Setgħat baġitarji
Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew jaqsam is-setgħa li jiddeċiedi dwar il-baġit annwali kollu tal-UE mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u għandu l-aħħar kelma.
Qafas Finanzjarju Multiannwali
Id-deċiżjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill dwar in-nefqa u d-dħul annwali jridu jaqgħu fi ħdan il-limiti tal-infiq annwali stipulati fil-pjan finanzjarju fit-tul tal-UE, il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, innegozjat darba kull seba’ snin.
Il-kontroll baġitarju
Ladarba l-baġit tal-UE jiġi adottat, il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu (l-istituzzjonijiet l-oħra huma responsabbli mill-baġits amministrattivi tagħhom stess).
Bħala istituzzjoni eletta direttament li tirrappreżenta lill-kontribwenti tal-UE, il-Parlament Ewropew jeżerċita sorveljanza demokratika biex jiżgura li l-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra jamministraw kif xieraq il-fondi Ewropej.
Il-Parlament, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jiddeċiedi jekk jagħtix il-kwittanza, i.e. l-approvazzjoni finali dwar kif il-baġit għal sena speċifika ikun ġie implimentat.
Il-Parlament jieħu deċiżjoni, wara eżami dettaljat mill-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju tal-kontijiet finanzjarji tal-Kummissjoni u tar-rapport dwar l-attivitajiet tagħha għas-sena kkonċernata. Iqis ukoll ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri u t-tweġibiet tal-Kummissjoni dwar mistoqsijiet speċifiċi li l-MPE jista’ jkollhom.
Il-Parlament jista’ wkoll jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta, fuq talba tal-Parlament, dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta’ tali osservazzjonijiet u kummenti.
Il-proċedura tintemm fl-għoti, posponiment jew rifjut tal-kwittanza.
Il-Parlament ikollu x’jaqsam b’mod simili mal-approvazzjoni tal-kontijiet ta’ istituzzjonijiet oħra, inkluż il-baġit amministrattiv tiegħu stess.