Xogħol mal-UE – Għaliex il-Parlament Ewropew?
Aħna organizzazzjoni multinazzjonali , multilingwi u multikulturali, u għandna ħaddiema minn madwar l-Ewropa kollha. Jekk tingħaqad mal-Parlament Ewropew, tista' tħares 'il quddiem lejn opportunitajiet ta' xogħol interessanti u varjati f'organizzazzjoni u ambjent tax-xogħol uniċi fil-qalba tal-UE.
-
B'appoġġ għall-attività prinċipali tiegħu, jiġifieri dik li l-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) u ċ-ċittadini jingħataw l-aqwa servizzi possibbli, il-Parlament qed jiffoka dejjem aktar fuq xogħol ta' proġetti u innovazzjoni. Bħala organizzazzjoni dinamika, qed inkomplu nfittxu modi ġodda u aħjar ta' kif naħdmu.
Fix-xogħol ta' kuljum, il-biċċa l-kbira tat-timijiet jaħdmu b'lingwa ewlenija waħda jew tnejn, iżda l-Parlament jippromwovi l-multilingwiżmu fil-ħidma politika tiegħu, u l-impjegati jingħataw opportunitajiet biex jitgħallmu lingwi oħra tal-UE.
L-impjegati tal-Parlament jaħdmu f'bini modern mogħni b'infrastruttura adattata għal metodi ta' xogħol differenti u b'faċilitajiet interni eċċellenti, bħal ċentri sportivi.
-
Bħala impjegati tal-Parlament Ewropew nagħtu l-mezzi lill-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) biex ikollna demokrazija Ewropea reżiljenti u effettiva.
Bħall-MEPs, aħna wkoll ġejjin mill-Istati Membri kollha tal-UE. Ħafna minna jaħdmu f'wieħed mit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament (Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu). Numru iżgħar jaħdmu f'wieħed mill-uffiċċji tal-Parlament li hemm f'kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE.
L-għan tagħna hu li nagħtu lill-MEPs l-aqwa appoġġ u servizzi possibbli b'enfasi fuq l-eżitu, l-innovazzjoni u s-sodisfazzjon tal-klijenti.
Kull membru tal-persunal jgħin fil-ħidma tal-MEPs, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE f'firxa wiesgħa ħafna ta' oqsma.
Pereżempju, jekk tingħaqad magħna jaf tibda taħdem ma' xi tim minn dawn...
- Plenarja: Aħna nieħdu ħsieb is-sessjonijiet plenarji tal-Parlament fi Strasburgu u Brussell. Dan ivarja mill-organizzazzjoni tad-dibattiti fil-Kamra għall-ġestjoni tat-teknoloġija meħtieġa għall-votazzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni, l-interpretazzjoni, l-awdjo, l-istreaming fuq l-internet, eċċ.
- Kumitati parlamentari: L-MEPs jaħdmu fil-kumitati parlamentari li jiddibattu u jħejju l-pożizzjonijiet tal-Parlament dwar il-liġijiet u l-politiki proposti tal-UE, kif ukoll il-baġit tal-Unjoni, qabel ma jmorru fil-plenarja. Aħna naħdmu fuq il-firxa sħiħa ta' politiki u kompetenzi tal-UE, u nkopru l-politiki interni u r-relazzjonijiet esterni kollha. Norganizzaw il-laqgħat tal-kumitati; ngħinu lill-MEPs iħejju rapporti parlamentari, nagħtu briefings u nikkollaboraw mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE tul il-proċess leġiżlattiv kollu.
- Riċerka: Aħna nipprovdu riċerka ta' kwalità għolja, imfassla apposta u fuq talba biex jiġi żgurat li l-MEPs ikollhom l-informazzjoni kollha li jkollhom bżonn b'appoġġ għall-ħidma tagħhom bħala dawk li jagħmlu l-leġiżlazzjoni u jfasslu l-politika.
- Legali: Aħna noffru lill-MEPs u lill-Parlament analiżi u pariri legali ta' kwalità għolja dwar l-oqsma kollha tax-xogħol parlamentari.
- Komunikazzjoni: Aħna nikkomunikaw b'kull waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE biex niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jsegwu x-xogħol kollu tal-Parlament. Għandna speċjalisti li jaħdmu fl-istampa, fil-midja soċjali, fl-awdjoviżiv, fil-kunċett u d-disinn, u f'ħafna oqsma ta' komunikazzjoni aktar speċjalizzati oħra.
