Il-Kumitati tal-Parlament Ewropew
Sabiex isir ix-xogħol preparatorju għas-seduti plenarji tal-Parlament, il-Membri huma mqassma fost 22 kumitat permanenti li jispeċjalizzaw f’oqsma ta’ politika differenti.
Kumitat jikkonsisti minn 25 sa 90 Membru tal-PE, u għandu president, viċi presidenti u segretarjat. L-għamla politika tal-kumitati tirrifletti l-għamla tal-assemblea plenarja.
Il-kumitati parlamentari jiltaqgħu darba jew darbtejn fix-xahar, normalment fi Brussell. Id-dibattiti tagħhom huma miftuħa għall-pubbliku u jiġu strimjati fuq l-internet.
Il-kumitati jħejju, jemendaw u jadottaw proposti leġiżlattivi u rapporti fuq inizjattiva tagħhom. Huma jikkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u, fejn jkun hemm bżonn iħejju rapporti sabiex ikunu ppreżentati fl-assemblea plenarja.
Il-Parlament jista' wkoll iwaqqaf sottokumitati permanenti u kumitati temporanji speċjali biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi.
Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew għandu s-setgħa li jwaqqaf kumitati formali ta' inkjesta skont id-dmirijiet tiegħu ta' superviżjoni biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' administrazzjoni ħażina tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.
Il-presidenti tal-kumitati jikkoordinaw ix-xogħol tal-kumitati fil-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati.