Opportunitajiet ta' xogħol: kif tapplika
Il-Parlament jimpjega membri tal-persunal b'kundizzjonijiet kuntrattwali differenti, skont kif jintgħażlu u x-xogħol li jagħmlu: uffiċjali, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u assistenti parlamentari akkreditati. Kompli aqra biex issir taf aktar!
-
Tista' ssib u tapplika għall-opportunitajiet ta' xogħol attwali speċifiċi tal-Parlament Ewropew permezz tal-pjattaforma tagħna APPLY4EP.
Tista' wkoll tinfurmana li inti interessat li taħdem mal-Parlament Ewropew billi titfa' applikazzjoni spontanja fuq il-pjattaforma APPLY4EP.
Naċċertawk li d-data personali tiegħek tiġi pproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
Il-Parlament jorganizza wkoll żewġ perjodi ta' traineeship fis-sena.
-
Il-ħaddiema permanenti tal-Parlament huma l- "uffiċjali" tiegħu, li jintgħażlu permezz ta' kompetizzjonijiet organizzati f'wieħed minn dawn it-tliet livelli:
- livell ta' AD ("Amministraturi"): xogħol ta' politika, riċerka, analiżi u maniġment f'firxa wiesgħa ta' oqsma
- livell ta' AST ("Assistenti"): xogħol amministrattiv u tekniku u xogħol ieħor ta' assistenza f'firxa wiesgħa ta' oqsma
- livell ta' AST/SC ("Segretarji/Skrivani"): kompiti segretarjali u klerikali f'firxa wiesgħa ta' oqsma
Normalment il-kompetizzjonijiet jiġu organizzati għall-istituzzjonijiet tal-UE kollha flimkien mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)
L-avviżi tal-kompetizzjonijiet jiġu ppubblikati regolarment fuq is-sit tal-EPSO fil-paġna "Għaddejjin bħalissa". L-istess paġna jkun fiha wkoll informazzjoni indikattiva dwar l-opportunitajiet li jkunu ġejjin u li ma jkunux għadhom ġew ippubblikati.
Okkażjonalment, il-Parlament Ewropew jippubblika proċeduri speċifiċi għal postijiet vakanti fiċ-ċivil direttament fuq il-pjattaforma tiegħu APPLY4EP.
-
Aġent temporanju jista' jiġi ingaġġat biex:
- jimla post fil-Parlament li jkun ġie kklassifikat bħala temporanju;
- jimla post (ta' uffiċjal) permanenti temporanjament;
- jassisti lill-President tal-Parlament, lil wieħed mill-14-il Viċi President tal-Parlament jew lil wieħed mill-ħames Kwesturi tiegħu.
Okkażjonalment, il-Parlament Ewropew jippubblika proċeduri speċifiċi għal postijiet ta' aġent temporanju fuq il-pjattaforma tiegħu APPLY4EP.
Il-postijiet temporanji jiġu ppubblikati wkoll fuq is-sit tal-EPSO.
Il-gruppi politiċi tal-Parlament ukoll jimpjegaw aġenti temporanji, li jintgħażlu permezz ta' proċeduri ppubblikati fuq is-sit ta' kull grupp politiku.
-
Jiġu ingaġġati impjegati kuntrattwali biex jissostitwixxu uffiċjali aġenti temporanji jew biex jissaħħu ċerti servizzi, ġeneralment għal perjodu limitat.
L-aġenti kuntrattwali jistgħu jiġu ingaġġati biex jiżvolġu għadd ta' kompiti differenti. Xi wħud jiġu ingaġġati biex jgħinu fit-tibdil organizzattiv matul perjodi ta' tranżizzjoni, u jipprovdu aktar kapaċità f'oqsma speċjalizzati fejn ikun hemm bżonn ħiliet addizzjonali. Aġenti kuntrattwali oħrajn jistgħu jiġu ingaġġati biex jiżvolġu ċerti kompiti ta' appoġġ manwali jew amministrattivi.
Aġent kuntrattwali jista' jiġi ingaġġat biex jiżvolġi kompiti f'erba' oqsma differenti:
- kompiti amministrattivi, konsultattivi, lingwistiċi u kompiti tekniċi ekwivalenti oħra;
- kompiti ta' eżekuzzjoni, abbozzar, kontabbiltà u kompiti tekniċi ekwivalenti oħra;
- kompiti klerikali jew ta' segreterija, ġestjoni tal-uffiċċju u kompiti ekwivalenti oħra;
- kompiti ta' servizz ta' appoġġ manwali u amministrattiv.
Okkażjonalment, il-Parlament Ewropew jippubblika proċeduri speċifiċi għal opportunitajiet ta' aġenti kuntrattwali fuq il-pjattaforma tiegħu APPLY4EP.
Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-Parlament jingaġġa l-aġenti kuntrattwali permezz tad-database tal-Għażla tal-Aġenti Kuntrattwali (CAST) tal-EPSO, allura l-ewwel li għandek tagħmel hu li toħloq account tal-EPSO. Jekk il-profil professjonali tiegħek ikun jaqbel mal-ħtiġijiet speċifiċi ta' servizz partikolari, tista' tiġi mistieden għat-testijiet tal-għażla u mbagħad għal intervista.
Tista' ssib il-lista tal-profili CAST miftuħin fuq is-sit tal-EPSO.
-
L-MEPs jagħżlu l-assistenti parlamentari akkreditati tagħhom (jew "APAs"). Minbarra l-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenza, l-affinità politika tista' tkun fattur ieħor fl-għażla. L-amministrazzjoni tal-Parlament tipprovdi l-qafas kuntrattwali iżda ma tkunx involuta fl-għażla tal-APAs.
Hemm 19-il grad ta' APA u żewġ "gruppi ta' funzjoni" (I u II):
- l-APAs ingaġġati fil-grupp ta' funzjoni I jiżvolġu prinċipalment dmirijiet ta' appoġġ amministrattiv u segreterija (gradi minn 1 sa 13);
- l-APAs ingaġġati il-grupp ta' funzjoni II jiżvolġu prinċipalment dmirijiet ta' abbozzar u konsulenza (gradi minn 7 sa 19).
L-APAs jaħdmu direttament mal-MEPs fl-uffiċċji tagħhom fi Brussell u Strasburgu u xogħolhom hu li jappoġġjaw il-ħidma parlamentari u politika tagħhom u jipprovdu appoġġ amministrattiv. Il-lista tal-MEPs issibha hawnhekk.
Is-servizzi tar-riżorsi umani tal-Parlament jipprovdu u jimmaniġġjaw il-kuntratti tax-xogħol skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-assistenti parlamentari kollha.