- Multilingwiżmu: Aħna niżguraw li l-MEPs ikunu jistgħu jaħdmu bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE billi noffru servizzi ta' interpretazzjoni u traduzzjoni ta' kwalità għolja, kif ukoll servizzi legali-lingwistiċi u servizzi lingwistiċi oħrajn.
- HR: Aħna niffukaw fuq l-iżvilupp, is-servizzi u l-benessri tal-impjegati. Ngħinu biex jinstabu l-aħjar persuni fl-aħjar mument u noffru lill-persunal ambjent tax-xogħol sikur, san u inklużiv.
- IT: Aħna nfasslu, niżviluppaw u nipprovdu soluzzjonijiet tal-IT tal-aqwa kwalità għall-Parlament permezz ta' proġetti tal-informatika, u nagħmlu wkoll manutenzjoni tas-sistemi u nżommuhom siguri.
- Bini u loġistika: Aħna mmexxu l-proġetti tal-Parlament fejn jidħol xogħol ta' kostruzzjoni u nagħmlu manutenzjoni tal-bini fil-postijiet tax-xogħol kollha, minbarra li nieħdu ħsieb il-loġistika (trasport, eċċ.).
- Finanzi: Aħna namministraw il-baġit u l-finanzi tal-Parlament u nagħtu appoġġ amministrattiv lill-MEPs.
- Sigurtà: Aħna nżommu s-sigurtà tal-bini u l-impjegati tal-Parlament.
- Innovazzjoni trasversali: Tkun liema tkun il-parti tal-organizzazzjoni tagħna li taħdem fiha, ikollok bosta opportunitajiet biex tikkontribwixxi għal proġetti strateġiċi ma' kollegi minn dipartimenti differenti.
-
L-impjegati kollha tagħna jingħataw varjetà wiesgħa ta' opportunitajiet biex jitgħallmu u jikbru professjonalment huma u jaħdmu magħna.
Mobbiltà: Sakemm ma jkollhomx rwoli speċifiċi ħafna – bħal tobba, periti jew lingwisti – l-uffiċjali tal-Parlament huma mħeġġa jbiddlu l-impjieg tagħhom fil-Parlament tal-anqas kull seba' snin. It-tibdil regolari fl-impjieg jagħti l-opportunità lil kull impjegat jitgħallem dwar oqsma ġodda ta' ħidma fil-PE u jiżviluppa ħiliet u esperjenzi ġodda, u jgħin lill-organizzazzjoni tagħna tibqa' flessibbli u ħafifa.
Tagħlim u żvilupp: Aħna nippromwovu u napprezzaw it-tagħlim kontinwu. Minbarra li noffrulhom firxa wiesgħa ta' korsijiet ta' taħriġ u programmi ta' żvilupp, naraw li l-impjegati tagħna jieħdu sehem fi proġetti ta' xogħol interessanti u ta' sfida u jaħdmu ma' speċjalisti ta' esperjenza; dan joffri opportunitajiet imprezzabbli għal tagħlim fuq il-post tax-xogħol.
Avvanz fil-karriera: Fil-qofol tal-iżvilupp tal-karriera fil-Parlament hemm politika ta' promozzjoni trasparenti u bbażata fuq il-mertu. L-impjegati huma mħeġġa u megħjuna jikbru tul iż-żmien tagħhom magħna, pereżempju billi jidħlu għal proġetti ġodda, jieħdu responsabbiltajiet akbar jew iservu fi rwoli maniġerjali.
Leave sabbatiku: L-uffiċjali tal-Parlament jistgħu jitolbu brejk wieħed jew aktar mill-karriera (bla ħlas, iżda bid-dritt li jerġgħu lura) – pereżempju biex ikomplu jistudjaw, iwessgħu l-orizzonti tagħhom b'xi vjaġġ, jew jippruvaw tip ta' karriera differenti barra l-istituzzjonijiet tal-UE.
-
Bħala organizzazzjoni inklużiva u diversifikata, nemmnu li s-saħħa u s-suċċess tagħna qegħdin fit-tħaddin u l-valorizzazzjoni tad-differenzi tagħna.
