħolqu l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni aktar intensa fil-qasam tat-taxxa bejn l-Istati Membri, u ma' pajjiżi terzi, sabiex jattiraw l-investiment u l-impriżi; billi hu importanti li l-kumpaniji jinżammu fl-Ewropa u jiġu attirati lejha, iżda dan ma jistax jieħu s-sura ta' sistemi fiskali potenzjalment dannużi, li primarjament ikollhom l-għan li jrawmu l-investiment u jattiraw attività ekonomika addizzjonali, b'reazzjoni għal miżuri simili mnedija fil-pajjiżi ġirien jew li jkunu intenzjonati biex jikkoreġu dawk li jitqiesu bħala żbilanċi preeżistenti bejn l-Istati Membri f'termini ta' ġid, daqs jew lokalizzazzjoni ġeografika periferika relattivi billi, inċidentalment, f'xi ġurisdizzjonijiet jidher li hemm korrelazzjoni bejn sistemi tat-taxxa korporattiva attraenti u livell għoli ta' ġid nazzjonali; billi d-disinn ottimali tas-sistemi fiskali jiddependi fuq diversi fatturi, u għaldaqstant ivarja minn pajjiż għall-ieħor; billi l-kompetizzjoni fiskali dannuża bejn l-Istati Membri tillimita l-potenzjal tas-suq uniku;

K.  billi, minflok ma sempliċiment jiffokaw fuq il-promozzjoni ta' ambjent kummerċjali attraenti, pereżempju b'infrastruttura tajba u forza tax-xogħol ta' kwalità għolja, anke permezz ta' nfiq li jsaħħaħ il-produttività, u minflok ma jiżguraw l-istabilità u l-prevedibilità tas-sistema fiskali, il-pajjiżi, fir-rwol tagħhom bħala parteċipanti fil-logħba tal-kompetizzjoni fiskali, jużaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom b'mod konġunt man-netwerks tat-trattati fiskali tagħhom biex jippromwovu lilhom infushom bħala pajjiżi fejn jista' jsir l-investiment u bħala ċentri minn fejn jistgħu indirizzati l-flussi finanzjarji jew fejn jistgħu jiġu kontabilizzati l-profitti, b'mod li b'hekk jattiraw lill-impriżi jew lill-kumpaniji tal-isem għad-detriment tal-pajjiżi sħabhom u joħolqu prattiki inġusti bejniethom; billi, jekk jitqies b'mod iżolat, kull pajjiż għandu interess ċar li jġib ruħu ta' "opportunist", jiġifieri li jkun l-ewwel li jfassal u jimplimenta sistemi u dispożizzjonijiet fiskali speċifiċi biex jattira bażi tat-taxxa, u l-aħħar li jipparteċipa fi kwalunkwe azzjoni kooperattiva u kkoordinata biex tiġi affrontata l-evażjoni tat-taxxa;

L.  billi teżisti kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri; billi l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-Istati Membri tal-Unjoni huwa deskritt fl-Artikolu 4 TUE; billi l-Istati Membri għandhom japplikaw kompletament il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera fil-kwistjonijiet ta' kompetizzjoni fiskali;

M.  billi xi Stati Membri jadottaw pożizzjoni ambivalenti rigward l-evitar tat-taxxa u, waqt li minn naħa jgergru dwar l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa nazzjonali tagħhom, fl-istess ħin huma responsabbli għad-disinn tas-sistemi fiskali nazzjonali u internazzjonali li ppermettewha, u jibqgħu jimpedixxu kwalunkwe żvilupp tas-sistemi fiskali tagħhom fid-direzzjoni ta' soluzzjoni aktar ikkoordinata; billi, f'qafas ta' mobilità sħiħa tal-kapital fi ħdan l-UE, u l-għan iddikjarat tal-Kummissjoni li tintroduċi Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-interdipendenza u l-effetti reċiproċi tas-sistemi u d-dħul fiskali nazzjonali għandhom jitqiesu kompletament, filwaqt li ma jintesewx l-effetti konsegwenzjali estensivi, kemm pożittivi u kemm negattivi, fuq livell transkonfinali tad-deċiżjonijiet fiskali tal-Istati Membri individwali, peress li l-inċentiv fiskali ta' pajjiż speċifiku jkun l-erożjoni tal-bażi ta' ieħor;

N.  billi qed nosservaw paradoss fejn il-kompetizzjoni libera bejn l-Istati Membri f'materji tat-taxxa rriżultat fi mġiba antikompetittiva u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

O.  billi rriżulta li l-introduzzjoni tas-suq uniku Ewropew kienet ta' benefiċċju kbir għall-ekonomiji nazzjonali, peress li saru aktar kompetittivi u attraenti f'ekonomija globalizzata, u billi fl-aħħar mill-aħħar il-konverġenza fiskali bejn l-Istati Membri se jkollha l-istess effett;

P.  billi l-leġiżlatur u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, li ta' spiss ma jkunux ingħataw biżżejjed riżorsi, ma jistgħux jantiċipaw iżda jistgħu biss jirreaġixxu, ġieli b'dewmien kbir, għall-iskemi innovattivi ta' evitar tat-taxxa li jiġu mfassla u promossi minn xi konsulenti fiskali, b'mod partikolari d-ditti kontabilistiċi kbar ħafna, minn avukati u minn kumpaniji intermedjarji; billi, b'mod partikolari, l-esperjenza tixhed li rriżulta li l-korpi tal-UE li għandhom jipprevjenu l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda dwar it-taxxa dannużi (bħall-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta, imwaqqaf mill-Istati Membri fl-1998, jew il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati) mhumiex kapaċi jikkontrobattu dawn l-iżviluppi mhux mixtieqa, u ġieli jirreaġixxi b'mod ineffikaċi jew abbażi ta' mandat limitat wisq, u li fl-UE ġew introdotti ħafna miżuri jew ftehimiet ġodda u spiss aggressivi ta' evitar tat-taxxa, bħal rati fiskali preferenzjali għad-dħul minn privattivi (patent boxes); billi l-korporazzjonijiet multinazzjonali, fl-UE u madwar id-dinja, qed jiddependu fuq il-ħila esperta ta' settur organizzat sew u kompetenti ta' konsulenti fiskali, kif ukoll tal-banek u l-fornituri l-oħra ta' servizzi finanzjarji, biex jiżviluppaw l-iskemi tagħhom ta' evitar tat-taxxa; billi dan is-settur fl-istess ħin huwa rappreżentat fil-korpi li jagħtu pariri lill-gvernijiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi fir-rigward ta' materji tat-taxxa, bħalma hi l-Pjattaforma għall-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa; billi hemm tħassib dwar il-kunflitti ta' interess li jistgħu jirriżultaw fil-każ li l-istess ditti jkunu qed jagħtu pariri kemm lill-awtoritajiet pubbliċi u kemm lil korporazzjonijiet multinazzjonali privati;

Q.  billi kull pjanifikazzjoni fiskali għandha sseħħ fi ħdan il-limiti tal-liġi u t-trattati applikabbli; billi, konsegwentement, l-aktar risposta adegwata għall-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva hi leġiżlazzjoni tajba u koordinament internazzjonali rigward ir-riżultati mixtieqa;

R.  billi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni hi determinanti biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa; billi din l-implimentazzjoni hi r-responsabilità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali li spiss ftit ikollhom inċentivi biex jikkooperaw bejniethom fil-livell Ewropew; billi din is-sitwazzjoni żżid mad-diverġenzi li diġà jirriżultaw mid-differenzi fil-leġiżlazzjoni madwar l-Unjoni u taggravahom;

S.  billi t-Trojka ta' istituzzjonijiet (il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali) li tissorvelja l-programmi ta' aġġustament fiskali u finanzjarju fi Stati Membri bħall-Portugall u l-Greċja ma għamlet xejn biex tipprevjeni l-amnistiji fiskali, id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, il-benefiċċji fiskali u l-iskemi ta' eżenzjoni mit-taxxa li kienu u huma diskriminatorji b'mod inġust, peress li jiffavorixxu lill-korporazzjonijiet u l-individwi li jwettqu imbrolji fiskali, jikkawżaw telf kbir ta' dħul statali u jżidu l-piż fuq l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u ċ-ċittadini li diġà qed jiġu ntaxxati żżejjed;

T.  billi l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati fiskali u l-ħasil tal-flus, li sikwit jinvolvu operazzjonijiet finanzjarji u persuni ġuridiċi f'diversi ġurisdizzjonijiet, huma sfida enormi; billi l-persunal tal-Istati Membri responsabbli għall-investigazzjoni u t-tmexija ta' proċedimenti ġudizzjarji kontra l-awturi ta' reati fiskali u reati finanzjarji oħra spiss ma jkunux biżżejjed imħarrġa u ekwipaġġati;

U.  billi l-politiki ta' awsterità u trażżin baġitarju f'dawn l-aħħar snin naqqsu b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jinvestigaw ir-reati fiskali u l-prattiki dwar it-taxxa dannużi; billi dan it-tnaqqis kien ta' dannu partikolari fil-pajjiżi li qegħdin taħt programmi ta' assistenza finanzjarja mmexxija mit-Trojka, fejn iż-żieda fid-dħul tal-istat inkisbet għad-detriment tal-SMEs u ċ-ċittadini ntaxxati żżejjed, filwaqt li l-korporazzjonijiet il-kbar u l-imbroljuni fiskali sinjuri spiss ibbenefikaw minn amnistiji fiskali, deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u skemi oħra ta' eżenzjoni mit-taxxa u ta' benefiċċji fiskali, kif kien il-każ fil-Portugall u l-Greċja;

Id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u l-prattiki dwar it-taxxa dannużi

V.  billi d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jkopru firxa wiesgħa ta' prattiki fl-Istati Membri, li jvarjaw minn politika ad hoc għal applikazzjoni tal-liġi f'qafas ċar, f'termini tal-ambitu possibbli u s-suġġetti koperti, in-natura vinkolanti, il-frekwenza tal-użu, il-pubbliċità, it-tul u l-pagament ta' ħlasijiet dovuti; billi m'hemm l-ebda definizzjoni li ntlaħaq qbil komuni dwarha fir-rigward tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa fil-livell internazzjonali ħlief ir-riferiment li għamlet għalihom il-Kummissjoni bħala "kwalunkwe komunikazzjoni jew kwalunkwe strument jew azzjoni oħra b'effetti simili, mill-Istat Membru jew f'ismu fir-rigward tal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tat-taxxa";

W.  billi d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa mhumiex intrinsikament problematiċi, peress li jistgħu, skont l-għan oriġinali tagħhom, jipprovdu ċ-ċertezza tad-dritt għall-kontribwenti u jnaqqsu r-riskju finanzjarju għad-ditti onesti fil-każijiet fejn il-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tat-taxxa jew applikazzjoni partikolari tagħhom f'ċerti ċirkostanzi ma jkunux ċari jew ikunu suġġetti għal interpretazzjonijiet diverġenti, b'mod partikolari fir-rigward ta' tranżazzjonijiet kumplessi, u b'hekk jiġi evitat it-tilwim fil-ġejjieni bejn il-kontribwent u l-awtorità tat-taxxa;

X.  billi l-prattika ta' dawn id-deċiżjonijiet ġiet żviluppata, fil-qafas ta' relazzjoni eqreb u aktar kooperattiva bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-kontribwenti, bħala għodda biex tiġi affrontata l-kumplessità dejjem tikber tat-trattament fiskali ta' ċerti tranżazzjonijiet f'ekonomija dejjem iżjed kumplessa, globali u diġitalizzata; billi – minkejja li l-Istati Membri qed jasserixxu li dawn id-deċiżjonijiet mhumiex diskrezzjonali, iżda sempliċiment għodda biex tiġi ċċarata l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tat-taxxa, waqt li jżommuhom sigrieti - il-ħidma tal-kumitat speċjali tiegħu kkonfermat li d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jistgħu jinħarġu mingħajr ebda qafas legali permezz ta' arranġamenti informali jew diskrezzjonali, li jappoġġaw strutturi maħluqa għal finijiet ta' taxxa li jiddependu fuq għodda ta' pjanifikazzjoni fiskali li tipikament jintużaw mill-korporazzjonijiet multinazzjonali biex inaqqsu l-kontribuzzjoni fiskali tagħhom; billi dan jidher li hu problematiku partikolarment – imma mhux esklużivament – fil-każ tad-deċiżjonijiet relatati mal-ipprezzar ta' trasferiment intrakumpanija (l-hekk imsejħa Arranġamenti Preliminari ta' Prezzijiet ta' Trasferiment); billi, peress li jipprovdu ċ-ċertezza tad-dritt lil xi atturi magħżula biss, jista' jkun li joħolqu l-inugwaljanza bejn il-kumpaniji li jkunu ngħatawhom u l-kumpaniji fl-istess settur li ma jkollhomx aċċess għalihom;

Y.  billi la l-OECD u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma appellaw biex effettivament tintemm il-prattika tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;

Z.  billi d-deċiżjonijiet bil-quddiem fil-qasam tat-taxxa mhuma suppost jaffettwaw bl-ebda mod it-trattament fiskali ta' kwalunkwe tranżazzjoni, u lanqas mhuma suppost jibbenefikaw lil kontribwent partikolari fuq ieħor, iżda pjuttost għandu jkollhom, f'parità ta' ċirkustanzi, l-istess effett bħall-applikazzjoni ex post tad-dispożizzjonijiet sottostanti fil-qasam tat-taxxa; billi, għaldaqstant, l-attenzjoni ta' dan ir-rapport mhix iffokata strettament fuq id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa biss, imma tinkludi, bi qbil mal-mandat mogħti lilll-kumitat speċjali tiegħu (il-Kumitat TAXE), kwalunkwe miżura fiskali ta' natura jew effett simili, taħt it-terminu ġeneriku ta' "prattiki dwar it-taxxa dannużi", jiġifieri l-miżuri mmirati biex jattiraw lil ditti jew tranżazzjonijiet mhux residenti b'detriment għall-ġurisdizzjonijiet fiskali l-oħra fejn normalment imisshom jiġu ntaxxati dawn it-tranżazzjonijiet u/jew il-miżuri mmirati biex jiffavorixxu lil xi kumpaniji biss, b'mod li joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni;

AA.  billi l-prattiki dwar it-taxxa dannużi jistgħu, sa ċertu punt, jiġu kkonnessi ma' wieħed jew diversi minn dawn l-effetti mhux mixtieqa li ġejjin: nuqqas ta' trasparenza, diskriminazzjoni arbitrarja, distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u kundizzjonijiet mhux ugwali fi ħdan is-suq intern u barra minnu, impatt fuq l-integrità tas-suq intern, u fuq kemm tkun ġusta, stabbli u leġittima s-sistema tat-taxxa, aktar tassazzjoni fuq fatturi ekonomiċi anqas mobbli, żieda fl-inugwaljanzi ekonomiċi, kompetizzjoni inġusta bejn l-istati, erożjoni tal-bażi tat-taxxa, skuntentizza soċjali, nuqqas ta' fiduċja u defiċit demokratiku;

AB.  billi għandu jiġi rikonoxxut li, filwaqt li l-SMEs jibqgħu l-mutur tal-ekonomija u tal-impjiegi fl-Ewropa, anke l-kumpaniji multinazzjonali jiżvolġu rwol kruċjali fil-ġenerazzjoni tal-investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; billi l-ħlas minn dawn il-kumpaniji tas-sehem ġust tagħhom tat-taxxa fil-pajjiżi fejn effettivament iseħħu l-attività ekonomiku u l-ħolqien tal-valur jibqa' kontribut kruċjali għall-benesseri u s-sostenibilità tas-soċjetajiet Ewropej;

Il-ħidma tal-Kumitat Speċjali

AC.  billi l-kumitat speċjali kompetenti tiegħu, li ġie kostitwit fis-26 ta' Frar 2015, organizza 14-il laqgħa, li matulhom sema' lill-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, lill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, lill-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Pierre Moscovici, lill-President fil-kariga tal-Kunsill, Pierre Gramegna, lill-Ministri tal-Finanzi ta' Franza, Michel Sapin, tal-Ġermanja, Wolfgang Schäuble, tal-Italja, Pier Carlo Padoan, u ta' Spanja, Luis de Guindos, lir-rappreżentanti tal-OECD, kif ukoll lil informaturi, ġurnalisti investigattivi, esperti, akkademiċi, rappreżentanti ta' korporazzjonijiet multinazzjonali, assoċjazzjonijiet professjonali, trade unions, organizzazzjonijiet mhux governattivi u membri tal-parlamenti nazzjonali tal-UE (ara l-Anness 1); billi delegazzjonijiet mill-Kumitat TAXE żaru lill-Iżvizzera, biex jeżaminaw l-aspetti speċifiċi tad-dimensjoni relatata ma' pajjiżi terzi tal-mandat tiegħu, kif ukoll lill-Istati Membri li ġejjin, biex iwettqu missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni: il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit; billi ġew organizzati wkoll laqgħat mar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' Ġibiltà u Bermuda; billi dawn l-attivitajiet kollha, filwaqt li jagħtu għarfien varjat u imprezzabbli lis-sistemi u l-prattiki tat-taxxa madwar l-UE, ma jiċċarawx il-mistoqsijiet pertinenti kollha, inkluż l-inkonsistenzi li għad baqa' fid-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Junker dwar il-paġna sigrieta għal żmien twil tar-rapport Krecké;

AD.  billi xi ħidma tal-kumitat ġiet imxekkla mill-fatt li għadd ta' Stati Membri u l-Kunsill ma weġbux fi żmien xieraq (ara l-Anness 2) u, fl-aħħar mill-aħħar, m'għaddewx id-dokumenti kollha mitluba jew sempliċiment bagħtu tweġibiet ta' korteżija li bilkemm semmew is-sustanza tat-talbiet li saru; billi mis-17-il korporazzjoni multinazzjonali li ġew mistiedna, erbgħabiss qablu li jidhru quddiem il-kumitat f’Ġunju u f'Lulju 2015, mal-ewwel stedina; billi 11-il korporazzjoni multinazzjonali oħra qablu li jidhru quddiem il-kumitat biss wara li r-rapport ġie vvutat fil-Kumitat TAXE u wara li kienu sarulhom bosta stediniet, tant li kellha tissejjaħ laqgħa straordinarja ftit qabel il-votazzjoni fil-plenarja (ara l-Anness 3); billi lanqas il-Kummissjoni ma kkooperat kompletament u ma bagħtitx kull dokument tas-seduti u kull nota tal-laqgħat informali mil-laqgħat tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta, u offriet biss, minħabba l-intransiġenza ta' xi Stati Membri, proċedura ta' konsultazzjoni limitata; billi l-perjodu tal-mandat tal-kumitat kellu għalhekk jiġi prorogat;

AE.  billi għadd ta' investigazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-istat, fir-rigward tal-arranġamenti ta' pprezzar ta' trasferiment, ivvalidati minn deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, li jaffettwaw il-profitt taxxabbli allokat lil ċerti sussidjarji ta' korporazzjonijiet multinazzjonali, kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien meta ġie adottat dan ir-rapport;

Ħarsa ġenerali lejn il-prattiki ta' tassazzjoni korporattiva fl-Istati Membri

1.  Ifakkar li l-mudelli ta' tassazzjoni korporattiva eżistenti fil-pajjiżi industrijalizzati tfasslu fl-ewwel nofs tas-seklu 20, perjodu li fih l-attività transkonfinali kienet limitata; jinnota li l-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija biddlu radikalment il-katina ta' valur globali u l-mod kif joperaw is-swieq u li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji kbar issa għandhom struttura transnazzjonali li tirrikjedi s-superament tar-regoli fiskali nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li r-regoli nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni ma żviluppawx bl-istess ritmu tal-evoluzzjoni tal-ambjent kummerċjali;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li titfassal politika ta' tassazzjoni bbilanċjata u ġusta bħala parti integrali tar-riforma strutturali fl-Istati Membri;

3.  Josserva li, waqt li qed tkun ħaġa dejjem aktar kumplessa għad-ditti li joperaw b'mod transkonfinali biex jibqgħu konformi mad-diversi sistemi fiskali, il-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni għamluha aktar faċli għalihom li jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta' ċentri finanzjarji offshore, u li joħolqu strutturi sofistikati sabiex inaqqsu l-kontribuzzjoni fiskali globali tagħhom; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, minħabba l-kriżi ekonomika u tad-dejn u minħabba konsolidament baġitarju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri naqqsu b'mod sinifikanti l-persunal amministrattiv tagħhom fil-qasam tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa għandu jkollhom biżżejjed riżorsi, inklużi riżorsi umani, biex joperaw b'mod effikaċi fil-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' ippjanar fiskali aggressiv, evażjoni tat-taxxa u evitar tat-taxxa, u fil-ġlieda kontrihom, peress li dawn jiġġeneraw erożjoni sostanzjali tal-bażi tat-taxxa tagħhom, u biex jiżguraw ġbir aħjar u aktar ġust tat-taxxa u l-kredibilità tas-sistema fiskali; josserva li ntwera minn studji li, fl-amministrazzjonijiet fiskali, persunal kompetenti iġib konsiderevolment aktar dħul għall-istat min-nefqiet relatati, peress li l-effikaċja tal-amministrazzjonijiet fiskali jkollha impatt pożittiv dirett fuq id-dħul mit-taxxa;

4.  Jisħaq fuq id-differenza bejn, minn naħa, il-prattiki dannużi ta' ċerti amministrazzjonijiet fiskali u nazzjonali li jippermettu li l-korporazzjonijiet multinazzjonali jittrasferixxu l-profitti sabiex jevitaw it-tassazzjoni fit-territorji fejn ikunu ġew iġġenerati l-profitti u, min-naħa l-oħra, il-kompetizzjoni tal-gvernijiet biex jattiraw l-investiment barrani dirett (IDB) jew biex iżommu attivitajiet ekonomiċi fil-pajjiż bi qbil sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li t-Trattat, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jippermetti li l-Istati Membri jiddeterminaw ir-rati tat-taxxa korporattiva u l-bażi tat-taxxa tagħhom stess sakemm ikunu ġew miftiehma miżuri ta' konverġenza fiskali aktar qawwija bi qbil mat-Trattat; jisħaq ukoll fuq il-fatt li, madankollu, ir-regoli kumplessi żżejjed tas-sistemi fiskali nazzjonali, flimkien mad-differenzi bejn dawn is-sistemi, joħolqu lakuni li jiġu sfruttati mill-korporazzjonijiet multinazzjonali għal skopijiet ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u b'hekk iwasslu għal erożjoni tal-bażi, trasferiment tal-profitti, ġirja lejn l-iktar livell baxx u, fl-aħħar mill-aħħar, eżitu ekonomiku subottimali; jissottolinja l-fatt li evitar tat-taxxa ta' dan it-tip huwa logħba li jista' jkollha biss telliefa meta l-baġits nazzjonali kollha jitqiesu flimkien, peress li ż-żidiet fid-dħul fiskali li jirriżultaw minn prattiki dannużi fi Stat Membru wieħed (grazzi għal derogi, tnaqqis speċifiku jew lakuni) ma jikkumpensawx għat-tnaqqis fid-dħul fiskali f'oħrajn; jindika li huwa biss approċċ aktar ikkoordinat u konġunt min-naħa tal-Istati Membri, li għandu jirriżulta f'qafas komuni li fih jistabbilixxu r-rati tat-taxxa tagħhom l-Istati Membri, li jista' jipprevjeni erożjoni ulterjuri tal-bażi, kompetizzjoni fiskali dannuża u ġirja lejn l-iktar livell baxx tar-rati fiskali;

6.  Ifakkar li xi Stati Membri għandhom taxxi fuq il-kumpaniji li formalment huma ogħla minn dawk ta' ħaddieħor, iżda, fir-realtà, minħabba tnaqqis u lakuni li jiffavorixxu l-impriżi domestiċi, ir-rati huma sostanzjalment aktar baxxi, u minħabba f'hekk ir-rata fiskali effettiva hija aktar baxxa milli hi fl-Istati Membri b'rata formalment baxxa;

7.  Jindika l-fatt li taxxa aktar baxxa fuq il-kumpaniji f'xi Stati Membri tista' tipprovdi introjtu relattivament ogħla mit-taxxa milli jipprovdu r-rati ogħla;

8.  Josserva li, skont il-Kummissjoni(22) , ir-rati statutorji tat-taxxa korporattiva fl-UE naqsu bi 12-il punt perċentwali, minn 35 % għal 23 %, bejn l-1995 u l-2014; jisħaq fuq il-fatt li dan it-tnaqqis fir-rati tat-taxxa qed jiġi akkumpanjat minn twessigħ tal-bażi tat-taxxa bħala mitigazzjoni tat-telf ta' dħul u li d-dħul relattivament stabbli li oriġina mit-tassazzjoni korporattiva fl-istess perjodu jista' jiġi spjegat ukoll minn tendenza ta' 'inkorporazzjoni' sostanzjali, jiġifieri bidla minn ċerti forom ġuridiċi ta' negozju, bħalma huma s-sjieda (unika), għal status ta' korporazzjoni, li tirriżulta f'bidla simili minn bażi tat-taxxa personali għal waħda korporattiva;

9.  Josserva li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jonfqu ammonti kbar fuq inċentivi fiskali intenzjonati biex jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-SMEs, iżda li, skont il-Kummissjoni(23) , dawn it-tentattivi qed jiddgħajfu minħabba l-effett tal-pjanifikazzjoni fiskali internazzjonali fi tlieta mill-erba' Stati Membri li ġew studjati fi stħarriġ reċenti; josserva li l-effetti ta' dan it-tip iqiegħdu lill-SMEs f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ kompetittiv minkejja l-spejjeż kbar assoċjati man-nefqiet fiskali għall-appoġġ tagħhom u li r-riżultati ta' dan it-tip idgħajfu l-intenzjoni ta' min ifassal il-politiki nazzjonali;

10.  Jevidenzja d-distakk li qed jikber bejn ir-rati tat-taxxa statutorji u dawk effettivi, b'mod partikolari għad-ditti li joperaw fuq livell globali, distakk li jirrifletti, parzjalment għallinqas, id-diversi derogi u eżenzjonijiet mir-reġim tat-taxxa ġenerali, kemm dawk maħsuba mil-leġiżlatur sabiex jintlaħqu objettivi speċifiċi u kemm dawk li jirriżultaw minn pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, jiġifieri mill-ħolqien ta' arranġamenti purament artifiċjali għal skopijiet ta' tassazzjoni biss;

11.  Jenfasizza li l-asimmetriji bejn is-sistemi fiskali fuq livell globali jikkontribwixxu għal erożjoni tal-bażi tat-taxxa u evażjoni tat-taxxa sinifikanti, iżda li azzjoni fil-livell tal-UE biss mhix se tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

12.  Josserva d-diversità kbira tat-28 sistema fiskali fl-UE, kemm fir-rigward tad-definizzjoni tal-bażi tat-taxxa u kemm fir-rigward tal-livell tar-rata tat-taxxa, li hija saħansitra ikbar jekk jitqiesu dawk il-ġurisdizzjonijiet speċjali b'sistemi fiskali awtonomi li huma kollegati ma' Stati Membri tal-UE (it-territorji extra-Ewropej u d-dipendenzi tal-Kuruna Brittanika); jiddeplora l-fatt li kunċetti u elementi bażiċi, bħalma huma l-bilanċ bejn it-tassazzjoni abbażi tal-oriġini u dik abbażi tar-residenza, l-istabbiliment permanenti u l-entitajiet taxxabbli, is-sustanza ekonomika u r-regoli kontra l-abbuż, id-definizzjoni ta' mgħax u royalties, it-trattament ta' assi intanġibbli, it-trattament tad-dejn u l-ekwità, minħajr ma jissemma x'jista' jew x'ma jistax jitnaqqas mill-bażi tat-taxxa, bħalissa mhuma suġġetti għall-ebda definizzjoni jew linji gwida konġunti fl-UE, b'mod li s-sistemi fiskali tal-Istati Membri baqgħu mhux ikkoordinati; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li dawn id-definizzjonijiet jiġu armonizzati;

13.  Jisħaq fuq il-fatt li r-reġimi preferenzjali nazzjonali u d-diskrepanzi bejn is-sistemi fiskali differenti fi ħdan is-suq uniku joħolqu opportunitajiet biex tiġi evitata t-taxxa; josserva li dawn l-effetti mhux mixtieqa qed jiġu aggravati ulterjorment mill-interazzjoni ma' għadd kbir ta' trattati fiskali bilaterali bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, u d-dispożizzjonijiet insuffiċjenti kontra l-abbuż fihom;

14.  Josserva li dan il-qafas fiskali mhux ikkoordinat fi ħdan l-UE jbati wkoll minn nuqqas sfaċċat ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-Istati Membri mhux neċessarjament jikkunsidraw l-impatt tal-miżuri fiskali tagħhom fuq l-Istati Membri oħra, mhux biss meta jfasslu l-miżuri fiskali tagħhom iżda anke meta jikkondividu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tat-tali miżuri, u dan iwassal għal politika fi kwistjonijiet fiskali li de facto tkun tfisser li jkunu qed jistagħnaw minn fuq dahar ħaddieħor, u dan imur kontra s-sisien innifshom tal-proġett Ewropew; jindika li skambju awtomatiku, sistematiku u effiċjenti ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri kieku jippermetti li jitqies it-trattament fiskali ta' flussi ta' introjtu jew tranżazzjonijiet speċifiċi fi Stati Membri oħra; jisħaq fuq il-fatt li dan jikkontribwixxi wkoll biex tinħoloq sitwazzjoni inaċċettabbli fejn il-profitti ġġenerati mill-korporazzjonijiet multinazzjonali fi Stat Membru ħafna drabi jiġu ntaxxati b'rati baxxi ħafna jew ma jiġu ntaxxati xejn fl-UE;

15.  Jemmen li l-politika fiskali u l-politika tal-kompetizzjoni għandhom jitqiesu bħala żewġt uċuh tal-istess munita fis-suq intern u jappella lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta mill-ġdid u ssaħħaħ l-istrumenti u r-riżorsi disponibbli għall-politika tal-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat;

16.  Jenfasizza li l-konverġenza bejn is-sistemi fiskali nazzjonali fl-UE kienet limitata ħafna minkejja approfondiment bla preċedenti tal-proċess ta' integrazzjoni tal-UE matul dawn l-aħħar 30 sena, b'mod partikolari fir-rigward tas-suq uniku u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja; jiddeplora l-fatt li l-koordinament tas-sistemi fiskali nazzjonali għadu lura ferm meta mqabbel mal-isforzi ta' koordinament f'oqsma oħra fil-livell tal-UE, b'mod partikolari fil-qafas tas-Semestru Ewropew, għalkemm, apparti r-rilevanza tal-miżuri fuq in-naħa tan-nefqa, parti sinifikanti tat-taħlita politika biex jiġi żgurat l-konsolidament fiskali tirrigwarda n-naħa tad-dħul; hu tal-fehma li dan l-aspett imissu ssemma fir-rapport tal-Ħames Presidenti intitolat "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa" ta' Ġunju 2015;

17.  Jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' rieda politika biex tinkiseb konverġenza bejn il-politiki fiskali nazzjonali jġiegħel lill-Istati Membri jagħżlu approċċ bilaterali, waqt li approċċ komuni jkun aktar effikaċi; ifakkar fl-għażla li l-ħidma favur il-konverġenza fiskali ssir permezz tal-kooperazzjoni msaħħa; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan id-dawl, ix-xewqa ta' ċerti Stati Membri li jistitwixxu taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

L-istrumenti ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u l-impatt tagħhom

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-evitar tat-taxxa minn ċerti korporazzjonijiet multinazzjonali jista' jirriżulta f'rati tat-taxxa li effettivament joqorbu għaż-żero fir-rigward tal-profitti ġġenerati f'ġurisdizzjonijiet Ewropej, filwaqt li jevidenzja l-fatt li dawn il-korporazzjonijiet multinazzjonali, għalkemm jibbenefikaw minn diversi beni u servizzi pubbliċi fejn joperaw, ma jħallsux is-sehem ġust tagħhom, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa nazzjonali u għal inugwaljanzi akbar; jisħaq ukoll fuq il-fatt li l-possibilità li l-profitti jiġu ttrasferiti hija disponibbli biss għall-kumpaniji li jwettqu attivitajiet transkonfinali u dan jippenalizza lill-kompetituri li jkunu attivi f'pajjiż wieħed biss;

19.  Josserva bi tħassib kbir li l-evitar tat-taxxa fil-livell korporattiv għandu impatt dirett fuq il-baġits nazzjonali u fuq it-tqassim tal-isforz fiskali bejn il-kategoriji ta' kontribwenti kif ukoll bejn fatturi ekonomiċi (għall-benefiċċju tal-biċċa l-kbira tal-fatturi mobbli bħall-kapital fil-forma ta' IDB); jiddeplora l-fatt li, apparti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u kundizzjonijiet mhux ugwali, dan jirriżulta f'sitwazzjoni estremament inkwetanti fejn, f'kuntest ta' konsolidament fiskali intensiv u sforzi għal riforma strutturali, uħud minn dawk il-kontribwenti li l-aktar jifilħu jħallsu jikkontribwixxu ammont konsiderevolment anqas minn dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi ekonomika, finanzjarja u tad-dejn, bħaċ-ċittadini ordinarji u d-ditti li ma jużawx pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, li spiss jappartjenu għall-kategorija tal-SMEs u spiss ma jkunux jistgħu jikkompetu ma' korporazzjonijiet multinazzjonali minħabba dan l-iżvantaġġ fiskali komparattiv; jisħaq fuq il-fatt li hemm ir-riskju li din is-sitwazzjoni talimenta l-isfiduċja demokratika u tolqot il-konformità fiskali kumplessiva, b'mod partikolari f'dawk il-pajjiżi li huma suġġetti għal programmi ta' aġġustament; jiddeplora l-fatt li l-informaturi, li jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali, fl-interess pubbliku, b'tagħrif kruċjali dwar imġiba ħażina, għemil ħażin, frodi jew attivitajiet jew prattiki illegali, jistgħu jiġu suġġetti għal proċedimenti ġudizzjarji, kif ukoll għal riperkussjonijiet personali u ekonomiċi; josserva bi tħassib kbir li saħansitra l-ġurnalisti li jiżvelaw prattiki illegali jew illeġittimi ġieli kellhom jaffaċċjaw konsegwenzi simili;

20.  Josserva li riċerka mill-FMI(24) li kopriet 51 pajjiż tikkonkludi li t-trasferiment tal-profitti bejn ġurisdizzjonijiet tat-taxxa jirriżulta f'telf ta' dħul medju ta' madwar 5 % tad-dħul mit-taxxa fuq l-introjtu korporattiv attwali - iżda ta' kważi 13 % fil-pajjiżi li mhumiex fl-OECD; josserva wkoll li, skont il-Kummissjoni, l-evidenza ekonometrika turi li s-sensittività tal-IDB għat-tassazzjoni korporattiva żdiedet matul iż-żmien; jissottolinja l-fatt li, skont studju, hu stmat li kull sena jintilfu EUR 1 triljun mid-dħul potenzjali mit-taxxa minħabba l-effett magħqud tal-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, inkluża l-ekonomija moħbija, u l-evitar tat-taxxa fl-UE(25) , u li l-istimi jindikaw li kull sena qed jintilfu mill-baġits nazzjonali madwar EUR 50-70 biljun bħala riżultat tal-evitar tat-taxxa, iżda li dan it-telf mid-dħul madwar l-UE jista' fir-realtà jammonta għal madwar EUR 160-190 biljun kieku kellhom jitqiesu l-arranġamenti fiskali speċjali, l-ineffiċjenzi fil-ġbir u attivitajiet oħra ta' dan it-tip(26) ; billi l-Kummissjoni tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp ikkalkolat li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitilfu madwar USD 100 biljun fis-sena mid-dħul minħabba l-evitar tat-taxxa mill-korporazzjonijiet multinazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li dawn iċ-ċifri għandhom jiġu kkunsidrati b'kawtela u għandhom imnejn jissottovalutaw it-telf effettiv għall-baġits nazzjonali, minħabba t-trasparenza limitata u oqfsa kontabilistiċi u kunċettwali differenti madwar id-dinja, li jaffettwaw id-disponibilità ta' data paragonabbli u sinifikanti, u l-affidabilità ta' kwalunkwe stima;

21.  Josserva li l-istrateġiji ta' pjanifikazzjoni fiskali jistgħu jkunu bbażati fuq l-istruttura tal-korporazzjonijiet, l-arranġamenti ta' finanzjament għall-fergħat tagħhom jew l-ipprezzar ta' trasferiment li ma jkunux konnessi ma' attivitajiet ekonomiċi reali, b'mod li jippermetti t-trasferiment artifiċjali tal-profitt bejn il-ġurisdizzjonijiet bil-għan li titnaqqas il-kontribuzzjoni fiskali globali tal-kumpaniji; josserva bi tħassib kbir li fl-UE qed jintuża għadd dejjem jikber ta' kumpaniji tal-isem li ma jkollhom xejn x'jaqsmu ma' kumpanija ħlief għad-denominazzjoni u li jintużaw esklużivament għal finijiet ta' evażjoni tat-taxxa; josserva l-eżempju speċifiku ta' McDonalds, li ntwera f'rapport minn koalizzjoni ta' trade unions li l-prattiki dwar it-taxxa tagħha swew lill-pajjiżi Ewropej aktar minn EUR 1 biljun f'taxxi mitlufa bejn l-2009 u l-2013(27) ;

22.  Hu tal-fehma li r-reġimi preferenzjali nazzjonali u l-livell fqir ta' koordinament u konverġenza bejn is-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri, minkejja l-effikaċja tal-interkonnessjonijiet ekonomiċi u tal-interazzjoni fi ħdan is-suq intern, jirriżultaw f'għadd ta' asimmetriji li jippermettu pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, tnaqqis doppju u nontassazzjoni doppja, pereżempju permezz ta' waħda minn dawn il-prattiki li ġejjin jew kombinazzjoni tagħhom: ipprezzar ta' trasferiment abbużiv, lokalizzazzjoni tat-tnaqqis f'ġurisdizzjonijiet b'rata għolja ta' taxxa, trasferiment ta' fondi miġbura b'self permezz ta' kumpaniji veikolari, trasferiment tar-riskju, prodotti finanzjarji ibridi, sfruttament tal-asimmetriji, arbitraġġ fiskali, ftehimiet dwar royalties, tfittxija tal-postijiet bl-aktar trattati favorevoli, u lokalizzazzjoni tal-bejgħ ta' assi f'ġurisdizzjonijiet b'rata baxxa ta' taxxa;

23.  Jisħaq fuq il-fatt li, matul il-missjonijiet tiegħu ta' ġbir ta' informazzjoni f'ħames Stati Membri u fl-Iżvizzera, il-kumitat speċjali tiegħu osserva li għadd ta' miżuri nazzjonali dwar it-taxxa, li ta' spiss jintużaw f'kombinazzjoni mill-korporazzjonijiet multinazzjonali, kellhom il-potenzjal li jkunu prattiki dwar it-taxxa dannużi, b'mod partikolari dawn li ġejjin, li għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala lista mhux eżawrjenti:

   użu abbużiv tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jew ftehimiet ta' riżoluzzjoni li jmorru oltre sempliċi kjarifika tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jinkiseb trattament fiskali preferenzjali,
   definizzjonijiet diverġenti ta' stabbiliment permanenti u ta' residenza fiskali,
   ftit jew l-ebda kunsiderazzjoni għas-sustanza ekonomika li tippermetti l-ħolqien ta' entitajiet bi skop speċjali (eż. il-kumpaniji tal-isem) bi trattament fiskali iktar baxx,
   tnaqqis ta' mgħax nozzjonali (li jippermetti li l-kumpaniji jnaqqsu mill-introjtu taxxabbli tagħhom imgħax fittizju, ikkalkolat abbażi tal-ekwità tal-azzjonisti tagħhom),
   prattiki ta' deċiżjonijiet dwar profitt eċċessiv (li permezz tagħhom kumpanija tista' tikseb konferma bil-miktub mingħand l-amministrazzjoni tat-taxxa li l-introjtu taxxabbli tagħha ma jinkludix dawk il-profitti li kieku ma kinux jitwettqu f'sitwazzjoni fejn il-kumpanija kienet qed topera b'mod 'awtonomu' barra mill-grupp),
   dispożizzjonijiet mhux ċari jew mhux ikkoordinati dwar l-ipprezzar ta' trasferiment,
   għadd ta' reġimi preferenzjali, b'mod partikolari fir-rigward ta' assi intanġibbli (privattivi, għarfien jew rati aħjar għad-dħul mill-proprjetà intellettwali),
   rimborż tat-taxxa minn ras il-għajn fuq imgħax, dividendi u royalties jew eżenzjoni minnha permezz ta' trattati fiskali bilaterali u/jew skont kif stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali,
   differenzi fid-denominazzjonijiet ġuridiċi bejn l-Istati Membri (entitajiet ibridi jew self ibridu, fejn l-ispejjeż tal-imgħax jinbidlu għal dividendi eżentati),
   fil-każ tal-Iżvizzera, reġimi fiskali speċjali fil-livell kantunali għall-kumpaniji taħt kontroll barrani li mhumiex disponibbli għall-kumpaniji taħt kontroll nazzjonali (l-hekk imsejħa reġimi ta' delimitazzjoni),
   nuqqas ta' regoli ġenerali jew speċifiċi kontra l-abbuż jew infurzar jew interpretazzjoni dgħajfa tat-tali regoli,
   u strutturi li jistgħu jaħbu lis-sid benefiċjarju ta' assi u ma jistgħux jiġu suġġetti għal reġimi ta' skambju ta' informazzjoni, bħat-trusts u l-hekk imsejħa "freeports";

24.  Jieħu nota li, skont il-Kummissjoni(28) , 72 % tat-trasferiment tal-profitti fl-UE jseħħ permezz tal-kanali tal-ipprezzar ta' trasferiment u l-lokalizzazzjoni tal-proprjetà intellettwali;

25.  Jisħaq fuq il-fatt li għadd ta' Stati Membri f'dawn l-aħħar snin żviluppaw skemi speċifiċi għat-tnaqqis tat-taxxa korporattiva biex jattiraw l-assi intanġibbli mobbli tal-kumpaniji, bħall-introjtu li jirriżulta mill-proprjetà intellettwali; josserva l-varjetà fit-tnaqqis u l-allowances fir-rata tat-taxxa u fl-ambitu tal-iskemi proposti (rati preferenzjali għad-dħul mill-innovazzjoni, mill-proprjetà intellettwali, mill-iżvilupp tal-għarfien, mill-privattivi, eċċ.); jisħaq fuq il-fatt li, f'xi Stati Membri, il-kontribwenti m'għandhomx bżonn jipproduċu l-proprjetà intellettwali huma nnfushom u/jew f'dak il-pajjiż stess biex ikollhom aċċess għall-benefiċċji fiskali, iżda sempliċiment jakkwistawha permezz ta' kumpanija li r-residenza tagħha tkun fil-ġurisdizzjoni; jisħaq, għalhekk, fuq il-fatt li kwalunkwe benefiċċju fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp irid ikun marbut ma' nefqiet reali f'dik il-ġurisdizzjoni;

26.  Jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li diġà jista' jintalab tnaqqis mit-taxxa tal-ispejjeż ta' riċerka u żvilupp taħt is-sistemi tat-taxxa nazzjonali anke mingħajr l-użu ta' rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi, u li rati preferenzjali ta' dan it-tip għaldaqstant jikkontribwixxu għall-evitar tat-taxxa b'mod li jmur kontra s-sistema;

27.  Jikkunsidra li t-tali skemi huma eżempji ta' kompetizzjoni fiskali dannuża bejn stati, billi filwaqt li r-relazzjoni tagħhom mal-ekonomija reali u l-impatt tagħhom fuqha fil-biċċa l-kbira tal-każi jkunu ineżistenti, dawn ikollhom l-effett li jnaqqsu d-dħul fiskali ta' pajjiżi oħra, inklużi Stati Membri; josserva li, f'eżami tal-inċentifivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp, il-Kummissjoni(29) sabet li jidher aktar probabbli li r-rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi jillokalizzaw mill-ġdid l-introjtu korporattiv milli jqanqlu l-innovazzjoni;

28.  Jisħaq fuq il-fatt li, f'ambjent ekonomiku kkaratterizzat minn aktar assi intanġibbli, l-ipprezzar ta' trasferimenti jiġi spiss affettwat min-nuqqas ta' tranżazzjonijiet paragunabbli u punti ta' riferiment, u minħabba f'hekk, l-applikazzjoni soda u r-rilevanza tal-prinċipju ta' distakkament, skont liema l-ipprezzar tat-tranżazzjonijiet bejn entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp korporattiv għandu jiġi vvalutat bl-istess mod daqs li kieku kienu bejn entitajiet indipendenti, saru eżerċizzju diffiċli;

29.  Josserva li l-linji gwida eżistenti dwar l-ipprezzar ta' trasferiment iħallu marġini ta' diskrezzjoni sinifikanti għall-korporazzjonijiet multinazzjonali fl-għażla u l-implimentazzjoni tal-metodi ta' evalwazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' kwalunkwe standard komuni effikaċi għall-ipprezzar ta' trasferiment u d-diversi derogi, eċċezzjonjiet u alternattivi previsti qed jiġu sfruttati mill-korporazzjonijiet multinazzjonali, f'kontradizzjoni għall-ispirtu ta' dawk il-linji gwida, biex jikkalibraw il-profitti taxxabbli tagħhom skont il-ġurisdizzjoni u jnaqqsu l-obbligazzjonijiet fiskali kumplessivi tagħhom, pereżempju, permezz ta' użu abbużiv tas-sistema 'cost-plus', iffissar arbitrarju tal-marġnijiet ta' profitt jew esklużjoni diskutibbli ta' ċerta nefqa mill-kalkolu tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li l-aħjar mod kif tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ipprezzar ta' trasferiment fil-livell tal-UE hu permezz ta' konsolidament tal-bażi tat-taxxa komuni, li jelimina l-ħtieġa għal dawn il-prezzijiet;

30.  Jissottolinja l-fatt li l-fajls bl-ipprezzar ta' trasferiment li jiġu sottomessi mill-korporazzjonijiet multinazzjonali jew mir-rappreżentanti tagħhom ma jistgħux jiġu mmonitorjati b'mod xieraq mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa, li spiss ma jkollhomx biżżejjed tagħmir u persunal biex jeżaminaw b'mod kritiku u bir-reqqa dawk l-analiżijiet u u l-eżitu jew l-impatt tagħhom;

31.  Jiddeplora l-fatt li, f'kuntest ekonomiku li fih 60 % tal-kummerċ dinji huwa wieħed intragrupp(30) , il-linji gwida għall-applikazzjoni ta' dan il-kunċett purament ekonomiku huma frammentati fil-livell nazzjonali u għalhekk suġġetti għal inkonsistenzi bejn l-Istati Membri u għal tilwim ġuridiku;

32.  Jissottolinja, barra minn hekk, il-fatt li, minkejja l-għadd sinifikanti ta' tilwim ġuridiku fl-UE li jirriżulta minn interpretazzjonijiet differenti tal-istess prinċipji tal-ipprezzar ta' trasferiment, ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni tat-tilwim effiċjenti fil-livell Ewropew; josserva li s-soluzzjoni tal-każijiet imressqa quddiem il-konvenzjoni ta' arbitraġġ tal-UE dwar l-ipprezzar ta' trasferiment tista' tieħu sa tmien snin, u dan jikkontribwixxi għall-inċertezza tad-dritt għall-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa;

33.  Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tad-ditti kontabilistiċi l-kbar, inklużi 'l-Erbgħa l-Kbar', fit-tfassil u fil-kummerċjalizzazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-iskemi ta' evitar tat-taxxa biex jiġu sfruttati l-asimmetriji bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li dawk id-ditti, li jidher li jisiltu ammont konsiderevoli tad-dħul tagħhom minn servizzi fiskali, b'mod li għandhom pożizzjoni dominanti fil-biċċa l-kbira tas-swieq awdittivi tal-Istati Membri u waħda ta' prevalenza fis-servizzi globali ta' konsulenza fiskali, jikkostitwixxu oligopolija stretta; jikkunsidra li sitwazzjoni ta' dan it-tip ma tistax tkompli mingħajr ma tagħmel ħsara għall-funzjonament tas-Suq Uniku fl-oqsma ta' attività tal-'Erbgħa l-Kbar'; jiġbed l-attenzjoni għall-kunflitt ta' interess li jirriżulta mill-fatt li qed jitqiegħdu flimkien l-elementi kontrastanti, fi ħdan l-istess ditti, ta' konsulenza fiskali u ta' attivitajiet ta' konsulenza maħsuba, minn naħa, għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, għas-servizzi ta' pjanifikazzjoni fiskali tal-korporazzjonijiet multinazzjonali, li jisfruttaw id-dgħufijiet tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tat-taxxa; hu tal-fehma li l-prattiki tajba f'dan ir-rigward jeħtieġ li jiġu promossi u li l-kodiċijiet ta' kondotta eżistenti għandhom jittejbu; jikkontesta, madankollu, l-effikaċja tal-kodiċijiet ta' kondotta korporattivi u l-politiki dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni; jissottolinja l-fatt li d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, fl-UE u fid-dinja kollha, saru prattika kummerċjali komuni, mhux biss biex tinkiseb iċ-ċertezza tad-dritt jew akkordji fiskali vantaġġużi, iżda anke fil-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma jippermettu l-ebda lok għal interpretazzjoni; jinsab imħassab mill-istimi tal-industrija ta' konsulenza fiskali li, jekk skema ta' pjanifikazzjoni fiskali jkollha mqar 50 % ċans li tkun legali, dan ikun biżżejjed biex tiġi rrakkomandata ill-klijenti(31) ;

34.  Jappella lill-awtoritajiet tat-taxxa biex itejbu u jiddiversifikaw is-sorsi tagħhom ta' għarfien espert u biex itejbu sostanzjalment il-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt sabiex inaqqsu r-riskji li miżuri fiskali ġodda jkollhom konsegwenzi mhux mistennija; ifakkar lill-Istati Membri li mhumiex biss id-differenzi bejn is-sistemi tat-taxxa, iżda anke kumplessità eċessivament kbira tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali u stabilità baxxa, b'bidliet wisq frekwenti, li jikkontribwixxi b'mod importanti għall-ħolqien ta' lakuni fiskali, inġustizzji fis-sistemi tat-taxxa u kredibilità baxxa tal-politika ta' tassazzjoni; jissottolinja f'dan ir-rigward l-ostakolu li hi l-frammentazzjoni fiskali għall-ħolqien ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali Ewropej;

Is-sitwazzjoni attwali u valutazzjoni tal-azzjonijiet tal-UE, dawk nazzjonali u dawk internazzjonali

35.  Jirrikonoxxi li, b'segwitu għall-kriżi ekonomika u, barra minn hekk, għall-iskandlu Luxleaks, l-indirizzar tal-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva min-naħa tal-korporazzjonijiet multinazzjonali kien prijorità għolja fuq l-aġenda politika tal-Istati Membri, tal-UE, tal-OECD u tal-G20, iżda jiddispjaċih li, s'issa, apparti l-proġett tal-OECD dwar il-BEPS sponsorjat mill-G20 li għadu kif tlesta imma għadu ma ġiex implimentat mill-pajjiżi, ma sar l-ebda progress sinifikanti f'termini prattiċi;

36.  Josserva, f'dan il-kuntest, li ħafna Stati Membri introduċew jew għandhom l-intenzjoni li jadottaw miżuri biex jindirizzaw l-evitar tat-taxxa, b'mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjoni tal-possibilità li l-imgħax jitnaqqas mit-taxxa dovuta, regoli kontra l-abbuż, definizzjoni aħjar tal-kunċett ta' stabbiliment permanenti (inkluż l-iżvilupp ta' testijiet tas-sustanza ekonomika li jiddeterminaw il-preżenza taxxabbli tad-ditti b'mod aktar effikaċi), il-possibilità li d-ditti li ma jġibux ruħhom sew jiġu esklużi minn sejħiet pubbliċi għal offerti jew il-pubblikazzjoni ta' skemi ta' pjanifikazzjoni fiskali li jistgħu jkunu strumentali biex is-sistema tat-taxxa terġa' tikseb il-kredibilità u biex jitnaqqas iż-żmien bejn meta jiġu stabbiliti skemi speċifiċi u meta tiġi adottata azzjoni korrettiva, inkluż fil-livell leġiżlattiv;

37.  Jinsab imħasseb, madankollu, li fin-nuqqas ta' approċċ kooperattiv, il-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-kumplessità, b'mod li jiġu ġġenerati asimmetriji ġodda u, bħala riżultat ta' dan, aktar opportunitajiet biex tiġi evitata t-taxxa fi ħdan is-suq intern; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe implimentazzjoni diverġenti mill-Istati Membri tal-linji gwida internazzjonali jew tal-UE jista' jkollha l-istess effett;

38.  Japprezza d-diversi inizjattivi u proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni matul dawn l-aħħar 20 snin, inklużi dawk l-aktar reċenti, immirata biex ikun hemm ċaqliqa lejn koordinament aktar b'saħħtu tas-sistemi tat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri, bil-ħsieb li jissaħħaħ is-suq intern, li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' tassazzjoni doppja jew ta' nontassazzjoni doppja u li jiġi ppreżervat id-dritt tal-Istati Membri li jintaxxaw b'mod effikaċi; jiddeplora madankollu l-fatt li, sal-lum, il-Kunsill adotta biss għadd żgħir minnhom, minħabba r-rekwiżit ta' unanimità u l-fatt li ċerti Stati Membri jibqgħu jaħsbu li jistgħu jakkwistaw aktar fuq livell individwali mil-lakuni fis-sistema tat-taxxa mhux ikkoordinata milli kieku jagħmlu b'mod kollettiv f'waħda kkoordinata;

39.  Jilqa' b'sodisfazzjoni l-pubblikazzjoni ta' sett ġdid ta' politiki fiskali u jappella lill-Kummissjoni biex tipprova tiżgura sistema tat-taxxa ġusta abbażi tal-prinċipju ta' tassazzjoni fl-Istat Membru fejn jiġu ġġenerati l-profitti, filwaqt li jiġu evitati d-distorsjoni tas-suq intern u kompetizzjoni inġusta;

40.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta rigward it-Tassazzjoni tal-Impriżi ("il-Grupp"), li twaqqaf fl-1998 mill-Istati Membri, ippermetta li, lejn l-aħħar tas-snin 1990 u l-bidu tas-snin 2000, jiġu eliminati dawk il-prattiki dwar it-taxxa li dak iż-żmien kienu l-aktar dannużi fuq livell individwali billi ntuża approċċ li, permezz ta' provvedimenti mhux vinkolanti, segwa żewġ binarji sabiex gradwalment ġew eliminati l-miżuri fiskali eżistenti li kienu jikkostitwixxu kompetizzjoni fiskali dannuża u sabiex l-awtoritajiet responsabbli joqogħdu lura milli jintroduċu tali miżuri fil-ġejjieni ("status quo");

41.  Jiddeplora l-fatt li jidher li l-ħidma tal-Grupp tilfet l-impetu tagħha; josserva li wħud mill-aktar minn 100 miżura li gradwalment ġew eliminati bħala riżultat tal-attività tiegħu ġew sostitwiti fl-Istati Membri permezz ta' miżuri fiskali b'effetti dannużi simili; josserva li l-awtoritajiet tat-taxxa kkontrobattew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp billi ħolqu strutturi ġodda bl-istess effetti dannużi bħal dawk eliminati mill-Grupp; jiddeplora l-fatt li t-tentattivi tal-imgħoddi biex jissaħħu l-governanza u l-mandat tiegħu, u biex jiġu aġġustati u estiżi l-metodi ta' ħidma u l-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi, bil-għan li jiġu miġġielda forom ġodda ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi fi ħdan l-ambjent ekonomiku attwali, ma rnexxewx; jappoġġa l-aktar proposti reċenti tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, kif stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni tagħha tas-17 ta' Ġunju 2015 għal tassazzjoni korporattiva ġusta u effiċjenti fl-UE;

42.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-objettivi ambizzjużi li ilhom jitħabbru mill-1997, għad fadal kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri, li aktar milli mid-differenzi fir-rati tat-taxxa tirriżulta mill-eteroġeneità tar-regoli nazzjonali biex jiġi stabbilit x'jikkostitwixxi profitti taxxabbli, u invarjabbilment dan ilu diversi deċennji jiġi illustrat mid-diskrepanzi bejn ir-rati nominali u effettiv tat-taxxa korporattiva applikati mill-Istati Membri;

43.  Jiddeplora wkoll il-fatt li l-istatus u l-arranġamenti ta' governanza oriġinali tal-Grupp ħallew wisq marġni għal negozjar u kompromessi politiċi fit-tfittxija biex jintlaħaq "kunsens wiesa'" (jiġifieri effettivament kważi l-unanimità, bil-possibilità li n-nuqqas ta' qbil jitniżżel fin-noti ta' qiegħ il-paġna) rigward il-valutazzjoni ta' prattiki dannużi, biex b'hekk intlaqtu l-affidabilità u l-kompletezza ta' ħidmietu u ġieli wassal biex deliberatament ir-rapporti ma ġewx ippubblikati jew ma ngħatalhomx segwitu, bħal ma ġara fil-każ tar-rapport tal-1999 minn Simmons & Simmons dwar prattiki amministrattivi; jikkunsidra li hu ta' dispjaċir li l-eliminazzjoni tal-miżuri eżistenti sofriet minn dewmien politiku u, f'xi każijiet, ippermettiet l-inklużjoni ta' benefiċjarji ġodda wara d-data ta' skadenza, u dan ukoll kellu x'jaqsam mal-mekkaniżmi dgħajfa ħafna tal-Grupp fir-rigward tal-obbligi li jagħti rendikont ta' għemilu u ta' monitoraġġ;

44.  Jisħaq b'mod aktar fundamentali fuq il-fatt li l-approċċ tal-Kodiċi li jqis kull każ individwalment, waqt li rriżulta biex l-Istati Membri issa qed jikkompetu aktar b'miżuri ġenerali, ma jindirizzax id-dgħufijiet sistemiċi ta' qafas tat-taxxa korporattiva fframmentat fl-UE, li jirrikjedi reviżjoni aktar sustanzjali;

45.  Josserva wkoll l-isforzi li saru permezz tal-ħolqien tal-Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, li tlaqqa' madwar l-istess mejda diversi partijiet interessati bil-għan li jinħoloq kunsens madwar il-kwistjoni tal-evitar tat-taxxa, b'mod partikolari f'kuntest internazzjonali, u tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment, li joħroġ għadd ta' linji gwida dwar il-kwistjonijiet tekniċi madwar l-ipprezzar ta' trasferiment; jisħaq fuq il-fatt li, sal-lum, dawn il-korpi kkontribwixxew biex saru korrezzjonijiet limitati għall-qafas tat-taxxa korporattiva; jiddispjaċih li l-linji gwida maħruġa mill-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment s'issa għadhom ma indirizzawx biżżejjed il-kwistjoni tal-evitar tat-taxxa; jiddeplora l-fatt li l-kompożizzjoni tal-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment, minkejja aġġornament reċenti tal-membri tiegħu, għadha żbilanċjata; joġġezzjona, barra minn hekk, għall-fatt li l-esperti tat-taxxa jikkontribwixxu għall-ħidma fuq il-linji gwida dwar l-ipprezzar ta' trasferiment, filwaqt li, fl-istess ħin, jistgħu jkunu qed jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom dwar strateġiji ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva bbażati fuq l-ipprezzar ta' trasferiment, u b'hekk ikunu f'pożizzjoni ta' kunflitt ta' interess;

46.  Jisħaq fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE (id-Direttivi dwar Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji, dwar Pagamenti ta' Mgħax u ta' Royalties, dwar il-Mergers u dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva) minkejja li tkopri aspetti limitati marbuta mat-tassazzjoni korporattiva, kienet kapaċi tindirizza l-kwistjonijiet speċifiċi li jaffaċċjaw l-Istati Membri u d-ditti li joperaw f'diversi pajjiżi; jevidenzja l-fatt li dawn il-miżuri, li oriġinarjament kienu maħsuba biex jeliminaw it-taxxa doppja, għandhom xi effetti kontroproduttivi mhux mistennija fuq l-evitar tat-taxxa u ġieli jwasslu għal taxxa doppja; japprezza l-adozzjoni reċenti mill-Kunsill ta' emendi għad-Direttiva dwar Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji li l-għan tagħhom hu l-introduzzjoni ta' klawsola ġenerali kontra l-abbużi u l-indirizzar tal-asimmetriji fis-self ibridu, u li se jidħlu fis-seħħ fi tmiem l-2015, fl-istennija li se jgħinu biex jitneħħew uħud mill-opportunitajiet għall-evitar tat-taxxa fl-UE;

47.  Ifakkar fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva li għandhom l-għan li jimplimentaw l-iskambju tal-informazzjoni fiskali rilevanti kollha; hu tal-fehma li skambju awtomatiku, immedjat u komprensiv, u pproċessar effiċjenti tal-informazzjoni fiskali kieku jkollhom effett ta' deterrent qawwi kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-introduzzjoni ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi u jippermettu li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkollhom l-informazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jirreaġixxu għalihom;

48.  Jiddeplora l-fatt li l-qafas leġiżlattiv u ta' monitoraġġ attwali għall-iskambju ta' informazzjoni rigward miżuri dwar it-taxxa mhuwiex effikaċi, peress li l-evidenza wriet li r-rekwiżiti eżistenti għal skambji ta' informazzjoni spontanji jew fuq talba mhumiex qed jiġu osservati; jiddeplora l-fatt li prattikament l-ebda Stat Membru ma jiskambja kwalunkwe informazzjoni li jista' jkollha effett fuq il-pajjiżi sħab tal-UE; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' koordinament bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

49.  Jiddispjaċih li l-informazzjoni fiskali kważi qatt ma tiġi skambjata b'mod spontanju bejn l-Istati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni li ma jibqax imsejjes fuq ir-reċiproċità; jiġbed l-attenzjoni għall-problemi fid-disinn strutturali ta' sistema bbażata fuq id-diskrezzjoni fir-rigward ta' x'għandu jiġi kkomunikat jew le u akkumpanjata minn sistemi ta' monitoraġġ dgħajfa, li minħabba fihom hu diffiċli ferm li jiġi identifikat kwalunkwe ksur tar-rekwiżit tal-iskambju ta' informazzjoni;

50.  Japprezza l-impenn tal-Kummissjoni favur il-promozzjoni tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni fiskali bħala l-istandard tal-ġejjieni fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali fil-qasam tat-trasparenza; iħeġġiġha biex, bħala pass inizjali, tissodisfa dmirha bħala l-gwardjana tat-Trattati u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li jkun hemm il-konformità dovuta mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri stabbilit fit-Trattati; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta mill-grupp ta' esperti dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex jiġu eżaminati l-possibiltajiet li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu appoġġati bi skambju awtomatiku ta' informazzjoni billi jiġu konċessi ftehimiet ta' skambju mhux reċiproċi;

51.  Josserva li r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat u dwar sanzjonijiet huma utli bħala mezz biex jiġu indirizzati l-prattiki dwar it-taxxa dannużi li jinvolvu l-aktar abbuż u distorsjoni u jista' jkollhom effett ta' deterrent sinifikanti;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Pakkett ta' Trasparenza Fiskali ta' Marzu 2015 tal-Kummissjoni dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet tagħhom fil-qasam tat-taxxa u l-pjan ta' azzjoni ta' Ġunju 2015 għal sistema tat-taxxa korporattiva ġusta u effiċjenti fl-UE; jisħaq fuq il-fatt li, madankollu, dawn it-testi jistgħu jitqiesu biss bħala passi inizjali fid-direzzjoni t-tajba u li hemm bżonn ta' qafas konsistenti ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi u ta' koordinament amministrattiv bħala kwistjoni ta' urġenza, anke għall-benefiċċju tal-SMEs u ta' dawk il-korporazzjonijiet multinazzjonali li qed jgħinu biex joħolqu tkabbir ekonomiku ġenwin u li jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxi fi ħdan is-suq intern;

53.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim riċenti dwar il-pjan ta' azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS li, b'segwitu għal appelli suċċessivi għal azzjoni waqt is-Summits tal-G7 u G20, ijipprova jindirizza l-kwistjonijiet individwali li jaffettwaw il-funzjonament tas-sistema fiskali korporattiva internazzjonali billi jipproponi azzjoni globali u sistematika biex jiġu affrontati; jiddispjaċih l-inklużjoni tardiva u inugwali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-proċess tal-OECD dwar il-BEPS, li misshom ipparteċipaw fih b'mod ekwu; jiddispjaċih ukoll li xi eżiti tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS ma jmorrux oltre f'oqsma bħal reġimi fiskali dannużi, l-ekonomija diġitali u t-trasparenza;

54.  Josserva li, b'segwitu għal analiżi sistematika tal-'punti ta' pressjoni' tas-sistema fiskali internazzjonali, il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS tqassam fuq 15-il punt ta' azzjoni, li sebgħa minnhom ġew approvati mill-G20 f'Novembru 2014, waqt li l-oħrajn twettqu f'Ottubru 2015; jisħaq fuq il-fatt li, fil-kuntest ta' ambjent kummerċjali li qed jevolvi, dawn l-azzjonijiet għandhom l-għan li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' trasparenza, pereżempju billi jinħarġu linji gwida dwar is-sistema ta' rapporti għal kull pajjiż, in-nuqqas ta' sustanza f'ċerti arranġamenti għall-evitar tat-taxxa u aktar konsistenza fir-regoli internazzjonali;

55.  Iwissi, madankollu, kontra kompromessi li jistgħu ma jilħqux l-ambizzjonijiet inizjali jew iwasslu għal interpretazzjonijiet diverġenti fil-livell nazzjonali; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li s'issa ma sar kważi l-ebda monitoraġġ effikaċi tal-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-OECD fil-pajjiżi li approvawhom, u li lanqas is-soluzzjonijiet bl-aħjar disinn ma jistgħu jkunu effikaċi jekk ma jiġux immonitorati u implimentati b'mod xieraq;

56.  Jisħaq fuq in-natura komplementari tal-attività tal-UE u tal-OECD f'dan il-qasam; hu tal-fehma li, minħabba l-livell ta' integrazzjoni tagħha, jeħtieġ li l-UE tmur oltre l-proposti dwar il-BEPS f'termini ta' koordinament u konverġenza mmirati biex jevitaw kull forma ta' kompetizzjoni fiskali dannuża fi ħdan is-suq intern; jinsab konvint li, filwaqt li tiżġura li ma jkunx hemm effetti negattivi fuq il-kompetittività tagħha, l-UE tista' tistabbilixxi għodod aktar effikaċi biex tiżgura kompetizzjoni fiskali ġusta u d-dritt tal-Istati Membri li joperaw sistema ta' tassazzjoni effikaċi fuq il-profitti ġġenerati fit-territorji tagħhom;

L-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-istat: ħarsa ġenerali u riżultati

57.  Jisħaq fuq il-fatt li, fi ħdan is-suq intern, dawk li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq u d-ditti, inklużi l-SMEs, li ma jużawx prattiki fiskali aggressivi huma ppenalizzati fil-konfront tal-korporazzjonijiet multinazzjonali, li jistgħu jittrasferixxu l-profitti jew jimplimentaw forom oħra ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva permezz ta' varjetà ta' deċiżjonijiet u strumenti li huma disponibbli għalihom biss minħabba d-daqs tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jirranġaw in-negozju tagħhom fuq livell internazzjonali; josserva bi tħassib li, f'parità ta' ċirkostanzi, l-obbligazzjonijiet tat-taxxa aktar baxxi li jirriżultaw iħallu lil dawn il-korporazzjonijiet multinazzjonali b'aktar profitt wara t-taxxa u b'hekk joħolqu sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet ma jkunux indaqs għall-kompetituri tagħhom fis-suq uniku, li ma jistgħux jirrikorru għal pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u li jżommu r-rabta bejn il-post fejn jiġġeneraw il-profitt u dak fejn jiġu ntaxxati; jindika li din id-distorsjoni ta' kundizzjonijiet ta' parità fil-qasam tal-kompetizzjoni favur il-korporazzjonijiet multinazzjonali tmur kontra l-prinċipju fundamentali tas-suq uniku;

58.  Jisħaq fuq il-fatt li l-OECD(32) tindika l-użu minn xi korporazzjonijiet multinazzjonali ta' strateġiji li jippermettulhom iħallsu ammont ta' taxxi korporattivi li bilkemm ikun ta' 5 % meta l-impriżi ż-żgħar qed iħallsu sa 30 %, u jinsab profondament imħasseb dwar il-fatt li, skont xi studji(33) , il-kontribuzzjoni tat-taxxa korporattiva tal-kumpaniji transkonfinali hi sa 30 % inqas, bħala medja, minn dak tal-kumpaniji domestiċi li joperaw f'pajjiż wieħed biss; iqis li hu inaċċettabbli li, bħala riżultat ta' dawk l-istrateġiji, xi korporazzjonijiet multinazzjonali jistgħu jħallsu rata effettivament baxxa ħafna tat-taxxa korporattiva filwaqt li xi SMEs ikollhom iħallsu s-sehem sħiħ tagħhom tat-taxxa;

59.  Jisħaq fuq il-fatt li din id-distorsjoni tad-deċiżjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, li jittieħdu abbażi tar-redditu mistenni wara t-taxxa, tirriżulta f'allokazzjoni subottimali tar-riżorsi fi ħdan l-UE u għandha t-tendenza li tbaxxi l-livell ta' kompetizzjoni, u b'hekk qed taffettwa t-tkabbir u l-impjiegi;

60.  Jissottolinja l-fatt li xi prattiki dwar it-taxxa dannużi jistgħu jaqgħu fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat relatati mat-taxxa, b'mod partikolari peress li dawn jistgħu, bl-istess mod, jagħtu vantaġġ 'selettiv' u jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern; josserva li, fl-imgħoddi, il-proċessi fil-qasam tal-għajnuna mill-istat u tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta sostnew lil xulxin b'mod reċiproku, b'mod partikolari fl-1999 u fl-ewwel nofs tas-snin 2000; jisħaq fuq il-fatt li l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni inkluda pressjoni ġuridika biex tikkomplementa il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet permezz ta' provvedimenti mhux vinkolanti fil-Grupp, bħala kumpens parzjali għan-nuqqas ta' kwalunkwe għodda effikaċi ta' tip ieħor biex tiġi rimedjata l-kwistjoni tal-evitar tat-taxxa fil-livell tal-UE;

61.  Jirrikonoxxi l-iżviluppi importanti li seħħew f'dawn l-aħħar 20 sena fir-rigward tal-qafas analitiku tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat relatata mat-taxxa, u li ppermettew li jkun hemm aktar ċarezza fid-definizzjoni u l-analiżi tal-għajnuna mill-istat permezz ta' miżuri fiskali, kif ukoll azzjoni aktar sistematika kontra l-miżuri ta' dan it-tip; josserva, b'mod partikolari, il-linji gwida tal-Kummissjoni tal-1998 dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tal-impriżi, ir-rapport dwarhom tal-2004 u diversi deċiżjonijiet ta' ġurisprudenza importanti fis-snin 2000; jilqa' b'sodisfazzjoni, fi ħdan il-proċess ta' Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat promoss mill-Kummissjoni, it-tnedija fl-2014 ta' konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta' linji gwida mmirati biex jiċċaraw il-kunċett ta' għajnuna mill-istat skont l-Artikolu 107 TFUE, li jinkludi elementi dwar l-għajnuna mill-istat relatata mat-taxxa u, b'mod partikolari, deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;

62.  Josserva li, f'dawn l-aħħar deċennji, feġġet ġurisprudenza dejjem aktar stabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-istat għall-miżuri fiskali tal-Istati Membri, l-aktar reċentement fil-kawża ta' Ġibiltà fl-2011(34) ;

63.  Josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja saħqet fuq il-prinċipju li 'is-sustanza għandha prevalenza fuq il-forma' u għalhekk li l-impatt ekonomiku ta' miżura hu l-kriterju ta' riferiment għall-evalwazzjoni tagħha;

64.  Josserva, għalhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja, mill-projbizzjoni ta' għajnuna mill-istat, nisslet rekwiżiti estensivi dwar ir-responsabilità leġiżlattiva tal-Istati Membri f'materji ta' taxxa;

65.  Josserva li l-kunċett ta' 'in-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema nazzjonali' jservi ta' riferiment ċentrali fil-valutazzjoni ta' jekk miżuri fiskali diretti jew indiretti humiex selettivi jew le, u għaldaqstant humiex kompatibbli jew le mas-suq intern, u li kull għajnuna mill-istat għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-ekwilibriju li kien jeżisti qabel; jisħaq fuq il-fatt li, peress li l-punt ta' riferiment għall-UE biex tivvaluta distorsjoni potenzjali huwa s-sistema nazzjonali ta' riferiment(35) , mhux kull distorsjoni tal-kompetizzjoni u kull prattika dwar it-taxxa dannuża fi ħdan is-suq intern jistgħu jiġu koperti mir-regoli attwali dwar il-kompetizzjoni; josserva, għalhekk, li l-infurzar sħiħ ta' dawn ir-regoli waħdu kieku ma jippermettix li tissolva l-kwistjoni dwar l-evitar tat-taxxa korporattiva fl-UE;

66.  Josserva li, skont id-data pprovduta lill-kumitat speċjali kompetenti tiegħu(36) mill-Kummissjoni, kienu biss 65 il-każijiet ta' għajnuna mill-istat relatati mat-taxxa li, mill-1991 'l hawn, ġew eżaminati formalment mill-Kummissjoni, li minnhom 7 kienu deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u 10 biss li oriġinaw minn notifiki formali mill-Istati Membri;

67.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni ttrattat biss għadd żgħir ta' każijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-istat relatata mat-taxxa fit-tieni nofs tas-snin 2000, u li l-aktar proċedimenti reċenti fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat jinkludu:

   it-tnedija, f'Ġunju 2013, ta' inkjesta dwar il-prattiki ta' deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa f'seba' Stati Membri, li ġiet estiża għall-Istati Membri kollha f'Diċembru 2014,
   il-ftuħ, f'Ottubru 2013, ta' investigazzjoni dwar jekk ir-reġim tat-taxxa korporattiva ta' Ġibiltà jiffavorixxix ċerti kumpaniji, li f'Ottubru 2014 ġiet estiża biex teżamina wkoll id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa f'dan it-territorju,
   b'mod parallel, it-tnedija ta' inkjesta separata dwar ir-reġimi ta' tassazzjoni tal-proprjetà intellettwali (rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi),
   il-ftuħ, f'Ġunju 2014, ta' investigazzjonijiet formali fi tliet każijiet: Apple fl-Irlanda, Fiat Finance and Trade fil-Lussemburgu u Starbucks fin-Netherlands, konklużi f'Ottubru 2015, u segwiti, f'Ottubru 2014, minn Amazon fil-Lussemburgu,
   il-ftuħ, fi Frar 2015, ta' investigazzjoni formali dwar skema tat-taxxa fil-Belġju (sistema ta' deċiżjonijiet dwar profitt eċċessiv);

68.  Jisħaq fuq il-fatt li l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni li għaddejjin attwalment u li tlestew u l-każijiet żvelati permezz ta' Luxleaks jindikaw li xi Stati Membri ma ssodisfawx l-obbligu ġuridiku tagħhom(37) li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-fajls kollha dwar għajnuna mill-istat potenzjali;

69.  Jisħaq fuq il-fatt li dawn l-investigazzjonijiet jixħtu dawl biss fuq kampjun limitat ħafna ta' xi prattiki tipiċi li jaffettwaw il-profitt taxxabbli allokat lis-sussidjarji ta' xi korporazzjonijiet multinazzjonali permezz tal-ipprezzar ta' trasferiment; jinseb imħasseb li r-riżorsi attwali tas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni jistgħu jillimitaw il-kapaċità tagħha li tamministra għadd konsiderevolment akbar ta' każijiet u li twettaq verifiki sistematiċi sabiex taċċerta jekk hemmx prattiki ulterjuri, apparti dawk abbażi tal-ipprezzar ta' trasferiment, fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva li jistgħu jkunu konfliġġenti mal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-istat;

70.  Jappoġġa bil-qawwa lill-Kummissjoni fl-approċċ tagħha, li jinvolvi t-teħid taż-żmien meħtieġ biex tikkunsidra l-każijiet li għaddejjin bħalissa bir-reqqa u bid-diliġenza dovuta kollha; jemmen li l-eżitu tal-investigazzjonijiet se jikkontribwixxi biex jiġu stabbiliti linji gwida aktar preċiżi u effikaċi dwar l-għajnuniet mill-istat relatati mat-taxxa u l-ipprezzar ta' trasferiment u biex l-Istati Membri jiġu mġiegħla jaġġustaw il-prattiki tagħhom kif jixraq; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex tikkonkludi dawn l-investigazzjonijiet li qed tagħmel bħalissa dwar l-għajnuna mill-istat relatata mat-taxxa malli jkun possibbli prattikament mingħajr ħsara għall-kwalità u l-kredibilità tagħhom u jistenna b'interess kbir ir-riżultati tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament Ewropew dwar dawn l-investigazzjonijiet; jappella lill-Kummissjoni biex titlob l-irkupru ta' kull euro nieqes fil-każ li jiġi kkonfermat li ingħatat għajnuna mill-istat illegali fl-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa;

71.  Jisħaq fuq il-fatt li l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa jistgħu jwasslu, fil-każ ta' ksur tar-regoli tal-UE, għall-irkupru, mill-Istat Membru li jkun approva l-miżura fiskali kkonċernata, tal-ammont li jikkorrispondi għall-għajnuna mill-istat illegali mogħtija lill-impriżi benefiċjarji; jisħaq fuq il-fatt li, għalkemm dan jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq ir-reputazzjoni ta' dak l-Istat Membru speċifiku, jikkostitwixxi premju de facto għan-nuqqas ta' konformità, u huwa improbabbli li dan jiskoraġġixxi lill-Istati Membri, fil-każ ta' dubju, milli jinvolvu ruħhom fi prattiki ta' għajnuna mill-istat illegali u l-għoti ta' benefiċċji fiskali abbużivi iżda, minflok, jeħlishom mir-responsabilità tagħhom li jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat u ma jtaffix it-telf finanzjarju għall-baġits tal-Istati Membri affettwati; jikkunsidra, f'termini aktar ġenerali, li r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għandhom jiddisponu għal sanzjonijiet li jikkostitwixxu deterrent effikaċi kontra l-għajnuna mill-istat illegali;

72.  Jindika wkoll il-possibilità, fil-każ ta' pprezzar ta' trasferiment abbużiv bejn sussidjarji transkonfinali, li ma jkunx biss l-Istat Membru fejn ikun oriġina t-trattament fiskali vantaġġuż li jkollu d-dħul fiskali tiegħu aġġustat (irkupru tal-għajnuna) iżda li jiġri l-istess fil-pajjiżi l-oħra fejn tkun saret it-tranżazzjoni (aġġustament ex post tal-ipprezzar ta' trasferiment u għaldaqstant tal-introjtu taxxabbli); jisħaq fuq il-fatt li, f'xi każijiet, dan jista' jwassal għal tassazzjoni doppja;

73.  Ifakkar li d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa għandhom ikunu mmirati biex jipprovdu ċ-ċertezza tad-dritt u joħolqu aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarji tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li, f'kuntest li fih id-deċiżjonijiet nazzjonali jistgħu jiġu kkontestati permezz tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat fil-livell tal-UE, jeżisti riskju ta' massa ta' notifiki ta' talbiet dwar deċiżjonijiet individwali mingħand l-Istati Membri għal awtorizzazzjoni bil-quddiem mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu evitati l-inċertezzi tad-dritt għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-impriżi; jisħaq fuq il-fatt li żieda fil-kapaċità fi ħdan il-Kummissjoni u t-titjib tal-proċessi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni huma modi xierqa kif tiġi ttrattata żieda fil-fluss ta' notifiki, kif ukoll it-trasparenza akbar meħtieġa mill-Istati Membri fil-kwistjonijiet tat-taxxa;

Pajjiżi terzi

74.  Jinsab imħasseb bil-fatt li jidher li l-effetti konsegwenzjali tal-prattiki dwar it-taxxa dannużi min-naħa tal-korporazzjonijiet multinazzjonali huma ferm aktar sinifikanti fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw milli fuq il-pajjiżi żviluppati(38) , peress li tal-ewwel jiġbru perċentwal ogħla tad-dħul tagħhom mit-taxxa korporattiva u jkollhom sistemi ta' finanzi pubbliċi, kuntesti ta' regolamentazzjoni u kapaċità amministrattiva aktar dgħajfa biex jiggarantixxu konformità fiskali u jsibu tarf tali prattiki dwar it-taxxa dannużi; josserva li l-FMI(39) jissuġġerixxi li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitilfu f'termini relattivi tliet darbiet aktar dħul minħabba pjanifikazzjoni fiskali aggressiva mill-pajjiżi żviluppati; jisħaq fuq il-fatt li l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona jobbliga lill-Istati Membri jaġġustaw il-politiki tagħhom biex jappoġġaw l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jindika li analiżijiet ex post tal-effetti konsegwenzjali tal-prattiki dwar it-taxxa tal-Istati Membri, li r-riżultati tagħhom għandhom jiġu ppubblikati, kieku jgħinu jiggwidaw it-tfassil tal-politiki b'mod li jiġi żgurat li t-tali prattiki ma jnawrux il-bażi tat-taxxa ta' Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi;

75.  Jisħaq fuq il-fatt li, fl-istess ħin, il-ftit "rebbieħa" tal-kompetizzjoni globali fil-qasam tat-taxxa, li huma dawk il-pajjiżi b'politiki dwar it-taxxa korporattiva attraenti ħafna fi ħdan l-UE u barra minnha, jippreżentaw ċerti prinċipji fundamentali ekonomiċi sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs u mal-attività ekonomika reali tagħhom speċjalment meta jitqiesu, pereżempju, in-numru ta' kumpaniji residenti għal kull abitant, l-ammont ta' profitti barranin irreġistrati, l-IDB jew il-flussi finanzjarji uxxenti meta mqabbla mal-PDG, eċċ.; josserva li dan juri n-natura artifiċjali tal-bażi tat-taxxa u tal-flussi finanzjarji entranti tagħhom u l-iskonnessjoni permessa taħt is-sistemi tat-taxxa attwali bejn il-post fejn jiġi ġġenerat il-valur u l-post fejn tinġabar it-taxxa;

76.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa mhija xejn affattu limitata għall-Istati Membri, inklużi t-territorji dipendenti jew assoċjati tagħhom, u li l-biċċa l-kbira tal-prattiki taħt eżami għandhom dimensjoni internazzjonali, permezz tat-trasferiment ta' profitti lejn ġurisdizzjonijiet b'rati fiskali baxxi jew l-ebda tassazzjoni jew li jippromwovu s-segretezza f'materji ta' taxxa fejn spiss ma sseħħ l-ebda attività ekonomika sustanzjali; jiddeplora n-nuqqas ta' approċċ ikkoordinat min-naħa tal-Istati Membri fil-konfront ta' dawn il-ġurisdizzjonijiet kollha, mhux biss f'termini ta' azzjoni jew reazzjoni konġunta kontra l-prattiki dannużi tagħhom, iżda wkoll, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-identifikazzjoni tagħhom u l-kriterji rilevanti; isostni bil-qawwa għalhekk il-proposta tal-2012 tal-Kummissjoni li tinkludi kriterji sostanzjali biex tiġi garantita kompetizzjoni ġusta flimkien mat-trasparenza u mal-iskambju ta' informazzjoni, kif ukoll il-pubblikazzjoni reċenti, fil-pakkett dwar it-taxxa tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015, ta' lista' tal-ġurisdizzjonijiet fiskali mhux kooperattivi, stabbilita b'segwitu għal approċċ tad-"denominatur komuni" abbażi tal-listi eżistenti fil-livell nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-istituzzjoni ta' lista ta' dan it-tip hija rekwiżit preliminari biex tittieħed azzjoni xierqa kontra l-ġurisdizzjonijiet ta' dan it-tip; jemmen li din il-lista għandha tkun l-ewwel iterazzjoni ta' proċess li jirriżulta f'definizzjoni oġġettiva u rigoruża ta' 'rifuġji fiskali' li mbagħad ikun jista' talimenta l-listi fil-ġejjieni, stabbiliti abbażi ta' kriterji ċari li għandhom ikunu magħrufa minn qabel; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-ġurisdizzjonijiet Ewropej jikkonformawx ma' dawn il-kriterji;

77.  Jisħaq fuq il-fatt li ħidmet l-OECD f'dan ir-rigward kisbet xi riżultati konsiderevoli f'termini tat-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon partikolari l-iffirmar, minn kważi 100 pajjiż sa Ġunju 2015, tal-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva fil-Qasam tat-Taxxa (il-"Konvenzjoni Konġunta"), li tiddisponi għal kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istati fil-valutazzjoni u fil-ġbir tat-taxxi, b'mod partikolari bil-għan li jiġu miġġielda l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa;

78.  Jisħaq fuq il-fatt, iżda, li ħidmet l-OECD fuq il-lista preċedenti tagħha ta' rifuġji fiskali mhux kooperattivi ssejset fuq proċess politiku li wassal għal kompromessi arbitrarji diġà meta kienu qed jiġu ffissati l-kriterji għal-listi, bħar-rekwiżit ta' konklużjoni ta' ftehimiet fil-qasam tat-taxxa ma' 12-il pajjiż ieħor, u rriżultat biex l-ebda ġurisdizzjoni ma tniżżlet fil-lista bħala rifuġju fiskali mhux kooperattiv; jisħaq fuq il-fatt li l-approċċ attwali tagħha għadu bbażat fuq kriterji li jirreferu għat-trasparenza fil-qasam tat-taxxa u għall-iskambju ta' informazzjoni, u li mhumiex komprensivi biżżejjed biex jaffrontaw l-effetti dannużi ta' ċerti prattiki dwar it-taxxa; josserva li, ikunu xi jkunu l-merti tiegħu, dan jillimita r-rilevanza tal-approċċ tal-OECD fl-identifikazzjoni ta' dawk il-ġurisdizzjonijiet fiskali li jikkostitwixxu pilastri tal-prattiki tal-evitar tat-taxxa u tal-kompetizzjoni fiskali dannuża fuq skala dinjija; jisħaq, partikolarment, fuq il-fatt li dan l-approċċ ma jirreferi għall-ebda indikatur kwalitattiv għal valutazzjoni oġġettiva tal-konformità mal-prattiki ta' governanza tajba jew jikkunsidra d-data kwantitattiva bħall-profitti għal skopijiet kontabilistiċi, il-flussi finanzjarji entranti u uxxenti u l-(is)konnessjoni tagħhom mir-realtà ekonomika f'ġurisdizzjoni partikolari;

79.  Jissottolinja, barra minn hekk, il-fatt li dawn il-listi jistgħu jintużaw fil-livell nazzjonali biex jiġu implimentati r-regoli nazzjonali ta' protezzjoni u dawk kontra l-evitar tat-taxxa fil-konfront ta' pajjiżi terzi (bħal restrizzjoni fuq il-benefiċċji, l-applikazzjoni ta' test tal-għan prinċipali, regoli dwar il-korporazzjonijiet ikkontrollati minn barra l-pajjiż, eċċ.), u li r-restrizzjonijiet implimentati f'dawn il-listi jistgħu għaldaqstant jillimitaw anke l-portata u l-effikaċja tal-miżuri nazzjonali mmirati biex isibu tarf il-prattiki dwar it-taxxa dannużi;

80.  Jinsab konvint li l-garanzija ta' kompetizzjoni ġusta fis-suq intern u l-protezzjoni tal-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri jiddependu ħafna mill-affrontar tal-aktar ħolqa dgħajfa fir-rigward tal-interazzjonijiet mal-ġurisdizzjonijiet b'rati fiskali baxxi jew l-ebda tassazzjoni jew li jippromwovu s-segretezza f'materji ta' taxxa peress li l-eżistenza ta' passaġġ fiskali (eż. l-ebda taxxa minn ras il-għajn) għall-pajjiżi terzi, indipendentement mill-prattiki tagħhom fil-qasam tat-taxxa, iżżid konsiderevolment l-opportunitajiet ta' evitar tat-taxxa fi ħdan l-UE;

81.  Jisħaq fuq il-fatt li approċċ aktar ikkoordinat min-naħa tal-Istati Membri fil-konfront tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk żviluppati x'aktarx jirriżulta ħafna aktar effikaċi biex isib tarf il-prattiki dwar it-taxxa dannużi u jippromwovi aktar reċiproċità f'materji ta' taxxa;

82.  Jisħaq fuq il-fatt li, bħala risposta għall-pressjonijiet kemm mingħand l-UE kif ukoll mingħand il-G20 dwar il-kwistjoni tat-trasparenza tat-taxxa u fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u tad-dejn, ċerti pajjiżi terzi fl-aħħar iffirmaw ftehimiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni fil-qasam tat-taxxa mal-UE, u dan għandu jtejjeb il-kooperazzjoni ma' tali pajjiżi; jindika li, fil-każ tal-Iżvizzera, f'Mejju 2015 ġie ffirmat ftehim, wara perjodu "ta' tranżizzjoni" twil li matulu dan is-sieħeb kummerċjali importanti tal-UE bbenefika minn aċċess privileġġjat għas-suq uniku, iżda, kontemporanjament, ma kkooperax f'setturi oħrajn, partikolarment dak tat-tassazzjoni;

83.  Josserva li, minkejja n-negozjati li għaddejjin bħalissa, għadu qed jimxi bil-mod il-progress biex jiġi ffirmat ftehim ta' kooperazzjoni simili ma' San Marino, Monaco, il-Liechtenstein u Andorra; jiddispjaċih li l-Kummissjoni m'għandhiex mandat Ewropew simili biex tinnegozja ftehimiet dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni mat-territorji extra-Ewropej attwalment koperti mid-Direttiva tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq it-tfaddil;

84.  Josserva bi tħassib li bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw jisfaw partikolarment vulnerabbli għall-attivitajiet ta' evitar tat-taxxa mill-korporazzjonijiet multinazzjonali, u li l-kawża prinċipali tad-dħul nieqes għall-baġits tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tinsab fil-prattiki ta' pprezzar ta' trasferiment tal-korporazzjonijiet multinazzjonali(40) ; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li dawn il-pajjiżi jsibu ruħhom f'pożizzjoni dgħajfa ħafna fin-negozjati fil-konfront ta' ċerti korporazzjonijiet multinazzjonali jew investituri diretti barranin li jduru d-dinja jfittxu sussidji u eżenzjonijiet fil-qasam tat-taxxa; jikkundanna l-fatt li hu stmat li kull sena l-baġits nazzjonali isofru telf annwali fid-dħul mit-taxxa li jvarja bejn madwar EUR 91(41) u EUR 125 biljun(42) ;

85.  Ifakkar lill-Istati Membri li, taħt it-Trattat ta' Lisbona, huma marbuta mill-prinċipju ta' koerenza tal-politika għall-iżvilupp u jeħtieġ li jiżguraw li l-politiki fiskali tagħhom ma jdgħajfux l-objettivi tal-UE dwar l-iżvilupp; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jwettqu analiżijiet tal-effetti konsegwenzjali tal-politiki fiskali tagħhom u l-impatti tagħhom fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif issuġġerixxa l-FMI;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

