L-intervent ta' Schulz fl-ewwel Kunsill Ewropew tiegħu: "l-unjoni fiskali mingħajr kontroll parlamentari mhijiex aċċettabbli."

Brussell -
30-01-2012
Internal Policies and EU Institutions

"Huwa unur kbir għalija li llum għall-ewwel darba qed inkellimkom bħala l-President tal-Parlament Ewropew. Madankollu, il-kariga l-ġdida tiegħi ma bidlitnix personalment jew il-fatt li nippreferi nitkellem b'mod ċar.

Sa mill-bidu nett, il-Parlament Ewropew kien kategoriku fl-oppożizzjoni tiegħu għar-rieżami tat-Trattati, peress li dan sempliċement mhuwiex neċessarju u peress li bżajna li d-dibattitu dwar il-kwistjoni jista' jagħti lok għal varjetà sħiħa ta' possibilitajiet. Madankollu, il-konċittadini tagħna ma jistgħux jifhmu għaliex, fil-qalba tal-kriżi, għandna niddiskutu dwar kwistjonijiet arkani bħall-istituzzjonijiet u l-artikoli tat-Trattati. Huma qed jistennew li aħna nipprovdu t-tweġibiet għall-problemi tagħhom ta' kuljum. Jekk nonqsu milli nsibu dawn it-tweġibiet, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet politiċi, kemm fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew, se tkompli tiddgħajjef. Wasal iż-żmien li niffokaw fuq il-kwistjonijiet reali. Wasal iż-żmien li nitkellmu dwar kif ħa mmexxu b'mod li noħorġu lill-Ewropa mill-kriżi. Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni determinata.

Il-Parlament Ewropew irid jagħmel kontribuzzjoni kostruttiva għall-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Jekk se jagħmel dan, madankollu, huwa għandu l-ewwelnett ikun involut.

Sinjuri,

Il-patt fiskali għandu jqajjem dixxiplina baġitarja għal status ta' soluzzjoni għall-problemi kollha assoċjati mal-kriżi tad-dejn, u għandu jniedi valuri limitu ta' dejn nazzjonali u penalitajiet awtomatiċi. Iva, politiki baġitarji sensittivi huma essenzjali sabiex iżommu d-dejn nazzjonali taħt kontroll. Iva, it-tnaqqis tad-dejn huwa sempliċi kwistjoni ta' ġustizzja interġenerazzjonali, inkella xi ġurnata nsibu ruħna f'sitwazzjoni imbarazzanti li nħallu lit-tfal tagħna mhux id-dar, iżda d-dejn fuq id-dar. Mhuwiex biżżejjed li niżguraw li ma jkunx hemm kriżi oħra, dan kollu huwa meħtieġ, iżda dan waħdu u akkumpanjat b'miżuri ta' awsterità f'bosta Stati Membri, mhux se jwassal għat-tkabbir ekonomiku u għax-xogħol li huma ferm meħtieġa.

Il-Parlament Ewropew ilu tal-opinjoni li l-baġits sostenibbli huma essenzjali, iżda biss meta dawn jiġu kkombinati mal-investiment. L-Ewropa teħtieġ l-investiment sabiex tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, issaħħaħ id-domanda u, bl-istess importanza, tibda tħallas id-dejn tagħha. L-Ewropa teħtieġ it-tkabbir sabiex tipproteġi u toħloq l-impjiegi, tissalvagwarda l-pensjonijiet u tipprovdi l-edukazzjoni u t-taħriġ. Illum, 24 miljun persuna fl-Ewropa jinsabu qiegħda - rekord, iżda mhux wieħed li nistgħu nkunu kburin bih. Il-fatt li ħames miljun persuna fl-età bejn il-15 u l-24 huma qiegħda, u li fi Spanja saħansitra kull tieni żagħżugħ qed ifittex xogħol, għandu jħassibna. Qed tikber ġenerazzjoni ta' żgħażagħ mingħajr prospetti, u r-riżultat huwa li s-soċjetà tista', fil-futur, tiddgħajjef minn ġewwa.

X'nistgħu nagħmlu sabiex nagħti spinta lill-ekonomija Ewropea, sabiex dawn in-nies ikunu jistgħu jerġgħu jsibu xogħol?

Aħna, il-Membri tal-Parlament Ewropew, adottajna lista ta' riżoluzzjonijiet li jipproponu miżuri prattiki sabiex jagħtu spinta lill-ekonomija, jirregolaw is-swieq finanzjarji u jsewwu l-iżbilanċi ekonomiċi bejn l-Istati Membri - l-aktar reċenti s-"Six Pack".

Il-Parlament Ewropew huwa forum għal dibattitu informat u partiġġjan dwar id-direzzjoni politika tal-UE. Il-forum li fih jinstema' t-tħassib tan-nies komuni u fejn l-interessi tagħhom jiġu difiżi b'mod riżolut. Xi wħud jistgħu jikkunsidraw ir-rwol tagħna bħala dubjuż, xi kultant anki mhux mixtieq, iżda l-għan tagħna huwa li noħorġu b'soluzzjonijiet prattiċi.

Għal din ir-raġuni, u fuq il-bażi ta' kunsens eċċezzjonalment wiesa' - 530 vot minn Membri fil-gruppi politiċi kollha - aħna qed nitolbu biex il-Parlament ikun involut fin-negozjati fuq bażi ugwali mal-istituzzjonijiet l-oħra.

It-tendenza li l-laqgħat tas-samit jitqiesu bħala s-sors ta' soluzzjonijiet għall-problemi tagħna tqajjem tamiet li mbagħad ma jiġux sodisfatti meta dawn is-soluzzjonijiet juru li mhumiex effikaċi. Dan qed idgħajjef il-fiduċja fl-abilità tal-UE li taġixxi.

Illum intom bdejtu l-ħidma ta' tnedija tal-pedamenti għal unjoni fiskali. Aħna nilqgħu dan il-pass, wieħed li ġejtu sfurzati tieħdu bħala Unjoni ta' 26 Stat Membru, wara l-veto tal-Prim Ministru Cameron. Ħalluni nieħu din l-opportunità biex nirringrazzjakom talli bqajtu sodi meta l-Prim Ministru Cameron talab derogi mir-regoli li jmexxu s-swieq finanzjarji.

Peress li jien konxju biżżejjed dwar ir-restrizzjonijiet li ffaċċajtu, xorta rrid navżakom dwar żewġ xenarji potenzjalment diżastrużi:

L-ewwelnett, għandkom taħdmu flimkien biex tikkumbattu kull theddida ta' diviżjoni fi ħdan l-UE. Ma nistgħux nippermettu li l-UE titkisser, jew li jiġi stabbilit il-prinċipju tal-Ewropa b'veloċitajiet differenti. Waħedna aħna dgħajfa, flimkien aħna b'saħħitna!

It-tieni nett, unjoni fiskali li mhijiex suġġetta għal skrutinju mill-parlamentari mhijiex aċċettabbli. Għandha tiġi ppreservata wkoll il-koerenza tad-Dritt tal-Unjoni, ma nistgħux naffordjaw li jkollna żewġ settijiet ta' standards differenti.

Jekk dak li qaluli r-rappreżentanti tal-Parlament huwa ġust, jidher li l-patt fiskali għandu jiġi bbażat fuq il-metodu Komunitarju. Finalment, wara ġlieda fit-tul, il-Parlament qed jerġa' jiġi rispettat bħala koleġiżlatur bi drittijiet ugwali. Dawn huma aħbarijiet tajbin: il-Kunsill Ewropew m'għandu l-ebda intenzjoni immedjata li jieħu aktar passi fil-perkors diffiċli lejn l-intergovernattiviżmu.

Disgħa u disgħin fil-mija tar-regoli kollha setgħu ġew adottati skont il-proċedura leġiżlattiva komuni. Dan huwa l-punt li issa filfatt ilħaqna, għalkemm permezz ta' rotta b'devjazzjonijiet rigward id-dibattitu dwar ir-reviżjoni tat-Trattati u l-ftehim internazzjonali. Ir-riżultat huwa tajjeb, iżda seta' ntlaħaq aktar faċilment.

Minkejja dan, xi wħud mill-proposti tal-Parlament Ewropew għadhom ma ġewx inkorporati fl-abbozz tat-test. Finalment, inħeġġiġkom tieħdu nota ta' dawn it-talbiet:

L-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet kollha tal-patt fiskali għandhom jiġu inkorporati fit-Trattati fi żmien ħames snin.

It-tieni nett, il-Parlament Ewropew għandu jipparteċipa fis-samits kollha taż-żona tal-Euro u tal-UE. Il-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew ġie negozjat mingħajr l-involviment tagħna - dan mhuwiex aċċettabbli.

It-tielet nett, is-26 parti kuntrattwali għandu jkollhom l-istess dritt ta' parteċipazzjoni fil-laqgħat kollha tal-Eurosamit, kemm dawk li huma membri, kif ukoll dawk li mhumiex membri fiż-żona tal-Euro.

Sinjuri,

L-Ewropa għandha tittrasforma ruħha f'unjoni ekonomika u fiskali ġenwina. L-importanza ta' dan qed nirrealizzawha meta nħarsu 'il hinn mill-Atlantiku: fl-Istati Uniti, il-livell tad-dejn u r-rata ta' inflazzjoni huma ogħla minn dawk fl-Ewropa b'mod sinifikanti. Għaliex, allura, l-Amerikani mhumiex konfrontati bl-istess problemi bħalna?

Għax ma naġixxux flimkien bħala Unjoni. Għax m'għadniex il-mekkaniżmi li jippermettulna negħlbu l-iżbilanċi ekonomiċi bejn il-pajjiżi. Għax qed indumu biex nimplimentaw il-miżuri miftiehma bħala parti mis-"Six Pack". Qegħdin inċedu għall-poter tas-swieq, iżda qegħdin dejjem pass wara l-aġenziji ta' klassifikazzjoni.

