Premji 

L-attività tal-Parlament Ewropew mhix biss waħda leġiżlattiva. Għandu wkoll għal qalbu l-promozzjoni ta' dak li hu tajjeb. Kull sena joħroġ erba' premji b'rikonoxximent tal-eċċellenza fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, iċ-ċinema, proġetti taż-żgħażagħ u ċittadinanza tajba. Din hija opportunità biex tingħata attenzjoni lil dawk in-nies u l-organizzazzjonijiet li jagħmlu xogħol iebes biex id-dinja tagħha ssir tikka aħjar u jħeġġu lil ħaddieħor isegwi l-eżempju tagħhom.

  • Il-Premju Charlemagne għaż-Żgħażagħ Ewropej - għal Ewropej żgħażagħ b’ħafna motivazzjoni 

    Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropew jingħata lil proġetti mmexxija miż-żgħażagħ li jippromwovu l-fehim Ewropew u internazzjonali. Il-premju jenfasizza l-ħidma ta' kuljum miż-żgħażagħ madwar l-Ewropa biex tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea u jappoġġa l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-kitba tal-futur tal-Ewropa.

    L-aħjar proġett jieħu premju ta' €7500, it-tieni €5000 u t-tielet €2500. Bħala parti mill-premju, it-tliet rebbieħa finali Ewropej jiġu mistiedna jżuru l-Parlament Ewropew fi Brussell jew fi Strasburgu.

    Resident fl-UE, għandek bejn 16 u 30 sena u qed taħdem fuq proġett li jgħin biex ibiddel l-Ewropa? Mela tista' tkun ir-rebbieħ li jmiss tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej!


      
  • Premju taċ-Ċittadin Ewropew 

    Il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew jirrikonoxxi l-inizjattivi li taw kontribut lill-kooperazzjoni Ewropea u lill-promozzjoni tal-valuri komuni.

     Fl-2023, tressqu 216-il applikazzjoni li jolqtu varjetà ta’ suġġetti bħal bini ta’ park tal-iskulturi b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem fi spazju tal-iskola, ħolqien ta’ ktieb ta’ għanjiet tal-UE, u inizjattiva ta’ solidarjetà stabbilita minn grupp ta’ voluntiera li jgħinu bla heda liċ-ċittadini sħabhom milquta minn għargħar devastanti, u ħafna oħrajn.

     Il-Premju jingħata lil proġetti organizzati minn persuni jew organizzazzjonijiet li jinkoraġġixxu:

    • il-fehim reċiproku u l-integrazzjoni aktar mill-qrib bejn il-persuni fl-UE
    • il-kooperazzjoni transfruntiera li tibni spirtu Ewropew aktar b’saħħtu
    • il-valuri tal-UE u d-drittijiet fundamentali

    Iċ-ċittadini individwali, il-gruppi, l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet jistgħu japplikaw bi proġett għall-Premju, jew jistgħu jinnominaw proġett. Il-Membri tal-PE wkoll jistgħu jressqu nomina.

    Fl-2024 mhu se jingħata l-ebda Premju taċ-Ċittadin Ewropew peress li hija sena elettorali Ewropea.


    Għal aktar informazzjoni, ikteb lil CitizensPrize@ep.europa.eu.


      
  • Il-Premju Sakharov - għal-libertà tal-ħsieb 

    Il-Premju Sakharov jingħata għal min ikun kiseb riżultati prestiġjużi f'wieħed minn dawn l-oqsma:

    • difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt għal espressjoni libera
    • is-salvagwardja tad-drittijiet tal-minoranzi
    • ir-rispett għad-dritt internazzjonali,
    • l-iżvilupp tad-demokrazija u l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt
        
    • Premju LUX tal-Udjenza: insostnu l-kultura u nikkollegaw l-Ewropej 

      Il-Premju Ċinematografiku LUX tal-Parlament Ewropew ilu jibni pontijiet madwar l-Ewropa mill-2007, billi jitfa' dawl fuq films li jmorru fil-qalba tad-dibattitu pubbliku Ewropew.

      F'Settembru 2020, il-Premju Ċinematografiku LUX sar il-Premju LUX tal-Udjenza. Il-premju tnieda b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-European Film Academy, fi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea u l-Europa Cinemas.

      Il-premju l-ġdid għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet bejn iċ-ċittadini u r-rappreżentanti politiċi tagħhom, billi jistieden lill-udjenzi Ewropej biex isiru parti mill-akbar ġurija tal-films fl-Ewropa u jivvotaw għall-films favoriti tagħhom. L-għan huwa wkoll li l-udjenzi jitressqu lejn iċ-ċinema biex jaraw films Ewropej li jispirawhom u jħeġġuhom jinvolvu ruħhom f'dibattiti dwar l-Ewropa. Il-films magħżula għandhom l-għan li jqajmu kuxjenza dwar uħud mill-kwistjonijiet soċjali, politiċi u storiċi tal-Ewropa, u jirriflettu s-sbuħija u d-diversità taċ-ċinema Ewropew.

      Il-film rebbieħ jintgħażel b'mod konġunt mill-pubbliku u mill-Membri tal-Parlament Ewropew (b'kull grupp ikollu 50% tal-voti).

      Għal aktar dettalji dwar l-edizzjoni attwali, jekk jogħġbok żur: luxaward.eu.