86.  Jikkonkludi, meta jħares lura lejn il-mandat li ta lill-kumitat speċjali tiegħu, u minkejja d-diversi limitazzjonijiet u ostakli li nstabu matul il-missjonijiet tiegħu ta' ġbir ta' informazzjoni, kif ukoll minn istituzzjonijiet oħra tal-UE, xi Stati Membri u korporazzjonijiet multinazzjonali, li:

   mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-investigazzjonijiet li qed twettaq il-Kummissjoni dwar l-għajnuniet mill-istat, l-informazzjoni miġbura tindika li, f'bosta każijiet, l-Istati Membri ma rrispettawx l-Artikolu 107(1) TFUE, peress li introduċew deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili li, huma u jaġevolaw lil ċerti impriżi, ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern;
   xi Istati Membri ma infurzawx kompletament l-Artikolu 108 TFUE peress li naqsu milli notifikaw formalment lill-Kummissjoni bil-pjanijiet kollha tagħhom intiżi li jagħtu għajnuna relatata mat-taxxa, u b'hekk kisru wkoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999; jisħaq fuq il-fatt li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżomm taħt eżami kostanti s-sistemi kollha ta' għajnuna, kif dispost mill-Artikolu 108 TFUE, peress li ma kellhiex aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha, tal-anqas qabel l-2010, li hu l-perjodu mhux kopert mill-investigazzjonijiet attwali tagħha,
   l-Istati Membri ma rrispettawx l-obbligi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 77/799/KEE u 2011/16/UE peress li ma skambjawx u għadhom mumiex qed jiskambjaw spontanjament l-informazzjoni marbuta mat-taxxa, anki fil-każijiet fejn kien hemm ġustifikazzjonijiet ċari, minkejja l-marġni ta' diskrezzjoni li ħallew tali direttivi, biex dak li jkun jistenna li jista' jkun hemm telf ta' taxxa fi Stati Membri oħrajn, jew li t-taxxa setgħet tiġi ffrankata bħala riżultat ta' trasferimenti artifiċjali ta' profitti fi ħdan gruppi;
   xi Stati Membri ma rrispettawx il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, peress li ma adottawx il-miżuri xierqa kollha, ġenerali jew partikolari, biex jiggarantitxxu t-twettiq tal-obbligi tagħhom;
   analiżi tal-każijiet individwali ta' ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-punti msemmija hawn fuq ma kinitx possibbli minħabba nuqqas ta' informazzjoni dettaljata pprovduta mill-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni;
   finalment, il-Kummissjoni ma ssodisfatx ir-rwol tagħha ta' gwardjan tat-Trattati, kif stabbilit fl-Artikolu 17(1) TUE, peress li ma ħaditx azzjoni f'din il-kwistjoni u ma ħaditx il-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, b'mod partikolari dawk stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 77/799/KEE u 2011/16/UE, minkejja kull evidenza kuntrarja; il-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 108 tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-funzjonament tas-suq intern meta ma fetħitx investigazzjonijiet dwar l-għajnuna mill-istat fl-imgħoddi;

87.  Jikkundanna l-fatt li diversi dokumenti dwar it-taxxa tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta li kienu ġew mitluba ma ġew żvelati xejn jew ġew żvelati parzjalment biss lill-kumitat, għalkemm uħud minnhom diġà ngħataw lil ċittadini individwali li talbuhom permezz tal-proċedura tal-aċċess għad-dokumenti, biex b'hekk il-Parlament Ewropew spiċċa anqas infurmat tajjeb miċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' taxxa; jiddeplora, barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni rrilaxxat anqas minn 5 % tal-ammonti totali tad-dokumenti mitluba, li jidher li kienu xi 5 500 dokument; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kooperazzjoni li l-Kummissjoni u l-Kunsill qed juru mal-kumitat, li jxekkel it-twettiq tal-mandat tiegħu;

88.  Minħabba l-fatt li l-Parlament attwalment jonqsuh is-setgħat ta' inkjesta parlamentari, jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti jagħtu l-kunsens tagħhom għall-proposta pendenti għal Regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament(43) , sabiex jikkonferixxu s-setgħat investigattivi ġenwini meħtieġa biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta' inkjesta parlamentari;

89.  Jappella lill-Kummissjoni biex teżamina jekk għadux possibbli li jinfetħu proċedimenti dwar il-ksur imsemmi hawn fuq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

90.  Jappella lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-prinċipju ta' tassazzjoni tal-profitti fil-post fejn ikunu ġew iġġenerati;

91.  Jappella lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jaqsmu r-responsabilità politika tas-sitwazzjoni attwali, biex itemmu l-kompetizzjoni fiskali dannuża u jikkooperaw kompletament bil-għan li jeliminaw l-asimmetriji – u joqogħdu lura milli joħolqu asimmetriji ulterjuri – bejn is-sistemi tat-taxxa u l-miżuri dwar it-taxxa dannużi li joħolqu l-kundizzjonijiet għall-evitar massiv tat-taxxa mill-kumpaniji multinazzjonali u għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fi ħdan is-suq intern; jappella, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar kull tibdil rilevanti għal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar it-taxxa korporattiva li jista' jkollu impatt fuq ir-rati tat-taxxa effettivi tagħhom jew fuq id-dħul fiskali ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor; jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri li jiżvolġu rwol pivotali fl-iffaċilitar tal-evitar tat-taxxa għandhom jerfgħu r-responsabilità u jmexxu l-isforzi biex tittejjeb il-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa fi ħdan l-UE;

92.  Jappella lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern biex jieħdu impenji politiċi ċari li jieħdu azzjoni urġenti ħalli jaffrontaw din is-sitwazzjoni, li ma tistax tibqa' tiġi ttollerata, anki minħabba l-impatt li tħalli fuq il-baġits nazzjonali, li diġà huma suġġetti għal miżuri ta' konsolidament fiskali, u fuq il-kontribuzzjonijiet fiskali ta' kontribwenti oħrajn, fosthom l-SMEs u ċ-ċittadini; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-fatt li biħsiebu jiżvolġi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu u huwa lest jimplimenta skrutinju politiku aktar effikaċi, f'kooperazzjoni stretta mal-parlamenti nazzjonali;

93.  Jappella lill-Kummissjoni biex taqdi dmirha bħala l-gwardjan tat-Trattati billi tiżgura li d-dritt tal-UE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri jkunu kompletament rispettati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta r-rutina li tieħu azzjoni ġuridika ulterjuri skont is-setgħat konferiti lilha mit-Trattat; jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kapaċità interna tagħha, possibbilment permezz tal-ħolqien ta' dipartiment speċifiku għat-taxxa fis-servizzi tagħha, sabiex jittratta kemm iż-żieda fil-fluss ta' notifiki dwar għajnuna mill-istat fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u kemm ir-responsabilità msaħħa tagħha għall-koordinament ta' miżuri ġodda relatati mat-trasparenza fiskali;

94.  Jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex, mingħajr xkiel, tkun tista' tiżvolġi r-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati;

95.  Jappella lill-Kummissjoni biex tippromwovi prattiki tajba dwar l-ipprezzar ta' trasferiment u l-ipprezzar tas-self u l-imposti finanzjarji fit-tranżazzjonijiet intragrupp, b'mod li jsiru konformi mal-prezzijiet prevalenti tas-suq;

96.  Jissottolinja l-fatt li l-Istati Membri jibqgħu totalment kompetenti biex jiffissaw ir-rati tat-taxxa korporattiva rispettivi tagħhom; jinsisti, madankollu, li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa fl-UE u fil-konfront tal-pajjiżi terzi għandha sseħħ fi ħdan qafas ċar ta' regoli bil-għan li tiġi garantita l-kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi fis-suq intern; jappella lill-Istati Membri biex, l-ewwel u qabel kollox, jiżguraw ambjent favorevoli għan-negozju, ikkaratterizzat minn, fost affarijiet oħra, stabilità finanzjarja u politika, kif ukoll miċ-ċertezza tad-dritt u s-sempliċità tar-regoli dwar it-taxxa; minħabba r-rwol kruċjali tagħhom fl-iżgurar ta' sostenibiltà fiskali, jappella lill-Kummissjoni biex tindirizza aktar bir-reqqa l-kwistjonijiet tat-tassazzjoni korporattiva, inklużi l-prattiki dwar it-taxxa dannużi u l-impatt tagħhom, fil-qafas tas-Semestru Ewropew u biex tinkludi l-indikaturi rilevanti, inklużi l-istimi tad-distakk fiskali li jirriżulta mill-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, fil-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku;

97.  Jistieden lill-Istati Membri, speċjalment dawk li jirċievu għajnuna finanzjarja, biex jimplimentaw riformi strutturali, jiġġieldu l-frodi tat-taxxa u jinfurzaw azzjoni kontra l-ippjanar fiskali aggressiv;

98.  Jappella lill-Kummissjoni biex f'dan ir-rigward issib il-bilanċ it-tajjeb bejn il-konverġenza fiskali u dik ekonomika, u jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-azzjonijiet isiru b'appoġġ għat-tkabbir, l-investiment u l-impjiegi;

99.  Huwa tal-fehma li, fost affarijiet oħra, skambju ta' informazzjoni awtomatiku komprensiv, trasparenti u effikaċi kif ukoll bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva huma kundizzjonijiet preliminari essenzjali biex tinkiseb sistema tat-taxxa fil-livell tal-UE li tikkonforma mal-prinċipji bażiċi tas-suq intern u tippreżervahom;

100.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni, jimplimentaw diversi ġabriet ta' azzjonijiet komplementari bil-għan li jtejbu s-sitwazzjoni attwali, waqt li jżommu quddiem għajnejhom il-bżonn li l-kumplessità tonqos għall-partijiet interessati kollha u li jiġu minimizzati l-ispejjeż tal-konformità għall-impriżi u għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa; jisħaq, għalhekk, fuq il-fatt li s-semplifikazzjoni tas-sistemi tat-taxxa għandha tkun l-ewwel pass biex tinġieb iċ-ċarezza mhux biss għall-Istati Membri iżda anke għaċ-ċittadini, li bħalissa huma esklużi mill-iskambju ta' informazzjoni;

101.  Jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tinvestiga b'mod empiriku l-opportunità li tillimita t-tnaqqis tal-pagamenti ta' royalties lil korporazzjonijiet relatati mill-pagamenti tal-bażi tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv bħala mod biex tikkontrobatti t-trasferiment ta' profitti intragrupp;

102.  Jisħaq fuq il-fatt li, minkejja stediniet ripetuti, erba' korporazzjonijiet multinazzjonali(44) biss qablu inizjalment li jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu kwistjonijiet ta' pjanifikazzjoni fiskali internazzjonali, minn total ta' 17; jikkunsidra li r-rifjut inizjali ta' 13(45) minnhom - uħud pubblikament viżibbli ħafna – li jikkooperaw ma' kumitat parlamentari hu inaċċettabbli u dannuż ħafna għad-dinjità tal-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini li jirrappreżenta; jinnota madankollu, li 11-il korporazzjoni multinazzjonali(46) finalment qablu li jmorru fil-kumitat biss wara li r-rapport kien ittieħed vot dwaru fil-Kumitat TAXE, u ftit qabel il-votazzjoni fil-plenarja, filwaqt li żewġ korporazzjonijiet multinazzjonali komplew jirrifjutaw; jirrakkomanda, għalhekk, li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jikkunsidraw li jċaħħdu lil dawn il-kumpaniji mill-aċċess għall-bini tal-Parlament u li tingħata kunsiderazzjoni serja għat-twaqqif ta' qafas ċar u l-aġġornament tad-dmirijiet stabbiliti fil-Kodiċi ta' Kondotta għall-organizzazzjonijiet inklużi fir-Reġistru tat-Trasparenza(47) , f'termini ta' kooperazzjoni mal-kumitati tal-Parlament u korpi politiċi oħra;

103.  Jappella biex issir investigazzjoni dwar ir-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji biex jgħinu prattiki dwar it-taxxa dannużi;

Kooperazzjoni u koordinament dwar id-deċiżjonijiet antiċipati fil-qasam tat-taxxa

104.  Jiddeplora l-kontenut tal-ftehim politiku tas-6 ta' Ottubru 2015 fi ħdan il-Kunsill, li għandu portata aktar limitat minn dik tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ta' Marzu 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li dan tal-aħħar ipprovda, apparti qafas komuni għar-reġistrazzjoni u l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet, dispożizzjonijiet li jippermettu li l-Kummissjoni tissorvelja b'mod effikaċi l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri u tiżgura li d-deċiżjonijiet ma jkollhomx impatt negattiv fuq is-suq intern; jisħaq fuq il-fatt li, kieku tiġi adottata l-pożizzjoni tal-Kunsill, ma jkunx possibbli li jinsiltu l-benefiċċji kollha tal-iskambju awtomatiku tad-deċiżjonijiet, b'mod partikolari f'termini ta' implimentazzjoni effikaċi, u jappella lill-Kunsill, għalhekk, biex iżżomm mal-proposta tal-Kummissjoni u jqis kif dovut l-opinjoni tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (id-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tat-taxxa u mhux dawk transkonfinali biss), il-perjodu ta' retroattività (id-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tat-taxxa li għadhom validi għandhom jiġu skambjati) u l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, li għandu jkollha aċċess għad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;

105.  Jistieden lill-Istati Membri jsostnu, fil-fora internazzjonali kollha, l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa bħala l-istandard globali l-ġdid; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni, lill-OECD u lill-G20 jippromwovu dan permezz tal-aktar strumenti adegwati u effikaċi fi ħdan proċess globali inklużiv; jinsisti li għandhom jittieħdu passi konkreti biex jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jibda jsir fuq livell tassew globali, u b'hekk isir effikaċi, filwaqt li jiġu rispettati r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, billi jiġu appoġġati l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom għal parteċipazzjoni sħiħa fl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li, fi ħdan l-UE, l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jista' jseħħ fil-forma ta' reġistru ċentrali għall-UE kollha li jkun aċċessibbli mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

106.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu li kwalunkwe deċiżjoni fil-qasam tat-taxxa għandha tkun stabbilita, partikolarment meta tinvolvi pprezzar ta' trasferiment, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi involuti kollha, li l-informazzjoni rilevanti għandha tiġi skambjata bejniethom awtomatikament, komprensivament u mingħajr dewmien u li kwalunkwe azzjoni nazzjonali mmirata lejn it-tnaqqis tal-evitar tat-taxxa u tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fi ħdan l-UE, inkluż l-awditjar, għandha titwettaq fuq bażi komuni, b'attenzjoni dovuta lill-esperjenza miksuba bis-saħħa tal-programm FISCALIS 2020; itenni l-fehma tiegħu li l-elementi bażiċi tad-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tat-taxxa li jħallu impatt fuq l-Istati Membri l-oħrajn ma għandhomx biss jiġu skambjati bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-Kummissjoni, iżda anke ppreżentati fir-rapporti għal kull pajjiż mingħand il-korporazzjonijiet multinazzjonali;

107.  Jevidenzja f'dan ir-rigward, il-fatt li mhumiex biss id-deċiżjonijiet transkonfinali li jista' jkollhom impatt fuq Stati Membri oħra imma anke dawk nazzjonali, u jappella għalhekk biex l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jiġi estiż għad-deċiżjonijiet kollha maħruġa minn jew f'isem gvern jew awtorità tat-taxxa ta' Stat Membru, jew kwalunkwe suddiviżjoni territorjali jew amministrattiva tagħhom, li jkunu għadhom attivi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva; jinsisti b'qawwa fuq ir-rwol kruċjali li għandu l-involviment tal-Kummissjoni fil-proċess tal-ġbir ta' data u analiżi dwar id-deċiżjonijiet;

108.  Jappella, barra minnn hekk, għal qafas li jikkontrolla b'mod effikaċi l-implimentazzjoni tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, għall-ġbir u l-pubblikazzjoni tal-istatistika dwar l-informazzjoni skambjata, u b'mod partikolari għall-ħolqien ta' direttorju ċentrali sikur mill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Diċembru 2016 biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa parteċipanti; ifakkar li t-twaqqif ta' sistema għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa se jirriżulta fil-ġbir ta' kwantità kbira ta' informazzjoni, u dan jista' jagħmilha diffiċli li jinstabu l-każijiet tassew problematiċi; jisħaq fuq il-fatt li, minħabba din is-sitwazzjoni, flimkien mal-eżistenza ta' 28 Stat Membru b'lingwi u prattiki amministrattivi differenti, hemm bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jirriflettu fuq metodi intelliġenti, anke permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni, biex isibu tarf l-ammont u d-diversità tad-data miksuba, b'mod li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fl-Unjoni jsir ġenwinament effikaċi u ta' għajnuna;

109.  Jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment, fuq żmien itwal, ta' sistema ta' "kamra tal-approvazzjoni" (clearing house) għall-UE kollha, li permezz tagħha d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jiġu vverifikati sistematikament mill-Kummissjoni sabiex iżżid il-livell ta' ċertezza, konsistenza, uniformità u trasparenza tas-sistema u tivverifika jekk tali deċiżjonijiet ikollhomx effett dannuż fuq l-Istati Membri l-oħra;

110.  Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex issaħħaħ it-trasparenza għaċ-ċittadini, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport kull sena li jiġbor fil-qosor il-każijiet ewlenin li jinsabu fid-direttorju ċentrali sikur, u li, meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tqis id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Assistenza Reċiproka fir-rigward tal-kunfidenzjalità;

111.  Jappella lill-Kummissjoni biex tqis il-ħolqien ta' qafas komuni fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, inklużi kriterji komuni, partikolarment:

   ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti abbażi ta' analiżi komprensiva tal-effetti konsegwenzjali, inkluż l-effett tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-bażijiet tat-taxxa ta' pajjiżi oħra, bl-involviment tal-partijiet u tal-pajjiżi kollha kkonċernati,
   id-divulgazzjoni pubblika tagħhom, totalment jew f'forma semplifikata, iżda fir-rispett sħiħ tar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità,
   l-obbligu li jiġu ppubblikati l-kriterji għall-għoti, ir-rifjut u r-revoka ta' deċiżjonijiet tat-taxxa,
   trattament indaqs u disponibilità għall-kontribwenti kollha,
   assenza ta' diskrezzjoni u konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet sottostanti fil-qasam tat-taxxa;

112.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi linji gwida komuni tal-UE għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' distakkament tal-OECD bil-għan li jiġu armonizzati l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE għall-iffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment b'tali mod li, meta jiġu stabbiliti l-ftehimiet dwar l-ipprezzar ta' trasferiment, l-amministrazzjonijiet nazzjonali jkollhom l-għodda biex iqabblu impriżi simili u mhux biss tranżazzjonijiet simili;

113.  Jemmen li sistema fiskali ġusta u effiċjenti tirrikjedi livell adegwat ta' trasparenza u kunfidenzjalità; jinsab konvint għalhekk li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u, fejn ikun rilevanti, il-Kummissjoni, għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji aħħarin ta' kwalunkwe veikolu legali u/jew deċiżjoni fil-qasam tat-taxxa;

114.  Jappella lill-Kummissjoni biex, fost affarijiet oħra, tagħmel użu mid-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li tinkludi "reati fiskali" fid-definizzjoni wiesgħa ta' "attività kriminali", sabiex tiddetermina l-benefiċjarji aħħarin ta' ċerti veikoli legali;

115.  Jappella lill-Kummissjoni biex tintroduċi, internament, reġistru pubbliku ċentrali tal-eżenzjonijiet, it-tnaqqis u l-krediti ġuridiċi kollha relatati mat-taxxa korporattiva, flimkien ma' valutazzjoni tal-impatt baġitarju kwantitattiv għal kull Stat Membru;

Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

116.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan ta' azzjoni propost mill-Kummissjoni fis-17 ta' Ġunju 2015 biex tindirizza l-evitar tat-taxxa u tippromwovi tassazzjoni korporattiva fl-UE li tkun ġusta u effiċjenti; jappella lill-Kummissjoni biex tħaffef il-preżentazzjoni tal-modifiki leġiżlattivi għall-istabbiliment immedjat ta' bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) fuq skala tal-UE, li tkun tindirizza mhux biss il-kwistjoni tar-reġimi preferenzjali u l-asimmetriji bejn is-sistemi nazzjonali tat-taxxa, iżda wkoll il-maġġor parti tal-kwistjonijiet li jwasslu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fil-livell Ewropew (partikolarment il-kwistjonijiet marbuta ma' pprezzar ta' trasferiment); jappella lill-Kummissjoni biex tkompli, mingħajr dewmien, bil-ħidma konkluża fl-2011 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-BKKTK, waqt li tqis il-pożizzjoni tal-Parlament dwarha u l-elementi ġodda li tfaċċaw minn dak iż-żmien u tinkorpora l-aktar konklużjonijiet reċenti mill-ħidma mwettqa mill-OECD, b'mod partikolari l-istandards li jirriżultaw mill-Pjan ta' Azzjoni dwar l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti (BEPS), sabiex fl-2016 ikun jista' jiġi prodott test konsolidat;

117.  Jappella lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-proposti tagħha dispożizzjonijiet immirati biex jiċċaraw id-definizzjoni ta' investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u ta' stabbiliment permanenti bi qbil mas-sustanza ekonomika, li jkunu jkompru wkoll l-ekonomija diġitali; jindika l-importanza tal-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-bżonn li l-investimenti u t-tkabbir fl-ekonomija diġitali jiġu aġevolati u mhux imxekkla, biex b'hekk l-ekonomija emerġenti Ewropea f'dan is-settur tingħata vantaġġ kompetittiv fil-konfront ta' atturi oħrajn fl-Istati Uniti u fi bnadi oħrajn; jisħaq fuq il-fatt li l-evidenza eżistenti turi li r-rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi ma jgħinux biex jixprunaw l-innovazzjoni u jistgħu jwasslu għal erożjoni importanti tal-bażi permezz ta' trasferiment tal-profitti; jisħaq fuq il-fatt, fl-istess ħin, li l-abbuż jew l-isfruttament ta' tali sistemi jrid jiġi minimizzat bis-saħħa ta' azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri u ta' standards u definizzjonijiet komuni fir-rigward ta' liema elementi jikkwalifikaw bħala promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp u liema le; jisħaq fuq il-fatt li l-hekk imsejjaħ approċċ nexus għar-rati preferenzjali għad-dħul mill-privattivi li qed jiġi rrakkomandat mill-inizjattiva BEPS mhux se jkun biżżejjed biex jillimita b'mod suffiċjenti l-problemi assoċjati mat-tali rati preferenzjali;

118.  Jenfasizza li, bil-għan li terġa' tinġieb ir-rabta bejn it-tassazzjoni u s-sustanza ekonomika u jkun garantit li t-taxxi jitħallsu fil-pajjiżi fejn issir l-attività ekonomika effettiva u fejn jinħoloq il-valur, kif ukoll, biex l-asimmetriji eżistenti jitranġaw, it-"tqassim skont formula speċifika" għandu jagħmel distinzjoni bejn is-setturi, biex iqis il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-impriżi fil-qasam diġitali peress li l-ekonomija diġitali tagħmilha aktar diffiċli lill-awtoritajiet tat-taxxa jiddeterminaw fejn inħoloq il-valur; jistieden lill-Kummissjoni tqis bir-reqqa l-pożizzjoni tal-Parlament fir-rigward tal-BKKTK u tadotta tqassim skont formula speċifika li jirrifletti l-attivitajiet ekonomiċi reali tal-kumpaniji. jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha dwar alternattivi konkreti għall-proġettazzjoni ta' dan il-koeffiċjent ta' tqassim, partikolarment fid-dawl li tantiċipa, għal kull settur, l-impatt fuq id-dħul mit-taxxa ta' kull Stat Membru, skont l-istruttura tal-ekonomija tiegħu; jenfasizza, għaldaqstant, li l-BKKTK hija mezz utli ta' ġlieda kontra l-BEPS u ta' ħolqien ta' valur miżjud Ewropew indipendentement mill-fatt jekk id-dħul mit-taxxa jistax jintuża parzjalment bħala riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-UE;

119.  Isostni enerġikament l-introduzzjoni ta' BKKTK sħiħa u obbligatorja mill-aktar fis possibbli; jieħu nota tal-approċċ li adottat il-Kummissjoni li tressaq BKTK sempliċi (mingħajr konsolidament) bħala l-ewwel pass fil-pjan ta' azzjoni tagħha ta' Ġunju 2015, iżda jindika li din se tħalli ħafna kwistjonijiet miftuħa, speċjalment għall-impriżi li joperaw fis-suq uniku, billi li BKTK ma tkunx tipprevedi indennizz għat-telf minħabba l-konsolidament, lanqas mhi se taffronta l-burokrazija żejda u l-inċertezza assoċjata mal-ipprezzar ta' trasferiment, li jikkostitwixxi wkoll wieħed mill-istrumenti ewlenin ta' evitar tat-taxxa użati mill-kumpaniji multinazzjonali, u lanqas ma ttemm b'mod effettiv it-trasferimenti tal-bażi tat-taxxa fi ħdan l-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiffissa terminu konkret u qasir biex tinkludi l-"elementi tal-konsolidament" fl-inizjattiva BKKTK; jistieden lill-Kummissjoni tirrinunzja li twettaq kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt supplimentari ta' din il-miżura, li ilha s-snin fuq l-aġenda tal-UE, diġà kienet is-suġġett ta' xogħol preparatorju estensiv u bħalissa tinsab imblukkata fil-Kunsill minn mindu ġiet ippreżentata formalment fl-2011;

120.  Jistieden lill-Kummissjoni, fl-istennija tal-adozzjoni ta' BKKTK sħiħa u l-implimentazzjoni totali tagħha fil-livell tal-UE, tieħu azzjoni immedjata bil-għan li tiżgura tassazzjoni effikaċi, tnaqqis fit-trasferimenti tal-profitti (prinċipalment permezz tal-ipprezzar ta' trasferiment), tħejji, fl-istennija tal-konsolidament, reġim ad interim li jpaċi l-profitt u t-telf transkonfinali, li għandu jkun ta' natura temporanja u b'biżżejjed garanziji li mhu se joħloq l-ebda opportunità ulterjuri għal pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u tintroduċi ulterjorment regoli kontra l-abbużi fid-direttivi rilevanti kollha; jistieden lill-Kummissjoni tikkontrolla d-direttivi fis-seħħ u tabbozza direttiva fil-qasam tat-taxxa u tad-dritt soċjetarju fir-rigward tal-adegwatezza tagħhom biex jeżegwixxu tassazzjoni effikaċi; jistieden lill-Kunsill jipprepara għall-adozzjoni immedjata ta' dawn id-dispożizzjonijiet; jenfasizza li, jekk trid tilħaq l-għanijiet tagħha, jiġifieri t-tnaqqis tal-burokrazija żejda, l-applikazzjoni ta' bażi komuni konsolidata tat-taxxa għandha tkun akkumpanjata mill-implimentazzjoni ta' regoli komuni tal-kontabilità u mill-armonizzazzjoni xierqa tal-prattiki amministrattivi fil-kwistjonijiet fiskali;

121.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ leġiżlazzjoni ċara dwar id-definizzjoni ta' sustanza ekonomika, ħolqien ta' valur u stabbiliment permanenti, bil-għan, partikolarment, li taffronta l-kwistjoni tal-kumpaniji tal-isem, u tiżviluppa kriterji u leġiżlazzjoni tal-UE għat-trattament tar-R&Ż, kompatibbli max-xogħol tal-OECD f'din il-materja, iżda mhux limitati għaliha, billi l-Istati Membri bħalissa qegħdin jirriformaw l-istrateġija tagħhom f'dan ir-rigward, spiss b'mod kumulattiv b'sussidji; jisħaq fuq il-fatt li tali leġiżlazzjoni għandha tindika b'mod ċar l-eżistenza ta' rabta diretta bejn ir-reġimi preferenzjali konċessi mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-attivitajiet R&Ż sottostanti; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż u l-applikazzjoni tagħha skont is-sentenza Cadbury Schweppes tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (C-196/04) bil-għan li tiżgura l-użu sħiħ tal-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż lil hinn minn sitwazzjoni ta' arranġamenti totalment artifiċjali bil-għan li jiġu evitati każijiet ta' nontassazzjoni doppja; jistieden lill-Kummissjoni tifformula proposti maħsuba biex jarmonizzaw ir-regoli relatati mal-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż fl-UE;

122.  Jistieden lill-Kummissjoni, fl-assenza ta' definizzjoni aċċettata fuq livell ġenerali, tkompli twettaq analiżijiet u studji intiżi li jiddefinixxu l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u l-prattiki dwar it-taxxa dannużi, u partikolarment l-abbużi tat-trattati fil-qasam tat-tassazzjoni doppja u l-arranġamenti ta' asimmetriji ibridi, fid-dawl tal-varji impatti negattivi li jistgħu jkollhom fuq is-soċjetà, tiżgura li jkunu suġġetti għal monitoraġġ u tidentifika b'mod aktar preċiż l-impatt tal-evitar tat-taxxa fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi wkoll metodoloġija li tkejjel id-distakk fiskali li jirriżulta mill-evitar tat-taxxa u mill-evażjoni tat-taxxa – kif ħabbret fil-proposta tagħha ta' Marzu 2015 – u tiżgura li dan il-kejl isir fuq bażi regolari biex jiġi monitorjat il-progress u jitfasslu reazzjonijiet politiċi xierqa; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni neċessarja biex tiċċara l-istatus eżatt tal-"ġurisdizzjonijiet dipendenti" kollha tal-Istati Membri u dak li jista' jintuża bħala lieva fuqhom biex jibdlu l-prattiki tagħhom bil-għan li tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa fi ħdan l-UE;

123.  Ifakkar li, barra mill-frodi tat-tassazzjoni korporattiva, jeżistu frodi mdaqqsin fil-VAT transkonfinali, taxxa fundamentali għat-teżori nazzjonali kollha; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri biex jaffrontaw din il-problema, inkluż il-koordinament aħjar ta' dan il-qasam bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa;

Kodiċi ta' Kondotta dwar it-tassazzjoni tal-impriżi

124.  Jappella għal riforma urġenti tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-tassazzjoni tal-impriżi u tal-Grupp responsabbli mill-applikazzjoni tiegħu, peress li, sal-lum, l-utilità tiegħu wriet ruħha dubjuża, bil-għan li jiġu ttrattati kemm l-ostakli reali li attwalment ixekklu l-affrontar effikaċi tal-prattiki dwar it-taxxa dannużi kif ukoll l-għoti ta' għajnuna favur il-koordinament u l-kooperazzjoni fuq skala tal-UE fil-qasam tal-politika ta' tassazzjoni;

125.  Jistieden lill-Istati Membri, fi spirtu ta' kooperazzjoni tajba, jissekondaw il-proposti inklużi fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 għal tassazzjoni fuq il-kumpaniji ġusta u effiċjenti fl-UE; jemmen li l-leġittimità tal-Grupp tkun tibbenefika minn żieda fit-trasparenza u mill-obbligu ta' rendikont; huwa favur, għaldaqstant, ir-ridefinizzjoni tal-governanza u tal-mandat tal-Grupp, inklużi l-ħatra ta' president permanenti responsabbli politikament, it-titjib tal-modus operandi tiegħu inkluż l-eventwali mekkaniżmu ta' eżekuzzjoni, il-parteċipazzjoni regolari fil-Grupp min-naħa tal-ministri tal-finanzi jew ta' uffiċjali għolja, bil-għan li l-profil tiegħu jiżdied, u skambju ta' informazzjoni msaħħaħ fi ħdan il-Grupp bil-għan li l-kwistjonijiet BEPS ikunu affrontati; jappella biex il-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi jiġu aġġornati u mwessgħin biex ikopru forom ġodda ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi, anke fil-pajjiżi terzi; jistieden lill-president tal-Grupp u lill-Kunsill jirrapportaw fuq bażi regolari u jiskambjaw informazzjoni mal-kumitat kompetenti dwar l-attivitajiet tal-Grupp, partikolarment fir-rigward tal-preżentazzjoni tar-rapporti biannwali lill-ECOFIN;

126.  Jistieden, b'mod aktar ġenerali, lill-Kunsill isostni l-promozzjoni ta' kontroll demokratiku reali f'materji ta' taxxa transkonfinali fil-livell tal-UE, simili għat-tip ta' dak li diġà huwa fis-seħħ f'materji oħrajn li fihom l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet indipendenti l-oħra, bħall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bord tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, igawdu minn kompetenza esklużiva; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqisu l-possibilità li jitwaqqaf grupp ta' livell għoli dwar il-politika tat-tassazzjoni, li ssuġġerixxa wkoll il-President tal-Kummissjoni; jevidenzja li tali "kumitat dwar it-tassazzjoni", bl-obbligu li jagħti rendikont lill-Parlament, ikun iħaddan fih il-Kunsill u l-Kummissjoni, fuq il-mudell tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, kif ukoll esperti nazzjonali, u jkun jeżerċita, b'mod aktar ġenerali, superviżjoni tal-politika tat-tassazzjoni leġiżlattiva u mhux u jkun jirrapporta lill-ECOFIN; jitlob li l-Parlament jingħata dritt ta' inizjattiva biex jiddenunzja lill-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta kull miżura nazzjonali li jqis li tissodisfa l-kriterji tal-kompetizzjoni dannuża tat-taxxa inkluża fil-Kodiċi ta' Kondotta;

127.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti t-tieni aġġornament lir-rapport Simmons & Simmons tal-1999 dwar il-prattiki amministrattivi msemmija fil-paragrafu 26 tar-rapport tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta, ir-rapport Primarolo (SN 4901/99);

128.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri, fir-rispett dovut għat-Trattati u l-kompetenza tal-Istati Membri f'materji ta' tassazzjoni diretta, itejbu t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u x-xogħol ta' monitoraġġ tal-Grupp u jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal-leġiżlazzjoni qafas, fl-ambitu tal-metodu Komunitarju; iqis li huwa essenzjali li l-pubbliku ġenerali jingħata aktar informazzjoni dwar ħidmet il-Grupp;

129.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta totalment ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman tal-UE fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti u tadotta pjan direzzjonali biex tiżgura li l-gruppi ta' esperti jkunu komposti b'mod ibbilanċjat; jinsisti li, fil-ħidma favur dan l-għan, ir-riformi tal-istruttura u tal-kompożizzjoni attwali għandhom jibdew minnufih; jisħaq fuq il-fatt li tali riformi ma jkunux jirriżultaw f'nuqqas ta' kompetenzi tekniċi disponibbli għar-regolamentazzjoni, billi dawn ikunu jistgħu jaslu bis-saħħa ta' konsultazzjonijiet pubbliċi jew ta' seduti ta' smigħ pubbliku mal-esperti miftuħin għar-rappreżentanti ta' kull interess; jistieden lill-Kummissjoni tadotta definizzjoni ċara ta' kunflitt ta' interess u politiki sodi biex ikun evitat li l-atturi f'riskju ta' tali kunflitti ta' interess u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ikkundannati b'evażjoni fiskali jew kwalunkwe reat ieħor, ikunu membri attivi ta' kwalunkwe korp ta' esperti jew ta' konsulenti;

Għajnuna mill-Istat

130.  Japprezza u jsostni b'enerġija r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala l-awtorità kompetenti garanti tal-kompetizzjoni fl-inkjesti ta' bħalissa dwar l-għajnuna mill-Istat li jittrattaw id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa; iqis bħala inadegwata l-prattika rikorrenti, adotta minn bosta Stati Membri, ta' segretezza fil-każ ta' proġetti li rċievu l-għajnuna mill-Istat; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ il-poteri tagħha fl-ambitu tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE biex issib tarf il-prattiki dwar it-taxxa dannużi u tissanzjona lill-Istati Membri u lill-kumpaniji li l-involviment tagħhom f'tali prattiki huwa aċċertat; jisħaq fuq il-bżonn li l-Kummissjoni tiddedika aktar riżorsi – finanzjarji u umani – għat-tisħiħ tal-kapaċità tagħha li tkompli kontemporanjament l-investigazzjonijiet kollha neċessarji dwar l-għajnuna mill-Istat ta' natura fiskali; jissottolinja wkoll il-bżonn li l-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet u mat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni;

131.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta linji gwida ġodda, sa mhux aktar tard minn nofs is-sena 2017, fl-ambitu tal-inizjattiva tagħha Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (SAM) u tiċċara l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat relatata mat-taxxa u prezzar ta' trasferiment "xieraq", bil-għan li tneħħi l-inċertezzi tad-dritt kemm għall-kontribwenti konformi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, kif anke tforni qafas għall-prattiki tal-Istati Membri dwar it-taxxi f'dan is-sens u ma tiskoraġġixxix ir-rikors għal deċiżjonijiet leġittimi fil-qasam tat-taxxa; jikkontesta l-utilità tal-konvenzjoni dwar l-arbitraġġ, li mhijiex effiċjenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, partikolarment fil-kwistjonijiet ta' pprezzar ta' trasferiment; iqis li dan l-istrument għandu jkun riorganizzat u jsir aktar effiċjenti, jew sostitwit b'mekkaniżmu tal-UE ta' riżoluzzjoni tat-tilwim bi proċeduri ta' ftehim reċiproku aktar effikaċi;

132.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-investigazzjonijiet tagħha għal kumpaniji multinazzjonali oħrajn imsemmija fl-ambitu tal-iskandlu LuxLeaks u għal miżuri oħra ta' natura jew effett simili, bħall-ipprezzar ta' trasferiment;

133.  Jistieden lill-Kummissjoni, konformement mar-responsabilità usa' assenjata lill-Istati Membri mill-SAM, tqis li toħloq netwerk ta' amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u jikkontribwixxi b'mod aktar konsistenti għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta' kwalunkwe miżura fil-qasam tat-taxxa li tista' tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sinerġiji strateġiċi bejn l-attivitajiet tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta (riformat) u l-eżekuzzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tar-regoli ta' kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna relatata mat-taxxi;

134.  Jieħu nota li r-regoli fis-seħħ dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jimmiraw li jaffrontaw il-prassi antikompettitiva billi jirkupraw il-vantaġġi indebiti konċessi lill-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li timmodifika r-regoli eżistenti bil-għan li tippermetti li l-ammonti rkuprati wara ksur tar-regoli tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jitroddu lura lill-Istati Membri li sofrew minn erożjoni tal-bażi tat-taxxa tagħhom u mhux lill-Istat Membru li jkun kkonċeda l-għajnuna illegali relatata mat-taxxa, bħal ma huwa l-każ bħalissa, jew allokati lill-baġit tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni timmodifika r-regoli eżistenti biex tiggarantixxi l-possibilità li jiġu adottati sanzjonijiet fil-konfront tal-pajjiżi u tal-kumpaniji li jiksru r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat;

Trasparenza

135.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha potenzjal li ssir mudell u jkollha rwol ta' tmexxija fuq livell dinji f'termini ta' trasparenza fiskali;

136.  Jissottolinja l-importanza kruċjali tat-trasparenza bil-għan li tiżdied ir-responsabilità pubblika tal-kumpaniji multinazzjonali u li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jingħataw sostenn fl-investigazzjonijiet tagħhom; jenfasizza li jista' jkollha effett ta' deterrent qawwi u tbiddel l-aġir, kemm permezz tar-riskju għar-reputazzjoni tal-impriżi li ma jikkonformawx kif ukoll permezz tal-forniment tal-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, li mbagħad ikunu jistgħu jadottaw il-miżuri korrettivi u s-sanzjonijiet xierqa; jissottolinja li l-bżonn li jinstab bilanċ bejn it-trasparenza u l-esiġenza li jitħarsu l-interessi kummerċjali sensittivi u jiġu rispettati r-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data;

137.  Iqis li trasparenza akbar f'dak li għandu x'jaqsam mal-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali hija essenzjali biex jiġi garantit li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkunu jistgħu jikkumbattu b'mod effikaċi l-BEPS; itenni f'dan is-sens il-pożizzjoni tiegħu li l-kumpaniji multinazzjonali fis-setturi kollha jmisshom jiddivulgaw, b'mod ċar u komprensiv, fir-rapporti finanzjarji tagħhom, imqassma għal kull Stat Membru u kull pajjiż terz fejn huma stabbiliti, firxa ta' informazzjoni aggregata, inkluż il-profitt jew it-telf qabel it-taxxa, it-taxxa fuq il-profitt jew it-telf, in-numru ta' impjegati, l-assi li jiddetjenu, l-informazzjoni bażika dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa (rapporti għal kull pajjiż); jissottolinja l-importanza li tali informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, possibbilment fil-forma ta' reġistru ċentrali tal-UE; jissottolinja barra minn hekk li l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja li mhumiex kumpaniji multinazzjonali għandhom ikunu eżenti minn tali obbligu; jistieden lill-Kunsill jadotta, sa tmiem l-2015, il-pożizzjoni tal-Parlament kif ivvotat fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti f'Lulju 2015; jissottolinja li r-rekwiżiti marbuta mat-trasparenza għandhom ikunu mfassla u implimentati b'tali mod li ma jirriżultawx fi żvantaġġ kompetittiv fil-konfront tal-impriżi tal-UE;

138.  Jistieden ukoll lill-Istati Membri jimplimentaw sistema aktar estiża ta' rapporti għal kull pajjiż għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa, imsejsa fuq l-istandard tal-OECD u jinkludu aktar informazzjoni dettaljata, bħad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u t-tranżazzjonijiet intragrupp; jenfasizza li l-forniment ta' informazzjoni fiskali min-naħa tal-impriżi lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa l-oħrajn jeħtieġ ikun akkumpanjat minn titjib fil-qafas tar-riżoluzzjoni tat-tilwim bil-għan li jiġu ċċarati d-drittijiet rispettivi ta' kull parti u jiġi evitat kull effett sekondarju negattiv; jissottolinja li, fil-konfront tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-pajjiżi terzi, l-informazzjoni għandha tintbagħat biss lill-awtoritajiet ta' dawk il-pajjiżi li kkonkludew arranġamenti ekwivalenti għal dawk previsti mill-Konvenzjoni dwar l-Arbitraġġ tal-Unjoni Ewropea; jitlob barra minn dan l-iżvilupp ta' standards tal-kontabilità armonizzati li jippermettu informazzjoni aktar dettaljata għal dak li għandu x'jaqsam mar-royalties;

139.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa din il-pożizzjoni, konformement mal-valutazzjonijiet u mal-pożizzjonijiet tagħha tal-imgħoddi, u tieħu l-passi kollha neċessarji ħalli tkun garantita l-applikazzjoni tagħha għall-kumpaniji multinazzjonali kollha li joperaw fis-suq intern, u jistieden lill-OECD tappoġġa l-estensjoni tiegħu mad-dinja kollha biex jiġi żgurat li l-obbligi simili japplikaw għall-impriżi kollha impenjati f'operazzjonijiet transkonfinali; jissottolinja l-fatt li l-azzjoni mmirata lejn it-titjib tat-trasparenza, għad li neċessarja, ma tikkostitwixxix mezz suffiċjenti biex tiġi affrontata l-kwistjoni b'mod globali u li s-sistemi tat-taxxa nazzjonali, tal-UE u internazzjonali jeħtieġu wkoll riformi sostanzjali;

140.  Jenfasizza li l-opaċità attwali fis-sistema fiskali internazzjonali tħalli lill-kumpaniji multinazzjonali jevitaw it-taxxi, jaħarbu mil-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali u jittrasferixxu l-profitti tagħhom f'rifuġji fiskali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess sħiħ għar-reġistri ċentrali ta' sjieda benefiċjarja kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-kumpaniji fiduċjarji (trusts ), skont ir-raba' Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu malajr ir-raba' Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u jiżguraw aċċess wiesa' u semplifikat għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistri ċentrali tas-sidien benefiċjarji; itenni l-pożizzjoni tiegħu favur in-natura pubblika ta' dawn ir-reġistri;

141.  Jirrikonoxxi l-ħidma li għamlet il-Kummissjoni favur il-ħolqien ta' numru ta' identifikazzjoni tal-kontribwent Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal numru ta' identifikazzjoni tal-kontribwent Ewropew, fuq il-bażi tal-ispjegazzjoni ta' numru ta' identifikazzjoni tal-kontribwent Ewropew fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa tal-2012 (azzjoni 22); ifakkar li n-numri ta' identifikazzjoni tal-kontribwent jitqiesu li joffru l-aħjar mezz ta' identifikazzjoni tal-kontribwenti u jħeġġeġ, għalhekk, l-aċċelerazzjoni ta' dan il-proġett; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod analogu, taħdem attivament favur il-ħolqien ta' numru ta' identifikazzjoni simili fuq livell globali, bħall-identifikatur tal-Entità Ġuridika Globali (LEI) tal-Kumitat tas-Sorveljanza Regolatorja;

142.  Jissottolinja, barra minn hekk, li t-trasparenza hija wkoll importanti fl-investigazzjonijiet ta' bħalissa dwar l-għajnuna mill-Istat fid-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa,

143.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li tapplika fl-UE d-dispożizzjonijiet simili għar-regola(48) tal-Governmental Accounting Standards Board (GASB) tal-Istati Uniti, li tobbliga lill-gvernijiet statali u lokali jirrapportaw il-volum ta' dħul li jitilfu minħabba l-ħelsien mit-taxxa konċess lill-impriżi għal finijiet tal-iżvilupp ekonomiku;

Protezzjoni tal-informaturi

144.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi, sa Ġunju 2016, qafas leġiżlattiv tal-UE għall-protezzjoni effettiva tal-informaturi u simili; jisħaq fuq il-fatt li huwa inaċċettabbli li ċ-ċittadini u l-ġurnalisti jistgħu jkunu suġġetti għal proċediment ġudizzjarju pjuttost milli protezzjoni legali meta, huma u jaġixxu fl-interess pubbliku, jikxfu informazzjoni jew jirrapportaw suspetti ta' mġiba ħażina, illeċitu, frodi jew attività illegali, partikolarment dwar każijiet ta' evitar tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa, ħasil ta' flus, jew kull aġir ieħor li jikser il-prinċipji fundamentali tal-UE, bħall-prinċipju tal-kooperazzjoni leali;

145.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis firxa ta' strumenti intiżi li jiżguraw tali protezzjoni kontra proċedimenti ġudizzjarji inġustifikati, sanzjonijiet ta' natura ekonomika u diskriminazzjoni, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u tas-sigrieti kummerċjali; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-eżempju tad-Dodd-Frank Act tal-Istati Uniti, li jħallas lill-informaturi talli fornew lill-awtoritajiet informazzjoni oriġinali u jipproteġihom minn proċedimenti ġudizzjarji kontrihom u mit-telf tal-impjieg, fid-dawl tal-fatt li tali ħlas ma għandux jikkostitwixxi stimolu għall-pubblikazzjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva; jipproponi l-ħolqien ta' korp Ewropew indipendenti responsabbli mill-ġbir ta' tali informazzjoni u mit-twettiq tal-investigazzjonijiet, kif ukoll il-kostituzzjoni ta' fond komuni pan-Ewropew għall-informaturi, biex ikun żgurat li l-informaturi jirċievu assistenza finanzjarja adegwata, it-tnejn li huma ffinanzjati minn imposta fuq proporzjon tal-fondi rkuprati jew mill-multi mwaħħla; huwa tal-fehma li l-protezzjoni għandha tiġi konċessa lill-informaturi fil-każ li jinformaw lill-pubbliku wara li jkunu avżaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali jew tal-UE, wara l-assenza ta' reazzjoni fi żmien xahar;

Responsabilità Soċjali Korporattiva

146.  Jemmen li l-attwazzjoni ta' strateġija fiskali responsabbli trid tiġi kkunsidrata bħala wieħed mill-pilastri tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (CSR), partikolarment skont id-definizzjoni aġġornata tas-CSR bħala "ir-responsabbiltà tal-impriżi għall-impatti tagħhom fuq is-soċjetà"(49) ; jiddispjaċih li l-maġġor parti tal-impriżi ma jinkludux dan il-kunċett fir-rapport dwar is-CSR tagħhom; jissottolinja li l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva hija inkompatibbli mas-CSR; jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal lil dan il-kunċett u tiddefinixxi korrettament il-kontenut tiegħu, fi strateġija aġġornata tal-UE fil-qasam tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva;

Dimensjoni tal-pajjiżi terzi

OECD

147.  Isostni l-pjan ta' azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS, u jirrikonoxxi li huwa frott ta' kompromess li mhuwiex biżżejjed biex ivinċi l-problema tal-evitar tat-taxxa fiskali fil-kobor tagħha kollu u li dawn il-proposti jmisshom ikunu l-pedamenti għall-azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE u globali; jistieden lill-OECD, lill-Istati Membri tagħha u lill-pajjiżi kollha l-oħra involuti joħolqu strument ta' monitoraġġ b'saħħtu biex jivvaluta l-progress miksub fl-implimentazzjoni ta' dawk il-linji gwida, jiksbu provi tal-effikaċja tagħhom u, eventwalment, jieħdu azzjoni korrettiva;

148.  Jirrakkomanda li l-kuntatti istituzzjonali u l-kooperazzjoni bejn l-OECD u l-Kummissjoni jissaħħu bil-għan li tibqa' tkun żgurata l-kompatibilità taż-żewġ proċessi u jiġi evitat ir-rikors għal kriterji differenti; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu fil-pront il-leġiżlazzjoni tal-UE bbażata fuq il-linji gwida tal-OECD fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b'hekk l-UE tkun fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD; jissottolinja, iżda, li l-approċċ tal-OECD għadu msejjes fuq regoli mhux vinkolanti u li l-azzjoni tagħha trid tkun integrata minn qafas leġiżlattiv adegwat fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tas-suq uniku, eż. fil-forma ta' direttiva kontra l-BEPS li tmur lil hinn mill-inizjattivi tal-OECD fil-qasam tal-BEPS f'setturi mhux biżżejjed koperti;

Rifuġji fiskali

149.  Jappella għal approċċ komuni tal-UE rigward ir-rifuġji fiskali; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tkompli l-ħidma tagħha fuq elaborazzjoni u adozzjoni ta' definizzjoni Ewropea, ġabra komuni ta' kriterji biex jiġu identifikati r-rifuġji fiskali, indipendentement mill-post fejn jinsabu, u s-sanzjonijiet adegwati għall-pajjiżi li jikkooperaw magħhom, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tagħha ta' Diċembru 2012 dwar il-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi japplikaw standards minimi ta' governanza tajba f'materji ta' taxxa (jiġifieri jmorru oltre l-iskambju ta' informazzjoni u t-trasparenza biex jinkludu kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa u tassazzjoni effettiva) u għall-kumpaniji li jirrikorru għalihom għal skopijiet ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u fuq id-definizzjoni ta' miżuri komuni xierqa li japplikaw għal dawn il-ġurisdizzjonijiet; jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar "il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali" għal lista mhux eżawstiva ta' tali miżuri possibbli(50) ; itenni li listi tassew Ewropej, aġġornati regolarment u bbażati fuq indikaturi kompresivi, trasparenti, sodi, oġġettivament verifikabbli u komunement aċċettati, ikunu aktar effikaċi bħala mezz ta' promozzjoni tal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u ta' tibdil tal-imġiba f'materji ta' taxxa lejn u fi ħdan tali ġurisdizzjonijiet;

150.  jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-lista s-sewda Ewropea t-territorji li jikkonċedu vantaġġi fiskali lil entitajiet mingħajr ma jitolbuhom jiżvolġu attivitajiet ekonomiċi sostanzjali fil-pajjiż, li japplikaw tassazzjoni effettiva konsiderevolment baxxa u li ma jiggarantixxux l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fiskali mal-ġurisdizzjonijiet l-oħrajn;

151.  Jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li jiġi garantit li l-flussi finanzjarji uxxenti jiġu tal-anqas intaxxati darba, pereżempju billi tkun imposta taxxa minn ras il-għajn jew miżuri ekwivalenti, ħalli jkun evitat li l-profitti jitilqu mill-UE mingħajr ma jkunu intaxxati, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva f'dan is-sens, ngħidu aħna permezz tar-reviżjoni tad-Direttivi dwar Kumpanniji Prinċipali u Sussidjarji, dwar l-Imgħax u dwar ir-Royalties; jinsisti fuq l-istituzzjoni ta' sistema bil-għan li tiggarantixxi l-preżentazzjoni ta' dokument ta' konferma lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u l-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni biex jiċċertifika din l-operazzjoni, b'hekk jitħares is-suq uniku u tinżamm il-konnessjoni bejn il-post fejn il-profitti u l-valur ekonomiku huma ġġenerati u l-post fejn dawn huma suġġetti għat-taxxa; jissottolinja li tali sistema għandha tiġi elaborata b'attenzjoni biex ikunu evitati t-tassazzjoni doppja u t-tilwim; jistieden lill-Kummissjoni, hija u tappoġġa l-promozzjoni min-naħa tal-OECD ta' approċċ multilaterali fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' taxxa mmirat biex jirrazzjonalizza s-sistemi fiskali internazzjonali u tiggarantixxi li l-profitti jkunu intaxxati fil-post fejn jiġi ġġenerat il-valur, issaħħaħ ir-rwol tal-UE fix-xena internazzjonali billi titkellem b'vuċi waħda u taħdem fuq l-iżvilupp ta' qafas komuni tal-UE għat-trattati bilaterali f'materji ta' taxxa u sostituzzjoni progressiva ta' numru mdaqqas ta' trattati bilaterali individwali f'materji ta' taxxa bi trattati bejn l-UE u l-ġurisdizzjonijiet terzi; jenfasizza li dan ikun l-aktar mod immedjat biex taffronta il-prattiki ta' "treaty-shopping" (għażla opportunistika tat-trattat l-aktar vantaġġuż); jistieden, sadattant, lill-Istati Membri jdaħħlu fit-trattati dwar it-taxxa klawsoli kontra l-abbużi, skont il-proposti BEPS;

152.  Iqis li t-twaqqif ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles jeħtieġ ikun akkumpanjat b'kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa, li tipprevjeni l-evitar tat-taxxa minn impriżi li jikkompetu fl-istess swieq u tiżgura kundizzjonijiet ta' parità; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, iddaħħal dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles kollha tal-UE li lill-pajjiżi sħab ikunu jorbtuhom li japplikaw il-governanza fiskali tajba u jiżguraw ir-reċiproċità f'materji ta' taxxa; jisħaq li x-xogħol li għamlet il-Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa jirrappreżenta bażi tajba li fuqha dan il-kunċett jista' jiġi implimentat; jissottolinja l-fatt li l-istess jgħodd għall-ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE;

153.  Jistieden lill-korpi tal-UE ma jikkooperawx mal-ġurisdizzjonijiet meqjusin ftit kollaborattivi f'materji ta' taxxa, u lanqas mal-kumpaniji kkundannati bi frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa jew pjanifikazzjoni fiskali aggressiva; jitlob li l-istituzzjonijiet bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ma jibqgħux jikkooperaw, permezz l-intermedjarji finanzjarji tagħhom, mal-ġurisdizzjonijiet fiskali li ma jikkooperawx; jitlob ukoll lill-korpi tal-UE jimpenjaw ruħhom ma jikkonċedux finanzjamenti mill-UE lil kumpaniji kkundannati bi frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa jew pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

154.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex trawwem approċċ aktar ikkoordinat fil-konfront tal-pajjiżi żviluppati bil-għan li tippromwovi aktar reċiproċità f'materji ta' taxxa, partikolarment fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerka wara li jidħol fis-seħħ l-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA); jistieden ukoll lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ftehim tas-27 ta' Mejju 2015 bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji, tissorvelja b'attenzjoni, bil-għan li tħares is-suq uniku, l-eliminazzjoni gradwali maqbula ta' ċerti prattiki dwar it-taxxa dannużi fl-Iżvizzera, konformement mal-linji gwida BEPS u li ma tiġi introdotta l-ebda miżura ġdida dwar it-taxxa dannuża fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni, fin-negozjati tagħha li għaddejjin mal-Iżvizzera, tissuġġerixxi l-introduzzjoni fid-dritt Żvizzeru ta' regoli dwar il-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż; jinsisti li l-Kummissjoni trid tiżgura li l-Iżvizzera ssegwi l-approċċ tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni u tirrapporta lill-Parlament Ewropew;

155.  Ifakkar li l-Istati Membri kollha għażlu approċċ multilaterali ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni, permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Amministrattiva fil-Qasam tat-Taxxa u permezz tar-rieżami tal-2014 tad-direttivi rilevanti tal-UE(51) ; jissottolinja li dawn iż-żewġ inizjattivi huma elementi kruċjali għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u s-sigriet bankarju, inkwantu jinvolvu l-obbligu tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jirrapportaw lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa firxa wiesgħa ta' informazzjoni rigward ir-residenti b'introjtu ġġenerat minn assi li jiddetjenu barra minn pajjiżhom;

Pajjiżi li qed jiżviluppaw

156.  Jevidenzja l-fatt li, fuq livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali, għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u, partikolarment, tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, li normalment huma dawk li l-aktar jintlaqtu mill-evitar tat-taxxa korporattiva u għandhom bażijiet ta' taxxa ristretti ħafna u proporzjonijiet baxxi ta' taxxa/PDG, meta jiġu pproġettati azzjonijiet u politiki kontra l-evitar tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-azzjonijiet u l-politiki għandhom jikkontribwixxu biex jiġġeneraw dħul pubbliku proporzjonat għall-valur miżjud iġġenerat fit-territorju tagħhom, bil-għan li jiffinanzja adegwatament l-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom, il-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u tal-aġenda ta' żvilupp ta' wara l-2015; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, ix-xogħol tal-Kumitat tal-Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali f'Materji ta' Taxxa; jitlob lill-Kummissjoni ssostni l-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-inizjattivi internazzjonali eżistenti u tinkludi r-rappreżentanti minn tali pajjiżi fil-Pjattaforma għall-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa tagħha;

157.  Jistieden lill-membri tal-UE u tal-OECD parteċipanti fil-proġett BEPS jiżguraw li l-"Istandard Globali għall-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni" l-ġdid żviluppat mill-OECD jinkludi perjodu ta' tranżizzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li attwalment ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-qasam tal-iskambju reċiproku u awtomatiku ta' informazzjoni minħabba n-nuqqas ta' kapaċità amministrattiva;

158.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar miżuri biex jgħinu t-titjib tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari f'materji ta' taxxa, bil-għan li jitħalla skambju effikaċi ta' informazzjoni dwar it-taxxa mal-amministrazzjonijiet tagħhom; jappella biex titwaqqaf pjattaforma għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jkun implimentat il-proġetti pilota dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni; jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jippromwovu l-ftehimiet reġjonali jew forom oħrajn ta' kooperazzjoni dwar materji ta' taxxa biex itejbu l-pożizzjoni tagħhom fin-negozjati mal-investituri diretti barranin u mal-kumpaniji multinazzjonali u jittrattaw kwistjonijiet ta' interess komuni;

159.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-aġenziji tagħhom ta' għajnuna għall-iżvilupp ikollhom biżżejjed kompetenzi tekniċi, li ġejjin partikolarment mill-ministeri tal-finanzi u mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa, biex isibu tarf il-kwisjonijiet fil-qasam tat-taxxa fil-politiki ta' żvilupp;

160.  Jirreferi għall-pjan ta' azzjoni ppreżentat fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha, bħan-Nazzjonijiet Uniti, ikunu parti minn proċess inklużiv u jikkontribwixxu għall-aġenda tal-G20/OECD dwar it-taxxa, billi isibu tarf il-BEPS, jippromwovu t-trasparenza internazzjonali fil-qasam tat-taxxa u l-kondiviżjoni globali tal-informazzjoni dwar it-taxxa, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta' standard komuni u uniku ta' rappurtar fil-qasam tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni jew id-divulgazzjoni pubblika tas-sjieda benefiċjarja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw rwol akbar tan-Nazzjonijiet Uniti fit-taħditiet internazzjonali futuri f'materji ta' taxxa, pereżempju billi jinċentivaw il-ħolqien ta' entità fiskali globali taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Unitit;

Konsulenti fiskali

161.  Jiġbed l-attenzjoni għall-avviċinament problematiku u diskutibbli, fi ħdan l-istess impriża, tal-attivitajiet ta' konsulenza u ta' awditjar dwar it-taxxa maħsuba, minn naħa, biex jaqdu l-bżonnijiet tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa, eż. għall-elaborazzjoni tas-sistemi fiskali jew għat-titjib tal-ġbir tat-taxxi, u, min-naħa l-oħra, biex ifornu servizzi ta' ppjanar tat-taxxa għall-kumpaniji multinazzjonali mill-oħra, li jistgħu jkunu qegħdin jisfruttaw il-lakuni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tat-taxxa;

162.  Jindika li jeżisti qafas ġuridiku Ewropew, li jinkludi l-aktar pakkett reċenti ta' riformi tas-suq tal-awditjar, approvat mill-Parlament fit-3 ta' April 2014(52) ; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti jkunu applikati fl-Istati Membri fi żmien it-termini previsti u skont l-objettivi segwiti;

163.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal linji gwida għas-settur tas-servizzi ta' konsulenza fiskali u għat-twaqqif ta' reġim ta' inkompatibilità tal-UE għall-konsulenti fil-qasam tat-taxxa u, jekk ikun il-każ, għall-banek, bil-ħolqien ta' qafas li jipprevjeni effettivament il-kunflitti ta' interess bejn is-servizzi lis-settur pubbliku u dak privat;

164.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tniedi indaġni biex tivvaluta l-istat ta' konċentrazzjoni tas-settur u kull eventwali distorsjoni tal-kompetizzjoni; jirrakkomanda li din l-indaġni teżamina wkoll b'mod speċifiku jekk il-kombinazzjoni tal-konsulenza fiskali u l-funzjonijiet ta' awditjar fi ħdan l-istess impriża tistax twassal għal kunflitti ta' interess, u tipproponi miżuri f'dan is-sens, anke billi tintroduċi mekkaniżmi ta' separazzjoni tas-servizzi ta' konsulenza fl-impriżi;

165.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta b'urġenza l-possibilità li tintroduċi qafas leġiżlattiv għal sanzjonijiet suffiċjenti għall-impriżi, banek, ditti kontabilistiċi u konsulenti finanzjarji li fil-konfront tagħhom intwera li kienu involuti fl-implimentazzjoni jew fil-promozzjoni tal-evitar tat-taxxa illegali u tal-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva; jissottolinja li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikollhom effett ta' deterrent u jistgħu jinkludi, fost affarijiet oħra, multi, divjet ta' aċċess fil-finanzjamenti mill-baġit tal-UE, projbizzjoni ta' kwalunkwe rwol konsultattiv fl-istituzzjonijiet tal-UE u, f'każijiet estremi u ripetuti, revoka tal-liċenzji kummerċjali;

Azzjoni ulterjuri fuq livell nazzjonali

166.  Jinkoraġġixxi azzjoni ulterjuri fil-livell nazzjonali biex l-evitar tat-taxxa tiġi affrontata, fi ħdan l-oqfsa tal-UE u tal-OECD, peress li r-reazzjonijiet mhux ikkoordinati jistgħu joħolqu aktar asimmetriji u opportunitajiet ta' imbrolji tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li l-aħjar strument biex tiġi miġġielda l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa huwa l-kooperazzjoni, minflok l-introduzzjoni unilaterali ta' reġimi preferenzjali biex attiraw l-investimenti;

167.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida dwar l-amnistiji fiskali konċessi mill-Istati Membri bl-iskop li jiġu definiti ċ-ċirkostanzi li fihom tali amnistiji jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE marbuta maċ-ċirkolazzjoni libera tal-kapital, mal-libertà tal-għoti ta' servizzi, mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tal-ħasil ta' flus, u l-approċċ komuni tal-UE kontra r-rifuġji fiskali; ifakkar il-bżonn li jsir rikors għal tali prattiki b'kawtela estrema bil-għan li min jevita t-taxxa ma jkunx inċentivat li jistenna l-amnistija li jmiss;

168.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu sistema ta' taxxi minn ras il-għajn fuq ir-royalties, biex ikun żgurat li anke r-royalties imħallsa lill-pajjiżi terzi mhux kontemplati minn ftehimiet bilaterali fil-qasam tat-taxxa jkunu suġġetti għat-taxxa;

169.  Iħeġġeġ lil kull Stat Membru jwettaq, meta meħtieġ bis-saħħa tal-appoġġ tekniku tal-Kummissjoni, valutazzjonijiet tal-impatt li jkopru l-effetti konsegwenzjali fil-pajjiżi l-oħra, qabel ma jintroduċu eventwali miżuri tat-taxxa li jista' jkollhom impatt barra mill-pajjiż; jagħmel appell favur l-involiment qawwi tal-parlamenti nazzjonali fil-kwistjoni tal-evitar tat-taxxa billi l-ebda reġim jew trattament fil-qasam tat-taxxa ma għandu jaħrab minn valutazzjoni u kontroll demokratiku xierqa tal-leġiżlatur;

170.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jinterrompu u jerġgħu jikkunsidraw it-tqaċċit tar-riżorsi tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom, jintensifikaw l-investimenti u jżidu l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom kif ukoll jiżguraw mobilità effikaċi tal-persunal u tat-teknoloġija u aġġornamenti tal-kompetenzi, bil-għan li jinstab tarf l-iżvilupp u l-impatt tal-prattiki dwar it-taxxa dannużi, li qegħdin isiru dejjem iktar sofistikati; jistieden lill-Kummissjoni tforni sostenn tekniku għal dawn l-isforzi, partikolarment fil-kuntest tal-programm FISCALIS 2020; jistieden ukoll lill-Istati Membri jaħdmu favur reġimi ta' tassazzjoni aktar sempliċi, effikaċi u trasparenti fl-interess tal-Istati Membri, taċ-ċittadini u tal-impriżi;

171.  Ifakkar li l-akkwist pubbliku jirrappreżenta 16 % tal-PDG fit-territorju tal-UE; jitlob valutazzjoni tal-possibilità li jiddaħħlu kriterji ta' tassazzjoni, trasparenza jew kooperazzjoni fis-sejħiet għall-offerti ta' akkwist pubbliku matul il-proċess ta' emenda li jmiss tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibilità li jeskludu mill-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku l-kumpaniji li jirriżultaw li segwew pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u skemi ta' evitar tat-taxxa;

172.  Jenfasizza, fl-aħħar nett, li r-regola tal-unanimità fi ħdan il-Kunsill, bid-dritt ta' veto ta' kull Stat Membru, tnaqqas l-inċentiv li ngħaddu mill-istatus quo għal soluzzjoni aktar kooperattiva; jistieden lill-Kummissjoni ma tastjenix milli tagħmel użu, meta xieraq, tal-Artikolu 116 tat-TFUE li jiddisponi s-segwenti: "Jekk il-Kummissjoni ssib li d-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet, regolamenti jew regoli amministrattivi tal-Istati Membri qed iwasslu għal kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni distorti fis-suq intern, u b'hekk iġibu nuqqas ta' bilanċ li jitlob korrezzjoni, hija għandha tikkonsulta mal-Istati Membri interessati. Jekk dawk il-konsultazzjonijiet ma jwasslux għal ftehim li bih in-nuqqas ta' bilanċ imsemmi jiġi korrett, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom joħorġu d-direttivi meħtieġa għal dan il-għan [...]";

173.  Jimpenja ruħu li jkompli l-ħidma li beda l-Kumitat Speċjali tiegħu, ivinċi l-ostakli li jxekklu lill-Kumitat Speċjali tiegħu milli jlesti l-mandat sħiħ tiegħu u jiżgura li jingħata segwitu xieraq lir-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw l-aqwa struttura istituzzjonali biex jinkiseb dan il-għan;

174.  Itenni t-talba tiegħu għal aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha tal-UE; jistieden lill-President tiegħu jgħaddi din it-talba lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, u jgħarraf li l-Parlament huwa determinat li jirrikorri għal kull mezz possibbli għad-dispożizzjoni tiegħu biex jilħaq dan il-għan;

175.  Jistieden lill-kumitat kompetenti jagħti segwitu lil dawn ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport fuq inizjattiva leġiżlattiva imminenti dwar l-istess suġġett;

