Djalogu mal-knejjes, mal-assoċjazzjonijiet jew l-komunitajiet reliġjużi, mal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali 

Fl-Ewropa tal-lum, imżewqa bid-diversità, bosta knejjes, reliġjonijiet u organizzazzjonijiet filosofiċi differenti jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jinsabu impenjati favur djalogu miftuħ ma' dawn ir-reliġjonijiet u l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, u l-Parlament Ewropew jikkollabora magħhom b'mod attiv fil-politiki tal-UE.

Kuntest

L-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (it-TFUE) introdott mit-Trattat ta' Lisbona, jipprevedi, għall-ewwel darba, bażi ġuridika għal djalogu miftuħ, trasparenti u regolari bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-knejjes, l-assoċjazzjonijiet reliġjużi, u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali. Dan jiddikjara:

  1. "L-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.
  2. L-Unjoni tirrispetta wkoll l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.
  3. Waqt li tirrikonoxxi l-identità u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom, l-Unjoni għandha żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u organizzazzjonijiet."

Filwaqt li l-ewwel żewġ paragrafi ta' dan l-artikolu jipprevedu s-salvagwardja tal-istatus speċjali taħt il-liġi nazzjonali tal-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali li jgawdu minn status komparabbli, il-Paragrafu 3 jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u l-organizzazzjonijiet.

B'segwitu għall-ħatra ta' Mairead McGuinness bħala Kummissarju Ewropew, David Maria Sassoli inkariga lill-Viċi President Roberta Metsola bir-responsabbiltà li timplimenta d-djalogu previst mill-Artikolu 17. F'dan il-kompitu, il-Viċi President hija assistita mis-segretarjat tal-Bureau u minn servizzi rilevanti oħra tal-Parlament. Kull sena, il-Parlament jospita bosta konferenzi ta' livell għoli, miftuħa għas-sħab kollha involuti fid-djalogu, dwar temi attwali u rilevanti marbuta mal-ħidma u d-dibattiti parlamentari li jkunu għaddejjin.

"Id-djalogu tal-Parlament Ewropew mal-knejjes u mal-organizzazzjonijiet filosofiċi huwa element importanti ħafna biex iżomm lill-Parlament viċin iċ-ċittadini li eleġġewh. Għalhekk huwa unur kbir għalija li l-President tal-Parlament David Sassoli inkarigani nieħu ħsieb dan id-djalogu.

Jekk il-proġett Ewropew għandu jagħti risposta lill-isfidi tal-futur, jeħtieġ li jżomm għeruqu fil-ħajja reali biex liċ-ċittadini jgħinhom fil-ħajja ta' kuljum tagħhom. Il-knejjes, l-għaqdiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet filosofiċi kollha fl-Ewropa huma tabilħaqq parti minn dik ir-realtà ta' kuljum għal ħafna ċittadini, parti min-nisġa tal-komunitajiet tagħna fil-bliet, fl-irħula u fil-kampanja tas-27 Stat Membru tagħna.

Id-djalogu tal-UE magħhom huwa konxjament previst fl-Artikolu 17 tat-Trattat ta' Lisbona. Dan jibgħat sinjal ċar li l-UE hija ferm aktar minn organizzazzjoni ekonomika; l-Unjoni Ewropea tirrigwarda essenzjalment lin-nies, id-dinjità umana u l-ġid komuni. F'dinja li fiha kull kwistjoni politika u soċjali individwali tidher dejjem aktar teknika, għandna nżommu quddiem għajnejna l-valuri u l-ispirtu tagħna.

Biex dan l-ispirtu nżommuh, id-djalogu mal-organizzazzjonijiet reliġjużi u filosofiċi huwa fundamentali. Din hi r-raġuni għala nħoss li flimkien nistgħu nagħtu kontribut lil dibattitu bbażat fuq il-valuri dwar il-politiki Ewropej."