Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter) (agħfas "Enter")
Access to list of other websites (agħfas "Enter")

Kollezzjoni tal-opri tal-arti

 

Il-kollezzjoni tal-arti tal-Parlament Ewropew twieldet bis-saħħa ta' inizjattiva tal-ewwel President tiegħu, Simone Veil, li fil-bidu tas-snin tmenin kienet tal-fehma li kien xieraq li l-istituzzjoni tibda tibni kollezzjoni ta' arti kontemporanja, fuq l-eżempju ta' xi parlamenti nazzjonali. Skont l-approċċ oriġinali, il-kollezzjoni kellha tlaqqa' flimkien xogħlijiet artistiċi minn kull wieħed mill-għaxar pajjiżi li, dak iż-żmien, kienu jiffurmaw parti mill-Komunità Ekonomika Ewropea, filwaqt li tagħti importanza lil xi artisti żgħażagħ, li ma kinux debuttanti, u li kienu diġà kisbu ċertu rikonoxximent u prestiġju.


Għaldaqstant, l-għan kien li tinġabar kollezzjoni ta' xogħlijiet sinifikanti, magħżula abbażi ta' proposti minn esperti tal-arti minn kull pajjiż. B'hekk, mhux biss isir kontribut biex jiġi promoss il-ħolqien artistiku fl-Istati Membri u jiġi protett il-wirt artistiku Ewropew billi l-politika kulturali Komunitarja tingħata immaġni ta' dinamiżmu u freskezza akbar, iżda wkoll jiġi introdott il-kriterju estetiku meħtieġ fl-għażla tal-oġġetti maħsuba biex iżejnu l-ispazji pubbliċi u tax-xogħol tal-Parlament Ewropew, li jinsabu fid-diversi binjiet tiegħu.


L-għażla li bħalissa tinsab disponibbli fuq din il-paġna web tinkludi ftit aktar minn mitt opra tal-arti, magħżula abbażi tal-kwalità artistika tagħhom u r-rilevanza tal-awturi tagħhom, fosthom xi ismijiet kbar fix-xena artistika internazzjonali: Mimmo Paladino, Peter Doig, Michael Craig-Martin, Antoni Tàpies, Imi Knoebel, Valerio Adami, eċċ.


Ħarsa lejn il-kollezzjoni toffri eżempji notevoli ta' xejriet varji li ddefinixxew il-pajsaġġ artistiku Ewropew matul l-aħħar erbgħin sena: l-astratt tat-tmeninijiet u d-disgħinijiet, b'biċċiet stupendi ta' Helena Almeida, Callum Innes, Felim Egan, Ângelo de Sousa jew Günther Förg, in-neoespressjoniżmu Ġermaniż – Georg Baselitz, Rainer Fetting, Helmut Middendorf – in-neofigurattiviżmu tas-snin tmenin – Pat Andrea –; l-espressjoniżmu xejn eleganti u inimitabbli ta' Juan Barjola; xogħlijiet ta' skulturi importanti ta' ġenerazzjonijiet u stili differenti ħafna, bħal Martín Chirino, Rui Chafes jew Jens Galschiot; il-ħarsa lejn in-natura u l-pajsaġġ rurali, li tingħaraf b'mod partikolari fil-pittura ta' diversi artisti Irlandiżi rappreżentati fil-kollezzjoni, bħal Martin Gale.


Il-kollezzjoni tiġbor ukoll xogħlijiet magħmula b'formati u tekniki speċjali, eqreb għall-arti dekorattiva, bħal dik tal-imgħallem tal-ħġieġ u l-enamel, Herman Blondeel, jew it-tessut astratt ta' Ulla-Maija Vikman. Fost ix-xogħlijiet li jagħtu ġieħ lill-Unjoni Ewropea jew jagħmlu referenza diretta għaliha, ta' min jinnota s-sensiela sħiħa ta' bnadar nazzjonali tal-pajjiżi membri, interpretati bl-akbar oriġinalità u luminożità mill-artist Grieg Pavlos Dionyssopoulos.


Ta' min wieħed isemmi l-aktar xogħlijiet reċenti li daħlu fil-kollezzjoni, li ġejjin minn pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea bejn l-2004 u l-2013, li huma karatterizzati minn livell għoli u uniformi ta' kwalità u mill-introduzzjoni ta' tekniki u temi li jiddefinixxu t-tiġdid teknoloġiku diġitali fl-arti fl-ewwel żewġ deċennji tas-seklu XXI: xogħlijiet ta' Jasmina Cibic, Ivana Franke, Gyöngyi Gallusz; ix-xogħol bl-istampi, b'reżonanzi politiċi, ta' Jaan Elken; jew ix-xogħol xenografiku fl-installazzjoni-skultura ta' Anna Baumgart.

Il-kollezzjoni tal-Parlament Ewropew, li fil-preżent hija magħmula minn madwar 350 opra tal-arti, ġiet maħsuba bħala għodda ta' komunikazzjoni, li tirrifletti l-appoġġ u l-inkoraġġiment ta' din l-istituzzjoni għad-diversità kulturali tal-Unjoni Ewropea. Fis-snin li ġejjin, il-kollezzjoni se tkompli tikber biż-żieda ta' xogħlijiet ġodda li jsaħħu, minn naħa waħda, rappreżentazzjoni adegwata ta' artisti nisa, u min-naħa l-oħra, il-preżenza ta' ġeneri li jagħmlu parti mill-prattika artistika kontemporanja, bħall-fotografija, l-arti grafika, l-arti bil-vidjo, il-performance jew l-installazzjoni. Is-Servizz tax-Xogħlijiet tal-Arti tal-Parlament Ewropew jistedinkom tgawdu din l-għażla.

For more information on the collection or particular works of art see FAQs (link) or write to art@europarl.europa.eu.

 
 
Social media