Il-Parlament huwa difensur qawwi tal-inklużjoni u d-diversità. B’appoġġ qawwi mill-Membri tal-Parlament Ewropew, naħdmu attivament biex naraw li l-impjegati, it-trainees u l-viżitaturi kollha jħossuhom milqugħa u rispettati fl-organizzazzjoni tagħna. Aħna nrawmu ambjent tax-xogħol sikur u inklużiv, ħieles minn kull tip ta’ diskriminazzjoni.
Il-Parlament jappoġġja lill-applikanti b’diżabilità billi jipprovdilhom miżuri ta’ akkomodazzjoni raġonevoli jekk ikunu meħtieġa. B’ħidma mill-qrib mas-servizzi interni u mal-fornituri esterni, aħna nistinkaw b’mod kostanti biex intejbu l-modi kif nakkomodaw lill-kandidati b’diżabilità matul l-istadji kollha tal-kompetizzjonijiet u tal-proċeduri ta’ selezzjoni tal-Parlament. Aħna u nagħmlu dan, nibbażaw fuq l-aqwa prattiki globali eżistenti, kif ukoll fuq il-feedback li nirċievu mingħand l-applikanti.
Il-Parlament jorganizza proċedura ta’ selezzjoni annwali bl-għan li jirrekluta aġenti kuntrattwali b’diżabilità. Għal aktar informazzjoni dwar din il-proċedura, ikklikkja hawn.Il-Parlament huwa multinazzjonali u multikulturali. Il-membri tal-persunal tagħna ġejjin mill-Istati Membri kollha tal-UE, jirrappreżentaw it-tipi kollha ta’ gruppi ta’ diversità, u jaħdmu flimkien biex jibnu Ewropa magħquda fid-diversità. Il-Parlament japplika b’mod strett politika ta’ opportunitajiet indaqs, jaderixxi għal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik internazzjonali kontra d-diskriminazzjoni, u huwa difensur qawwi tal-inklużjoni u d-diversità.
-
Il-Parlament joffri firxa ta' faċilitajiet u arranġamenti ta' xogħol flessibbli b'appoġġ għall-impjegati u l-familji tagħhom.
Telexogħol: Sabiex ngħinuk issib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tiegħek, nagħtuk il-possibbiltà li taħdem mid-dar għal parti mill-ħin tax-xogħol, bl-għajnuna ta' software u hardware moderni u diversi faċilitajiet ta' vidjokonferenza.
Xogħol part-time: Noffrulek possibbiltajiet differenti ta' xogħol part-time li tista' tuża u tadatta skont il-ħtiġijiet tiegħek u tat-tim li tkun tagħmel parti minnu.
Tipi differenti ta' leave relatat mal-familja: Noffru:
- leave tal-maternità u leave tal-ġenituri biex ngħinuk tieħu ħsieb 'l uliedek;
- leave għal raġunijiet familjari biex ngħinuk tieħu ħsieb, pereżempju, membri tal-familja anzjani;
- leave speċjali biex ngħinuk tieħu ħsieb qraba morda.
Skejjel u faċilitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal: Noffru aċċess għal skejjel Ewropej ta' kwalità għolja u faċilitajiet li jieħdu ħsieb tfal żgħar. Barra minn hekk, fil-bini ta' ħafna uffiċċji minn tagħna ssib faċilitajiet għat-treddigħ u kmamar għall-familja.
Appoġġ għall-espatrijati: Il-maġġoranza tal-impjegati tagħna huma espatrijati, allura noffru firxa wiesgħa ta' servizzi ta' assistenza għal meta wieħed jiġi biex jiċċaqlaq u jmur jgħix f'pajjiż ieħor għal raġunijiet ta' xogħol. Nagħtu informazzjoni u appoġġ amministrattiv bir-rilokazzjoni, norganizzaw fieri għall-impjegati l-ġodda flimkien ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, u nistgħu nipprovdu appoġġ anke lill-konjuġi jew lis-sħab ċivili. Tista' wkoll tkun intitolat għal allowance tal-espatrijazzjoni bħala għajnuna biex tgħix 'il bogħod mill-Istat Membru oriġinali tiegħek, u għal gratifika ta' insedjament jekk ikollok titlaq minn pajjiż ieħor biex tibda taqdi dmirijietek.

Kif tapplika
Il-Parlament jimpjega madwar 8 000 uffiċjal u membri oħra tal-persunal madwar l-Ewropa kollha. Aqra x'għandek tagħmel biex issir uffiċjal tal-UE jew tiġi rreklutat f'kapaċità oħra.