Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Novembru 2023
EPUB 155kPDF 814k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VII : SESSJONIJIET
KAPITOLU 5 : KWORUM, EMENDI U VOTAZZJONI

Artikolu 194 : Spjegazzjonijiet tal-vot

1.   Kwalunkwe Membru jista' jagħti spjegazzjoni bil-fomm ta' mhux iżjed minn minuta dwar il-votazzjoni waħdanija u/jew aħħarija dwar punt sottomess lill-Parlament. Tali spjegazzjonijiet tal-vot għandhom jingħataw fi tmiem is-seduta li matulha tkun saret il-votazzjoni kkonċernata, sakemm ma titteħidx, fuq bażi eċċezzjonali, id-deċiżjoni mill-President li dawn jiġu posposti għal aktar tard fis-sessjoni parzjali. Kull Membru jista' jagħti mhux aktar minn tliet spjegazzjonijiet tal-voti orali f'kull sessjoni parzjali.

Kwalunkwe Membru jista' jagħti, rigward tali vot, spjegazzjoni tal-vot bil-miktub ta' mhux iżjed minn 200 kelma li għandha tiġi inkluża fil-paġna web tal-Membri fuq il-websajt tal-Parlament.

Kwalunkwe grupp politiku jista' jagħti spjegazzjoni tal-vot li ma ddumx aktar minn żewġ minuti.

Ma jintlaqgħux iżjed talbiet għal spjegazzjoni tal-vot malli tibda l-ewwel spjegazzjoni tal-vot fuq l-ewwel punt.

Spjegazzjonijiet tal-vot huma ammissibbli fil-każ ta' votazzjoni waħdanija u/jew aħħarija fuq kwalunkwe punt imressaq quddiem il-Parlament. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu l-espressjoni "votazzjoni aħħarija" ma tirreferix għat-tip ta' votazzjoni, imma tfisser l-aħħar votazzjoni fuq kwalunkwe suġġett.

2.   L-ispjegazzjonijiet tal-vot m'humiex ammissibbli fil-każ ta' votazzjonijiet sigrieti jew votazzjonijiet dwar affarijiet proċedurali.

3.   Meta punt ikun ġie inkluż fl-aġenda tal-Parlament mingħajr emendi jew mingħajr dibattitu, il-Membri jistgħu jressqu biss spjegazzjonijiet tal-vot bil-miktub skont il-paragrafu 1.

L-ispjegazzjonijiet tal-vot, sew orali u sew bil-miktub, irid ikollhom relevanza diretta għall-punt preżentat lill-Parlament.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza