Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1351/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.12
CRE 16/12/2015 - 11.12

Testi adottati :

P8_TA(2015)0461

Testi adottati
PDF 272kWORD 85k
L-Erbgħa, 16 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015
P8_TA(2015)0461B8-1351, 1358, 1359 u 1361/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2935(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni premessa u r-raba' sas-seba' premessi tiegħu,

–  wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7 tat-TUE, kif ukoll l-artikoli tat-TUE u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, li ġiet ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija(1) , tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija(2) , tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-ġrajjiet politiċi reċenti fl-Ungerija(3) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi Ungeriża dwar il-midja(4) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra l-ewwel djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt, li sar fis-17 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tas-27 ta' Novembru 2015 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-Att CXL tal-2015 adottat mill-Parlament Ungeriż dwar l-immigrazzjoni tal-massa,

–  wara li kkunsidra l-Att CXLII tal-2015 adottat mill-Parlament Ungeriż dwar il-protezzjoni effiċjenti tal-fruntieri tal-Ungerija u dwar l-immigrazzjoni tal-massa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 36/2015 tal-Parlament Ungeriż dwar messaġġ lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, adottata fit-22 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 (O-000140/2015 – B8-1110/2015),

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 2015, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni waqt id-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament fit-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri kollha (l-Artikolu 2 tat-TUE); billi riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE min-naħa ta' Stat Membru jiskatta l-proċedura "tal-Artikolu 7";

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mid-dritt primarju tal-UE u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni ta' natura politika jew ta' kwalunkwe tip ieħor, l-appartenenza għal xi minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi l-mod li bih l-istat tad-dritt jiġi implimentat fil-livell nazzjonali jaqdi rwol ewlieni fl-iżgurar tal-fiduċja fir-rigward tas-sistemi ġuridiċi u amministrattivi tal-Istati Membri; billi l-intransiġenza ġustifikabbli tal-UE rigward il-valuri tar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kredibilità tal-Unjoni kemm internament kif ukoll fix-xena internazzjonali;

D.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit, bir-rispett debitu għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u tal-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, u f'konformità mat-TUE u mat-TFUE;

E.  billi nfiq pubbliku bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għandhom ikunu elementi ewlenin tal-politika tal-UE intiża biex tqawwi l-fiduċja taċ-ċittadini billi tiżgura li l-flus tagħhom jintużaw b'mod korrett, effiċjenti u effikaċi;

F.  billi żviluppi reċenti, flimkien ma' inizjattivi u miżuri meħuda f'dawn l-aħħar ftit snin fl-Ungerija, wasslu għal deterjorament sistemiku serju fis-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, inter alia l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà akkademika, id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, ta' dawk li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, il-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, restrizzjonijiet u ostruzzjonijiet għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dritt għat-trattament ugwali, id-drittijiet ta' persuni li jappartienu għal minoranzi, inklużi r-Rom, il-Lhud u l-persuni LGBTI, id-drittijiet soċjali, il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali, l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra, kif ukoll bosta allegazzjonijiet preokkupanti ta' korruzzjoni u ta' kunflitti ta' interessi;

G.  billi, f'Lulju u Settembru 2015, il-Parlament Ungeriż adotta għadd ta' emendi, li għandhom x'jaqsmu b'mod partikolari mad-dritt dwar l-asil, mal-kodiċi penali, mad-dritt dwar il-proċedura kriminali, mad-dritt dwar il-fruntieri, mad-dritt dwar il-pulizija u mad-dritt dwar id-difiża nazzjonali; billi valutazzjoni preliminari min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea kixfet għadd ta' preokkupazzjonijiet serji u mistoqsijiet rigward il-kompatibilità mal-acquis dwar l-asil u l-fruntieri u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; billi, fis-6 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra amministrattiva lill-Gvern Ungeriż; billi l-Gvern Ungeriż wieġeb għal dik l-ittra; billi, fl-10 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija;

H.  billi l-Kummissjoni naqset milli twieġeb għat-talba tal-Parlament li twettaq proċess ta' monitoraġġ fil-fond dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali fl-Ungerija; billi, fid-dikjarazzjoni tagħha mressqa fid-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament Ewropew fit-2 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet lesta tuża l-mezzi kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi proċedimenti ta' ksur, biex tiżgura li l-Ungerija – u kull Stat Membru ieħor – tottempera ruħha mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-UE u tirrispetta l-valuri tal-Unjoni kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivazzjoni tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-Ungerija mhumiex issodisfati f'dan l-istadju;

1.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

2.  Jesprimi preokkupazzjonijiet serji dwar is-sensiela ta' miżuri leġiżlattivi rapidi li ttieħdu f'dawn l-aħħar xhur li wasslu biex l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali sar estremament diffiċli u li kkriminalizzaw b'mod mhux ġustifikat lir-rifuġjati, lill-migranti u lil dawk li jfittxu l-asil; jisħaq fuq it-tħassib tiegħu rigward ir-rispett għall-prinċipju ta' non-refoulement, l-użu li dejjem qed jiżdied tad-detenzjoni, inkluża d-detenzjoni ta' minorenni, u l-użu ta' retorika ksenofobika li tassoċja l-migranti ma' problemi soċjali jew ma' riskji għas-sigurtà, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' komunikazzjoni u ta' konsultazzjoni nazzjonali mmexxija mill-gvern, li b'hekk l-integrazzjoni tagħmilha problematika; iħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż jerġa' lura għal proċeduri normali u jirrevoka l-miżuri ta' emerġenza;

3.  Jemmen li l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt tal-UE fil-prattika leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li l-leġiżlazzjoni kollha trid tirrifletti l-valuri bażiċi Ewropej, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u tkun konformi magħhom;

4.  Jenfasizza li l-Parlament ripetutement talab lill-Kunsill jirreaġixxi għal żviluppi inkwetanti fl-Ungerija; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, mill-aktar fis possibbli; jemmen li l-Kunsill u l-Kummissjoni, billi ma jikkunsidrawx jew ma jirrispondux b'mod adegwat għall-preokkupazzjonijiet tal-Parlament espressi ripetutament mill-maġġoranza tal-Membri tiegħu, jimminaw il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 13(2) tat-TUE;

5.  Jemmen li l-Ungerija tikostitwixxi prova għall-UE biex turi l-kapaċità u r-rieda tagħha li tirreaġixxi għat-theddidiet u għall-ksur tal-valuri fundaturi tagħha min-naħa ta' Stat Membru; jiddeplora l-eżistenza ta' żviluppi simili f'xi Stati Membri oħra u jikkunsidra li n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-UE seta' kkontribwixxa għal tali żviluppi, li juru sinjali preokkupanti, simili għal dawk fl-Ungerija, li l-istat tad-dritt qed jiġi mminat; jemmen li dan iqajjem tħassib serju fir-rigward ta' kemm l-Unjoni hija kapaċi tiżgura r-rispett kontinwu għall-kriterji politiċi ta' Copenhagen wara li Stat Membru jkun aderixxa mal-Unjoni;

6.  Ifakkar fir-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjana tat-Trattati fl-iżgurar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi mad-demokrazija, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali; jisħaq fuq l-importanza li kwalunkwe evalwazzjoni u analiżi mwettqa mill-Kummissjoni u mill-Parlament dwar is-sitwazzjoni fi Stati Membri individwali tkun imsejsa fuq il-fatti u oġġettiva; jistieden lill-Gvern Ungeriż u lill-Kummissjoni jaħdmu mill-qrib ma' xulxin fi spirtu ta' kooperazzjoni fuq kwalunkwe kwistjoni li jħossu li tista' tirrikjedi evalwazzjoni jew analiżi ulterjuri; jinnota b'sodisfazzjon il-ftuħ ta' proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija rigward l-acquis dwar l-asil;

7.  Jiddispjaċih li l-approċċ preżenti tal-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq aspetti marġinali u tekniċi tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li jinjora x-xejriet, il-mudelli u l-effett ikkombinat tal-miżuri fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jemmen li l-proċedimenti ta' ksur, b'mod partikolari, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet naqsu milli jwasslu għal bidliet reali u milli jindirizzaw is-sitwazzjoni b'mod usa';

8.  Itenni l-istedina lill-Kummissjoni biex tattiva l-ewwel stadju tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u għalhekk biex tibda minnufih proċess ta' monitoraġġ fil-fond dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, inkluż l-impatt ikkombinat ta' għadd ta' miżuri, u tevalwa l-evoluzzjoni ta' theddida sistemika f'dak l-Istat Membru li tista' tiżviluppa f'riskju ċar ta' ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tat-TUE;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-investigazzjonijiet kollha u tagħmel użu sħiħ mill-għodod leġiżlattivi eżistenti kollha, bil-għan li tiżgura l-użu trasparenti u xieraq tal-fondi tal-UE fl-Ungerija abbażi tad-dritt tal-UE; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 li tissospendi diversi kuntratti fi tmien programmi ta' finanzjament tal-UE minħabba l-użu ta' kriterju tal-għażla restrittiv wisq fi proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-Ungerija;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0227.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0315.
(3) ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 27.
(4) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 154.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Ġunju 2017Avviż legali