Il-PE wara t-Trattat ta' Liżbona: Irwol ikbar fit-tiswir tal-Ewropa
It-Trattat ta’ Liżbona, li daħal fis-seħħ lejn l-aħħar tal-2009, wassal biex il-Parlament Ewropew ikollu setgħat ta' tfassil tal-liġijiet ġodda u jitqiegħed fuq l-istess livell mal-Kunsill tal-Ministri fid-deċiżjoni dwar x’tagħmel l-UE u kif jintefqu l-flus. It-Trattat biddel ukoll il-mod kif il-Parlament jaħdem ma’ istituzzjonijiet oħra u ta lill-Membri tal-PE aktar influwenza fuq min imexxi l-UE. Dawn ir-riformi kollha jiżguraw li bil-vot tiegħek fl-elezzjonijiet Ewropej, inti tingħata vuċi saħansitra akbar dwar fejn sejra l-Ewropa.
Aktar setgħat
It-Trattat ta’ Liżbona żied l-abbiltà tal-UE u l-Parlament tagħha li jaġixxu u jilħqu l-għanijiet tagħhom. Huwa estenda s-setgħat leġiżlattivi sħaħ tal-Parlament għal aktar minn 40 qasam ġdid, inklużi l-agrikoltura, is-sigurtà tal-enerġija, l-immigrazzjoni, il-ġustizzja u l-fondi tal-UE, u qiegħdu fuq l-istess livell mal-Kunsill li jirrappreżenta l-Gvernijiet tal-Istati Membri. Il-Parlament kiseb ukoll is-setgħa li japprova l-baġit kollu tal-UE, flimkien mal-Kunsill.
Il-Membri tal-PE ingħataw id-dritt li jirrevokaw ftehimiet internazzjonali u ma eżitawx milli jagħmlu użu minn dan id-dritt biex iwaqqfu l-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) li ħoloq kontroversja u li ħafna beżgħu li kien se jfixkel il-libertajiet fundamentali. Dan l-episodju wera li minħabba ż-żieda fis-setgħat, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Membri tal-PE għandhom impatt aktar qawwi fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.
Irwol akbar
It-Trattat ta’ Liżbona mhux biss ta lill-Parlament l-istess segħat ta’ tfassil ta’ liġijiet bħal dawk tal-Kunsill, iżda tah ukoll is-saħħa li jistabbilixxi d-direzzjoni politika tal-Ewropa. Skont il-bidliet tat-Trattat, huwa l-Parlament li jaħtar il-kap tal-Kummissjoni, il-korp eżekuttiv tal-UE, u din id-deċiżjoni trid tirrifletti r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej u, għalhekk, l-għażla tal-votanti.
Vuċi aktar qawwija għaċ-ċittadini
Bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament miċ-ċittadini, il-Parlament għandu s-setgħat u r-responsabbiltà li jżomm l-istituzzjonijet tal-UE responsabbli għal għemilhom. Il-Parlament huwa l-gwardjan tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, imnaqqxa fit-Trattat ta’ Liżbona, kif ukoll id-dritt tal-inizjattiva taċ-ċittadini, li jippermetti li l-persuni jitolbu proposti ta’ politika ġodda jekk miljun persuna jiffirmaw petizzjoni li titlob dan.