It-Trattati u l-Parlament Ewropew 

L-ewwel Trattat li ġie ffirmat fl-1951 stabbilixxa l-Assemblea Parlamentari, li iktar tard saret magħrufa bħala l-Parlament Ewropew. L-għan tat-Trattat oriġinali kien li sitt pajjiżi, li preċedentement kienu fi gwerra, jibdew jaħdmu flimkien biex jiksbu objettivi komuni. Trattati sussegwenti stabbilixxew oqsma ġodda fejn dawn setgħu jaħdmu flimkien, jew kienu maħsuba biex itejbu l-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE hekk kif is-sħubija kibret minn 6 pajjiżi għal 28. Pereżempju, il-politika agrikola ġiet introdotta fit-Trattat KEE, u t-Trattat ta’ Nizza rriforma l-istruttura istituzzjonali tal-UE.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont it-Trattati. Il-Kummissjoni hija meqjusa bħala l-“Gwardjan tat-Trattati”. Meta jkun se jitfassal Trattat ġdid, jew ikun se jiġi emendat Trattat eżistenti, titħejja Konferenza Intergovernattiva (KIG), li matulha jiltaqgħu l-gvernijiet tal-Istati Membri. Il-Parlament jiġi kkonsultat u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar it-Trattat waqt li jkun qiegħed jifforma u jiżviluppa.

Il-Parlament kiseb iktar setgħat demokratiċi, superviżorji u leġiżlattivi ma’ kull Trattat ġdid. Permezz tat-Trattat ta’ Brussell (iffirmat fl-1975), il-Parlament kiseb id-dritt li fl-aħħar ta’ kull sena jiskrutinja l-kontijiet tal-UE, u jevalwa jekk il-Kummissjoni tkunx nefqet il-baġit tal-UE b’mod għaqli u ġust. Żidiet ġodda permezz tal-Att Uniku Ewropew (Trattat iffirmat fl-1986) żguraw li l-kunsens tal-Parlament ikun wieħed obbligatorju qabel ma pajjiż ġdid ikun jista' jingħaqad mal-UE. It-Trattat ta’ Amsterdam (iffirmat fl-1997) ta pożizzjoni ferm iktar b’saħħitha lill-Parlament fil-koleġiżlazzjoni mal-Kunsill fuq sensiela ta’ oqsma li huma soġġetti għal-liġi tal-UE (il-protezzjoni tal-konsumatur, l-abbiltà li persuna taħdem legalment f’pajjiż ieħor u kwistjonijiet ambjentali, biex insemmu xi wħud).

L-iktar Trattat riċenti, it-Trattat ta’ Lisbona, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009.

Huwa jsaħħaħ il-Parlament Ewropew, jagħti lill-parlamenti nazzjonali iktar responsabilità biex jiddeterminaw il-kors tal-politika Ewropea, u jippermetti li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom is-setgħa ta’ inizjattiva. It-Trattat ta' Lisbona jkompli jżid is-setgħat tal-Parlament bħala koleġiżlatur rikonoxxut kompletament b’aktar setgħat baġitarji. Huwa jagħti wkoll lill-Parlament rwol prinċipali fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-rwol tal-Parlament fl-avvenimenti storiċi ewlenin

Xi rwol kellu l-Parlament Ewropew f'uħud mill-mumenti l-aktar importanti tal-istorja tal-UE? Mur lura fiż-żmien u ara kif l-avvenimenti svolġew mil-lat tal-Parlament: il-ħolqien tal-euro (1998), l-ewwel darba li l-investigazzjonijiet tal-Parlament wasslu għax-xoljiment tal-Kummissjoni Ewropea (1999), l-iffirmar tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2000) u t-tkabbir tal-UE biex tilqa' l-pajjiżi tal-ex blokk komunista (2004 u 2007). Ara l-verità inedita fil-lingwa u d-dokumenti ta' dik l-epoka.