176.  Jistieden lill-kumitat kompetenti għall-affarijiet kostituzzjonali jagħti segwitu lil dawn ir-rakkomandazzjonijiet, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-inseriment ta' klawsoli ta' kooperazzjoni vinkolanti fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-organizzazzjonijiet inklużi fir-registru ta' trasparenza, u l-modifiki tar-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, bil-għan li jiġu allinjati aħjar mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilita fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

o
o   o

177.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parlamenti nazzjonali, lill-G20 u lill-OECD.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0039.
(2) Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1), dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.
(3) Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/49/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' mgħax u ta' royalties bejn kumpaniji assoċjati ta' Stati Membri differenti (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 49).
(4) ĠU L 225, 20.8.1990, p. 6.
(5) ĠU L 158, 27.5.2014, p. 196.
(6) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.
(7) ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.
(8) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(9) ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3
(10) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 134.
(11) ĠU C 2, 6.1.1998, p. 2.
(12) Testi adottati, P8_TA(2015)0257.
(13) Testi adottati, P8_TA(2015)0265.
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0089.
(15) Testi adottati, P8_TA(2015)0062.
(16) Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
(17) Testi adottati, P7_TA(2013)0205.
(18) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 53.
(19) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 37.
(20) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 29.
(21) "Taxation trends in the European Union" (Tendenzi tat-Tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea) edizzjoni tal-2014, Eurostat.
(22) "Taxation trends in the European Union" (Tendenzi tat-Tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea), Kotba statistiċi tal-Eurostat, edizzjoni tal-2014.
(23) Kummissjoni Ewropea (2015), "SME taxation in Europe – an empirical study of applied corporate income taxation for SMEs compared to large enterprises" (It-tassazzjoni tal-SMEs fl-Ewropa – studju empiriku tat-tassazzjoni korporattiva applikata għall-SMEs meta mqabbla ma' impriżi kbar).
(24) Dokumenti tematiċi tal-FMI: "Spillovers in international corporate taxation" (Effetti konsegwenzjali fit-tassazzjoni korporattiva internazzjonali), 9 ta' Mejju 2014 u "Base Erosion, Profit Shifting and Developing Countries" (L-Erożjoni tal-Bażi, it-Trasferiment tal-Profitti u l-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw), 29 ta' Mejju 2015.
(25) Rapport tal-10 ta' Frar 2012 minn Richard Murphy FCA intitolat "Closing the European Tax Gap" (Innaqqsu d-Distakk Fiskali Ewropew).
(26) "European added value of legislative report on bringing Transparency, coordination and convergence to corporate tax policies in the European Union" (Il-valur miżjud Ewropew tar-rapport leġiżlattiv intitolat Indaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni), Dr Benjamin Ferrett, Daniel Gravino u Silvia Merler - Parlament Ewropew.
(27) "Unhappy meal – €1 Billion in Tax Avoidance on the Menu at McDonald’s" (Mhux Happy Meal – EUR 1 Biljun f'Taxxa Evitata fuq il-Menù għand McDonald's), EPSU et al. , Frar 2015.
(28) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 intitolat "Corporate Income Taxation in the European Union" (It-Tassazzjoni tad-Dħul Korporattiv fl-Unjoni Ewropea) (SWD(2015)0121).
(29) "A study on R&D Tax incentives" (Studju dwar l-Inċentivi Fiskali għar-Riċerka u l-Iżvilupp), Dokument dwar it-Tassazzjoni Nru 52-2014, Kummissjoni Ewropea.
(30) "Transfer pricing: Keeping it at arm's length" (Inżommu distakk mill-ipprezzar ta' trasferiment) OECD Observer 230, Jannar 2002 (ikkoreġut fl-2008).
(31) Kamra tal-Komuni, xhieda orali quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, 31 ta' Jannar 2013.
(32) Stqarrija għall-istampa tal-OECD, "OECD urges stronger international co-operation on corporate tax" (L-OECD tħeġġeġ favur kooperazzjoni internazzjonali aktar b'saħħitha fir-rigward tat-taxxa korporattiva), 12.2.2013.
(33) "SME taxation in Europe – an empirical study of applied corporate income taxation for SMEs compared to large enterprises" (It-tassazzjoni tal-SMEs fl-Ewropa – studju empiriku tat-tassazzjoni korporattiva applikata għall-SMEs meta mqabbla ma' impriżi kbar) – Kummissjoni Ewropea, Mejju 2015, u P. Egger, W. Eggert u H. Winner (2010), "Saving taxes through foreign plant ownership" (Iffrankar ta' taxxi permezz ta' sjieda barranija tal-impjanti), Journal of International Economics 81, p. 99-108.
(34) C-106/09 P u C-107/09 P, il-Kummissjoni vs il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit , sentenza tal-15 ta' Novembru 2011.
(35) Jekk il-miżuri adottati mill-Istat Membru jkunu jirrigwardaw is-sistema tat-taxxa kollha kemm hi, ikunu jikkosttiwixxu aġġustamenti fil-politika fiskali ġenerali u mhux għajnuna mill-istat.
(36) Nota mibgħuta mill-Kummissarju Vestager lill-Kumitat TAXE fid-29 ta' April 2015.
(37) Kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, rigward l-obbligu ta' kooperazzjoni u tal-għoti tad-dokumenti meħtieġa kollha.
(38) Dokument tematiku tal-FMI, "Spillovers in international corporate taxation" (Effetti konsegwenzjali fit-tassazzjoni korporattiva internazzjonali), 9 ta' Mejju 2014.
(39) Dokument ta' ħidma tal-FMI "Base Erosion, Profit Shifting and Developing Countries" (L-Erożjoni tal-Bażi, it-Trasferiment tal-Profitti u l-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw), Mejju 2015.
(40) Studju "Tax revenue mobilisation in developing countries: issues and challenges" (Mobilizzazzjoni tad-dħul mit-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: problemi u sfidi), Parlament Ewropew, April 2014.
(41) Rapport dwar l-Investiment Dinji 2015, Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp.
(42) Rapport ta' Christian Aid, 2008.
(43) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 41.
(44) Airbus, BNP Paribas, SSE plc, Total S.A.
(45) Amazon, Anheuser-Busch InBev, Barclays Bank Group, Coca-Cola Company, Facebook, Google, HSBC Bank plc, IKEA, McDonald's Corporation, Philip Morris, Walt Disney Company.
(46) Fiat Chrysler Automobiles, Walmart.
(47) Il-Kodiċi ta' Kondotta stabbilit fl-Anness 3 tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2014 dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza.
(48) "Tracking corporate tax breaks: a welcome new form of transparency emerges in the US", Tax Justice Network.
(49) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681), p. 7.
(50) Fost l-oħrajn, dawn il-miżuri jinkludu stediniet lill-awtoritajiet rilevanti biex: jissospendu jew itemmu l-Konvenzjonijiet eżistenti dwar it-Taxxa Doppja mal-ġurisdizzjonijiet li qegħdin fuq il-lista sewda; jipprojbixxu l-aċċess għall-akkwist pubbliku tal-UE ta' prodotti u servizzi u biex jirrifjutaw l-għoti ta' għajnuna statali lil kumpaniji bbażati f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda; jipprojbixxu istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji tal-UE milli jistabbilixxu jew ikollhom sussidjarji u fergħat fil-ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda u biex iqisu li jirrevokaw il-liċenzji għal istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji Ewropej, li jkollhom fergħat u jkomplu joperaw f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda: jintroduċu imposta speċjali fuq it-tranżazzjonijiet kollha minn u lejn ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda; jeżaminaw firxa ta' għażliet, fl-UE, għan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-istatus legali ta' kumpaniji mwaqqfa f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda; japplikaw ostakli tariffarji f'każijiet ta' kummerċ ma' pajjiżi terzi fuq il-lista s-sewda.
(51) Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil u Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tal-UE
(52) Testi adottati,P7_TA(2014)0283 u P7_TA(2014)0284.


ANNESS 1

LISTA TA' PERSUNI LI MAGĦHOM SARU LAQGĦAT

(LAQGĦAT TAL-KUMITAT U DELEGAZZJONIJIET)

Data

Kelliema

3.3.2015

—  Pierre Moscovici, Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana

16.4.2015

—  Serge Colin, President tal-UFE (Unjoni tal-Persunal tal-Finanzi)

—  Fernand Müller, President tal-kumitat fiskali tal-UFE

—  Paulo Ralha, President tat-Trade Union Portugiża tal-Ħaddiema tat-Taxxi

—  François Goris (President tal-UNSP-NUOD) għall-Konfederezzjoni Ewropea tat-Trade Unions Indipendenti (CESI)

—  Nadja Salson, Federazzjoni tat-Trade Unions Ewropea tas-Servizzi Pubbliċi

—  Henk Koller, President tal-Federazzjoni Ewropea tal-Konsulenti Fiskali (CFE)

—  Olivier Boutellis-Taft, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Kontabilisti Ewropej (FEE)

—  Ravi Bhatiani, Direttur tal-Affarijiet Ġuridiċi ta' Independent Retail Europe

5.5.2015

—  Margrethe Vestager, Kummissarju għall-Kompetizzjoni

—  Wolfgang Nolz, President tal-Grupp tal-Kodiċi tal-Kondotta

—  Jane McCormick, assoċjat prinċipali fil-qasam tat-taxxa, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni fl-EMA (Ewropa, Lvant Nofsani u Afrika), KPMG

—  Chris Sanger, assoċjat, responsabbli globali mill-politika tat-tassazzjoni, Ernst&Young

—  Stef van Weeghel, assoċjat PwC, responsabbli mill-qasam tal-politika tat-tassazzjoni globali

—  Bill Dodwell, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni ta' Deloitte UK

11.5.2015

Smigħ pubbliku dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u l-prattiki dwar it-taxxa dannużi

—  Stephanie Gibaud, informatriċi u ex impjegata ma' UBS

—  Lutz Otte, informatur u ex kuntrattatur għat-teknoloġija tal-informazzjoni ma' Julius Baer

—  Kristof Clerix, Konsorzju Internazzjoni ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ)

—  Edouard Perrin, membru tal-ICIJ

—  Richard Brooks, membru tal-ICIJ

—  Lars Bové, membru tal-ICIJ

—  Xavier Counasse, ġurnalist ma' "Le Soir"

—  Dominique Berlin, Kulleġġ Ewropew ta' Pariġi, Università Panthéon-Assas (Paris 2)

—  Gabriel Zucman, Assistent Professur, London School of Economics and Political Sciences

—  Achim Doerfer, avukat fil-qasam tat-tassazzjoni, awtur u filosfu tad-dritt

12.5.2015

Delegazzjoni fil-Belġju

—  Jacques Malherbe, Università Kattolika ta' Louvain (UCL)

—  Axel Haelterman, Università ta' Leuven (KU Leuven)

—  Werner Heyvaert, espert fit-taxxa, Jones Day

—  Wim Wuyts, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni – President tal-kumitat għat-taxxi FEB-VBO u Hilde Wampers, Viċi President tat-politika tat-tassazzjoni - Grupp Finanzi FEB-VBO

—  Christophe Quintard, (espert tal-FGTB, ex awditur fil-qasam tat-taxxa)

—  Eric van Rompuy (President) u membri oħrajn tal-Kumitat għall-Finanzi u l-Baġit tal-Parlament Federali

—  Steven Van den Berghe, Kap tas-servizz dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa

—  Johan Van Overtveld – Ministru tal-Finanzi (il-laqgħa saret fis-17 ta' Ġunju)

18.5.2015

Delegazzjoni fil-Lussemburgu

—  Wim Piot, responsabbli mill-qasam tat-taxxa, PwC Luxembourg

—  Nicolas Mackel, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Lussemburgu għall-Finanzi

—  Christine Dahm, Direttriċi, u Mike Mathias, membru tas-Cercle de Coopération des ONG du développement

—  Eugène Berger (President) u membri oħrajn tal-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament

—  Pierre Gramegna, Ministru tal-Finanzi

—  Pascale Toussing, Direttriċi tal-affarijiet tat-taxxa, Ministeru tal-Finanzi u membri tal-amministrazzjoni tat-taxxa

22.5.2015

Delegazzjoni f'Berna, Żvizzera

—  Markus R. Neuhaus, President tal-Bord ta' PwC Switzerland, membru tal-uffiċċju tal-President Globali ta' PwC

—  Frank Marty, membru tal-bord eżekuttiv, Kap tas-servizzi finanzjarji u taxxi, Economie Suisse

—  François Baur, Delegat Permanenti fi Brussell, Kap tal-Affarijiet Ewropej, Economie Suisse

—  Martin Zogg, membru tal-Kumitat Eżekuttiv, Kap tat-Tassazzjoni Nazzjonali u Internazzjonali, Swiss Holdings

—  Urs Kapalle, Direttur tal-Politika Finanzjarja u t-Taxxi, Assoċjazzjoni Żvizzera tal-Bankiera

—  Mark Herkenrath, Alliance Sud, membru ta' Global Alliance for Tax Justice

—  Olivier Longchamp, Dikjarazzjoni ta' Berna (DoB)

—  Jacques de Watteville, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Finanzjarji Internazzjonali (SIF)

—  Ambaxxatur Christoph Schelling, Kap tat-Taqsima tal-Politika tat-Tassazzjoni

—  Adrian Hug, Direttur tal-Amministrazzjoni Federali Żvizzera tat-Taxxa

—  Ruedi Noser, membru tal-Kunsill Nazzjonali, Kap tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u t-Tassazzjoni

—  Urs Schwaller, membru tal-Kunsill tal-Istati

—  Ulrich Trautmann, Kap tas-Settur għall-Kummerċ u l-Affarijiet Ekonomiċi, Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvizzera u l-Liechtenstein

—  Marco Salvi, riċerkatur prinċipali, Avenir Suisse

27.5.2015

Laqgħa mal-Gvern tal-Maestà Tagħha ta' Ġibiltà (mal-koordinaturi TAXE)

—  Fabian Picardo, Ministru Kap

—  Joseph Garcia, Viċi Ministru Kap

28.5.2015

Delegazzjoni f'Dublin, Irlanda

—  Martin Lambe, Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Istitut tat-Taxxa tal-Irlanda

 Michael Noonan, Ministru tal-Finanzi

—  Niall Cody, President tal-Kummissjoni tad-Dħul

—  Liam Twomy (President) u membri oħra tal-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament (Oireachtas) u l-Kumitat Konġunt Kamra-Senat għall-Affarijiet Ewropej

—  Frank Barry, Trinity College Dublin (TCD)

—  Seamus Coffey, University College Cork (UCC)

—  Feargal O'Rourke, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni, PwC

—  Conor O'Brien, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni, KPMG

—  Jim Clarken, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta' Oxfam Ireland

—  Micheál Collins, Nevin Economic Research Institute (NERI).

29.5.2015

Delegazzjoni f'The Hague, Netherlands

—  Sjoera Dikkers, MP u membri oħra tal-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament tan-Netherlands

—  Bartjan Zoetmulder, Assoċjazzjoni tal-Konsulenti tat-Taxxa tan-Netherlands

—  Hans Van den Hurk, Università ta' Maastricht

—  Indra Römgens, SOMO, organizzazzjoni indipendenti u mingħajr skop ta' lukru dwar ir-riċerka u n-netwerks

—  Francis Weyzig, Oxfam

—  Pieterbas Plasman, Kap tal-Uffiċċju għad-Deċiżjonijiet fil-qasam tat-Taxxa

—  Eric Wiebes, Segretarju tal-Istat tan-Netherlands għall-Affarijiet tat-Taxxa

1.6.2015

Smigħ Pubbliku dwar id-dimensjoni internazzjonali tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħrajn

—  Senatur Mario Monti, ex Kummissarju għall-Kompetizzjoni u għad-Dwana, it-Tassazzjoni u s-Suq Intern

—  Tove Maria Ryding, diriġent responsabbli mill-politika u mill-promozzjoni tal-European Network on Debt and Development (EURODAD)

—  Antoine Deltour, informatur, ex awditur, PwC Luxembourg

17.6.2015

Laqgħa interparlamentari bl-isem 'L-ippjanar aggressiv tat-taxxa u r-rwol tal-parlamenti fil-kontroll demokratiku'

Sebgħa u tletin Membru minn tmintax-il parlament nazzjonali:

AT, BE, CY, CZ, FR, DE, GR, HU, IE, IT, LT, LU, MT, PL, PT, RO, ES, SV

—  Heinz Zourek, Direttur Ġenerali tad-DĠ TAXUD

—  Pascal Saint-Amans, Direttur taċ-Ċentru għall-Politika u l-Amministrazzjoni fil-qasam tat-Taxxa tal-OECD

18.6.2015

Delegazzjoni f'Londra, Renju Unit

—  David Gauke, MP, Segretarju Finanzjarju tat-Teżor,

—  Jim Harra, Direttur Ġenerali, Taxxa tan-Negozju, Awtorità tal-Maestà Tagħha għad-Dħul u d-Dwana (HM Revenue & Customs, HMRC)

—  Fergus Harradence, Direttur Dipartimentali, Tim għat-Taxxa Korporattiva, Grupp għat-Taxxa tan-Negozju u Internazzjonali fit-Teżor tal-Maestà Tagħha (HM Treasury)

—  Andrew Dawson, Kap tat-Tim "trattati fiskali", Kap negozjatur għat-trattati dwar it-taxxi għar-Renju Unit

—  Maura Parsons, Viċi Direttriċi, Kap tal-ipprezzar ta' trasferiment fi ħdan it-taqsima "Business International" tal-HMRC u President tal-Bord għall-ipprezzar ta' trasferiment tal-HMRC

—  Meg Hillier (President), Margaret Hodge (ex President) u Guto Bebb, membru tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-House of Commons

—  Prem Sikka, Professur tal-Kontabilità, Essex Business School, Università ta' Essex

—  Frank Haskew, Kap tal-ICAEW (Institute of Chartered Accountants in England and Wales) Fakultà tat-Taxxi; u Ian Young, diriġent fil-qasam tat-taxxi internazzjonali

—  Will Morris, President tal-Kumitat għat-Taxxi u tal-Kumitat għat-Taxxi tal-BIAC

Konfederazzjoni tal-Industrija tar-Renju Unit (CBI)

—  Richard Collier, Assoċjat Prinċipali fil-qasam tat-taxxa ma' PwC

—  Joseph Stead, Christian Aid

—  Meesha Nehru, Direttriċi ta' Programmi, Fair Tax Mark

23.6.2015

Skambju ta' fehmiet ma' korporazzjonijiet multinazzjonali

—  Nathalie Mognetti, Uffiċjal Kap fil-qasam tat-taxxa, Total S.A.

—  Martin McEwen, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni, SSE plc

—  Christian Comolet-Tirman, Direttur, Affarijiet Fiskali, BNP Paribas Group

25.6.2015

Laqgħa mar-rappreżentant governattiv ta' Bermuda (mal-koordinaturi TAXE)

—  Everard Bob Richards, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi

—  Alastair Sutton, konsulent għall-affarijiet ġuridiċi tal-UE tal-Gvern ta' Bermuda

2.7.2015

—  Richard Murphy, Tax Research LLP u membru fundatur ta' Tax Justice Network

—  Guillaume de La Villeguérin, Viċi President, Taxxa u Dwana, Airbus

17.9.2015

—  Jean-Claude Juncker, President tal-Kummissjoni Ewropea

—  Pierre Moscovici, Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana

—  Margrethe Vestager, Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni

22.9.2015

—  Pierre Gramegna, President tal-Kunsill ECOFIN, Ministru għall-Finanzi, il-Lussemburgu

—  Dott. Wolfgang Schäuble, Ministru Federali għall-Finanzi, il-Ġermanja

—  Luis de Guindos, Ministru għall-Ekonomija u l-Kompetittività, Spanja

—  Michel Sapin, Ministru għall-Finanzi u l-Kontijiet Pubbliċi, Franza

—  Pier Carlo Padoan, Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi, l-Italja

16.11.2015

Skambju ta' fehmiet mal-korporazzjonijiet multinazzjonali

—  Monique Meche, Viċi President, Politika Pubblika Globali, Amazon

—  Malte Lohan, Direttur tal-Affarijiet Korporattivi Globali, Anheuser-Busch InBev SA

—  Mark Hubbard, responsabbli globali mill-politika tat-tassazzjoni, Barclays Bank Group

—  Delphine Reyre, Direttriċi tal-Politika Pubblika għall-Ewropa tan-Nofsinhar, Facebook

—  Iain McKinnon, kap tal-grupp tat-tassazzjoni, HSBC

—  Krister Mattsson, responsabbli mill-finanza korporattiva, assigurazzjoni, taxxa u teżor, IKEA Group

—  Irene Yates, Viċi President, Taxxa Korporattiva, McDonald's Europe

—  Werner Schuster, Viċi President fil-qasam tat-taxxa, Philip Morris International

—  Nicklas Lundblad, Direttur Prinċipali, Politika Pubblika u Relazzjonijiet Governattivi, Google

—  John Stowell, Viċi President Prinċipali, Taxxi Korporattivi, The Walt Disney Company

—  Robert Jordan, Viċi President, Kunsill tat-Taxxa Ġenerali, Coca-Cola Company


ANNESS 2

LISTA TA' TWEĠIBIET SKONT IL-PAJJIŻ/ISTITUZZJONI

(sitwazzjoni fis-16 ta' Novembru 2015)

Pajjiż

Tweġiba

l-ewwel talba fit-23.4.2015 – Data ta' skadenza: 31.5.2015

Żvezja

29.5.2015

Jersey

29.5.2015

Guernsey

31.5.2015

Lussemburgu

1.6.2015

Finlandja

2.6.2015

Slovakkja

3.6.2015

Irlanda

5.6.2015

Netherlands

8.6.2015

Renju Unit

8.6.2015

Franza

10.6.2015

Repubblika Ċeka

11.6.2015

Latvja

16.6.2015

Belġju

16.6.2015

Malta

18.6.2015

l-ewwel tfakkira fid-29.06.2015 – Data ta' skadenza: 9.07.2015

Portugall

30.6.2015

Polonja

2.7.2015

Litwanja

3.7.2015

Ungerija

7.7.2015

Kroazja

8.7.2015

Estonja

10.7.2015

Greċja

10.7.2015

Spanja

10.7.2015

Ġibiltà

13.8.2015

Danimarka

26.8.2015

Ġermanja

2.9.2015

Rumanija

3.9.2015

Italja

17.9.2015

l-aħħar tfakkira fil-21.09.2015

Awstrija

21.9.2015

Ċipru

22.9.2015

Bulgarija

28.9.2015

Slovenja

28.9.2015

ISTITUZZJONIJIET

Tweġiba

Kummissjoni

29.4.2015

3.6.2015

31.8.2015

23.10.2015

9.11.2015

Kunsill

29.5.2015

15.6.2015

27.7.2015


ANNESS 3

KUMPANIJI MULTINAZZJONALI MISTIEDNA

JATTENDU FIL-LAQGĦAT TAL-KUMITAT

Isem

Mistednin/rappreżentanti

Sitwazzjoni fis-16 ta' Novembru 2015

Airbus

Guillaume de La Villeguérin,

Viċi President, Taxxa u Dwana

ipparteċipa - 2.7.2015

BNP Paribas

Christian Comolet-Tirman,

Direttur, Affarijiet Fiskali

ipparteċipa - 23.6.2015

SSE plc

Martin McEwen, responsabbli mill-politika tat-tassazzjoni

ipparteċipa - 23.6.2015

Total S.A.

Nathalie Mognetti,

uffiċjali kap tal-politika tat-tassazzjoni

ipparteċipat - 23.6.2015

Amazon

Monique Meche, Viċi President, Politika Pubblika Globali

ipparteċipat - 16.11.2015

Anheuser-Busch InBev

Malte Lohan, Direttur tal-Affarijiet Korporattivi Globali

ipparteċipa - 16.11.2015

Barclays Bank Group

Mark Hubbard, responsabbli globali mill-politika tat-tassazzjoni

ipparteċipa - 16.11.2015

Coca-Cola Company

Robert Jordan, Viċi President, Kunsill tat-Taxxa Ġenerali

ipparteċipa - 16.11.2015

Facebook

Delphine Reyre, Direttriċi tal-Politika Pubblika għall-Ewropa tan-Nofsinhar

ipparteċipat - 16.11.2015

Google

Nicklas Lundblad, Direttur Prinċipali, Politika Pubblika u Relazzjonijiet Governattivi

ipparteċipa - 16.11.2015

HSBC Bank plc

Iain McKinnon, kap tal-grupp tat-tassazzjoni

ipparteċipa - 16.11.2015

IKEA Group

Krister Mattsson, responsabbli mill-finanza korporattiva, assigurazzjoni, taxxa u teżor

ipparteċipa - 16.11.2015

McDonald’s Europe

Irene Yates, Viċi President, Taxxa Korporattiva

ipparteċipat - 16.11.2015

Philip Morris

International

Werner Schuster, Viċi President fil-qasam tat-taxxa

ipparteċipa - 16.11.2015

The Walt Disney Company

John Stowell, Viċi President Prinċipali, Taxxi Korporattivi

ipparteċipa - 16.11.2015

Fiat Chrysler Automobiles

Sergio Marchionne,

Uffiċjal Kap Eżekuttiv

irrifjuta minħabba li għaddejjin l-investigazzjonijiet

Walmart

Shelley Broader,

President u Uffiċjal Kap Eżekuttiv għar-reġjun Ewropa, Lvant Nofsani u Afrika

irrifjutat

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Lulju 2017Avviż legali