Patroċinju
Il-patroċinju huwa mod kif il-Parlament Ewropew jassoċja ruħu ma' avveniment billi jagħti l-appoġġ morali tiegħu. Dan it-tip ta' patroċinju jingħata għal għadd limitat ta' avvenimenti kull sena.
-
Avvenimenti bħal konferenzi, dibattiti, seminars, skejjel tas-sajf, eċċ. jistgħu jingħataw il-patroċinju tal-Parlament, dment li jkollhom dimensjoni Ewropea ċara, b'mod partikolari billi jenfasizzaw ir-rwol u l-kontribut tal-Parlament Ewropew jew tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat, u jkollhom kwalità għolja u riżonanza sinifikanti. Barra minn hekk, id-data/i u l-post iridu jkunu kkonfermati u t-tul huwa limitat. L-avvenimenti jridu jkunu mingħajr skop ta' qligħ.
Tingħata attenzjoni partikolari għal kemm l-avveniment iqajjem kuxjenza dwar id-demokrazija parlamentari Ewropea, irawwem ċittadinanza Ewropea attiva u jippromwovi d-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nondiskriminazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Tingħata wkoll attenzjoni speċjali lil avvenimenti organizzati miż-żgħażagħ jew immirati għalihom.
Il-patroċinju ma jistax jingħata għal avvenimenti ta' natura jew skop kummerċjali li jkollhom l-għan li jirreklamaw jew jippromwovu, direttament jew indirettament, marki jew kwalunkwe tip ta' attività kummerċjali, u lanqas għal avvenimenti li jkunu ta' natura politika partiġġjana, inkluż ġbir ta' fondi għal skopijiet politiċi u attivitajiet ta' rutina jew attivitajiet interni ta' trade unions jew partiti politiċi. Avvenimenti u/jew organizzaturi li jimminaw il-valuri u l-prinċipji demokratiċi bażiċi tal-Unjoni Ewropea jiġu esklużi wkoll.
Jekk avveniment li jkun ingħata patroċinju mill-Parlament skont ir-regoli ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà, il-President jista', fi kwalunkwe mument, jirtira d-deċiżjoni li biha jkun ingħata l-patroċinju.
Il-patroċinju ma jorbot lill-Parlament b'ebda obbligu finanzjarju, u lanqas ma jagħti d-dritt li jintużaw il-faċilitajiet tal-Parlament Ewropew. Għal aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-patroċinju, ara r-regoli ta' hawn taħt.
-
Talbiet għal patroċinju jistgħu jsiru permezz tal-formola online apposta, bil-posta jew bl-email u jridu jaslu għand il-President tal-Parlament Ewropew mill-inqas xahrejn qabel l-avveniment ippjanat.
L-applikazzjonijiet bil-posta jew bl-email iridu jkunu miktubin b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-organizzatur u l-kuntatti rilevanti, deskrizzjoni dettaljata tal-avveniment, inkluż programm dettaljat, u d-dati kkonfermati. Irid ikun fihom ukoll deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni marbutin mal-avveniment.
Rigward l-informazzjoni li trid tingħata, ara l-Artikolu 3 tar-regoli dwar il-patroċinju, jew l-Eżempju ta' formola ta' applikazzjoni online.
L-applikazzjonijiet iridu jkunu indirizzati lil:
President tal-Parlament Ewropew
Rue Wiertz 60
1047 Bruxelles
BelgiumB'email: president@ep.europa.eu
-
Il-benefiċjarji jridu jsemmu b'mod ċar l-appoġġ tal-Parlament fil-komunikazzjoni u l-pubbliċità tagħhom dwar l-avveniment, billi jindikaw li l-avveniment huwa "taħt il-patroċinju distint tal-Parlament Ewropew' u billi jużaw il-logo tal-Parlament previst apposta għall-patroċinju.
Fi kwalunkwe komunikazzjoni dwar l-avveniment, inkluż il-kontenut ippubblikat fuq l-internet, trid issir distinzjoni ċara bejn ir-rwol tal-Parlament bħala sieħeb istituzzjonali li jagħti appoġġ morali u kwalunkwe sors ieħor ta' appoġġ finanzjarju.
Avvenimenti li jibbenefikaw minn patroċinju u li jsiru matul it-12-il xahar qabel l-elezzjonijiet Ewropej għandhom isemmu dawn l-elezzjonijiet, u d-dati tagħhom, fi kwalunkwe materjal ta' komunikazzjoni. Għandhom jiġu inklużi elementi viżivi rilevanti skont il-linji gwida tal-Parlament dwar il-grafika.
L-Uffiċċji ta' Kollegament fl-Istati Membri
L-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs) huma responsabbli mill-implimentazzjoni lokali tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni istituzzjonali, jikkomunikaw maċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati, iżommu kuntatti mal-midja nazzjonali, reġjonali u lokali u jagħtu assistenza lill-Membri tal-Parlament Ewropew.
The Ir-Reġistru tat-Trasparenza Register
Il-Parlament Ewropew jirrakkomanda lill-organizzazzjonijiet kollha involuti fl-attivitajiet koperti mill-ftehim interistituzzjonali dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza biex jirreġistraw fl-imsemmi reġistru.
together.eu
flimkien.eu hija komunità pan-Ewropea li tħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa fid-demokrazija.
Persuni bħalek qed jersqu 'l quddiem sabiex jieħdu azzjoni li twassal għal futur isbaħ fl-Unjoni Ewropea. Kemm jekk billi jinvolvu ruħhom fil-proċess politiku jew billi jgħinu fil-promozzjoni tal-importannza tal-vot - flimkien nistgħu ngħinu sabiex id-demokrazija tilgħab il-parti tagħha bi dritt fl-Unjoni Ewropea.