Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2272(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0214/2017

Testi mressqa :

A8-0214/2017

Dibattiti :

PV 03/07/2017 - 21
CRE 03/07/2017 - 21

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2017 - 6.13

Testi adottati :

P8_TA(2017)0287

Testi adottati
PDF 458kWORD 60k
It-Tlieta, 4 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji
P8_TA(2017)0287A8-0214/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji (2016/2272(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 191, 192 u 193 tat-TFUE, u r-referenza għall-għan li jiġi żgurat użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli Pjan ta' Azzjoni (COM(2008)0397),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019 tal-Kummissjoni (COM(2016)0773), speċjalment l-objettiv li jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar speċifiċi għall-prodott u aktar orizzontali f'oqsma bħas-sostenibbiltà, il-potenzjal li prodott jissewwa, it-titjib fil-kwalità, id-disinn għaż-żarmar u l-faċilità ta' użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija(2) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(3) (is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2013 dwar is-suġġett "Favur konsum aktar sostenibbli: it-tul tal-ħajja tal-prodotti industrijali u t-tiġdid tal-fiduċja permezz tal-informazzjoni tal-konsumaturi"(4) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bit-titolu "Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020" (COM(2011)0021),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" (COM(2011)0571),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2013 bit-titolu "Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi: Niffaċilitaw tagħrif aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet" (COM(2013)0196),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju  2014 bit-titolu "Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari" (COM(2015)0614) u l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, li jinkludi b'mod partikolari r-reviżjoni tad-direttivi dwar l-iskart (id-Direttiva 2008/98/KE, "id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart"), dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (id-Direttiva 94/62/KE), dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (id-Direttiva 1999/31/KE), dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (id-Direttiva 2000/53/KE) dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi (id-Direttiva 2006/66/KE) u dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva 2012/19/UE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli. Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà" (COM(2016)0739),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2015 dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ mill-bogħod ieħor ta' oġġetti (COM(2015)0635),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur(5) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern(6) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BEUC tat-18 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Durable goods: More sustainable products, better consumer rights. Consumer expectations from the EU’s resource efficiency and circular economy agenda" (Oġġetti sostenibbli: prodotti aktar sostenibbli, drittijiet aħjar tal-konsumatur. L-aspettattivi tal-konsumatur mill-effiċjenza tar-riżorsi u l-aġenda tal-ekonomija ċirkolari tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Marzu 2016 bit-titolu "The influence of lifespan labelling on consumers" (L-influwenza tat-tikkettar dwar il-ħajja ta' prodott fuq il-konsumaturi),

–  wara li kkunsidra l-istudju mwettaq f'Lulju 2016, fuq talba tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew, bit-titolu "A longer life time for products: benefits for consumers and companies" (Ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji),

–  wara li kkunsidra s-sinteżi taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi tat-18 ta' April 2016 bit-titolu "Planned obsolescence or by-products of consumer society" (L-obsolexxenza ppjanata jew il-prodotti sekondarji tas-soċjetà tal-konsumaturi),

–  wara li kkunsidra l-istandard Awstrijak ONR 192102 bit-titolu "Label of excellence for durable, repair-friendly designed electrical and electronic appliances" (Tikketta ta' eċċellenza għal apparat elettriku u elettroniku ddisinjat biex ikun sostenibbli u faċli li jissewwa),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0214/2017),

A.  billi l-Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn tal-Kummissjoni għall-2016-2019 jinkludi referenza għall-ekonomija ċirkolari u għall-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi ta' sostenibbiltà u ta' riċiklabbiltà;

B.  billi l-adozzjoni ta' opinjoni dwar il-ħajja tal-prodotti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) turi l-interess li l-atturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili għandhom f'dan is-suġġett;

C.  billi jrid jinkiseb bilanċ bejn l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti u l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp;

D.  billi l-istudju kkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur juri li huma meħtieġa miżuri politiċi fuq bażi wiesgħa biex tiġi promossa ħajja itwal għall-prodotti;

E.  billi jikkoeżistu diversi mudelli ekonomiċi u kummerċjali, fosthom il-mudell ekonomiku bbażat fuq l-użu li permezz tiegħu jistgħu jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi għall-ambjent;

F.  billi hemm il-ħtieġa li tiġi promossa ħajja itwal tal-prodotti, b'mod partikolari billi tiġi indirizzata l-obsolexxenza programmata;

G.  billi jenħtieġ li jiġi appoġġjat is-settur Ewropew tat-tiswija, li jinkludi l-aktar l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju;

H.  billi armonizzazzjoni akbar tal-arranġamenti għall-użu mill-ġdid tal-prodotti ser tagħti spinta lill-ekonomija lokali u lis-suq intern billi toħloq impjiegi ġodda u tistimola d-domanda għall-prodotti użati;

I.  billi hemm il-ħtieġa, kemm ekonomika kif ukoll ambjentali, li tiġi ppreservata l-materja prima u li titnaqqas il-produzzjoni tal-iskart, aspetti li l-kunċett tar-responsabbiltà estiża tal-produttur ipprova jqis;

J.  billi, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru mwettaq f'Ġunju 2014, 77 % tal-konsumaturi fl-UE esprimew ix-xewqa li jippruvaw isewwu l-oġġetti mkissrin tagħhom pjuttost milli jixtru oħrajn ġodda; billi l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi dwar is-sostenibbiltà tal-prodott u l-potenzjal li jissewwa għad trid tittejjeb;

K.  billi prodotti affidabbli u sostenibbli jipprovdu valur għall-flus lill-konsumaturi u jipprevjenu l-użu żejjed ta' riżorsi u skart; billi għalhekk huwa importanti li l-ħajja utli tal-prodotti għall-konsumatur tiġi estiża permezz tad-disinn maħsub biex jiżgura s-sostenibbiltà, il-potenzjal ta' tiswija, it-titjib tal-kwalità, iż-żarmar u r-riċiklaġġ tal-prodotti;

L.  billi t-tnaqqis fil-fiduċja tal-konsumaturi lejn il-kwalità tal-prodotti tikkawża ħsara lill-kumpaniji Ewropej; billi l-garanzija legali ta' 24 xahar hija l-livell minimu attwalment fis-seħħ fl-UE kollha u wħud mill-Istati Membri stabbilixxew dispożizzjonijiet aktar protettivi għall-konsumaturi skont id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom;

M.  billi jenħtieġ li jiġi rrispettat id-dritt tal-konsumaturi li jagħżlu skont id-diversi ħtiġijiet, aspettattivi u preferenzi tagħhom;

N.  billi, minkejja li l-istudju tal-KESE ta' Marzu 2016 jistabbilixxi rabta pożittiva bejn it-tikkettar dwar il-ħajja tal-prodott u l-imġiba tal-konsumaturi, il-konsumaturi mhumiex qed jiġu infurmati sew dwar il-ħajja tal-prodotti;

O.  billi l-ħajja ta' prodott u l-mod kif jiqdiem huma determinati minn diversi fatturi naturali jew artifiċjali, bħal pereżempju l-kompożizzjoni, il-funzjonalità, l-ispiża tat-tiswija u x-xejriet tal-konsum;

P.  billi jenħtieġ li t-tiswijiet u l-parts tal-bdil isiru aċċessibbli aktar faċilment;

Q.  billi, apparti ħajja twila, il-livell tal-kwalità ta' prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu huwa fundamentali għall-kontribuzzjoni li jagħmel għall-protezzjoni tar-riżorsi;

R.  billi kien hemm żieda fin-numru ta' inizjattivi nazzjonali biex tissolva l-problema tal-obsolexxenza prematura tal-oġġetti u s-softwer; billi hemm bżonn li tiġi żviluppata strateġija komuni għas-suq uniku f'dan ir-rigward;

