Main navigation
Il-Parlament Ewropew qiegħed jistabbilixxi Dar tal-Istorja Ewropea fi Brussell li se tagħti l-opportunità lill-viżitaturi biex jitgħallmu dwar l-Istorja Ewropea u biex jinvolvu ruħhom f'riflessjoni kritika dwar it-tifsira tagħha fil-ġurnata tal-lum.
Il-wirja permanenti se tiffoka prinċipalment fuq l-Istorja Ewropea tas-seklu għoxrin u l-istorja tal-integrazzjoni Ewropea, meqjusin minn perspettiva storika wiesgħa u fuq it-tgħaqid tal-esperjenzi kuntrastanti tal-Ewropej fl-istorja.
Id-Dar tal-Istorja Ewropea timmira li tagħti ħarsa ġenerali transnazzjonali lejn l-Istorja Ewropea, waqt li tqis in-natura diversa tagħha u l-ħafna interpretazzjonijiet u perċezzjonijiet tagħha.
Id-Dar tfittex li tikkontribwixxi biex tinftiehem l-istorja Ewropea, inkluż il-kuntest globali iktar wiesa', u li tiffaċilita dibattitu dwar l-Ewropa u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea.
Fil-qalba tad-Dar, ser ikun hemm wirja permanenti ffukata prinċipalment fuq is-seklu għoxrin, b'riflessjonijiet retrospettivi dwar proċessi u avvenimenti minn sekli mgħoddija. In-narrattiva tal-wirja ser tkun akkumpanjata minn ġabra ġdida ta' oġġetti u se tkun mgħammra b'tekonoloġija interattiva u multimedjali.
Waqt li l-wirja permanenti ser tiffoka fuq fenomeni sinifikanti tal-istorja Ewropea, se tippreżenta wkoll prospettivi differenti u interpretazzjonijiet varjati dwar l-istorja. B'dan il-mod, id-Dar tal-Istorja Ewropea timmira li ssir forum għar-riflessjoni u d-dibattu.
Il-wirja ġiet maħsuba b'mod li tilħaq l-aspettattivi ta' kull viżitatur, kemm jekk ikollu għarfien estensiv tal-istorja minn qabel u kemm jekk le. Il-viżitaturi kollha jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw fil-wirja bil-kumdità tagħhom. Hi ppjanata wkoll firxa wiesgħa ta' programmi edukattivi u kulturali.
Mill-ftuħ tagħha, id-Dar tal-Istorja Ewropea timmira li tipprovdi l-kontenut ewlieni tagħha f'dawk li dak iż-żmien kienu l-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Multilingwiżmu huwa meqjus bħala espressjoni tad-diversità kulturali tal-Ewropa, u d-Dar tixtieq li l-viżitaturi tagħha jesperjenzaw l-ispeċifiċità multilingwali tagħha bħala waħda mill-kwalitajiet prinċipali tagħha.
Il-kooperazzjoni ma' netwerks u istituzzjonijiet fl-Ewropa u lil hinn minnha se tiżvolġi rwol kruċjali biex id-Dar tingħaqad ma' korpijiet kulturali differenti fil-livelli internazzjonali, nazzjonali jew lokali. Id-Dar tal-Istorja Ewropea se tagħmel ħilitha biex issir parti integrali mil-pajsaġġ kulturali ta' Brussell u biex tiżviluppa alleanzi professjonali u kreattivi mal-istituzzjonijiet sħabha
Id-Dar tal-Istorja Ewropea ser tkun tinsab fil-Parc Léopold, fil-qalba tad-distrett Ewropew fi Brussell. Il-bini Eastman inbena fl-1935 biex jospita klinika dentali għal tfal żvantaġġati, iffinanzjat minn donazzjoni mogħtija mill-inventur tal-kamera tad-ditta 'Kodak'. Il-pjanijiet jinkludu r-rinnovazzjoni tal-faċċati - biż-żamma tal-estetika storika tal-bini - kif ukoll estensjoni moderna fil-bitħa u fuq il-bejt.
Maħluqa b'inizjattiva tal-Parlament Ewropew, għall-implimentazzjoni tagħha, id-Dar tal-Istorja Ewropea tistrieħ fuq għadd ta' strutturi istituzzjonali.
Il-Kunsill ta' Direzzjoni, presedut mis-Sinjur Hans Gert Pöttering, li kien il-President tal-Parlament Ewropew, huwa korp magħmul minn politiċi u personalitajiet ta' livell għoli, li jiġbor flimkien l-istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet ta' Brussell. Il-korpi kompetenti tal-Parlament huma rappreżentati fih. Il-Bord jissorvelja l-ġestjoni ġenerali tal-proġett.
Il-Kumitat Akkademiku, li hu presedut mill-istoriku Włodzimierz Borodziej u li jinkludi numru ta' storiċi u professjonisti minn mużewijiet magħrufin internazzjonalment, jiżvolġi rwol konsultattiv u ta' segwitu dwar kwistjonijiet ta' traskrizzjoni mużeoloġika u storika.
It-Tim tal-Proġett Akkademiku, immexxi mill-istoriku u l-kuratur Taja Vovk van Gaal, huwa responsabbli għall-preparazzjoni tal-wirjiet u għall-istrutturar tal-mużew tal-futur.
It-Tim tal-Bini organizza l-kompetizzjoni tal-arkitettura għall-bini u huwa responsabbli għas-sorveljanza tax-xogħlijiet inkluż ir-rinnovazzjoni u l-estensjoni tal-bini Eastman.
Il-proċess li ħoloq l-Unjoni Ewropea tul għexieren ta' snin, kellu impatt qawwi fuq il-mod kif il-pajjiżi Ewropej jorganizzaw u jmexxu lilhom infushom, iżda sa issa ma kienx hemm spazju pubbliku li jpoġġi kemm il-proċess u kemm l-avvenimenti f'kuntest storiku aktar wiesa', li jiġbor flimkien u jikkuntrasta l-esperjenzi varjati ta' pajjiżi differenti Ewropej.
Il-ġenerazzjoni ta' dawk li esperjenzaw it-traġedji tas-seklu għoxrin u komplew billi bnew il-Komunitajiet Ewropej qiegħda tispiċċa. Għalhekk, issa ż-żmien li niddokumentaw l-istejjer u l-memorji tagħhom ħalli l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikunu jistgħu jifhmu kif u għalfejn l-Unjoni tal-lum żviluppat kif għamlet u meta għamlet dan. Fi żminijiet ta' kriżi, huwa partikolarment importanti li jkun hemm artikulazzjoni tar-rwol kruċjali tal-wirt u l-kultura u li jitfakkar li l-kooperazzjoni paċifika m'għandhiex titqies bħala fatt ovvju.
Sa mill-bidu, il-proġett ġie xprunat minn xewqa biex ikun promoss l-għarfien dwar l-istorja Ewropea u sensibilizzazzjoni dwar diversi memorji b'mod miftuħ u mhux dommatiku. L-indipendenza akkademika u l-preżentazzjoni preċiża tal-istorja għandhom l-ogħla prijorità. Għal din ir-raġuni, tim Ewropew ta' storiki u professjonisti tal-mużewijiet mill-Ewropa kollha ġew reklutati apposta għall-proġett u qegħdin jaħdmu fuq l-iżvilupp tal-wirjiet, filwaqt li jiżguraw li d-diversità tal-istorja Ewropea - u tal-interpretazzjonijiet tagħha - jiġu rappreżentati b'mod ġust.
Bord konsultattiv ta' livell għoli (il-Kumitat Akkademiku) li hu kompost minn storiki u mużeoloġisti magħrufin internazzjonalment se jiggarantixxi l-preċiżjoni u r-relevanza akkademika tal-kontenut u tal-istorja.
Fil-qasir, id-Dar tal-Istorja Ewropea għandha l-għanijiet li:
Id-Dar tal-Istorja Ewropea se tkun assi ġdida fi Brussell, b'mod speċjali għal dwak il-viżitaturi li jridu jitgħallmu aktar dwar l-istorja Ewropea waqt iż-żjara tagħhom fil-belt li tospita l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet Ewropej. Id-Dar tal-Istorja Ewropea tkun komplementari għal żjara fl-istituzzjonijiet Ewropej u fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Parlament Ewropew (il-Parlamentarium). Waqt li l-Parlamentarium jittratta r-rwoli u l-attivitajiet tal-Parlament, l-għan tad-Dar tal-Istorja Ewropea hu li jirrifletti l-kumplessità tal-istorja politika, ekonomika, soċjali u kulturali Ewropea
Id-Dar tal-Istorja Ewropea se tkun tinsab fil-Bini Eastman ġewwa Parc Léopold, viċin l-istituzzjonijiet Ewropej. Bl-għan li dan il-bini jkun trasformat f'bini għall-wirjiet, fl-2009 ġiet ippubblikata kompetizzjoni tal-arkitettura li tlestiet fil-bidu tal-2011. Intrebħet minn grupp li jinkludi l-periti Chaix & Morel et associés minn Franza, JSWD Architekten mill-Ġermanja, u TPF mill-Belġju. Huwa mistenni li x-xogħlijiet jibdew fl-aħħar tal-2012.
Il-proġett biex tinbena Dar tal-Istorja Ewropea nbeda mill-President tal-Parlament Ewropew ta' dak iż-żmien, Hans-Gert Pöttering, fid-diskors ta' inawgurazzjoni tiegħu fl-2007, b'dawn il-kliem: "Nixtieq noħloq punt ta' konverġenza għall-istorja u għall-futur fejn jista' jkompli jikber il-kunċett tal-idea Ewropea." Nixtieq nipproponi l-istabbiliment ta' "Dar tal-Istorja Ewropea." Il-proġett huwa appoġġat u approvat mill-Bureau tal-Parlament.
Fl-2008, tfassal kunċett inizjali, imsejjaħ "Bażi Kunċettwali għal Dar tal-Istorja Ewropea, minn kumitat ta' storiki u esperti magħrufin minn diversi pajjiżi Ewropej. L-esperti kkonċepew id-Dar tal-Istorja Ewropea bħala ċentru modern għall-wirjiet, id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni li jkun jirrifletti l-ħsieb mużeoloġiku l-aktar riċenti.
Stima tal-ispejjeż: fażi ta' żvilupp 2011-2015: €31 miljun għar-rinnovazzjoni u l-estensjoni tal-bini, €21.4 miljun għall-wirjiet permanenti u għall-ewwel wirjiet temporanji (€15.4 miljun għall-armar tal-ispazji għall-wirjiet u ta' tip ieħor, €6 miljun għall-multilingwiżmu) u €3.75 miljun għall-bini tal-kollezzjoni
Frar 2007
Hans-Gert Pöttering, President tal-Parlament, ippropona d-Dar tal-Istorja Ewropea bħala “lok għall-istorja u għall-ġejjieni, fejn il-kunċett tal-idea Ewropea jista’ jkompli jikber”.
Ottubru 2008
Il-Bażi Kunċettwali, mfassla minn Kumitat internazzjonali tal-Esperti taħt it-tmexxija tal-Prof. Hans-Walter Hütter, tistabbilixxi l-prinċipji tad-Dar tal-Istorja Ewropea.
Frar 2009
Ħatra ta’ Bord ta’ Fiduċjarji ppresedut mill-ex President tal-PE Hans-Gert Pöttering u ta’ Kumitat Akkademiku ta’ livell għoli ppresedut mill-istoriku Prof. Włodzimierz Borodziej.
Ġunju 2009
Il-Bureau tal-Parlament jieħu d-deċiżjoni li jalloka l-binja ta' dik li dari kienet il-klinika dentali Eastman għall-istituzzjoni futura.
Jannar 2011
Tim multidixxiplinari ta’ professjonisti jinġema’ taħt it-tmexxija tal-istoriku u kuratur Taja Vovk Van Gaal.
Marzu 2011
Jitħabbru r-rebbieħa tal-kompetizzjoni arkitettonika għall-estensoni u t-tiġdid tal-binja Eastman: Ateliers Chaix & Morel (FR), JSWD Architekten (DE) u TPF (BE).
2012
Bidu tax-xogħol ta’ tiġdid fil-Binja Eastman.
Dar tal-Istorja Ewropea
Parlament Ewropew
Rue Wiertz 60/ Wiertzstraat 60
B-1047 Brussell
Belġju
heh-info@ep.europa.eu