![]() |
Dibattitu dwar it-tkabbir
|
||||||||
|
Hekk kif il-proċess ta’ negozjati hu pjanat li jitlesta ma’ għaxra mill-pajjiżi kandidati, is-sena 2002 se tkun dik li tipprovdi l-bażi politika biex il-kontinent Ewropew jerġa’ jingħaqad mill-ġdid. Bl-istess mod, din is-sena għandha tkun ukoll pass deċiżiv għal dawk il-pajjiżi kandidati li qed jimmiraw data aktar tard biex ilestu n-negozjati ta’ sħubija. Il-Parlament Ewropew, bħala promotur tat-tkabbir fost l-istituzzjonijiet Ewropej, u bir-rwol kruċjali tiegħu fil-qasam leġislattiv u fil-budget fil-proċess tat-tkabbir, irid li jagħti stampa ċara ta’ din l-istorja ta’ suċċess b’avveniment li qatt ma sar bħalu, matul id-dibattitu plenajru ta’ Novembru dwar it-tkabbir. Dan id-dibattu se jkun l-okkażjoni biex il-Parlament Ewropew jadotta l-posizzjoni finali tiegħu dwar ir-rapporti finali dwar il-pajjiżi li l-Kummissjoni Ewropea preparat f’Ottubru 2002, dwar kemm kull pajjiż kandidat hu lest biex jissieħeb. Pat Cox, il-President tal-Parlament Ewropew, irid li din l-okkażjoni storika tkun imfakkra b’numru ta’ modi: parlamentari, kulturali u soċjali. Għal dan l-għan, stieden il-Membri mill-Parlament Nazzjonali tal-pajjiżi kandidati biex jieħdu sehem fid-dibattitu ġenerali. Għall-ewwel darba dan id-dibattitu se jkun immexxi mill-Presidenti tal-Istituzzjonijiet prinċipali Ewropej: Pat Cox għall-Parlament Ewropew, Romano Prodi għall-Kummissjoni Ewropea u Anders Fogh Rasmussen għall-Kunsill Ewropew. It-tieni innovazzjoni prinċipali se tkun li l-membri parlamentari tal-pajjiżi kandidati se jkunu mistiedna biex jieħdu post fil-Kamra tad-Deputati mal-grupp politiku ta’ l-għażla tagħhom u biex jieħdu sehem attiv f’din id-diskussjoni. |
||||||||