S.  billi l-ħajja tal-midja diġitali hija kruċjali għall-ħajja tal-apparat elettroniku; billi, peress li s-softwer qed isir obsolet dejjem aktar malajr, huwa neċessarju li l-apparat elettroniku jadatta sabiex jibqa' kompetittiv fis-suq;

T.  billi l-prodotti b'difetti interni, iddisinjati biex jinkisru u fl-aħħar jieqfu kompletament milli jaħdmu wara li jkunu ntużaw għal ċertu numru ta' drabi, iservu biss biex joħolqu l-isfiduċja tal-konsumaturi u jenħtieġ li ma jiġux aċċettati fis-suq;

U.  billi, skont id-data tal-Ewrobarometru, 90 % taċ-ċittadini jemmnu li l-prodotti jenħtieġ li jiġu ttikkettati b'mod ċar biex tiġi indikata l-ħajja utli tagħhom;

V.  billi l-atturi ekonomiċi kollha jistgħu jibbenefikaw minn prodotti b'ħajja itwal, inklużi l-SMEs;

W.  billi s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali jitlob miżuri speċifiċi li jtejbu s-sostenibbiltà, il-potenzjal ta' tiswija u l-użu mill-ġdid u l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti;

X.  billi r-responsabbiltà estiża tal-produttur tiżvolġi rwol importanti f'dan ir-rigward;

Y.  billi l-kisba ta' mudell tal-ekonomija ċirkolari teħtieġ l-involviment ta' dawk li jieħdu deċiżjonijiet politiċi, iċ-ċittadini u n-negozji, u timplika bidliet mhux biss fid-disinn u fil-bejgħ tal-prodotti u s-servizzi, iżda wkoll fil-mentalità u l-aspettattivi tal-konsumaturi u fl-attività tan-negozju, bil-ħolqien ta' swieq ġodda li jirreaġixxu għall-bidliet fix-xejriet tal-konsum, li jevolvu lejn l-użu, l-użu mill-ġdid u l-kondiviżjoni ta' prodotti, b'tali mod li jgħinu biex jestendu l-ħajja utli tagħhom u biex jinħolqu prodotti kompetittivi, dejjiema u sostenibbli;

Z.  billi f'ħafna lampi l-bozoz ma jistgħux jiġu sostitwiti, u dan jista' jwassal għal problemi jekk bozza tieqaf tiffunzjona, jekk bozoz ġodda aktar effiċjenti jitqiegħdu fis-suq jew jekk il-preferenza tal-konsumatur, pereżempju fir-rigward tal-kulur li joħroġ mid-dawl, tinbidel, minħabba li l-lampa kollha jkollha tiġi sostitwita;

AA.  billi jenħtieġ li l-bozoz LED idealment ikunu elementi li jistgħu jinbidlu u li ma jkunux insostitwibbli;

AB.  billi, waqt li l-ekonomija ċirkolari tiżviluppa, iridu jittieħdu passi ulterjuri li jinkoraġġixxu l-potenzjal ta' tiswija, l-adattabbiltà, it-titjib tal-kwalità, is-sostenibbiltà u r-riċiklabbiltà tal-prodotti sabiex jiġu estiżi l-ħajjiet u l-ħajja utli tal-prodotti u/jew il-komponenti tagħhom;

AC.  billi diversità akbar tal-prodott, ċikli ta' innovazzjoni aktar qosra u xejriet li kostantement jinbidlu qed iżidu l-frekwenza li biha prodotti ġodda qed jinxtraw, u għalhekk inaqqsu l-ħajja utli tal-prodott;

AD.  billi qed jiġi offrut potenzjal akbar bit-tiswija, bi prodotti diġà użati u b'settur tal-iskambju, jiġifieri s-settur li qed jaħdem bil-għan li jestendi l-ħajja tal-prodott;

AE.  billi jenħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-għan li tiġi estiża l-ħajja ta' prodott u s-salvagwardja tal-ambjent li għadu joffri inċentivi għall-innovazzjoni u għal żvilupp ulterjuri;