Standard & Poor's saħansitra waslu li jiddeskrievu l-istrateġija attwali ta' salvataġġ bħala 'awtodestruttiva'. Il-patt fiskali għamel wisq enfażi fuq l-awsterità, bl-esklużjoni tat-tkabbir: din kienet il-valutazzjoni li ntużat biex tiġġustifika t-tnaqqis fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tad-disa' Stati Membri taż-żona tal-euro!

L-għan tal-patt fiskali huwa li jirbaħ lura l-fiduċja fis-swieq, u aħna ċertament neħtieġu dan. Fl-istess ħin, madankollu, għandna nieħdu ħsieb li ma nitilfux il-fiduċja tan-nies komuni!

L-2012 hija s-sena fejn għandna nsibu triq li toħroġna mill-kriżi. Il-Parlament Ewropew għandu l-intenzjoni li jkollu rwol kostruttiv u kommess f'dan il-proċess.

X'inhuma eżattament il-proposti tagħna?

Aħna rridu taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji - f'Marzu tal-2011, maġġoranża kbira tal-Membri tal-Parlament Ewropew talbu l-introduzzjoni ta' taxxa bħal din. Hija kwistjoni ta' ġustizzja: in-nies li kkawżaw il-kriżi m'għandhomx jiġu permessi li jaħarbu b'biljuni ta' euro ta' bonusijiet fi bwiethom, filwaqt li l-kontributur tat-taxxa jħallas il-kont għal-logħob ta' flus diżastruż tagħhom. Taxxa ta' 0.05 % tista' tiġġenera dħul ta' madwar EUR 200 biljun fl-UE kull sena. Il-kummerċ spekulattiv ħafna, fuq il-bażi tal-kompjuter jista' jsir anqas attraenti; is-swieq finanzjarji jistgħu isiru aktar stabbli.

Aħna rridu l-Eurobonds.

Il-bonds konġunti maħruġa b'rata ta' interess baxxa jistgħu jnaqqsu l-kriżi tad-dejn u jistabbilizzaw is-sistema bankarja. Il-Eurobonds huma arma importanti kontra l-ispekulazzjoni u r-rati ta' interess li dejjem qed jisparaw 'il fuq. F'dawn l-aħħar jiem, erġajna konna xhieda ta' fondi spekulattivi ("hedge funds") fejn jispekulaw li l-Greċja se tfalli bid-dejn tagħha. Dan għandu jieqaf. Il-Eurobonds huma wkoll simbolu tat-twemmin tal-Ewropa f'futur konġunt.

Aħna rridu aġenzija ta' klassifikazzjoni Ewropea, aġenzija ta' klassifikazzjoni li tneħħi l-monopolju tal-Istati Uniti, li tagħmel il-valutazzjonijiet tagħha fuq il-bażi ta' kriterji ċari, li jkollha arranġamenti ta' sjieda trasparenti u li għalhekk ix-xogħol tagħha ma jiġix imxekkel minn konflitti ta' interess.

Irridu inizjattiva Ewropea dwar it-tkabbir.

Jagħmel sens li nagħmlu użu mill-biljuni ta' euro fil-baġit tal-UE li għadhom ma ttiħdux mill-Istati Membri, minflok li sempliċement jiġu ritornati lill-kontributuri. Parti minn dawn il-flus għandha tiġi investita fi proġetti ta' impjiegi għaż-żgħażagħ. Aħna nilqgħu b'sodisfazzjon l-avviż tal-President Barroso li llum se tiġi ppreżentata inizjattiva dwar it-tkabbir.

Quddiem il-pressjoni mis-swieq, u meta kull ġurnata tidher li qed iġġib taqliba drammatika ġdida ta' avvenimenti, huwa diffiċli li wieħed jaħseb 'il hinn minn soluzzjonijiet immedjati, wieħed għandu jieqaf għal mument u jaċċetta l-fatt li hawnhekk f'dan il-bini tal-Kunsill, fil-Kummissjoni, fil-Parlament, qed tinkiteb l-istorja. L-Ewropa għandha destin komuni. Aħna qed naqsmu r-responsabbiltà biex nieħdu passi kuraġġużi lejn integrazzjoni aktar mill-qrib, biex nispjegaw id-deċiżjonijiet diffiċli lill-konċittadini tagħna u biex nisimgħu t-tħassib tagħhom.

Kultant jiġi suġġerit li n-nies ma jridux aktar l-Ewropa. Jien ma nemminx dan. Sebgħa u sebgħin fil-mija taċ-ċittadini tal-UE huma favur koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi. F'għajnejhom, l-UE mhix problema, l-UE hija s-soluzzjoni. Ejjew ma nitilfux il-fiduċja tagħhom, ejjew finalment nibdew ix-xogħol li nagħmlu t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, il-Eurobonds u l-inizjattiva għat-tkabbir Ewropew realtà!

Grazzi tal-attenzjoni tagħkom."

Għal aktar tagħrif:

europarl.president.press@europarl.europa.eu

  • Armin Machmer
    Spokesperson
    Mobile: +32 479 97 11 98