Innaqqsu l-impronta ekoloġika tagħna
L-applikazzjoni tal-EMAS fil-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew jagħraf ir-responsabbiltà tiegħu li jagħti kontribut pożittiv għall-iżvilupp sostenibbli bħala mira fit-tul. Il-Parlament jissodisfa din ir-responsabbiltà bir-rwol politiku u leġiżlattiv tiegħu, iżda anke bil-mod kif jopera u bid-deċiżjonijiet li jieħu ta' kuljum.
Għalhekk, il-Parlament Ewropew iddeċieda li l-amministrazzjoni tiegħu kellha tibda tapplika l-istandard tal-EMAS (Skema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali), bl-għan li jtejjeb kostantement ir-riżultati ambjentali tiegħu skont ir-Regolament dwar l-EMAS (KE) Nru 1221/2009 u l-istandard ISO 14001:2015.
Mill-konsum tal-enerġija għall-emissjonijiet tal-karbonju, il-mobbiltà, l-ilma u l-iskart, stabbilejna l-aħjar prattiki biex innaqqsu l-impatt ambjentali tagħna u nikkontribwixxu għal futur aktar sostenibbli.
Il-kisbiet ewlenin fit-tnaqqis tal-impronta ekoloġika tagħna
Il-Parlament Ewropew għamel progress kbir mill-2007 'l hawn, meta l-EMAS ġiet introdotta fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu. Bejn l-2012* u l-2019, il-Parlament irnexxielu:
- jnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tiegħu bi 38 %
- inaqqas il-konsum tal-elettriku tiegħu b'16 % u l-konsum tal-gass bi 23 %
- iżid is-sehem tal-użu tal-enerġija tiegħu li huwa jiġġenera fuq il-post minn sorsi rinnovabbli għal 15 %
- inaqqas il-konsum tal-karta tiegħu b'44 %
- tnaqqas il-ħela tal-ikel tiegħu bi 22 %
- iżid ir-rata ta' riċiklaġġ tal-iskart tiegħu għal 67 %, u
- jiżviluppa u jimplimenta approċċ sistematiku fl-istituzzjonijiet kollha għall-ekoloġizzazzjoni tal-akkwist pubbliku (APE), b'workshops regolari għal dawk li jorganizzaw is-sejħiet għall-offerti.
Aqra aktar dwar il-miri u l-kisbiet tagħna.
* Ħlief għall-emissjonijiet tal-karbonju, fejn is-sena bażi għat-tqabbil hija l-2006
L-użu tal-elettriku ekoloġiku u t-tpaċija tal-emissjonijiet
Il-Parlament ilu mill-2016 ipaċi l-emissjonijiet tal-karbonju kollha tiegħu li ma jistgħux jitnaqqsu, u b'hekk huwa l-ewwel istituzzjoni tal-UE li hija newtrali 100 % f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju. Huwa juża wkoll elettriku li hu 100 %“ekoloġiku” miksub minn sorsi rinnovabbli ċċertifikati.
Barra minn hekk, 15 % tal-enerġija totali użata hija ġġenerata fuq il-post minn riżorsi rinnovabbli, bħal pompi tas-sħana ġeotermali, koġenerazzjoni u pannelli fotovoltajċi.
Il-ħsieb ċirkolari
Il-Parlament kien ukoll l-ewwel istituzzjoni tal-UE li varat programm komprensiv ta' donazzjoni tal-ikel fl-2016, fejn ikel mhux mibjugħ, minflok ma jintrema, jingħata lill-karità.
Il-kompjuters, laptops, skrins u għamara dekummissjonati wkoll jingħataw lil organizzazzjonijiet tal-karità għall-użu mill-ġdid.
Il-parteċipazzjoni tal-persunal
Biex nibnu futur sostenibbli flimkien, kulħadd jeħtieġ li jiġbed ħabel wieħed. Fil-Parlament Ewropew, il-membri tal-persunal huma kontinwament imħeġġa jaħsbu favur l-ambjent kemm fuq ix-xogħol kif ukoll fil-ħajja privata tagħhom.
It-taħriġ u l-kampanji li jgħinu biex jiżdiedu l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar soluzzjonijiet sostenibbli qed jiffaċilitaw ġestjoni aħjar tal-iskart, tnaqqis fl-użu tal-ilma, vjaġġar aktar sostenibbli lejn il-post tax-xogħol u ħafna aspetti oħra tal-ambjent tax-xogħol.
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lit-tim tal-EMAS fl-indirizz elettroniku li ġej
Contact:
-
Contact data:
Billi tistrieħ fuq l-impenn ta' kull wieħed u waħda mill-impjegati u fuq l-appoġġ tas-servizzi kollha tagħha, l-EMAS tipprovdi l-qafas biex il-Parlament Ewropew inaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tiegħu stess u jiffranka r-riżorsi għall-ġenerazzjonijiet futuri. Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Parlament qed jistudja wkoll il-politiki tiegħu li jħarsu 'l quddiem dwar in-newtralità karbonika, u kif għandu jmexxi bl-eżempju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Sostenibbiltà tal-assi patrimonjali
Il-Parlament Ewropew huwa impenjat li jimmaniġġja l-binjiet tiegħu skont l-aħħar standards ambjentali. Huwa jinvesti b'mod kostanti fiż-żieda tas-sostenibbiltà tal-bini tiegħu billi jnaqqas il-ħtiġijiet, itejjeb il-produzzjoni tal-enerġija tagħhom u jagħmel użu minn enerġiji rinnovabbli.
Illum, żewġ binjiet tal-Parlament Ewropew, il-binja Montoyer Sciences u l-binja Martens, diġà rnexxielhom jiksbu ċ-ċertifikazzjoni BREEAM (Metodu ta' Valutazzjoni Ambjentali tal-Istabbiliment tar-Riċerka fil-Bini), li hija metodu ta' valutazzjoni ambjentali rikonoxxut madwar id-dinja u sistema ta' klassifikazzjoni għall-bini.
L-iżjed proġett riċenti huwa dak tal-bini l-ġdid Adenauer, kumpless ta' 197,000 m² li jinsab bejn it-toroq Alcide de Gasperi, Aigner, Hammes u John F. Kennedy f'Kirchberg, li se jospita s-Segretarjat Ġenerali kollu tal-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu. Il-kostruzzjoni titwettaq f'żewġ fażijiet: il-parti tal-Lvant (li diġà tlestiet fl-2020) u l-parti tal-Punent (li t-tlestija prevista għall-aħħar tal-2023). Il-bini ġie ċċertifikat bħala 'BREEAM eċċellenti' mill-Istabbiliment tar-Riċerka fil-Bini (BRE) fil-fażi tad-disinn. Il-bini juża installazzjonijiet tekniċi ambjentali tal-ogħla livell ta' żvilupp, inkluż il-ġbir tal-ilma tax-xita, l-enerġija ġeotermali u dik solari.
Il-Parlament Ewropew għandu l-għan li jikseb ċertifikazzjoni LEED (Tmexxija fl-Enerġija u d-Disinn Ambjentali) tal-bini Chatham House f’Dublin. Il-bini huwa magħżul biex jakkomoda ċ-ċentru għall-viżitaturi Europa Experience u l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew. Bħala parti minn din iċ-ċertifikazzjoni, tħejja studju tal-bini.