Id-disinn ta' prodotti robusti, sostenibbli u ta' kwalità għolja

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ, jekk ikun prattiku, l-istabbiliment ta' kriterji minimi ta' reżistenza li jkopru, fost l-oħrajn, ir-robustezza tal-prodott, il-possibbiltà li jissewwa u t-titjib tal-kwalità tiegħu, għal kull kategorija ta' prodott mill-istadju tad-disinn 'il quddiem, iffaċilitati mill-istandards żviluppati mit-tliet Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (ESOs) kollha (CEN, CENELEC u ETSI);

2.  Jenfasizza li jrid jinstab bilanċ bejn l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti, il-konverżjoni tal-iskart f'riżorsi (materja prima sekondarja), is-simbjożi industrijali, l-innovazzjoni, id-domanda tal-konsumatur, il-protezzjoni ambjentali u l-politiki tat-tkabbir fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-prodott, u jqis li l-iżvilupp ta' prodotti li dejjem aktar qed ikunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi ma jridx jinkoraġġixxi ħajja iqsar jew ir-rimi prematur tal-prodotti;

3.  Jirrimarka li kwistjonijiet bħas-sostenibbiltà tal-prodott, garanziji estiżi, id-disponibbiltà ta' parts tal-bdil, il-faċilità tat-tiswija u l-interkambjabbiltà tal-komponenti jenħtieġ li jkunu parti minn offerta kummerċjali ta' manifattur u jwieġbu d-diversi ħtiġijiet, aspettattivi u preferenzi tal-konsumaturi, u huma aspett importanti tal-kompetizzjoni ħielsa tas-suq;

4.  Jinnota r-rwol ta' strateġiji kummerċjali bħall-kiri tal-prodotti, fid-disinn ta' prodotti sostenibbli, fejn il-kumpaniji tal-kiri jżommu s-sjieda tal-unitajiet tal-kiri u jkollhom inċentiva biex jerġgħu jirreklamaw il-prodotti u jinvestu f'disinn ta' prodotti aktar sostenibbli, li jirriżultaw f'volum aktar baxx ta' produzzjoni ġdida u ta' rimi ta' prodotti;

5.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-reviżjoni tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari li temenda d-Direttiva dwar l-Iskart, li saħħet il-prinċipju tar-responsabbiltà estiża tal-produttur u għaldaqstant ħolqot inċentivi għal disinn tal-prodott aktar sostenibbli;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-produtturi ta' disinni modulari li jistgħu jiżżarmaw u jiġu interskambjati faċilment;

7.  Jiddikjara li t-tfittxija għal prodotti sostenibbli u li jistgħu jissewwew għandha timxi id f'id mal-objettiv tas-sostenibbiltà permezz ta', pereżempju, l-użu ta' materjali favur l-ambjent;

8.  Jinnota bi tħassib l-ammont ta' skart elettroniku ġġenerat minn modems, routers u decoders/kaxxi set-top tat-TV meta l-konsumaturi jaqilbu għal fornitur ġdid tat-telekomunikazzjoni; ifakkar lill-konsumaturi u lill-fornituri tat-telekomunikazzjoni li skont ir-Regolament (UE) 2015/2120 il-konsumaturi diġà għandhom id-dritt li jużaw l-apparat terminali tal-għażla tagħhom meta jaqilbu għal fornitur ġdid tat-telekomunikazzjoni;

Il-promozzjoni tal-potenzjal ta' tiswija u l-lonġevità

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-potenzjal ta' tiswija tal-prodotti;

