Aċċessibbiltà tal-Binjiet 

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat bis-sħiħ li joffri lill-utenti kollha, kemm jekk membri, kif ukoll persunal jew viżitaturi, ambjent fiżiku aċċessibbli u l-akbar indipendenza fl-użu tal-binjiet kollha.

L-ewwel passi

Fl-2010, l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Konvenzjoni tal-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD). Dan immarka l-punt tat-tluq ta’ programm ambizzjuż biex tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-binjiet tal-Parlament Ewropew.

Bejn l-2015 u l-2019 il-Parlament wettaq awditi tal-aċċessibbiltà fil-binjiet kollha tiegħu. Dawn urew livell ġeneralment tajjeb ta’ aċċessibbiltà, minkejja li għad hemm xi oqsma li jeħtieġu titjib biex jippermettu użu indipendenti tal-binjiet.

Intweriet ukoll il-ħtieġa ta’ standard ta’ aċċessibbiltà armonizzat għall-binjiet tal-Parlament Ewropew sabiex jiġi ggarantit trattament ugwali tal-utenti kollha bejn il-postijiet tax-xogħol differenti.

L-ewwel istituzzjoni tal-UE b’politika dwar l-aċċessibbiltà fiżika

Fl-2023, il-Parlament Ewropew adotta l-politika tiegħu stess dwar l-aċċessibbiltà fiżika. Huwa l-ewwel istituzzjoni tal-UE li żviluppat politika komprensiva u definita sew f’dan il-qasam.

L-objettiv ewlieni ta’ din il-politika huwa li tiddefinixxi kriterju uniku ta’ aċċessibbiltà li jegħleb id-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet bejn l-Istati Membri u jippermetti implimentazzjoni armonizzata fil-binjiet kollha tal-Parlament.

Barra minn hekk, jipprovdi sensiela ta’ miżuri biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-istandard komuni ta’ aċċessibbiltà fil-proġetti futuri kollha ta’ rinnovazzjoni, akkwiżizzjoni u kostruzzjoni kbar tal-binjiet b’mod sostenibbli u koerenti.

L-integrazzjoni tal-aspetti ta’ aċċessibbiltà fil-proġetti ta’ bini futuri fil-fażi ta’ tħejjija se tippermetti ppjanar u ġestjoni sostenibbli u sodi tar-riżorsi filwaqt li jiġu evitati spejjeż bla bżonn biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet fid-disinn tal-binjiet fi stadju aktar tard.