Dwar il-Programm Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew

Il-Programm "Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew" (EPAS) għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar id-demokrazija parlamentari Ewropea, ir-rwol tal-Parlament Ewropew u l-valuri Ewropej fost l-istudenti.

Iħeġġiġhom ukoll jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċessi demokratiċi tal-UE. Il-programm huwa mmirat lejn studenti minn sfondi edukattivi, soċjali u ġeografiċi differenti.

Attivitajiet

L-għalliema u l-istudenti jinħatru bħala Senior u Junior Ambassadors mill-iskejjel li jintgħażlu biex jieħdu sehem fil-programm u jiġu inkarigati bl-implimentazzjoni tiegħu. L-għalliema jieħdu ħsieb l-aspett edukattiv, primarjament billi jorganizzaw lezzjonijiet dwar id-demokrazija parlamentari Ewropea. L-edukaturi jistgħu jużaw il-materjal edukattiv interattiv tal-Parlament Ewropew li jinkludi informazzjoni ġenerali u fatti dwar l-UE, taħriġ dwar il-parteċipazzjoni u l-ħiliet demokratiċi, logħbiet tar-rwoli għall-klassi u kwiżżijiet. L-għalliema u l-istudenti jintalbu jagħmlu attivitajiet differenti, pereżempju joħolqu Info Point dwar l-UE, jorganizzaw avvenimenti għal Jum l-Ewropa jew joħolqu kontenut għall-midja soċjali. Ikunu f'kuntatt ma' Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll ma' Ambaxxaturi u sħab oħra, u jinteraġixxu mal-komunitajiet tagħhom.

Akkreditament u benefiċċji

Fl-aħħar ta' kull sena skolastika jiġu evalwati l-attivitajiet imwettqa mill-iskejjel. Meta jlestu l-programm, l-iskejjel jiġu ċċertifikati bħala Skola Ambaxxatriċi, filwaqt li s-Senior u l-Junior Ambassadors jingħataw ċertifikati f'ċerimonja organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'pajjiżhom, ħafna darbi fil-preżenza ta' Membri tal-Parlament Ewropew, awtoritajiet nazzjonali u lokali u sħab oħra. L-għalliema u l-istudenti jistgħu wkoll jingħataw iċ-ċans jipparteċipaw f'sessjonijiet ta' Euroscola fi Strasburgu jew f'avvenimenti oħra organizzati mill-Parlament Ewropew fl-Istati Membri u fi Brussell jew Strasburgu.

Senior Ambassadors iżuru l-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu waqt seminar għall-għalliema.

In-Network tal-Iskejjel Ambaxxaturi

B'madwar 1,500 skola rikonoxxuta bħala "Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew" u bi 3,700 għalliem u għalliema maħtura bħala Senior Ambassadors u kważi 23,000 student bħala Junior Ambassadors, in-network joffri opportunità kbira lill-iskejjel biex jaqsmu l-aħjar prattiki u jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-programm. In-Network tal-Iskejjel Ambaxxaturi huwa parti minn komunità akbar li tikkoopera mal-Parlament Ewropew, partkolarment permezz tal-pjattaforma flimkien.eu. Lil dawn l-iskejjel, in-network jagħtihom iċ-ċans jinvolvu ruħhom f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet organizzati mill-Parlament Ewropew, kif ukoll mill-Uffiċċji ta' Kollegament u s-sħab istituzzjonali tiegħu, u jidħlu f'kuntatt ma' diversi entitajiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali.

Ritratt tal-grupp waqt seminar tal-EPAS għall-għalliema fi Brussell li laqqa' Senior Ambassadors mill-Unjoni Ewropea kollha.

Żur il-paġna tagħna fuq Facebook u ibqa' f'kuntatt man-Network tal-Iskejjel Ambaxxaturi

Żurna fuq Facebook

Il-paġna tan-network tal-Iskejjel Ambaxxaturi