   billi tħeġġeġ u tiffaċilita miżuri li jagħmlu l-għażla tat-tiswija tal-oġġetti attraenti għall-konsumatur,
   billi tuża tekniki u materjali tal-kostruzzjoni li jagħmlu t-tiswija ta' oġġett jew is-sostituzzjoni tal-komponenti tiegħu eħfef u inqas għalja; il-konsumaturi m'għandhomx jinqabdu f'ċiklu li ma jintemm qatt ta' tiswija u manutenzjoni ta' prodotti bil-ħsara;
   billi tħeġġeġ, fil-każ ta' nuqqas rikorrenti ta' konformità jew perjodu ta' tiswija li jaqbeż ix-xahar, l-estensjoni tal-garanzija b'perjodu ekwivalenti għaż-żmien meħtieġ biex issir it-tiswija,
   billi tħeġġeġ li l-partijiet li huma kruċjali għall-funzjonament tal-prodott għandhom ikunu sostitwibbli u jkunu jistgħu jissewwew, billi l-potenzjal ta' tiswija tal-prodott jiġi inkluż fost il-karatteristiċi essenzjali meta dan ikun ta' benefiċċju, u billi ma jitħeġġiġx it-twaħħil ta' komponenti essenzjali bħal batteriji u LEDs fi prodotti, ħlief jekk ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta' sikurezza,
   billi tħeġġeġ lill-manifatturi jipprovdu gwidi ta' manutenzjoni u indikazzjonijiet ta' tiswija fil-mument tax-xiri, b'mod partikolari għall-prodotti li l-manutenzjoni u t-tiswija tagħhom huma importanti, sabiex tittejjeb il-possibbiltà li tiġa estiża l-ħajja tal-prodott,
   billi tiżgura l-possibbiltà li jintużaw sostituti tal-istess kwalità u prestazzjoni għall-parts oriġinali, bl-iskop li jissewwew il-prodotti kollha skont il-liġi applikabbli,
   billi tiżviluppa l-istandardizzazzjoni, fejn ikun prattiku, tal-parts tal-bdil u l-għodod neċessarji għat-tiswija sabiex tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi tat-tiswija,
   billi tħeġġeġ lill-manifatturi jipprovdu gwidi ta' manutenzjoni u istruzzjonijiet ta' tiswija f'lingwi differenti lill-ħwienet ta' tiswija meta dawn jiġu mitluba,
   billi tħeġġeġ lill-manifatturi jiżviluppaw teknoloġija tal-batteriji biex jiżguraw li l-ħajja tal-batteriji u tal-akkumulaturi taqbel aħjar mal-ħajja mistennija tal-prodott jew alternattivament jagħmlu s-sostituzzjoni tal-batterija aktar aċċessibbli bi prezz li jkun proporzjonat għall-prezz tal-prodott;

10.  Iqis li huwa ta' benefiċċju li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-parts tal-bdil essenzjali għall-funzjonament tajjeb u sikur tal-oġġetti:

   billi titħeġġeġ l-aċċessibbiltà tal-parts tal-bdil flimkien mal-assemblaġġi tal-prodott,
   billi l-operaturi ekonomiċi jiġu mħeġġa jipprovdu servizz tekniku xieraq għall-oġġetti għall-konsumatur li huma jimmanifatturaw jew jimpurtaw, u li jipprovdu parts tal-bdil essenzjali għall-funzjonament tajjeb u sikur tal-oġġetti bi prezz li jkun proporzjonat għan-natura u l-ħajja tal-prodott,
   billi jiġi indikat b'mod ċar jekk il-parts tal-bdil humiex disponibbli, b'liema termini u għal kemm żmien, u fejn ikun xieraq permezz tal-istabbiliment ta' pjattaforma diġitali;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jesploraw inċentivi xierqa li jippromwovu prodotti sostenibbli u ta' kwalità għolja li jistgħu jissewwew, li jistimolaw it-tiswija u l-bejgħ ta' oġġetti użati, u jiżviluppaw taħriġ dwar it-tiswija;

12.  Jissottolinja l-importanza li tinżamm l-possibbiltà li tmur għand sewwej indipendenti, speċjalment billi ma jitħeġġux soluzzjonijiet tekniċi, ta' sikurezza jew tas-softwer li jimpedixxu li t-tiswija titwettaq barra minn ditti jew korpi approvati;

13.  Jitlob li jsiru sforzi biex jitħeġġeġ l-użu mill-ġdid ta' parts tal-bdil għas-suq tal-oġġetti użati;

14.  Jirrikonoxxi l-possibbiltà li jintuża l-istampar 3D sabiex jiġu pprovduti parts lill-professjonisti u lill-konsumaturi; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, is-salvagwardja tas-sikurezza tal-prodotti, tal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur;

15.  Ifakkar li għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-ekonomija ċirkolari, id-disponibbiltà ta' komponenti standardizzati u modulari, id-disinn għaż-żarmar u għal prodotti ta' ħajja twila u l-proċessi ta' produzzjoni effiċjenti għandhom rwol importanti;

Il-funzjonament ta' mudell ekonomiku orjentat lejn l-użu u l-appoġġ għall-SMEs u l-impjiegi fl-UE

16.  Jenfasizza li l-bidla lejn mudelli ta' negozju bħal "prodotti bħala servizzi" għandha l-potenzjal li ttejjeb is-sostenibbiltà tal-produzzjoni u x-xejriet tal-konsum, dment li s-sistemi ta' produzzjoni-servizzi ma jirriżultawx f'ħajja mqassra tal-prodott, u jenfasizza li mudelli ta' negozju bħal dawn m'għandhomx jipprovdu opportunitajiet għall-evitar tat-taxxa;

17.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda, bħas-servizzi bbażati fuq l-internet, forom ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni, ħwienet kbar li jbigħu biss oġġetti użati u d-disponibbiltà usa' ta' faċilitajiet ta' tiswija informali (cafes ta' tiswija, sessjonijiet ta' ħidma fejn persuni jagħmlu huma stess it-tiswijiet) jistgħu jgħinu biex jestendu l-ħajja tal-prodott u fl-istess ħin iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prodotti u l-fiduċja fihom b'ħajja twila;

18.  Jistieden lill-Istati Membri:

   jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex iħeġġu l-iżvilupp ta' mudelli ta' bejgħ ibbażati fuq l-użu li jkunu ta' benefiċċju għal kulħadd,
   iżidu l-isforzi tagħhom b'miżuri li jippromwovu l-iżvilupp tal-ekonomija funzjonali, u jħeġġu l-kiri, l-iskambju u s-self ta' oġġetti,
   iħeġġu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp ta' mudelli ekonomiċi, bħall-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija ċirkolari, li jħeġġu użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, is-sostenibbiltà tal-oġġetti u jsaħħu t-tiswija, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjoni dwar l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja tad-Direttiva 2014/24/UE titqies fl-akkwist pubbliku, u jżidu r-rata tal-użu mill-ġdid tat-tagħmir mixtri mill-awtoritajiet pubbliċi;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw l-ekonomija kollaborattiva fil-politiki pubbliċi tagħhom, minħabba l-benefiċċji li tipprovdi fl-użu tar-riżorsi u l-kapaċità żejda, pereżempju fis-setturi tat-trasport u tal-akkomodazzjoni;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tas-sostenibbiltà tal-prodotti fil-kuntest tal-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ il-ġerarkija tal-iskart stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-UE (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE)), u b'mod partikolari jżommu l-apparat elettriku u elettroniku sal-massimu tal-użu u l-valur tagħhom, u ma jqisuhomx bħala skart, pereżempju billi jagħtu aċċess għal punti ta' ġbir għal skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) lil persunal minn ċentri ta' użu mill-ġdid li jistgħu jagħmlu użu minn dawn l-oġġetti u l-komponenti tagħhom;

23.  Iqis li l-miżuri inklużi f'dan ir-riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati b'mod partikolari għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, b'mod li jkun xieraq u proporzjonat għad-daqs u l-kapaċitajiet tal-SMEs u l-mikrointrapriżi, sabiex jiġi ppreservat l-iżvilupp tagħhom, u jitħeġġu l-impjiegi u t-taħriġ għall-professjonijiet ġodda fl-UE;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif is-sostitwibbiltà tal-bozoz LED tista' titħeġġeġ u tiġi ffaċilitata u tqis, minbarra l-miżuri tal-ekodisinn, approċċ anqas strett li jinvolvi, pereżempju, it-tikkettar, skemi ta' inċentiv, sejħa pubblika għall-offerti jew garanzija estiża jekk il-bozoz ma jistgħux jitneħħew;

25.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu sorveljanza effikaċi tas-suq biex jiġi żgurat li kemm il-prodotti Ewropej kif ukoll dawk importati jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-rigward tal-politika tal-prodott u l-ekodisinn;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jirrispettaw il-kompetenzi tagħhom;

L-iżgurar ta' informazzjoni aħjar lill-konsumaturi

27.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti permezz:

   tal-konsiderazzjoni ta' tikketta Ewropea volontarja, li tkopri, b'mod partikolari: is-sostenibbiltà, il-karatteristiċi tal-ekodisinn, it-titjib tal-kwalità tal-komponenti tal-prodott f'konformità mal-progress tekniku u l-potenzjal li prodott jissewwa,
   esperimenti volontarji ma' kumpaniji u partijiet ikkonċernati oħra fil-livell tal-UE bl-għan li tiġi żviluppata deżinjazzjoni tal-ħajja utli mistennija ta' prodott abbażi ta' kriterji standardizzati, li tista' tintuża mill-Istati Membri kollha,
   il-ħolqien ta' arloġġ għall-prodotti għall-konsumatur l-aktar rilevanti, b'mod partikolari l-apparat elettrodomestiku kbir,
   valutazzjoni tal-impatt li tallinja t-tikkettar dwar il-ħajja mat-tul ta' żmien tal-garanzija legali,
   l-użu ta' applikazzjonijiet diġitali jew il-midja soċjali,
   informazzjoni ta' standardizzazzjoni fil-manwali dwar is-sostenibbiltà u t-titjib tal-kwalità tal-prodott, u l-potenzjal tiegħu jissewwa, sabiex jiġi żgurat li jkun ċar, aċċessibbli u faċli li jinftiehem,
   informazzjoni bbażata fuq kriterji standard, fejn tiġi ddikjarata l-ħajja antiċipata ta' prodott;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex:

   jassistu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-kumpaniji u lill-assoċjazzjonijiet biex iwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-konsumaturi dwar l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti, b'mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni rigward pariri dwar il-manutenzjoni, it-tiswija, l-użu mill-ġdid, eċċ.,
   jippromwovu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar prodotti li ssirilhom il-ħsara malajr u dawk li ma jissewwewx, fejn xieraq permezz tal-iżvilupp ta' pjattaformi ta' notifika għall-konsumaturi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ skambji ta' informazzjoni regolari u strutturati kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-Unjoni kollha, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u muniċipali;

Miżuri dwar l-obsolexxenza ppjanata

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, f'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, prodotturi u partijiet ikkonċernati oħra, definizzjoni fil-livell tal-UE tal-obsolexxenza ppjanata għall-oġġetti tanġibbli u s-softwer; Jistieden, barra minn hekk, lill-Kumissjoni, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, biex teżamina l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema indipendenti li tista' tittestja u tidentifika l-obsolexxenza interna fi prodotti; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-informaturi jiġu legalment protetti aħjar u li jkun hemm miżuri dissważivi xierqa għall-produtturi;

31.  Jirreferi għar-rwol ta' pijunier ta' xi Stati Membri f'dan ir-rigward, bħall-inizjattiva tal-pajjiżi tal-Benelux biex jiġġieldu l-obsolexxenza ppjanata u biex jestendu t-tul ta' ħajja ta' apparat (elettriku) domestiku; jenfasizza l-importanza tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

32.  Jinnota li t-titjib tal-kwalità ta' prodotti jista' jnaqqas l-obsolexxenza ta' prodott kif ukoll l-impatti ambjentali u l-ispejjeż għall-utenti;

