Il-multilingwiżmu fil-Parlament Ewropew
Il-multilingwiżmu, jiġifieri l-użu ta’ diversi lingwi, huwa karatteristika importanti tad-demokrazija Ewropea.
Fil-Parlament Ewropew, kull waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE għandha l-istess importanza. Il-Membri għandhom id-dritt li jaqraw u jiktbu dokumenti parlamentari bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom. Għandhom ukoll id-dritt li jitkellmu u jisimgħu l-laqgħat u d-dibattiti parlamentari b’dik il-lingwa.
It-traduzzjoni u l-interpretazzjoni jippermettu liċ-ċittadini jinvolvu ruħhom mal-Parlament Ewropew bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom u jsegwu l-laqgħat parlamentari b’lingwi differenti jew bi preżenza fiżika jew online.
Il-lingwi għandhom ukoll rwol importanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Parlament Ewropew jeħtieġlu jiżgura li l-leġiżlazzjoni li jadotta tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Dan jippermetti liċ-ċittadini jifhmu l-liġijiet li jaffettwawhom.
Testi legali ewlenin:
Minn 4 lingwi għal 24 lingwa
Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/1958. Meta pajjiż ġdid jissieħeb fl-UE, dan ir-regolament jista’ jiġi aġġornat biex jinkludi l-lingwa/i uffiċjali ta’ dak il-pajjiż. Il-lingwi uffiċjali kollha għandhom status ugwali.
Sa mit-twaqqif tal-Unjoni Ewropea fil-ħamsinijiet, meta kienu jintużaw biss erba’ lingwi, l-għadd ta’ lingwi uffiċjali żdied għal 24.
B’24 lingwa uffiċjali, kull lingwa tista’ tiġi tradotta u interpretata fi 23 lingwa oħra. Dan ifisser li hemm 552 kombinament possibbli ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni.
Il-lingwi uffiċjali tal-UE – kronoloġija
- 1958: il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Olandiż, it-Taljan
- 1973: Id-Daniż, l-Ingliż
- 1981: Il-Grieg
- 1986: Il-Portugiż, l-Ispanjol
- 1995: Il-Finlandiż, l-Isvediż
- 2004: Iċ-Ċek, l-Estonjan, l-Ungeriż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, is-Slovakk, is-Sloven
- 2007: Il-Bulgaru, l-Irlandiż, ir-Rumen
- 2013: Il-Kroat
Testi legali ewlenin:
Is-Servizz tat-Traduzzjoni
Is-servizz tat-traduzzjoni tal-Parlament Ewropew jiggarantixxi li l-kontenut relatat mal-attivitajiet leġiżlattivi, baġitarji u ta’ skrutinju tal-Parlament ikun aċċessibbli bil-lingwi uffiċjali kollha, filwaqt li jiżgura t-trasparenza u l-leġittimità. Jipprovdi wkoll servizzi lingwistiċi biex jiġi żgurat li l-komunikazzjoni tal-Parlament maċ-ċittadini tkun multilingwi, ċara, inklużiva u aċċessibbli għal kulħadd.
Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni u l-Lingwaġġ Ċar (DĠ TRAD) jimpjega madwar 1,100 membru tal-persunal, fosthom aktar minn 600 traduttur, u b’hekk huwa wieħed mill-akbar impjegaturi tat-tip tiegħu.
L-interpretazzjoni
Is-servizz tal-interpretazzjoni tal-Parlament Ewropew jipprovdi interpretazzjoni diretta matul il-laqgħat parlamentari. Dan jippermetti lill-Membri mill-Ewropa kollha jinvolvu ruħhom f’dibattitu b’lingwi differenti. Dan ifisser ukoll li d-diskorsi fil-laqgħat parlamentari pubbliċi jistgħu jiġu segwiti b’lingwi uffiċjali differenti tal-UE miċ-ċittadini permezz tal-webstreaming. Is-servizzi tal-interpretazzjoni jiġu pprovduti għas-sessjonijiet plenarji, il-laqgħat tal-kumitati u laqgħat multilingwi oħra.
Id-Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi (DĠ LINC) għandu tim ta’ madwar 250 interpretu intern. Jinkludi wkoll network ta’ aktar minn 1,500 interpretu freelance akkreditat li jaħdmu regolarment għall-Parlament Ewropew.
Atti Leġiżlattivi
Il-leġiżlazzjoni adottata mill-Parlament Ewropew taffettwa aktar minn 450 miljun persuna f’27 pajjiż u 24 lingwa uffiċjali. Trid tkun identika u ċara kemm jista’ jkun bil-lingwi kollha. Il-ġuristi lingwisti tal-Parlament huma responsabbli għal dan.
It-tim ta’ madwar 75 ġurist lingwist jiżgura, fl-istadji kollha tal-proċess leġiżlattiv, l-ogħla kwalità possibbli tat-testi leġiżlattivi bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
Il-kompiti ewlenin tagħhom jinkludu:
- għoti ta’ pariri ta’ abbozzar u proċedurali lill-Membri u lis-segretarjati tal-kumitati mill-fażi inizjali tal-abbozzar ta’ test leġiżlattiv sal-adozzjoni finali tiegħu fil-plenarja;
- verifika tal-kwalità legali lingwistika u teknika tat-testi leġiżlattivi kollha mressqa għall-votazzjoni fil-kumitat u fil-plenarja;
- pubblikazzjoni tat-testi kollha adottati fil-plenarja fil-jum tal-votazzjoni;
- finalizzazzjoni ta’ atti leġiżlattivi f’kooperazzjoni mal-ġuristi lingwisti tal-Kunsill.