It-tisħiħ tad-dritt għall-garanzija legali ta' konformità

33.  Iqis li huwa essenzjali li l-konsumaturi jkunu infurmati aħjar dwar il-mod li bih tiffunzjona l-garanzija statutorja tal-konformità; jitlob li r-referenza għall-garanzija tidher miktuba b'mod sħiħ fuq il-fattura ta' xiri tal-prodott;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta inizjattivi u miżuri leġiżlattivi biex ittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi:

   billi ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi, speċjalment għal dawk il-prodotti li l-perjodu ta' użu raġonevolment mistenni tagħhom huwa itwal, u billi tqis il-miżuri b'saħħithom dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi diġà meħuda f'ċerti Stati Membri,
   billi tqis l-effetti tal-leġiżlazzjoni tal-ekodisinn u d-dritt kuntrattwali dwar prodotti relatati mal-enerġija sabiex jiġi żviluppat approċċ olistiku għar-regolamentazzjoni tal-prodotti,
   billi tiggarantixxi li l-konsumaturi jiġu speċifikament infurmati, fuq il-kuntratt ta' bejgħ, bid-dritt tagħhom għal garanzija legali, u billi tippromwovi programmi ta' informazzjoni dwar dan id-dritt,
   billi tissimplifika l-prova tax-xiri għall-konsumaturi billi torbot il-garanzija mal-oġġett u mhux max-xerrej, u anke billi tintroduċi rċevuti elettroniċi u skemi diġitali tal-garanzija għal kulħadd;

35.  Jitlob l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu ta' lmenti fil-livell tal-UE għall-każijiet fejn id-dritt għall-garanzija mhuwiex implimentat, sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-istandards Ewropej mill-awtoritajiet rilevanti;

36.  Jirrimarka li jista' jiġi pprovdut inċentiv għad-disinn ta' prodott aktar sostenibbli bit-tisħiħ tal-prinċipju tar-responsabbiltà estiża tal-produttur u l-istabbiliment ta' rekwiżiti minimi li jridu jiġu ssodisfati;

Il-protezzjoni tal-konsumaturi mill-obsolexxenza tas-softwer

37.  Jitlob li jkun hemm trasparenza akbar dwar it-titjib fil-kwalità, aġġornamenti tas-sikurezza u s-sostenibbiltà, li kollha huma aspetti neċessarji għall-funzjonament tajjeb tas-softwer u l-hardwer; Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata kooperazzjoni akbar f'relazzjonijiet bejn negozju u ieħor;

38.  Iħeġġeġ it-trasparenza min-naħa tal-fornituri u l-manifatturi billi jistipulaw fuq il-kuntratti tal-prodotti l-perjodu minimu li għalih jiġu pprovduti aġġornamenti tas-sikurezza għal sistemi operattivi meta dawn ikunu disponibbli; jipproponi li tiġi stabbilita d-definizzjoni tal-perjodu raġonevoli ta' użu; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li l-fornitur tal-oġġett, f'każijiet ta' sistemi operattivi integrati, jiżgura t-twassil ta' dawk l-aġġornamenti tas-sikurezza; jistieden lill-produtturi jipprovdu informazzjoni ċara lill-konsumaturi dwar il-kompatibbiltà tal-aġġornamenti tas-softwer ma' sistemi operattivi inkorporati;

39.  Jitlob li l-aġġornamenti essenzjali tas-softwer ikunu riversibbli u akkumpanjati minn informazzjoni dwar il-konsegwenzi għall-funzjonament tal-apparat u li s-softwer essenzjali ġdid ikun kompatibbli mas-softwer tal-ġenerazzjoni preċedenti;

40.  Iħeġġeġ s-sostitwibbiltà tal-parts, inkluż il-proċessur, permezz ta' approċċ ta' standardizzazzjoni, sabiex il-prodotti jinżammu aġġornati;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(2) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.
(3) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(4) ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23.
(5) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(6) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

Aġġornata l-aħħar: 13 t'April 2018Avviż legali